European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1766

12.11.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1766

tas-27 ta’ Awwissu 2025

li jissupplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 billi jistabbilixxi regoli dwar il-kontroll tas-sajd u dwar is-sorveljanza u l-ispezzjoni tal-attivitajiet tas-sajd, l-infurzar u l-konformità

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9a(5), l-Artikolu 15b(1)(a), (b) u (c), l-Artikolu 17(6)(b), (c) u (d), l-Artikolu 22(3), l-Artikolu 24(4)(b), (c) u (d), l-Artikolu 73(9)(b) sa (g), l-Artikolu 74(11), l-Artikolu 75(2), l-Artikolu 92(12)(a), (c) u (d), u l-Artikolu 107(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) 2023/2842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jipprevedi l-adozzjoni ta’ regoli u miżuri speċifiċi biex jiġu ssupplimentati ċerti dispożizzjonijiet li jistabbilixxi. Dan ir-Regolament jaġġorna r-regoli eżistenti kif ukoll jistabbilixxi miżuri ġodda li jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 abbażi tas-setgħat li jinsabu fl-emendi introdotti bir-Regolament (UE) 2023/2842.

(2)

Ir-regoli previsti f’dan ir-Regolament huma marbuta b’mod sostantiv u ħafna minnhom huma maħsuba biex jiġu applikati flimkien. Fl-interessi tas-sempliċità, kif ukoll biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tagħhom u tiġi evitata multiplikazzjoni tar-regoli, għandhom għalhekk jiġu stabbiliti f’att wieħed minflok f’għadd ta’ atti separati b’ħafna kontroreferenzi u bir-riskju tad-duplikazzjoni.

(3)

Bil-għan li tiġi żgurata applikazzjoni koerenti tar-regoli previsti minn dan ir-Regolament, huwa meħtieġ l-istabbiliment ta’ ċerti definizzjonijiet. Dan jirreferi, b’mod partikolari, għad-definizzjoni ta’ “apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti”, li tirrifletti l-bidliet introdotti bir-Regolament (UE) 2023/2842 għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 dwar l-użu ta’ tagħmir tar-rintraċċar mhux permezz tas-satellita, li jippermetti li l-bastimenti tas-sajd ikunu awtomatikament lokalizzati u identifikati minn sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

(4)

Sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ effettiv tal-attivitajiet tas-sajd u tal-isforz tas-sajd miċ-ċentri ta’ monitoraġġ tas-sajd (FMC, fisheries monitoring centres), f’konformità mal-Artikolu 9a tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, jixraq li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar il-monitoraġġ tad-dħul f’żoni speċifiċi kif ukoll tal-ħruġ minnhom, kif ukoll dispożizzjonijiet biex jiġi indirizzat in-nuqqas tekniku jew ta’ komunikazzjoni jew in-nuqqas ta’ funzjonament tal-apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti u n-nuqqas ta’ wasla tad-data dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-obbligi ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar tal-qabdiet stabbiliti fl-Artikoli 14, 17, 19a, 21, u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, jixraq li jiġu stabbiliti regoli dettaljati applikabbli fil-każ ta’ ħsara teknika jew nuqqas ta’ funzjonament tas-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar, in-nuqqas ta’ wasla ta’ data rilevanti, u n-nuqqasijiet fl-aċċess għad-data.

(6)

L-Artikolu 73 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jistabbilixxi regoli dwar l-osservaturi ta’ kontroll, inklużi dispożizzjonijiet applikabbli fejn tkun ġiet stabbilita skema tal-osservaturi ta’ kontroll tal-Unjoni. Dawn ir-regoli għandhom jiġu ssupplimentati b’dispożizzjonijiet addizzjonali dwar l-indipendenza, id-dmirijiet u s-sigurtà tal-osservaturi ta’ kontroll.

(7)

Skont il-Kapitolu I tat-Titolu VII tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, għandhom jiġu stabbiliti regoli biex jiġi żgurat approċċ standardizzat fir-rigward tat-twettiq tal-ispezzjonijiet mill-Istati Membri. Dawn ir-regoli jiddefinixxu d-dmirijiet tal-uffiċjali awtorizzati li jwettqu l-ispezzjonijiet, kif ukoll l-obbligi tal-operaturi, inklużi dawk responsabbli għall-użin tal-prodotti tas-sajd skont l-Artikolu 60(5) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, matul tali spezzjonijiet. Huwa meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti prinċipji komuni għall-proċeduri ta’ spezzjoni mwettqa fuq il-baħar, f’portijiet jew f’siti ta’ żbark, matul it-trasport, f’postijiet tas-suq, għall-irkaptu tas-sajd fuq il-baħar, għall-attivitajiet tas-sajd imwettqa mingħajr bastiment, f’farms tat-tonn, f’sajd rikreattiv, u fir-rigward tar-rapporti ta’ spezzjoni u t-trażmissjoni tagħhom.

(8)

L-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jistabbilixxi regoli li jirregolaw it-twettiq tal-ispezzjonijiet, inklużi dispożizzjonijiet dwar it-taħriġ meħtieġ biex jitwettqu kompiti ta’ spezzjoni u l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni ma’ awtoritajiet oħra meta l-uffiċjali jkollhom raġuni biex jemmnu li bastiment tas-sajd kien involut f’attivitajiet li jinvolvu xogħol furzat. Sabiex tkun żgurata l-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd u sabiex tkun tista’ ssir investigazzjoni fil-pront ta’ tali attivitajiet, li jikkostitwixxu ksur serju skont l-Artikolu 90(2)(p) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar it-twettiq tal-ispezzjonijiet għall-identifikazzjoni ta’ attivitajiet tas-sajd bl-użu ta’ xogħol furzat.

(9)

L-Artikolu 92(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ punti għal ksur serju skont ir-Regolament, fejn l-akkumulazzjoni ta’ punti twassal għas-sospensjoni jew għall-irtirar permanenti tal-liċenzja tas-sajd. L-Artikolu 92 jipprevedi wkoll li għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar is-segwitu għas-sospensjoni jew l-irtirar permanenti ta’ liċenzja tas-sajd jew għad-dritt tal-kmand ta’ bastiment tas-sajd bħala kaptan, biex jiġu promossi kundizzjonijiet ekwi u kultura ta’ konformità kemm fl-Unjoni kif ukoll lil hinn minnha.

(10)

L-Artikolu 92(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ punti li permezz tagħha l-kaptan ta’ bastiment jiġi assenjat l-istess għadd ta’ punti bħad-detentur tal-liċenzja tas-sajd, bħala riżultat ta’ ksur serju relatat mal-bastiment u mwettaq matul il-perjodu tal-kmand tiegħu jew tagħha, f’konformità mal-Anness III ta’ dak ir-Regolament. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni armonizzata u effettiva tas-sistema ta’ punti għall-kaptani madwar l-Istati Membri, inkluż kwalunkwe miżura ta’ segwitu relatata mas-sospensjoni jew mal-irtirar permanenti tad-dritt tal-kaptan li jikkmanda bastiment tas-sajd, għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati għar-reġistrazzjoni tal-kaptani awtorizzati li jwettqu attivitajiet tas-sajd u għar-reġistrazzjoni tal-punti assenjati lilhom.

(11)

L-Artikolu 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jipprevedi t-tnaqqis tal-kwoti mill-Kummissjoni f’każijiet ta’ nuqqas min-naħa tal-Istati Membri li jikkonformaw mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd li jistgħu jwasslu għal theddida serja għall-konservazzjoni tal-istokkijiet soġġetti għal opportunitajiet tas-sajd jew għal reġim tal-isforz tas-sajd. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar it-tnaqqis tal-kwoti, inkluża d-determinazzjoni tal-kwantitajiet li jridu jitnaqqsu.

(12)

Id-data personali miġbura u pproċessata għal skopijiet ta’ kontroll skont dan ir-Regolament għandha tikkonforma mar-regoli tal-protezzjoni tad-data stipulati fl-Artikolu 112 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

(13)

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, li huwa ssupplimentat minn dan ir-Regolament, jibdew japplikaw mill-10 ta’ Jannar 2026. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu wkoll jibda japplika mill-istess data.

(14)

L-esperti nnominati minn kull Stat Membru ġew ikkonsultati skont l-Artikolu 119a(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

(15)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u ta l-opinjoni tiegħu fit-8 ta’ Lulju 2025,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tas-sajd tal-Unjoni kif stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009, b’mod partikolari dwar il-kontroll tas-sajd, is-sorveljanza u l-ispezzjoni tal-attivitajiet tas-sajd, kif ukoll fir-rigward tal-infurzar u l-konformità.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“detentur ta’ liċenzja tas-sajd” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li lilha tkun inħarġet liċenzja tas-sajd;

(2)

“apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti” tfisser tagħmir tar-rintraċċar, inkluż tagħmir tar-rintraċċar mobbli mhux permezz tas-satellita, kif imsemmi fl-Artikolu 9(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

TITOLU II

KONTROLL TAS-SAJD

KAPITOLU I

Monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd miċ-ċentri ta’ monitoraġġ tas-sajd

Artikolu 3

Monitoraġġ tad-dħul f’żoni speċifiċi kif ukoll tal-ħruġ minnhom

Kull Stat Membru għandu jiżgura li, permezz ta’ sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS, vessel monitoring system) kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, iċ-ċentru ta’ monitoraġġ tas-sajd (FMC) tiegħu jimmonitorja b’mod effettiv fuq bażi kontinwa u sistematika, fir-rigward tal-bastimenti tas-sajd tiegħu u tal-bastimenti tas-sajd kollha awtorizzati li jwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tiegħu, il-veloċità, il-movimenti, il-post u d-data u l-ħin tad-dħul fiż-żoni speċifiċi kollha li ġejjin kif ukoll tal-ħruġ minnhom:

(a)

kwalunkwe żona marittima fejn japplikaw regoli speċifiċi dwar l-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi;

(b)

żoni ristretti għas-sajd, kif definiti fl-Artikolu 4(14) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(c)

żoni regolatorji u tal-konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd li huma vinkolanti fuq l-Unjoni; u

(d)

ilmijiet taħt is-sovranità u l-ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz.

Artikolu 4

Miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ ħsara teknika jew ħsara fil-komunikazzjoni tal-apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti

1.   Fil-każ ta’ ħsara teknika jew ħsara fil-komunikazzjoni jew ta’ nuqqas ta’ funzjonament tal-apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti fuq bastiment tas-sajd tal-Unjoni, il-kaptan għandu, minn meta jiġi identifikat l-avveniment jew minn meta jiġi infurmat b’notifika ta’ errur fis-sistema jew f’konformità mal-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-Regolament, skont liema minnhom jiġi l-ewwel, jikkomunika d-data kurrenti dwar il-pożizzjoni tal-bastiment lill-FMC tal-Istat Membru tal-bandiera tal-anqas darba kull 4 sigħat. Għal dak il-għan, il-kaptan għandu juża kwalunkwe mezz ta’ telekomunikazzjoni disponibbli li jiżgura t-trażmissjoni ta’ data kompluta u akkurata. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-mezzi tat-telekomunikazzjoni li għandhom jintużaw u għandhom jippubblikaw din l-informazzjoni fuq is-sit web uffiċjali tagħhom imsemmi fl-Artikolu 115 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

2.   L-FMC tal-Istat Membru tal-bandiera għandu jdaħħal id-data dwar il-pożizzjoni tal-bastiment imsemmija fil-paragrafu 1 fil-bażi tad-data elettronika fejn tali data tiġi rreġistrata mal-wasla tagħha. Id-data manwali dwar il-pożizzjoni tal-bastiment għandha tkun tista’ tingħaraf b’mod ċar mill-messaġġi awtomatiċi fil-bażi tad-data elettronika. Fejn xieraq, din id-data manwali dwar il-pożizzjoni tal-bastiment għandha tiġi trażmessa mingħajr dewmien, f’konformità mal-Artikolu 60 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2196 (4).

3.   Wara ħsara teknika jew ħsara fil-komunikazzjoni jew nuqqas ta’ funzjonament tal-apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, bastiment tas-sajd tal-Unjoni jista’ jitlaq mill-port biss ladarba l-apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti jkun kompletament operazzjonali, kif ikkonfermat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera jistgħu jawtorizzaw lill-bastiment tas-sajd biex jitlaq mill-port b’apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti li ma jiffunzjonax għat-tiswija jew għas-sostituzzjoni, u, f’każijiet eċċezzjonali ġġustifikati minn dewmien f’tali tiswija jew sostituzzjoni, soġġett għat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 5 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Meta l-apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti jiġi installat abbord, it-tneħħija tiegħu għal kontrolli, tiswija jew sostituzzjoni għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera.

5.   Fil-każ ta’ ħsara teknika jew ħsara fil-komunikazzjoni jew ta’ nuqqas ta’ funzjonament tal-apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni li jonqos milli jittrażmetti d-data dwar il-pożizzjoni tal-bastiment f’konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 għandu jew jittrażmetti minnufih id-data jew jirritorna l-bastiment lejn il-port biex iwettaq il-kontrolli, it-tiswijiet, jew is-sostituzzjoni meħtieġa tal-apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti.

6.   Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi li joperaw fl-ilmijiet tal-Unjoni għandhom jinnotifikaw, direttament jew permezz tal-Istat tal-bandiera tagħhom, kwalunkwe ħsara teknika jew ħsara fil-komunikazzjoni jew nuqqas ta’ funzjonament tal-apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti u jittrażmettu l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 lill-FMC tal-Istat Membru kostali fejn ikunu twettqu l-attivitajiet tas-sajd tal-anqas darba kull 4 sigħat.

L-Istat Membru kostali għandu jirreġistra din l-informazzjoni fil-bażi tad-data elettronika użata għal tali data mal-wasla tagħha.

Il-kaptani li jonqsu milli jittrażmettu d-data dwar il-pożizzjoni tal-bastiment tal-anqas darba kull 4 sigħat għandhom jew jittrażmettu minnufih id-data jew għandhom joħorġu barra mill-ilmijiet tal-Unjoni sakemm jitlestew il-kontrolli, it-tiswijiet, jew is-sostituzzjoni meħtieġa tal-apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti.

7.   Fil-każ ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru, billi dawn ikunu barra mill-kopertura tan-network ma għandhomx jitqiesu bħala ħsara teknika jew ħsara fil-komunikazzjoni jew nuqqas ta’ funzjonament tal-apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti.

Artikolu 5

Miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ li ma tasalx data dwar il-pożizzjoni u l-moviment tal-bastimenti tas-sajd

1.   Meta l-FMC ta’ Stat Membru tal-bandiera ma jkunx irċieva trażmissjonijiet tad-data f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2196 għal tal-anqas 12-il siegħa konsekuttiva, jew ma jkunx irċieva trażmissjonijiet tad-data f’konformità mal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament, huwa għandu jinnotifika lill-kaptan jew, fejn ma jkunx possibbli, lill-operatur tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni mingħajr dewmien.

2.   Meta n-nuqqas ta’ reċezzjoni tat-trażmissjonijiet tad-data msemmija fil-paragrafu 1 iseħħ aktar minn tliet darbiet f’sena kalendarja waħda għal bastiment tas-sajd partikolari tal-Unjoni, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jiżgura li l-apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti tal-bastiment tas-sajd jiġi kkontrollat bir-reqqa biex jiġi vverifikat l-istatus operazzjonali sħiħ tiegħu. L-Istat Membru tal-bandiera għandu jinvestiga wkoll jekk l-apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti jkunx ġie mbagħbas. Din l-investigazzjoni tista’ tinvolvi t-tneħħija ta’ tali tagħmir għall-eżami.

3.   Meta l-FMC ta’ Stat Membru tal-bandiera ma jkunx irċieva trażmissjonijiet tad-data kif imsemmi fil-paragrafu 1, u l-aħħar pożizzjoni riċevuta tkun mill-ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor, dan għandu jinnotifika lill-FMC ta’ dak l-Istat Membru kostali mill-aktar fis possibbli.

4.   Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru kostali jidentifikaw bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru ieħor li qed jopera f’ilmijiet taħt is-sovranità jew fil-ġuriżdizzjoni tiegħu li għalih ma tkunx ġiet riċevuta d-data rilevanti dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti, huma għandhom jinnotifikaw lill-kaptan tal-bastiment tas-sajd, fejn possibbli, u lill-FMC tal-Istat Membru tal-bandiera dwar dan.

5.   Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru kostali jidentifikaw bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ pajjiż terz li jopera f’ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tiegħu li għalih ma tkunx waslet id-data rilevanti dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti, huma għandhom jinnotifikaw lill-kaptan tal-bastiment tas-sajd, fejn possibbli, u lill-FMC tal-Istat tal-bandiera jew lil kwalunkwe awtorità kompetenti oħra tal-pajjiż terz ikkonċernat fil-każ ta’ bastimenti tas-sajd soġġetti għar-rekwiżit li jittrażmettu d-data dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti f’konformità mal-Artikolu 9(7) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 6

Monitoraġġ u reġistrazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd bl-użu tad-data dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti

1.   L-Istati Membri għandhom jużaw id-data riċevuta skont l-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2196 għall-monitoraġġ effettiv tal-attivitajiet tas-sajd imwettqa mill-bastimenti tas-sajd tagħhom u mill-bastimenti tas-sajd kollha awtorizzati li jwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tagħhom.

2.   L-Istati Membri tal-bandiera għandhom:

(a)

jiżguraw li d-data msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rreġistrata f’forma diġitali u tinħażen b’mod sikur f’bażijiet tad-data kompjuterizzati għal tal-anqas 3 snin;

(b)

jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li tintuża biss għal finijiet uffiċjali, inkluż, kif xieraq, għal finijiet xjentifiċi; u

(c)

jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipproteġu din id-data minn qerda aċċidentali jew illeċita, telf aċċidentali, deterjorament, distribuzzjoni jew konsultazzjoni mhux awtorizzata.

KAPITOLU II

Ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, notifiki minn qabel, dikjarazzjonijiet tat-trażbord, u dikjarazzjoni tal-iżbark

Artikolu 7

Ħsara teknika jew ħsara fil-komunikazzjoni tas-sistemi elettroniċi ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar

1.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-kaptan skont l-Artikoli 15, 17, 19a, 22, u 24 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, fil-każ ta’ ħsara teknika jew ħsara fil-komunikazzjoni jew nuqqas ta’ funzjonament tas-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar, il-kaptan jew, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu għandu, minn meta jiġi identifikat l-avveniment jew minn meta jirċievi notifika tal-iżball mis-sistema jew f’konformità mal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-Regolament, liema minnhom tkun l-ewwel, jikkomunika data minn ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd, notifiki minn qabel, dikjarazzjonijiet tat-trażbord, u dikjarazzjoni tal-iżbark lill-FMC tal-Istat Membru tal-bandiera tal-anqas darba kull 24 siegħa, sakemm ma jkunx meħtieġ intervall iqsar. Din il-komunikazzjoni għandha titwettaq bl-użu ta’ kwalunkwe mezz ta’ telekomunikazzjoni disponibbli li jiżgura t-trażmissjoni ta’ data kompluta u akkurata, anke meta ma jkun hemm l-ebda qabda abbord. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-mezzi tat-telekomunikazzjoni li għandhom jintużaw u għandhom jippubblikaw din l-informazzjoni fuq is-sit web uffiċjali tagħhom imsemmi fl-Artikolu 115 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

2.   L-FMC tal-Istat Membru tal-bandiera għandu jirreġistra d-data msemmija fil-paragrafu 1 fil-bażi tad-data elettronika użata għal tali data mal-wasla tagħha. Fejn xieraq, id-data rreġistrata għandha tiġi trażmessa mingħajr dewmien, f’konformità mal-Artikolu 61 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2196.

3.   Wara ħsara teknika jew ħsara fil-komunikazzjoni jew nuqqas ta’ funzjonament tas-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar, bastiment tas-sajd tal-Unjoni jista’ jitlaq mill-port biss ladarba s-sistema tkun kompletament operazzjonali, kif ikkonfermat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera jistgħu jawtorizzaw lill-bastiment tas-sajd biex jitlaq mill-port b’sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar li ma tiffunzjonax għat-tiswija jew għas-sostituzzjoni, u, f’każijiet eċċezzjonali ġġustifikati minn dewmien f’tali tiswija jew sostituzzjoni, soġġett għat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Fil-każ ta’ ħsara teknika jew ħsara fil-komunikazzjoni jew ta’ nuqqas ta’ funzjonament tas-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar, il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd tal-Unjoni jew, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu li jonqos milli jittrażmetti d-data minn ġurnali ta’ abbord dwar is-sajd, dikjarazzjonijiet tat-trażbord, notifiki minn qabel, jew dikjarazzjonijiet tal-iżbark f’konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, għandu jew jittrażmetti minnufih id-data jew jirritorna l-bastiment lejn il-port biex iwettaq il-kontrolli, it-tiswijiet, jew is-sostituzzjoni meħtieġa tas-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar.

5.   Il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi li joperaw fl-ilmijiet tal-Unjoni għandhom jinnotifikaw, direttament jew permezz tal-Istat tal-bandiera tagħhom, kwalunkwe ħsara teknika jew ħsara fil-komunikazzjoni jew nuqqas ta’ funzjonament tas-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar u għandhom jittrażmettu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-FMC tal-Istat Membru kostali fejn ikunu twettqu l-attivitajiet tas-sajd. L-Istat Membru kostali għandu jirreġistra din l-informazzjoni fil-bażi tad-data elettronika użata għal tali data mal-wasla tagħha.

Il-kaptani li jonqsu milli jittrażmettu d-data fl-intervalli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jew jittrażmettu minnufih din id-data jew joħorġu barra mill-ilmijiet tal-Unjoni sakemm jitlestew il-kontrolli, it-tiswijiet, jew is-sostituzzjoni meħtieġa tas-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar.

6.   Fil-każ ta’ bastimenti tal-qbid tal-Unjoni b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru, billi dawn ikunu barra mill-kopertura tan-network ma għandhomx jitqiesu bħala ħsara teknika jew ħsara fil-komunikazzjoni jew nuqqas ta’ funzjonament.

Artikolu 8

Miżuri li jridu jittieħdu fil-każ li ma tasalx data dwar is-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar

1.   Meta l-FMC ta’ Stat Membru tal-bandiera ma jkunx irċieva trażmissjonijiet tad-data f’konformità mal-Artikoli 15, 17, 19a, 22, u 24 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għal tal-anqas 12-il siegħa konsekuttiva wara l-iskadenza tat-trażmissjoni skedata, jew ma jkunx irċieva trażmissjonijiet tad-data f’konformità mal-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament, huwa għandu jinnotifika lill-kaptan jew, fejn ma jkunx possibbli, lill-operatur tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni mingħajr dewmien.

2.   Meta n-nuqqas ta’ reċezzjoni tat-trażmissjonijiet tad-data msemmija fil-paragrafu 1 iseħħ aktar minn tliet darbiet f’sena kalendarja waħda għal bastiment tas-sajd partikolari tal-Unjoni, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jiżgura li s-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rapportar tal-bastiment tas-sajd tiġi kkontrollata bir-reqqa biex jiġi vverifikat l-istatus operazzjonali sħiħ tagħha, sakemm l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera ma jkunux jistgħu jeskludu b’mod konklużiv, wara investigazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri xierqa, li n-nuqqas ta’ wasla tad-data ma jkunx ikkawżat minn nuqqas ta’ funzjonament tekniku tas-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar. Dik l-investigazzjoni tista’ tinvolvi t-tneħħija ta’ kwalunkwe tagħmir ta’ tali sistema għall-eżami, inkluż, fejn xieraq, biex jiġi ddeterminat jekk tkunx ġiet imbagħbsa s-sistema.

3.   Meta l-FMC ta’ Stat Membru tal-bandiera ma jkunx irċieva trażmissjonijiet tad-data kif imsemmi fil-paragrafu 1, u l-aħħar pożizzjoni riċevuta ta’ dak il-bastiment tkun ġejja mill-ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor, dan għandu jinnotifika lill-FMC ta’ dak l-Istat Membru kostali mingħajr dewmien.

4.   Il-kaptan jew l-operatur tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni għandu jibgħat id-data kollha li tkun għadha ma ġietx trażmessa u li dwarha tkun waslet notifika f’konformità mal-paragrafu 1 lill-FMC tal-Istat Membru tal-bandiera minnufih wara li tasal in-notifika.

5.   Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru kostali jidentifikaw bastiment tal-qbid li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru ieħor li jkun qed jopera f’ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tiegħu li għalih ma tkunx waslet id-data tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, huma għandhom jinnotifikaw lill-kaptan tal-bastiment tal-qbid, fejn possibbli, u lill-FMC tal-Istat Membru tal-bandiera dwar dan.

6.   Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru kostali jidentifikaw bastiment tal-qbid li jtajjar il-bandiera ta’ pajjiż terz li jkun qed jopera f’ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tiegħu li għalih ma tkunx waslet id-data tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, huma għandhom jinnotifikaw lill-kaptan tal-bastiment tal-qbid, fejn possibbli, u lill-FMC tal-Istat tal-bandiera jew lil kwalunkwe awtorità kompetenti oħra tal-pajjiż terz ikkonċernat fil-każ ta’ bastimenti tal-qbid soġġetti għar-rekwiżit li jittrażmettu tali data f’konformità mal-Artikolu 15(5) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 9

Miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ nuqqas ta’ aċċess għad-data

1.   Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru kostali jidentifikaw bastiment tas-sajd tal-Unjoni ta’ Stat Membru ieħor fl-ilmijiet tagħhom u ma jkunux jistgħu jaċċessaw id-data mis-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar imsemmija fl-Artikoli 14, 17, 19a, 21, u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 li għandha tiġi skambjata f’konformità mal-Artikolu 111 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, huma għandhom jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera biex jiżguraw l-aċċess għal dik id-data.

2.   Jekk l-Istat Membru kostali ma jirċevix id-data msemmija fil-paragrafu 1 fi żmien 4 sigħat mit-talba, il-kaptan jew l-operatur tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni għandu jipprovdi d-data u kopja tal-messaġġ ta’ ritorn imsemmi fl-Artikolu 26 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2196 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kostali fuq talba u b’mezzi elettroniċi.

3.   Jekk l-Istat Membru tal-bandiera jew il-kaptan jew l-operatur tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni ma jagħtix lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kostali kopja tal-messaġġ ta’ ritorn, l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Istat Membru kostali mill-bastiment tas-sajd ikkonċernat għandhom jiġu pprojbiti sakemm l-Istat Membru tal-bandiera jew il-kaptan jew l-operatur tal-bastiment tas-sajd ikunu jistgħu jipprovdu kopja tal-messaġġ ta’ ritorn jew tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 lill-awtoritajiet imsemmija.

Artikolu 10

Data dwar il-funzjonament tas-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar

L-Istati Membri tal-bandiera għandhom iżommu bażijiet tad-data dwar il-funzjonament tas-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar tagħhom. Dawk il-bażijiet tad-data għandhom bħala minimu jkun fihom u jkunu kapaċi jiġġeneraw awtomatikament l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-lista tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li s-sistemi elettroniċi ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar tagħhom kellhom xi ħsara teknika jew kienu waqfu jaħdmu; u

(b)

l-lista ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li ma jkunux għamlu trażmissjonijiet elettroniċi ta’ kuljum tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, kif meħtieġ skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

TITOLU III

SORVELJANZA U SPEZZJONI

KAPITOLU I

Osservaturi ta’ kontroll

Artikolu 11

Miżuri biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-osservaturi ta’ kontroll

Sabiex ikunu indipendenti mis-sid, mid-detentur tal-liċenzja, mill-kaptan tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni, u minn kwalunkwe membru tal-ekwipaġġ, kif meħtieġ mill-Artikolu 73(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-osservaturi ta’ kontroll ma għandhomx ikunu:

(a)

qarib jew impjegat tad-detentur tal-liċenzja jew tal-kaptan tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni jew ta’ kwalunkwe membru tal-ekwipaġġ, rappreżentant tal-kaptan, jew tas-sid tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni li lilu jiġi assenjat l-osservatur ta’ kontroll;

(b)

impjegat ta’ kumpanija kkontrollata mid-detentur tal-liċenzja jew mill-kaptan, membru tal-ekwipaġġ, ir-rappreżentant tal-kaptan jew tas-sid tal-bastiment tas-sajd tal-Unjoni li lilu jiġi assenjat l-osservatur ta’ kontroll.

Artikolu 12

Dmirjiet tal-osservaturi ta’ kontroll

1.   L-osservaturi ta’ kontroll abbord bastiment tas-sajd tal-Unjoni għandhom, fejn xieraq, jinfurmaw fil-qosor lill-uffiċjali li jkunu sejrin jipproċedu bi spezzjoni ta’ dak il-bastiment tas-sajd mal-wasla abbord. Jekk il-faċilitajiet abbord il-bastiment tas-sajd tal-Unjoni jippermettu dan, u fejn xieraq, din l-informazzjoni fil-qosor għandha tingħata f’laqgħa fil-magħluq.

2.   L-osservaturi ta’ kontroll għandhom ifasslu r-rapport imsemmi fl-Artikolu 73(5) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, jirreġistraw l-attivitajiet tas-sajd u informazzjoni rilevanti oħra elenkata fl-Anness I, u jużaw il-format stabbilit fl-Anness II. Huma għandhom jibagħtu dak ir-rapport wara li jlestu l-assenjazzjoni tagħhom lill-awtoritajiet tagħhom u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera. L-awtoritajiet kompetenti tagħhom għandhom jagħmlu r-rapport disponibbli, fuq talba, għall-Istat Membru kostali, għall-Kummissjoni jew għall-EFCA. Kopji ta’ rapporti magħmula disponibbli għal Stati Membri oħrajn ma jistgħux jinkludu l-postijiet fejn saru l-qabdiet fir-rigward tal-pożizzjonijiet tal-bidu u tat-tmiem ta’ kull operazzjoni tas-sajd, iżda jistgħu jinkludu l-ammonti totali tal-qabdiet ta’ kuljum f’kilogrammi ekwivalenti għall-piż ħaj skont l-ispeċi u ż-żona ġeografika rilevanti.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx jaffettwaw il-poteri tal-kaptan tal-bastiment tas-sajd bħala l-uniku inkarigat mill-operazzjonijiet tal-bastiment.

Artikolu 13

Sigurtà tal-osservaturi ta’ kontroll fuq il-bastimenti tas-sajd

1.   L-Istati Membri responsabbli għad-deżinjazzjoni jew għall-iskjerament tal-osservaturi ta’ kontroll abbord bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom għandhom:

(a)

jiżguraw li l-osservaturi ta’ kontroll ikunu mgħammra b’apparat ta’ komunikazzjoni bidirezzjonali li jiffunzjona bis-sħiħ u li jkun adattat għall-użu fuq il-baħar, li jkun indipendenti mill-bastiment, kif meħtieġ skont l-Artikolu 73(2)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(b)

jiżguraw li l-osservaturi ta’ kontroll ikunu mgħammra b’sinjal ta’ salvataġġ personali li ma jgħaddix ilma minnu b’karatteristika ta’ rintraċċar;

(c)

jiżguraw li l-osservaturi ta’ kontroll ikollhom punt ta’ kuntatt deżinjat, li tkun tista’ tiġi żgurata komunikazzjoni effettiva u f’waqtha f’każ ta’ emerġenza, u li jkun hemm fis-seħħ proċeduri biex jiġu żgurati komunikazzjonijiet skedati b’mod regolari bejn l-osservatur ta’ kontroll u l-punt ta’ kuntatt tagħhom;

(d)

jiżguraw li l-osservaturi ta’ kontroll ikollhom poteri adegwati mogħtija lilhom biex iwettqu l-kompiti tagħhom;

(e)

jiżguraw li l-osservaturi ta’ kontroll jirċievu taħriġ adegwat dwar is-sikurezza qabel l-iskjerament inizjali tagħhom fuq bastiment u f’intervalli xierqa minn hemm ’il quddiem. Dan il-programm ta’ taħriġ għandu, tal-anqas, jissodisfa l-istandards rilevanti tat-taħriġ tas-sikurezza tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI, International Maritime Organization), fejn applikabbli; u

(f)

jipprovdu gwida u taħriġ lill-kaptan u lill-membri tal-ekwipaġġ tal-bastimenti tas-sajd tagħhom dwar l-interazzjoni ma’ u r-responsabbiltajiet lejn l-osservaturi ta’ kontroll u dwar il-konsegwenzi għat-trattament ħażin u għat-tfixkil tax-xogħol tagħhom, fl-eżerċitar tad-dmirijiet tagħhom.

2.   Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u l-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi awtorizzati li joperaw fl-ilmijiet tal-Unjoni għandhom:

(a)

jagħmlu kull sforz biex jiżguraw is-sikurezza fiżika u l-benesseri tal-osservaturi waqt li jkunu abbord;

(b)

jirrappurtaw, b’mezzi elettroniċi, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom l-informazzjoni rilevanti dwar is-sigurtà tal-osservaturi ta’ kontroll abbord, inkluż korriment fiżiku u kwalunkwe inkapaċitazzjoni oħra, jew l-għajbien tagħhom, li jkunu konxji dwarha;

(c)

jiżguraw il-privatezza fiż-żoni personali tal-osservatur;

(d)

jiżguraw li l-osservaturi ta’ kontroll jiġu ttrattati bħala uffiċjali matul il-ħin tagħhom abbord; u

(e)

jiżguraw l-aċċess mhux ristrett għal ikel, akkomodazzjoni u faċilitajiet u tagħmir sanitarji adegwati abbord.

KAPITOLU II

Spezzjoni

Taqsima 1

Twettiq tal-ispezzjonijiet

Artikolu 14

Uffiċjali awtorizzati li jwettqu l-ispezzjonijiet fuq il-baħar

1.   L-uffiċjali responsabbli biex iwettqu spezzjonijiet, kif imsemmi fl-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, għandhom ikunu awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, Stat Membru għandu jipprovdi lill-uffiċjali tiegħu b’kard tas-servizz li turi l-identità tagħhom u l-kapaċità li joperaw taħtha. Kull uffiċjal li jkun qed jaqdi dmirijietu għandu jippreżentaha matul spezzjoni fuq talba.

2.   L-Istati Membri għandhom jagħtu poteri adegwati lill-uffiċjali tagħhom kif meħtieġ biex iwettqu l-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u biex jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

Artikolu 15

Dmirijiet tal-uffiċjali matul il-fażi ta’ qabel l-ispezzjoni

Matul il-fażi ta’ qabel l-ispezzjoni, l-uffiċjali għandhom, fejn possibbli, jiġbru l-informazzjoni xierqa kollha, inklużi:

(a)

il-liċenzji tas-sajd u l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd;

(b)

id-data tal-VMS u d-data tal-AIS;

(c)

ir-rapporti ta’ sorveljanza u r-rapporti ta’ spezzjoni preċedenti; u

(d)

informazzjoni oħra disponibbli dwar il-bastiment tas-sajd u l-kaptan li tista’ tkun rilevanti għall-ispezzjoni.

Artikolu 16

Dmirijiet tal-uffiċjali meta jwettqu l-ispezzjonijiet

1.   L-uffiċjali li jwettqu spezzjonijiet għandhom jivverifikaw u jieħdu nota tal-oġġetti xierqa kollha elenkati fil-modulu korrispondenti tar-rapport ta’ spezzjoni stabbilit fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2196. Għal dan il-għan, huma jistgħu jieħdu ritratti, vidjos u reġistrazzjonijiet tal-awdjo f’konformità mal-liġi nazzjonali, u, fejn xieraq, jistgħu jieħdu kampjuni.

2.   L-uffiċjali ma għandhomx jinterferixxu mad-dritt ta’ kwalunkwe operatur li jikkomunika mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-bandiera matul l-ispezzjoni.

3.   L-uffiċjali għandhom iqisu kwalunkwe informazzjoni pprovduta f’konformità mal-Artikolu 12 minn osservatur ta’ kontroll abbord il-bastiment tas-sajd li jkun irid jiġi spezzjonat.

4.   Meta titlesta spezzjoni, l-uffiċjali għandhom jinfurmaw fil-qosor lill-kaptan jew lill-operatur tal-bastiment tas-sajd spezzjonat dwar l-ispezzjoni mwettqa.

5.   L-uffiċjali għandhom iħallu l-bastiment tas-sajd jew il-post spezzjonat mingħajr dewmien hekk kif titlesta l-ispezzjoni jekk ma jiġi identifikat l-ebda ksur.

Taqsima 2

Spezzjonijiet fuq il-baħar

Artikolu 17

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Kwalunkwe bastiment użat għall-finijiet ta’ kontroll, inkluż għas-sorveljanza, għandu juri, b’mod li jkun jidher ċar, fjamma jew simbolu kif stabbilit fl-Anness III. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal operazzjonijiet bil-moħbi mwettqa minn bastimenti awtorizzati għal tali finijiet skont il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri.

2.   Kull meta jintuża bastiment jew inġenju ta’ imbarkazzjoni biex jiffaċilita t-trasferiment ta’ uffiċjali li jkunu qegħdin iwettqu l-ispezzjonijiet, dan għandu jtajjar bandiera jew fjamma simili li tkun ta’ daqs xieraq għal dak tal-bastiment jew tal-inġenju ta’ imbarkazzjoni biex tindika li huwa involut fi dmirijiet ta’ spezzjoni tas-sajd.

3.   Il-persuni inkarigati mill-bastimenti ta’ spezzjoni għandhom iqisu kif jixraq ir-regoli tal-baħħara u għandhom jimmanuvraw f’distanza sikura mill-bastiment tas-sajd f’konformità mar-regoli internazzjonali għall-prevenzjoni tal-kolliżjonijiet fuq il-baħar.

Artikolu 18

Imbarkar fuq bastimenti tas-sajd fuq il-baħar

1.   L-uffiċjali responsabbli għat-twettiq tal-ispezzjoni għandhom jiżguraw li ma tittieħed ebda azzjoni li tista’ tikkomprometti s-sikurezza tal-bastiment tas-sajd u tal-ekwipaġġ tiegħu.

2.   L-uffiċjali ma għandhomx jirrikjedu li l-kaptan ta’ bastiment tas-sajd li jkun qiegħed jiġi imbarkat jew żbarkat iwaqqaf jew jimmanuvra l-bastiment waqt is-sajd jew iwaqqaf il-kalar u l-irfigħ tal-irkaptu tas-sajd. Madankollu, l-uffiċjali jistgħu jirrikjedu l-interruzzjoni jew id-dewmien tal-kalar tal-irkaptu biex jippermettu l-imbark jew l-iżbark sikur sakemm ikunu mbarkaw fuq il-bastiment tas-sajd jew żbarkaw minn fuqu. Fil-każ tal-imbarkar, dan id-dewmien ma għandux jaqbeż it-30 minuta wara li l-uffiċjali jkunu telgħu abbord il-bastiment tas-sajd, sakemm ma jkunx osservat xi ksur. Din id-dispożizzjoni ma taffettwax il-possibbiltà li l-uffiċjali jirrikjedu li l-irkaptu jintrefa’ għall-ispezzjoni.

Artikolu 19

Attivitajiet abbord

1.   Meta jkunu qegħdin iwettqu l-ispezzjoni tagħhom, l-uffiċjali għandhom jivverifikaw u jieħdu nota tal-oġġetti xierqa kollha elenkati fil-modulu korrispondenti tar-rapport ta’ spezzjoni stabbilit fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2196.

2.   L-uffiċjali jistgħu jirrikjedu li l-kaptan jerfa’ rkaptu tas-sajd biex dan jiġi spezzjonat. F’każijiet bħal dawn, il-kaptan għandu jikkonforma fil-pront u jerfa’ l-irkaptu kif mitlub.

3.   It-timijiet tal-ispezzjoni għandhom normalment ikunu magħmulin minn żewġ uffiċjali. Uffiċjali addizzjonali jistgħu jissupplimentaw it-timijiet tal-ispezzjonijiet meta dan ikun meħtieġ.

4.   It-tul ta’ żmien ta’ spezzjoni ma għandux jaqbeż iż-żmien meħtieġ biex jitlestew il-kontrolli tad-dokumentazzjoni, l-irfigħ fix-xibka, u l-ispezzjoni tax-xibka, it-tagħmir rilevanti tagħha, u l-qabdiet. Dan il-limitu ta’ żmien ma għandux japplika fil-każ li jiġi identifikat ksur issuspettat jew meta l-uffiċjali jkunu jeħtieġu aktar informazzjoni.

5.   Fil-każ li jiġi identifikat ksur issuspettat, il-marki ta’ identifikazzjoni u s-siġilli jistgħu jitwaħħlu b’mod sigur ma’ kwalunkwe parti tal-irkaptu tas-sajd jew tal-bastiment tas-sajd, inkluż tagħmir rilevanti, bħal tagħmir ta’ tqassim awtomatiku, u kontenituri ta’ prodotti tas-sajd u l-kompartiment(i) li fih/fihom jistgħu jiġu stivati.

Artikolu 20

Spezzjonijiet relatati mal-attivitajiet tas-sajd imwettqa bl-użu ta’ xogħol furzat

1.   Sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunux seħħew attivitajiet tas-sajd li jinvolvu x-xogħol furzat abbord bastiment tas-sajd, l-uffiċjali responsabbli għall-ispezzjoni jistgħu jikkunsidraw wieħed jew aktar mill-indikaturi elenkati fl-Anness V u kwalunkwe informazzjoni disponibbli oħra. Il-Kummissjoni tista’, fuq talba ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, tiżviluppa linji gwida tekniċi biex tappoġġa l-ħidma tal-uffiċjali.

2.   Jekk l-indikaturi jew kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra msemmija fil-paragrafu 1 turi li l-attivitajiet tas-sajd twettqu bl-użu ta’ xogħol furzat, l-uffiċjali għandhom:

(a)

jinformaw lil kwalunkwe awtorità nazzjonali oħra li tista’ tkun kompetenti dwar il-kwistjoni, inkluż lill-awtoritajiet responsabbli għar-reati tax-xogħol; u

(b)

jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jiżguraw li jittieħdu miżuri ta’ infurzar immedjat f’konformità mal-Artikolu 91 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-uffiċjali jirċievu t-taħriġ meħtieġ biex jirrikonoxxu l-użu ta’ xogħol furzat suspettat biex iwettqu attivitajiet tas-sajd.

4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri adegwati u effettivi, f’konformità mal-Artikolu 74(8) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, biex jiżguraw il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn is-servizzi biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u, fejn xieraq, l-investigazzjoni ulterjuri tal-attivitajiet tas-sajd imwettqa bl-użu ta’ xogħol furzat, inkluż meta l-bastimenti tas-sajd ikunu fil-port.

Taqsima 3

Spezzjonijiet fil-portijiet jew f’siti ta’ żbark

Artikolu 21

Tħejjija ta’ spezzjonijiet

1.   Mingħajr preġudizzju għall-punti ta’ riferiment stabbiliti skont ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd, inklużi programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni u kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 (5), spezzjoni ta’ bastiment tas-sajd għandha sseħħ fil-port jew mal-iżbark, fl-okkażjonijiet li ġejjin:

(a)

b’mod regolari jew abbażi tal-ġestjoni tar-riskju; jew

(b)

meta jkun hemm suspett ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b) u mingħajr preġudizzju għall-aħħar sentenza tal-Artikolu 22(2) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastiment tas-sajd li se jiġi spezzjonat fil-port jiġi milqugħ mill-uffiċjali tagħhom mal-wasla tiegħu.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni lill-Istati Membri milli jwettqu spezzjonijiet aleatorji, kif xieraq.

Artikolu 22

Spezzjonijiet fil-portijiet u f’siti ta’ żbark

1.   Meta jkunu qegħdin iwettqu l-ispezzjonijiet, l-uffiċjali għandhom jivverifikaw u jieħdu nota tal-oġġetti xierqa kollha elenkati fil-modulu korrispondenti tar-rapport ta’ spezzjoni stabbilit fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2196. L-uffiċjali għandhom iqisu kif jixraq kwalunkwe rekwiżit speċifiku li japplika għall-bastiment tas-sajd spezzjonat, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-pjanijiet pluriennali.

2.   Meta jwettqu spezzjoni ta’ żbark, l-uffiċjali għandhom jimmonitorjaw il-ħatt kollu tal-prodotti tas-sajd mill-bidu sal-aħħar. Għandha titwettaq kontroverifika bejn il-kwantitajiet skont l-ispeċi rreġistrati fin-notifika minn qabel, il-kwantitajiet skont l-ispeċi rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd u l-kwantitajiet skont l-ispeċi li jinħattu l-art jew li jiġu ttrażbordati, skont liema minnhom tkun applikabbli. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tipprevjeni milli sseħħ spezzjoni wara li jkun beda l-iżbark.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispezzjonijiet fil-portijiet u fis-siti ta’ żbark fit-territorju tagħhom jitwettqu mingħajr tfixkil.

Taqsima 4

Spezzjonijiet tat-trasport

Artikolu 23

Prinċipji ġenerali

1.   L-ispezzjonijiet tat-trasport jistgħu jsiru fi kwalunkwe post u fi kwalunkwe ħin mill-punt tal-iżbark sal-wasla tal-prodotti tas-sajd fil-post tal-bejgħ jew tal-ipproċessar. Matul it-twettiq tal-ispezzjonijiet, għandhom jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata ż-żamma tal-katina ta’ tkessiħ tal-prodotti tas-sajd spezzjonati.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi li jinsabu fil-pjanijiet pluriennali, fil-programmi ta’ kontroll nazzjonali, fil-programmi speċifiċi ta’ kontroll u spezzjoni jew fil-liġi tal-Unjoni dwar l-ikel, l-ispezzjonijiet tat-trasport għandhom jinkludu, kull fejn hu possibbli, eżami fiżiku tal-prodotti ttrasportati.

3.   L-eżami fiżiku tal-prodotti tas-sajd ittrasportati jista’ jinvolvi t-teħid ta’ kampjun rappreżentattiv tat-taqsimiet differenti tal-lott jew tal-lottijiet ittrasportati.

4.   Meta jwettqu spezzjoni tat-trasport, l-uffiċjali għandhom jivverifikaw u jieħdu nota tal-oġġetti kollha msemmija fl-Artikolu 68(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u tal-oġġetti xierqa kollha fil-modulu tar-rapport stabbilit fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2196. Dan għandu jinkludi verifika li l-kwantitajiet ta’ prodotti tas-sajd ittrasportati jikkorrispondu għad-dettalji mdaħħla fid-dokument tat-trasport u li tista’ tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-lottijiet.

Artikolu 24

Vetturi tat-trasport issiġillati

1.   Meta vettura jew kontejner ikunu ġew issiġillati minn uffiċjali biex tiġi evitata l-manipulazzjoni tal-merkanzija, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-numri tas-serje tas-siġilli huma mniżżla fuq id-dokument tat-trasport. Għandu jkun ipprojbit li l-operaturi jneħħu s-siġilli matul it-trasport jew fid-destinazzjoni finali mingħajr permess minn uffiċjal tal-awtorità kompetenti. Matul l-ispezzjonijiet, l-uffiċjali għandhom jispezzjonaw li s-siġilli jkunu intatti u li n-numri tas-serje jikkorrispondu mad-dettalji fuq id-dokument tat-trasport.

2.   Meta s-siġilli jitneħħew biex tiġi ffaċilitata l-ispezzjoni tal-merkanzija qabel ma l-merkanzija tasal fid-destinazzjoni finali, l-uffiċjali għandhom jissostitwixxu s-siġill oriġinali b’siġill ġdid, u jirreġistraw id-dettalji tas-siġill fir-rapport ta’ spezzjoni flimkien mar-raġunijiet għat-tneħħija tas-siġill oriġinali.

Taqsima 5

Spezzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-bini

Artikolu 25

Prinċipji ġenerali

L-uffiċjali għandhom jivverifikaw u jieħdu nota tal-oġġetti xierqa kollha elenkati fil-modulu korrispondenti tar-rapport tal-ispezzjoni fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2196 meta jżuru mħażen kesħin, swieq tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, ristoranti jew kwalunkwe bini ieħor fejn jinħażnu u/jew jinbiegħu l-prodotti tal-ħut wara li jkun sar l-iżbark jew fejn jiġu mmaniġġati l-prodotti tal-akkwakultura wara l-ħsad.

Artikolu 26

Metodoloġiji u teknoloġiji addizzjonali użati għat-twettiq tal-ispezzjoni

Minbarra l-oġġetti elenkati fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2196, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-metodoloġiji u mit-teknoloġiji disponibbli, inkluż, fejn xieraq, sistema ta’ intelliġenza artifiċjali kif definita fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2024/1689 (6), għall-identifikazzjoni ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura, is-sors jew l-oriġini tagħhom u l-fornituri u l-bastimenti tal-qbid jew l-unitajiet tal-produzzjoni u l-validazzjoni tad-data rilevanti.

Taqsima 6

Spezzjonijiet oħra

Artikolu 27

Spezzjoni tal-irkaptu tas-sajd fuq il-baħar

L-uffiċjali għandhom jivverifikaw u jieħdu nota tal-oġġetti xierqa kollha elenkati fil-modulu tar-rapport korrispondenti tal-ispezzjoni stabbilit fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2196 meta rkaptu tas-sajd ikun spezzjonat fuq il-baħar.

Artikolu 28

Spezzjoni ta’ operatur li jistad mingħajr bastiment

L-uffiċjali għandhom jivverifikaw u jieħdu nota tal-oġġetti xierqa kollha elenkati fil-modulu tar-rapport korrispondenti tal-ispezzjoni stabbilit fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2196 meta jiġi spezzjonat operatur li jistad mingħajr bastiment kif imsemmi fl-Artikolu 54d tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 29

Spezzjoni tal-farms tat-tonn

L-uffiċjali għandhom jivverifikaw u jieħdu nota tal-oġġetti xierqa kollha elenkati fil-modulu tar-rapport korrispondenti tal-ispezzjoni stabbilit fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2196 meta jiġi spezzjonat farm tat-tonn.

Artikolu 30

Spezzjoni tas-sajd rikreattiv

1.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-uffiċjali li jispezzjonaw sajd rikreattiv ieħor skont ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009, meta jiġi spezzjonat is-sajd rikreattiv kopert mill-Artikolu 55(3) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-uffiċjali għandhom jivverifikaw u jieħdu nota tal-oġġetti xierqa kollha elenkati fil-modulu tar-rapport korrispondenti tal-ispezzjoni stabbilit fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2196.

2.   Persuni fiżiċi spezzjonati taħt l-Artikolu għandhom:

(a)

jiffaċilitaw l-ispezzjoni billi jipprovdu lill-uffiċjali, fuq talba, bl-informazzjoni u bid-dokumenti meħtieġa, inkluż, fejn possibbli, kopji tagħhom, u aċċess għal bażijiet tad-data rilevanti, rigward l-attivitajiet tagħhom; u

(b)

jżommu lura milli jfixklu, jintimidaw, jew jinterferixxu ma’ uffiċjali li jwettqu l-ispezzjoni, u jipprevjenu tali tfixkil, intimidazzjoni, jew interferenza minn partijiet terzi.

Taqsima 7

Dmirijiet tal-operaturi u tal-kaptani relatati mal-ispezzjonijiet

Artikolu 31

Obbligi ġenerali tal-operaturi

Minbarra d-dmirijiet tal-operatur previsti fl-Artikolu 75(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-operaturi kollha soġġetti għal spezzjoni għandhom:

(a)

jiffaċilitaw u jipprovdu lill-uffiċjali, fuq talba, bl-informazzjoni u bid-dokumenti meħtieġa, inklużi, fejn possibbli, kopji tagħhom, jew aċċess għall-bażijiet tad-data rilevanti, dwar l-attivitajiet tas-sajd, kif meħtieġ, li għandhom jimtlew u jinżammu f’format elettroniku jew, fejn applikabbli, fuq karta f’konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd;

(b)

jipprevjenu lil partijiet terzi milli jfixklu, jintimidaw jew jinterferixxu ma’ uffiċjali li jwettqu l-ispezzjoni; u

(c)

fejn possibbli, jipprovdu faċilità għal-laqgħat f’iżolament biex l-osservatur ta’ kontroll ikun jista’ jagħti informazzjoni fil-qosor lill-uffiċjali kif imsemmi fl-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 32

Dmirijiet tal-operaturi responsabbli għall-użin matul l-ispezzjonijiet

1.   Matul l-ispezzjonijiet tal-użin, l-operaturi msemmija fl-Artikolu 60(5) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għandhom jipprovdu lill-uffiċjali bi:

(a)

id-dettalji dwar is-sistema tal-użin, inkluż, kif applikabbli, it-tip, il-mudell u n-numru tas-serje tagħha, l-aktar ċertifikat ta’ kalibrazzjoni reċenti (bid-data ta’ skadenza), kwalunkwe numru tas-siġill, informazzjoni maħżuna minn għodod użati għall-kalkolu tal-piż kumulattiv, u kopja tal-iskematika teknika tal-wajers;

(b)

l-aċċess għal kwalunkwe reġistrazzjoni tal-vidjo disponibbli tal-użin għall-finijiet ta’ kontroll;

(c)

l-aċċess għall-bini kollu fejn jittieħdu kampjuni tal-prodotti tas-sajd, u fejn dawn jiġu ssortjati, maħżuna, ipproċessati, mibjugħa u ttrasportati; u

(d)

prova tal-akkreditazzjoni bħala piżatur indipendenti ta’ parti terza, fejn applikabbli.

2.   Fuq talba mill-uffiċjali, l-operaturi għandhom jipprovdu lill-uffiċjali bid-data tal-kampjunar u bl-informazzjoni meħtieġa għall-kontroll, miġbura taħt pjan ta’ kampjunar, pjan ta’ kontroll, jew programm ta’ kontroll komuni stabbilit f’konformità mal-Artikolu 60(10) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, inklużi r-rekords tal-użin, id-data tal-kampjunar, it-tikketti, u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra.

Artikolu 33

Obbligi ġenerali tal-kaptani

1.   Minbarra d-dmirijiet tal-kaptan previsti fl-Artikolu 75(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd li jkun qed jiġi spezzjonat għandu:

(a)

jiffaċilita l-imbark sikur u effettiv tal-uffiċjali f’konformità mat-tbaħħir tajjeb meta jingħata s-sinjal xieraq tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sinjali jew meta l-intenzjoni tal-imbark tiġi stabbilita permezz ta’ komunikazzjoni bir-radju minn bastiment jew ħelikopter li jkun qiegħed jittrasporta uffiċjal;

(b)

jipprovdi sellum tal-imbark li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness IV biex jiġi ffaċilitat l-aċċess sikur u konvenjenti għal kwalunkwe bastiment li jkun qiegħed f’għoli ta’ 1,5 metru jew iżjed;

(c)

jippermetti lill-uffiċjal(i) jikkomunika/jikkomunikaw mal-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera, tal-Istat kostali u tal-Istat tal-ispezzjoni;

(d)

jiġbed l-attenzjoni tal-uffiċjali għal perikoli tas-sikurezza abbord il-bastimenti tas-sajd; u

(e)

jiffaċilita l-iżbark sikur tal-uffiċjali meta titlesta l-ispezzjoni.

2.   Il-kaptani ma għandhomx ikunu meħtieġa jiżvelaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva tul frekwenzi tar-radju miftuħin.

TITOLU IV

INFURZAR

KAPITOLU I

Sospensjoni u rtirar permanenti tal-liċenzja tas-sajd u tad-dritt tal-kmand

Artikolu 34

Segwitu tas-sospensjoni u tal-irtirar permanenti tal-liċenzja tas-sajd

1.   Jekk liċenzja tas-sajd tkun ġiet sospiża jew irtirata b’mod permanenti f’konformità mal-Artikolu 92(6) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera għandha tinnotifika formalment lid-detentur tal-liċenzja tas-sajd minnufih dwar din is-sospensjoni jew dan l-irtirar permanenti.

2.   Malli jirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, id-detentur tal-liċenzja tas-sajd għandu:

(a)

jiżgura li l-attività tas-sajd tal-bastiment tal-qbid ikkonċernat tieqaf minnufih;

(b)

jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera bid-dokumenti kollha meħtieġa skont il-liġi nazzjonali;

(c)

jiżgura li l-bastiment tal-qbid ikkonċernat jipproċedi minnufih lejn il-port tar-ritorn, jew lejn port indikat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera. Matul il-vjaġġ l-irkaptu tas-sajd għandu jintrabat u jiġi stivat f’konformità mal-Artikolu 47 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(d)

jiżgura li kwalunkwe qabda abbord il-bastiment tal-qbid tiġi ttrattata f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera.

Artikolu 35

Segwitu tas-sospensjoni u l-irtirar permanenti tad-dritt tal-kmand ta’ bastiment tas-sajd bħala kaptan

1.   Meta s-sospensjoni jew l-irtirar permanenti tad-dritt tal-kmand ta’ bastiment tas-sajd bħala kaptan ikunu ġew skattati f’konformità mal-Artikolu 92(6) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment li fuqu jkun qed jopera l-kaptan għandhom:

(a)

jordnaw is-sospensjoni jew l-irtirar tad-dritt tal-kaptan li jikkmanda bastiment tas-sajd tal-Unjoni u jieħdu l-proċeduri amministrattivi meħtieġa biex jagħtu effett lil dik id-deċiżjoni; u

(b)

jinnotifikaw formalment lill-kaptan u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-kaptan dwar is-sospensjoni jew l-irtirar.

2.   Malli jirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 1(b), il-kaptan għandu jieqaf minnufih mill-kmand ta’ kwalunkwe bastiment tas-sajd tal-Unjoni, sakemm tali azzjoni ma tikkompromettix is-sikurezza tan-navigazzjoni, u għandu jikkonforma mal-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera. Jekk l-ebda membru tal-ekwipaġġ abbord ma jkun awtorizzat li jissostitwixxi lill-kaptan, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera għandhom jagħtu struzzjonijiet lill-kaptan biex jipproċedi minnufih lejn port xieraq jew jissospendi l-attivitajiet kollha tas-sajd sakemm kaptan awtorizzat ġdid ikun abbord.

Artikolu 36

Kundizzjonijiet li jiġġustifikaw it-tħassir tal-punti

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 92(8) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, u diment li l-għadd totali ta’ punti assenjati lid-detentur tal-liċenzja tas-sajd għall-bastiment tal-qbid inkwistjoni jkun aktar minn tnejn, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera jistgħu jħassru sa żewġ punti jekk id-detentur tal-liċenzja tas-sajd, wara li jkunu ġew assenjati l-punti, jipparteċipa volontarjament:

(a)

f’kampanja xjentifika mmirata lejn it-titjib tas-selettività tal-irkaptu tas-sajd biex tissaħħaħ il-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd dwar il-kontroll tas-sajd; jew

(b)

f’sajd kopert minn skema tal-ekotikkettar stabbilita f’konformità mal-prinċipji u l-kriterji minimi tal-Ekotikketta tal-UE stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), diment li tiċċertifika u tippromwovi prodotti minn sajd tal-qbid marittimu ġestit tajjeb, b’enfasi fuq l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, bil-għan li tissaħħaħ il-konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd dwar il-kontroll tas-sajd.

2.   Jekk il-punti jkunu tħassru f’konformità mal-paragrafu 1, id-detentur tal-liċenzja tas-sajd għandu jiġi infurmat b’dak it-tħassir. Id-detentur tal-liċenzja tas-sajd għandu jiġi infurmat ukoll bl-għadd ta’ punti li jkun għad fadallu.

KAPITOLU II

Reġistrazzjoni tal-kaptani

Artikolu 37

Reġistrazzjoni tal-punti assenjati lill-kaptani

1.   L-Istati Membri, li jaġixxu jew bħala Stati Membri tal-bandiera jew bħala Stati Membri tan-nazzjonalità, għandhom jistabbilixxu u jżommu reġistru aġġornat tal-kaptani li lilhom ikunu ġew assenjati punti għal ksur serju, f’konformità mal-Artikolu 92(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Ir-reġistru għandu jinkludi l-informazzjoni minima speċifikata fl-Anness VI.

2.   Meta l-Istat Membru tal-bandiera jassenja l-punti skont l-Artikolu 92(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 lill-kaptan ta’ bastiment tas-sajd li ma jkunx ċittadin tal-Istat Membru tal-bandiera li jassenja l-punti skont l-Artikolu 92(4), l-Istat Membru tal-bandiera għandu:

(a)

għal ċittadini ta’ Stati Membri oħra:

(i)

jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li l-kaptan huwa ċittadin tagħhom dwar il-punti assenjati lill-kaptan, f’konformità mal-Artikolu 92(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009; u

(ii)

jitlob informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tan-nazzjonalità rigward l-għadd totali ta’ punti, jekk ikun hemm, attwalment irreġistrati għal dak il-kaptan. Din l-informazzjoni għandha tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-kaptani msemmi fil-paragrafu 1 biex jiġi ddeterminat jekk humiex meħtieġa sospensjoni jew irtirar tad-dritt tal-kmand, f’konformità mal-Artikolu 92(6) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

(b)

għal ċittadini ta’ pajjiż terz:

(i)

jittrażmetti l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-kaptan, kif meħtieġ mill-Anness VI ta’ dan ir-Regolament, lill-Kummissjoni; u

(ii)

jitlob mill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni addizzjonali dwar il-punti assenjati lill-istess kaptan minn Stati Membri oħra f’dawn l-aħħar 3 snin. Din l-informazzjoni għandha tiġi rreġistrata wkoll fir-reġistru tal-kaptani msemmi fil-paragrafu 1 biex jiġi vvalutat jekk humiex meħtieġa s-sospensjoni jew l-irtirar tad-dritt tal-kmand, f’konformità mal-Artikolu 92(6) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

3.   Meta l-punti jkunu tħassru f’konformità mal-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-Regolament jew mal-Artikolu 92(8) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istat Membru responsabbli għat-tħassir tal-punti għandu jinnotifika lill-Istat(i) Membru/i tan-nazzjonalità tal-kaptan jew, fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, lill-Kummissjoni, u dan jippermetti li l-Istat(i) Membru/i kkonċernat/i jaġġorna/jaġġornaw ir-reġistru kif xieraq.

4.   Il-Kummissjoni għandha taħżen l-informazzjoni kollha dwar il-punti assenjati jew imħassra mill-Istati Membri lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kif ikkomunikata skont il-paragrafi 2(b) u 3 rispettivament, u għandha tagħmilha disponibbli għall-Istati Membri kkonċernati fuq talba.

5.   Id-data rreġistrata skont dan l-Artikolu għandha tinżamm għal tal-anqas 3 snin, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mir-regoli tal-politika komuni tas-sajd jew fejn iż-żamma titqies meħtieġa għall-finijiet ta’ spezzjonijiet, verifiki, awditi jew investigazzjonijiet, inklużi dawk relatati ma’ lmenti, ksur, jew proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi.

TITOLU V

MIŻURI GĦALL-IŻGURAR TAL-KONFORMITÀ

Artikolu 38

Skadenza u rekwiżiti li jikkonċernaw it-tweġiba tal-Istati Membri għas-sejbiet tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis tal-kwoti għan-nuqqas ta’ konformità mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd

1.   L-iskadenza għall-Istat Membru biex juri li s-sajd jista’ jiġi sfruttat b’mod sikur, imsemmija fl-Artikolu 107(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, għandha tapplika mid-data tal-wasla tal-ittra tal-Kummissjoni mill-Istat Membru.

2.   L-Istati Membri għandhom jinkludu, fit-tweġiba tagħhom skont l-Artikolu 107(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, evidenza materjali li hija kapaċi turi lill-Kummissjoni li s-sajd jista’ jiġi sfruttat b’mod sikur.

Artikolu 39

Determinazzjoni tal-kwantitajiet li għandhom jitnaqqsu

1.   Kwalunkwe determinazzoni tal-kwantitajiet li għandhom jitnaqqsu minn kwoti f’konformità mal-Artikolu 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għandha tkun proporzjonata għal-livell u n-natura tan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-istokkijiet li huma soġġetti għal pjanijiet pluriennali u għall-gravità tat-theddida għall-konservazzjoni ta’ dawn l-istokkijiet. Għandu jitqies id-dannu kkawżat lil dawn l-istokkijiet min-nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-istokkijiet li huma soġġetti għal pjanijiet pluriennali.

2.   Jekk il-kwantitajiet determinati għat-tnaqqis skont il-paragrafu 1 ma jkunux jistgħu jiġu operati fuq il-kwota, l-allokazzjoni jew is-sehem ta’ stokk jew ta’ grupp ta’ stokkijiet li għalihom jirreferi n-nuqqas ta’ konformità minħabba li kwota, allokazzjoni jew sehem ta’ stokk jew grupp ta’ stokkijiet inkwistjoni ma huwiex disponibbli jew ma huwiex disponibbli biżżejjed għall-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, tista’ tnaqqas fis-sena jew fis-snin ta’ wara l-kwoti għal stokkijiet oħra jew għal gruppi ta’ stokkijiet oħra li huma disponibbli għal dawk l-Istati Membri fl-istess żona ġeografika, jew li għandhom l-istess valur kummerċjali f’konformità mal-paragrafu 1.

TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 40

Protezzjoni u pproċessar ta’ data personali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data personali miġbura skont dan ir-Regolament tkun tista’ tiġi pproċessata biss f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 112 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 41

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-10 ta’ Jannar 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Awwissu 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1224/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2023/2842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 u (KE) Nru 1005/2008 u r-Regolamenti (UE) 2016/1139, (UE) 2017/2403 u (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontroll tas-sajd (ĠU L, 2023/2842, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2842/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2196 tas-17 ta’ Ottubru 2025 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 fir-rigward tal-aċċess għall-ilmijiet u għar-riżorsi, tal-kontroll tas-sajd, tas-sorveljanza, tal-ispezzjoni u l-infurzar, tat-tnaqqis tal-kwoti u tal-isforzi tas-sajd, tad-data u l-informazzjoni, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (ĠU L, 2025/2196, 12.11.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2196/oj).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1005/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 300/2008, (UE) Nru 167/2013, (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1139 u (UE) 2019/2144 u d-Direttivi 2014/90/UE, (UE) 2016/797 u (UE) 2020/1828 (ĠU L, 2024/1689, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1689/oj).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/66/oj).


ANNESS I

KOMPITI TAL-OSSERVATURI TA’ KONTROLL

1.   

L-osservaturi ta’ kontroll għandhom jieħdu nota tal-attivitajiet tas-sajd rilevanti kollha meta jkunu mbarkati fuq il-bastiment tas-sajd, inkluż b’mod partikolari dawn li ġejjin:

(a)

id-data u l-ħin u l-pożizzjonijiet ġeografiċi tal-bidu u t-tmiem ta’ kull operazzjoni tas-sajd;

(b)

l-osservazzjonijiet tal-fond fil-bidu u t-tmiem tal-operazzjoni tas-sajd;

(c)

it-tip ta’ rkaptu użat f’kull operazzjoni u d-dimensjonijiet tiegħu, inklużi d-daqsijiet tal-malji fejn applikabbli u l-aċċessorji użati;

(d)

l-osservazzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni tal-qbid (jiġifieri dikjarazzjonijiet ta’ LB, PNO u ta’ trażbord) u tal-qabda stmata sabiex jiġu identifikati l-ispeċijiet fil-mira, skont il-qabdiet, inklużi speċijiet sensittivi, u l-qbid skartat għall-konformità mar-reġistrazzjoni tal-qbid, mal-kompożizzjoni tal-qbid u mar-regoli dwar l-iskartar;

(e)

l-osservazzjonijiet tad-daqs tal-ispeċijiet differenti fil-qabda, b’referenza speċifika għall-kampjuni taħt id-daqs minimu.

2.   

L-osservaturi ta’ kontroll għandhom jieħdu nota ta’ kwalunkwe interferenza mas-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, inkluż l-apparat ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, kif ukoll ma’ sistemi jew apparati oħra rilevanti għall-kontroll tas-sajd, bħas-sistemi elettroniċi ta’ monitoraġġ mill-bogħod, inklużi s-CCTVs, u s-sistemi għall-kejl u r-reġistrazzjoni kontinwi tal-potenza tal-magna.

3.   

L-osservaturi ta’ kontroll għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti u jieħdu nota ta’ kwalunkwe informazzjoni li tista’ tkun rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet tas-sajd ikunux twettqu bl-użu ta’ xogħol furzat. Sabiex jiġi ddeterminat jekk ikunx seħħ xogħol furzat abbord bastiment tas-sajd, osservatur ta’ kontroll jista’ jqis indikatur wieħed jew aktar elenkati fl-Anness V jew kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra.


ANNESS II

FORMAT TAR-RAPPORT TAL-OSSERVATUR TA’ KONTROLL

DETTALJI TAL-OSSERVATUR

Isem

 

Deżinjat minn (l-awtorità kompetenti)

 

Stazzjonat minn (l-awtorità li qed timpjegah)

 

Data tal-bidu

 

Data tat-tmiem

 


DETTALJI TAL-BASTIMENT TAS-SAJD

Tip

 

Stat tal-bandiera

 

Isem

 

Numru ta’ identifikazzjoni “CFR” (common fleet register number) jew, fejn mhux disponibbli, numru ieħor

 

Identifikatur estern

 

Sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju

 

Numru tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO, International Maritime Organization) jew, fejn mhux disponibbli, numru ieħor

 

Potenza ta’ propulsjoni tal-magna

 

Tul totali

 


TIPI TA’ RKAPTU LI JINĠARRU ABBORD

1.

 

2.

 

3.

 


IRKAPTU LI ĠIE OSSERVAT LI NTUŻA MATUL IL-VJAĠĠ

1.

 

2.

 

3.

 


DETTALJI TAL-OPERAZZJONIJIET TAS-SAJD

Numru ta’ referenza tal-operazzjoni tas-sajd (jekk applikabbli)

 

Data

 

Tip ta’ rkaptu użat

 

Dimensjonijiet

 

Daqs tal-malja

 

Aċċessorji mwaħħla

 

Ħin tal-bidu tal-operazzjoni

Ħin ta’ tmiem l-operazzjoni

 

Pożizzjoni fil-bidu tal-operazzjoni

 

Fond fil-bidu

 

Fond fi tmiem l-operazzjoni

 

Pożizzjoni fi tmiem l-operazzjoni

 


QABDIET

Speċijiet

Miżmuma

Skartati

Kwantitajiet stmati ta’ kull speċi f’kilogrammi ekwivalenti għall-piż ħaj

Daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni

 

 

 

Inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni

 

 

 

Kwantitajiet stmati tal-ispeċijiet fil-mira f’kilogrammi ekwivalenti għall-piż ħaj

Daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni

 

 

 

Inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni

 

 

 

Kwantitajiet stmati tal-ispeċijiet fil-mira f’kilogrammi ekwivalenti għall-piż ħaj

Daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni

 

 

 

Inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni

 

 

 

Qabda totali stmata, f’kilogrammi ekwivalenti għall-piż ħaj

Daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni

 

 

 

Inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni

 

 

 

OSSERVAZZJONIJIET TA’ NUQQAS TA’ KONFORMITÀ:

SOMMARJU TA’ TMIEM IL-VJAĠĠ TAS-SAJD:

FIRMA TAL-OSSERVATUR:

DATA:


ANNESS III

IMMARKAR TAL-MEZZI TAL-ISPEZZJONI TAS-SAJD

Image 1

BORGIN JEW SIMBOLU TA’ SPEZZJONI

Il-bastimenti kollha użati għall-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar tas-sajd għandu jkollhom il-borgin jew is-simbolu ta’ spezzjoni muri b’mod ċar fuq il-ġnub tal-unità użata b’tali mod li jkun jidher b’mod ċar. Il-bastimenti impenjati b’dawn il-kompiti għandhom itajru l-borgin ta’ spezzjoni b’tali mod li din tkun tidher b’mod ċar il-ħin kollu.

Jistgħu jitwaħħlu wkoll il-kliem “SPEZZJONI TAS-SAJD” mal-ġnub tal-unitajiet.


ANNESS IV

KOSTRUZZJONI U UŻU TA’ SLIELEM TAL-IMBARK

1.   

Dan l-Anness jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd li jkollhom għoli ta’ 1,5 metru jew aktar.

2.   

Għandu jiġi pprovdut sellum tal-imbark li għandu jkun effiċjenti biex l-ispetturi jkunu jistgħu jimbarkaw u jiżbarkaw b’mod sikur fuq il-baħar. Is-sellum tal-imbark għandu jinżamm nadif u fi stat tajjeb.

3.   

Is-sellum għandu jitqiegħed fil-pożizzjoni u jkun marbut b’tali mod li:

(a)

ma jkunx fid-direzzjoni ta’ xi emissjonijiet li jista’ jkun hemm mill-bastiment tas-sajd;

(b)

ma jkunx fid-direzzjoni tal-ħbula l-iktar irqaq u, safejn ikun possibbli, ikun f’nofs it-tul tal-bastiment tas-sajd;

(c)

kull skaluna tkun tistrieħ b’mod sod mal-ġenb tal-bastiment tas-sajd.

4.   

L-iskaluni tas-sellum tal-imbark:

(a)

għandhom ikunu magħmulin minn injam iebes jew minn materjal ieħor li jkollu proprjetajiet ekwivalenti, u jkunu magħmulin minn biċċa waħda mingħajr għoqiedi; l-erba’ skaluni t’isfel nett jistgħu jkunu magħmulin minn lasktu li jkun b’saħħtu u iebes biżżejjed, jew minn xi materjal ieħor adattat li jkollu karatteristiċi ekwivalenti;

(b)

għandu jkollhom wiċċ li ma jiżloqx effikaċi;

(c)

għandu jkollhom tul ta’ mhux inqas minn 480 mm, wisa’ ta’ mhux inqas minn 115 mm, u ħxuna ta’ mhux inqas minn 23 mm, minbarra kwalunkwe apparat jew gruving kontra ż-żliq;

(d)

għandhom ikunu spazjati ndaqs bejniethom b’mod li ma jkunux inqas minn 300 mm jew iktar minn 380 mm ’l bogħod minn xulxin;

(e)

għandhom ikunu mwaħħlin b’tali mod li jibqgħu dejjem orizzontali.

5.   

L-ebda sellum tal-imbark ma għandu jkollu iktar minn żewġ skaluni ta’ sostituzzjoni li jkunu mwaħħlin sewwa f’posthom b’metodu differenti minn dak użat fil-kostruzzjoni oriġinali tas-sellum u l-iskaluni kollha li jkunu marbutin b’dan il-mod għandhom jinbidlu, malajr kemm jista’ jkun sa fejn hu raġonevolment prattikabbli, bi skaluni mwaħħlin sewwa f’posthom bil-metodu użat fil-kostruzzjoni oriġinali tas-sellum.

Meta xi skaluna ta’ sostituzzjoni tintrabat mal-ħbula tal-ġnub tas-sellum tal-imbark permezz ta’ gruvs fil-ġenb tal-iskaluna, dawn il-gruvs għandhom ikunu fil-ġnub l-aktar twal tal-iskaluni.

6.   

Il-ħbula tal-ġnub tas-sellum għandhom ikunu magħmulin minn żewġt iħbula mikxufin tal-qanneb ta’ manila jew minn ħbula ekwivalenti b’ċirkonferenza ta’ mhux inqas minn 60 mm fuq kull naħa; kull ħabel għandu jitħalla mikxuf minn kwalunkwe materjal ieħor u għandu jkun kontinwu, mingħajr ġonot ’l isfel mill-iskaluna ta’ fuq; żewġt iħbula prinċipali, marbutin sew mal-bastiment tas-sajd u b’ċirkonferenza ta’ mhux inqas minn 65 mm, u ħabel ta’ sikurezza, għandhom jinżammu lesti għall-użu f’każ ta’ bżonn.

7.   

Faxex tal-injam magħmulin minn injam iebes jew minn materjal ieħor li jkollu proprjetajiet ekwivalenti, li jkunu f’biċċa waħda mingħajr għoqiedi u jkunu twal bejn 1,8 u 2 m, għandhom jiġu pprovduti b’ċertu distanza bejniethom, b’mod li s-sellum tal-imbark ma jitgħawwiġx. Il-faxxa tal-injam t’isfel nett għandha tkun mal-ħames skaluna mill-qiegħ tas-sellum u d-distanza bejn kull faxxa tal-injam u dik ta’ warajha ma għandhiex tkun ta’ iktar minn disa’ skaluni.

8.   

Għandhom jiġu pprovduti mezzi li jiżguraw passaġġ sikur u konvenjenti għall-ispetturi li jkunu qed jimbarkaw jew jiżbarkaw mill-bastiment bejn il-parti ta’ fuq nett tas-sellum tal-imbark jew ta’ xi sellum ta’ akkomodazzjoni ieħor jew minn fuq tagħmir ieħor ipprovdut u l-gverta tal-vapur. Meta dan il-passaġġ ikun permezz ta’ fetħa bejn il-binarji jew il-murata, għandu jkun hemm imqabad tal-idejn adegwati.

9.   

Meta dan il-passaġġ ikun permezz ta’ sellum tal-murata, dan is-sellum għandu jkun imwaħħal fis-sod mal-binarju tal-murata jew mal-pjattaforma u għandhom jitwaħħlu żewġ puntali sabiex wieħed ikun jista’ jqabbad idejh magħhom fil-post tal-imbark jew tal-iżbark tal-bastiment mhux inqas minn 0,70 m u mhux iktar minn 0,80 m ’l bogħod minn xulxin. Kull puntal għandu jitwaħħal b’mod riġidu mal-istruttura tal-bastiment fil-bażi tagħha jew viċin tal-bażi tagħha, kif ukoll f’punt ogħla, għandu jkollu dijametru ta’ mill-anqas 40 mm u għandu jestendi għal tal-anqas 1,20 m ’l fuq mill-quċċata tal-murata.

10.   

Għandu jiġi pprovdut id-dawl bil-lejl sabiex kemm is-sellum tal-imbark fuq il-ġenb kif ukoll il-pożizzjoni fejn l-ispettur jimbarka l-bastiment tas-sajd ikunu mdawla b’mod adegwat. Baga tas-salvataġġ mgħammra b’dawl li jixgħel waħdu għandha tinżamm fil-qrib lesta għall-użu. Għandha tinżamm siegla għall-ġbid fil-qrib lesta biex tintuża jekk ikun hemm bżonn.

11.   

Għandhom jiġu pprovduti mezzi sabiex is-sellum tal-imbark ikun jista’ jintuża fuq kull naħa tal-bastiment tas-sajd. L-ispettur inkarigat jista’ jindika ma’ liema naħa jixtieq li jitqiegħed is-sellum tal-imbark.

12.   

Uffiċjal inkarigat fuq il-bastiment tas-sajd għandu jissorvelja t-tqegħid tas-sellum f’postu u l-imbark u l-iżbark ta’ spettur.

13.   

Meta, fuq kwalunkwe bastiment tas-sajd, karatteristiċi tal-kostruzzjoni bħall-profili għall-protezzjoni tal-buq ma jkunux jippermettu l-implimentazzjoni ta’ xi waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom isiru arranġamenti speċjali sabiex ikun żgurat li l-ispetturi jkunu jistgħu jimbarkaw u jiżbarkaw mingħajr periklu.


ANNESS V

LISTA MHUX EŻAWRJENTI TA’ INDIKATURI GĦALL-IDENTIFIKAZZJONI TAL-ATTIVITAJIET TAS-SAJD IMWETTQA BL-UŻU TAX-XOGĦOL FURZAT

1.   

Qerq:

(a)

is-sajjieda ma għandhomx kuntratt bil-miktub, jew il-kuntratt huwa miktub b’lingwa li ma jifhmux;

(b)

is-sajjieda ġew reklutati bil-fehim li l-impjieg huwa legali meta fil-fatt ma jkunx;

(c)

is-sajjieda jiġu mwiegħda biex jaħdmu ma’ impjegatur differenti/abbord bastiment tas-sajd differenti.

2.   

Kundizzjonijiet tax-xogħol abbużivi:

(a)

iċ-ċaħda ta’ kura medika f’każ ta’ korriment;

(b)

iċ-ċaħda tad-dritt li s-sajjieda jittellgħu l-art għal kura medika f’każ ta’ mard jew korriment serju.

3.   

Kundizzjonijiet tal-għajxien abbużivi:

(a)

malnutrizzjoni (inklużi każijiet ta’ beriberi) u deidratazzjoni fost is-sajjieda;

(b)

faċilitajiet sanitarji inadegwati jew intollerabbli;

(c)

spazju għar-ras mhux adegwat/iffullar żejjed.

4.   

Sahra eċċessiva:

(a)

daqs tal-ekwipaġġ inadegwat ħafna għat-tip/irkaptu tal-bastiment;

(b)

vjaġġi tas-sajd twal iżżejjed;

(c)

nuqqas kroniku ta’ sigħat ta’ mistrieħ u jiem ta’ mistrieħ;

(d)

iċ-ċaħda tal-liv fuq l-art u tal-liv annwali.

5.   

Xogħol b’remunerazzjoni sub-standard jew b’ebda paga:

(a)

sajjieda parzjalment jew kompletament imċaħħda mill-pagi.

6.   

Vulnerabbiltà abbużiva:

(a)

sajjieda vulnerabbli, inklużi sajjieda migranti, imġiegħla jaħdmu f’kundizzjonijiet intollerabbli jew f’theddida ta’ vjolenza.

7.   

Restrizzjoni tal-moviment:

(a)

is-sajjieda ma jistgħux jitilqu minn fuq il-bastiment, inkluż waqt li jkunu fil-port.

8.   

Iżolament:

(a)

is-sajjieda jinżammu fuq il-baħar wara ż-żmien miftiehem;

(b)

is-sajjieda jiġu iżolati minn membri oħra tal-ekwipaġġ abbord;

(c)

is-sajjieda jkollhom it-telefown ċellulari tagħhom ikkonfiskat;

(d)

is-sajjieda huma mċaħħda mill-aċċess għas-sistemi ta’ komunikazzjoni u/jew mill-Wi-Fi.

9.   

Vjolenza fiżika u sesswali:

(a)

sinjal fiżiku ta’ korriment jew evidenza oħra ta’ vjolenza fiżika, sesswali jew psikoloġika;

(b)

is-sajjieda huma soġġettati għal lingwa abbużiva.

10.   

Intimidazzjoni u theddid:

(a)

is-sajjieda huma ffaċċjati b’theddid multiplu bħala mezzi ta’ koerċizzjoni u kontroll, inkluż xogħol addizzjonali jew ċaħda ta’ ikel/ikliet.

11.   

Żamma tal-pagi jew ta’ benefiċċji mwiegħda oħrajn:

(a)

il-kaptan jew l-aġenzija tar-reklutaġġ għandhom fil-pussess tagħhom passaporti, viża jew permessi tax-xogħol tas-sajjieda.

12.   

Jasar tad-dejn jew manipulazzjoni tad-dejn:

(a)

is-sajjieda jiġu mitluba kostijiet addizzjonali għas-servizzi bażiċi abbord.


ANNESS VI

INFORMAZZJONI MINIMA LI GĦANDHA TIĠI INKLUŻA FIR-REĠISTRU TAL-KAPTANI

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża fir-reġistru tal-kaptani:

1.

Identifikazzjoni tal-kaptan (ċittadini/Stati Membri oħra/pajjiżi terzi) li lilu ġew assenjati l-punti:

(a)

Isem il-kaptan;

(b)

nazzjonalità/nazzjonalitajiet tal-kaptan;

(c)

kwalunkwe numru ta’ identifikazzjoni jew informazzjoni disponibbli.

2.

Identifikazzjoni tal-bastiment(i) tas-sajd ikkonċernat(i):

(a)

Isem il-bastiment(i) tas-sajd;

(b)

numru ta’ identifikazzjoni “CFR” (common fleet register number) jew, jekk mhux applikabbli, identifikatur uniku ieħor tal-bastiment;

(c)

l-Istat tal-bandiera tal-bastiment(i) tas-sajd.

3.

Reġistrazzjoni tal-punti:

(a)

punti nnotifikati f’konformità mal-Artikolu 92(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Istat(i) Membru/i tal-bandiera li jinnotifika/jinnotifikaw il-punti, fejn applikabbli;

(b)

data meta ġew assenjati l-punti, u l-għadd totali ta’ punti assenjati f’dik id-data;

(c)

punti mħassra f’konformità mal-Artikolu 92(8) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikolu 36 ta’ dan ir-Regolament.

4.

Sospensjoni jew irtirar tad-dritt tal-kmand:

(a)

data tas-sospensjoni tad-dritt tal-kmand ta’ bastiment tas-sajd, fejn applikabbli;

(b)

data tal-irtirar permanenti tad-dritt tal-kmand ta’ bastiment tas-sajd, fejn applikabbli.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1766/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)