|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1726 |
30.10.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1726
tas-27 ta’ Ġunju 2025
li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 fir-rigward tal-korrezzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dispożizzjonijiet dwar il-gandoffla tal-għonq qasir u l-paġella ħamra
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1241 jistabbilixxi l-miżuri tekniċi għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u għall-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar. L-Anness VI tiegħu jipprevedi miżuri tekniċi fl-Ilmijiet tal-Majjistral u l-Anness VII għal tali miżuri fl-Ilmijiet tal-Lbiċ fil-livell reġjonali. |
|
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/3204 (2) emenda d-dsatax-il entrata tat-tabella fil-Parti A ta’ dak l-Anness VI u l-għoxrin entrata tat-tabella fil-Parti A ta’ dak l-Anness VII, biex jiġi stabbilit Daqs Minimu ta’ Referenza għall-Konservazzjoni (MCRS) ta’ 36 cm għall-paġella ħamra, rispettivament fis-subżoni 6 u 7 tal-ICES u fis-subżona 8 tal-ICES. |
|
(3) |
Il-kamp ta’ applikazzjoni għall-MCRS ta’ 36 cm għall-paġella ħamra jenħtieġ li jiġi ċċarat peress li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tar-Regolament Delegat (UE) 2024/3204, li jvarja minn atti delegati simili preċedenti, ma kienx speċifikat minn dak l-att delegat. Fl-Ilmijiet tal-Majjistral jenħtieġ li jkun limitat għas-subżoni 6 u 7 tal-ICES; u fl-Ilmijiet tal-Lbiċ jenħtieġ li jkun limitat għas-subżona 8 tal-ICES. Fis-subżona 5 tal-ICES u fis-subżoni 9 u 10 tal-ICES (l-ilmijiet tal-Unjoni) u fiż-żoni 34.1.1, 34.1.2 u 34.2.0 tas-CECAF (l-ilmijiet tal-Unjoni), jinżamm id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni ta’ 33 cm. Tali kjarifika jenħtieġ li tidher fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha tat-test, u jenħtieġ li l-Annessi VI u VII tar-Regolament (UE) 2019/1241 jiġu kkoreġuti kif xieraq. |
|
(4) |
Ir-Regolament Delegat (UE) 2024/3204 emenda s-sitta u għoxrin entrata tat-tabella fil-Parti A tal-Anness VII tar-Regolament (UE) 2019/1241, biex l-MCRS għall-gandoffla tal-għonq qasir jinbidel minn 35 mm għal 32 mm fis-subżona 8 tal-ICES. Fit-13 ta’ Jannar 2025, l-Istati Membri ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar żball li permezz tiegħu l-emenda ma kinitx inkludiet ir-referenza għar-rettangolu statistiku 18E8 fis-subżona 8 tal-ICES (il-Baċir ta’ Arcachon), f’konformità mar-rakkomandazzjoni konġunta. |
|
(5) |
Dan l-iżball jidher fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha tat-test, u jenħtieġ li l-Anness VII tar-Regolament (UE) 2019/1241 jiġi kkoreġut kif xieraq. |
|
(6) |
Il-miżuri introdotti b’dan ir-Regolament applikabbli għall-ilmijiet tal-Unjoni għandhom l-għan li jilħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 494(1) u (2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (3) u jikkunsidraw il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 494(3) ta’ dak il-ftehim. Dawn huma mingħajr preġudizzju għal kull miżura applikabbli fl-ilmijiet tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq. |
|
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1241 jiġi kkoreġut kif xieraq, |
|
(8) |
Peress li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd għall-gandoffla tal-għonq qasir u għall-paġella ħamra u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu. Billi r-Regolament Delegat (UE) 2024/3204 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025, jenħtieġ li dan ir-Regolament ukoll jibda japplika minn dik id-data, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Annessi VI u VII tar-Regolament (UE) 2019/1241 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ġunju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1241/2025-01-01.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/3204 tal-11 ta’ Ottubru 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-gandoffla tal-għonq qasir u l-paġella ħamra (ĠU L, 2024/3204, 31.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/3204/oj).
(3) ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/689(1)/oj.
ANNESS
|
(1) |
Fl-Anness VI, il-Parti A, id-dsatax-il entrata tat-tabella hija sostitwita b’dan li ġej:
|
|
(2) |
Fl-Anness VII, il-Parti A, it-tabella hija emendata kif ġej:
|
(*1) Dan id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni għandu japplika għas-subżoni 6 u 7 tal-ICES sal-31 ta’ Diċembru 2025. Id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni ta’ 33 cm għandu japplika għas-subżona 5 tal-ICES.
(*2) F’każ li ma jiġux adottati regoli ġodda qabel il-31 ta’ Diċembru 2025, mill-1 ta’ Jannar 2026, id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni applikabbli għandu jkun ta’ 33 cm.”
(*3) Dan id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni għandu japplika għas-subżona 8 tal-ICES sal-31 ta’ Diċembru 2025. Id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni ta’ 33 cm għandu japplika għas-subżoni 9 u 10 tal-ICES (l-ilmijiet tal-Unjoni) u għaż-żoni 34.1.1, 34.1.2 u 34.2.0 tas-CECAF (l-ilmijiet tal-Unjoni).
(*4) F’każ li ma jiġux adottati regoli ġodda qabel il-31 ta’ Diċembru 2025, mill-1 ta’ Jannar 2026, id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni applikabbli għandu jkun ta’ 33 cm.”
(*5) Għandu japplika daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni ta’ 32 mm għall-Baċir ta’ Arcachon, ir-Rettangolu Statistiku 18E8 fis-subżona 8 tal-ICES.”
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1726/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)