|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1601 |
8.10.2025 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2025/1601 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tas-7 ta’ Mejju 2025
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2023, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2023, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 102 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A10-0047/2025), |
|
A. |
billi fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza, l-awtorità ta’ kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont, u billi jiġi implimentat il-kunċett ta’ baġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani; |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) hija l-awditur estern tal-Unjoni, fdat, permezz ta’ ħidma ta’ awditjar indipendenti, professjonali u li tħalli impatt, biex jivvaluta l-ekonomija, l-effettività, l-effiċjenza, il-legalità u r-regolarità tal-azzjoni tal-Unjoni ħalli ttejjeb l-obbligu ta’ rendikont, it-trasparenza u l-ġestjoni finanzjarja, u b’hekk ittejjeb il-fiduċja taċ-ċittadini u tirrispondi b’mod effettiv għall-isfidi attwali u futuri li qed tiffaċċja l-Unjoni; |
|
C. |
billi, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 287 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), mill-għeluq tas-sena finanzjarja 1987 ’il hawn, il-Qorti kellha l-kontijiet tad-dħul u l-infiq tagħha awditjati minn awditur estern indipendenti kull sena u dawn ir-rapporti tal-awditur estern ilhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mir-rapport dwar is-sena finanzjarja 1992; |
|
D. |
billi l-obbligu ta’ rendikont tal-maniġment fil-konfront tal-awtoritajiet baġitarji huwa pprovdut permezz tar-rapport annwali tal-attività tas-Segretarju Ġenerali tal-Qorti, li l-għan tiegħu, skont l-Artikolu 74(9) tar-Regolament Finanzjarju, huwa li jipprovdi informazzjoni dwar l-użu li jkun sar tar-riżorsi, inklużi s-sistemi, u dwar l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll intern tal-Qorti; |
|
E. |
billi, bit-twettiq tal-kompiti tagħha b’mod trasparenti u indipendenti, il-Qorti tikkontribwixxi għas-sorveljanza demokratika, għad-dibattitu pubbliku u għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-Unjoni; |
|
F. |
billi l-Qorti ħadet il-pożizzjoni li, sabiex tivvaluta l-governanza, l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza tal-Unjoni u l-kwalità u l-affidabbiltà tal-informazzjoni u tad-data rrapportati dwar l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, l-aħjar soluzzjoni tkun li l-Qorti tingħata l-mandat li tawditja l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni stabbiliti mit-Trattati jew skonthom u l-istrutturi intergovernattivi kollha ta’ rilevanza ewlenija għall-funzjonament tal-Unjoni; billi l-Parlament jappoġġja bil-qawwa l-Qorti u jilqa’ inizjattivi li jsaħħu l-kapaċità tal-Qorti li twettaq il-mandat tagħha; |
|
1. |
Jinnota li l-baġit tal-Qorti jaqa’ taħt l-Intestatura 7 tal-QFP, “Amministrazzjoni pubblika Ewropea”, li ammonta għal EUR 12,3-il biljun fl-2023 (li jirrappreżentaw 6,4 % tal-baġit totali tal-Unjoni); jinnota li l-baġit tal-Qorti ta’ madwar EUR 0,2 biljun jirrappreżenta madwar 1,5 % tan-nefqa amministrattiva totali tal-Unjoni u anqas minn 0,1 % tal-infiq totali tal-Unjoni; |
|
2. |
Jinnota li l-Qorti, fir-rapport annwali tagħha għas-sena finanzjarja 2023, eżaminat kampjun ta’ 70 tranżazzjoni fl-ambitu tal-Amministrazzjoni, 10 aktar minn kemm ġew eżaminati fl-2022; jinnota wkoll li l-Qorti rrapportat li n-nefqa amministrattiva tinkludi n-nefqa fuq ir-riżorsi umani, inkluża n-nefqa fuq il-pensjonijiet, li fl-2023 kienet tammonta għal madwar 70 % tan-nefqa amministrattiva totali, u n-nefqa fuq il-bini, it-tagħmir, l-enerġija, il-komunikazzjonijiet u t-teknoloġija tal-informazzjoni, u li l-ħidma tagħha tul ħafna snin tindika li, b’mod ġenerali, dan l-infiq huwa ta’ riskju baxx; |
|
3. |
Jilqa’ ż-żieda kontinwa fl-għadd ta’ tranżazzjonijiet awditjati mill-Qorti taħt l-intestatura Amministrazzjoni; jieħu nota ta’ awditu ppjanat dwar is-servizz ċivili tal-Unjoni, iżda jfakkar f’kemm hu importanti li jkun hemm investigazzjoni aktar fil-fond dwar in-nefqa amministrattiva u jtenni t-talba tiegħu li fil-ħidma tagħha tinkludi data komprensiva dwar l-istituzzjonijiet kollha sabiex tiġi pprovduta bażi koerenti għal proċedura ta’ kwittanza konsistenti; |
|
4. |
Jinnota li 21 (30 %) mis-70 tranżazzjoni kien fihom żbalji iżda li l-Qorti, abbażi tal-5 żbalji li ġew ikkwantifikati, tistma li l-livell ta’ żball kien taħt il-livell limitu ta’ materjalità; |
|
5. |
Jinnota li r-rapporti finanzjarji tal-Qorti jiġu awditjati minn awditur estern indipendenti sabiex jiġu applikati l-istess prinċipji ta’ trasparenza, obbligu ta’ rendikont u indipendenza li l-Qorti tapplika fil-konfront ta’ dawk soġġetti għall-awditjar tagħha; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
6. |
Jinnota li l-baġit ġenerali tal-Qorti għall-2023 kien jammonta għal EUR 175 059 922, ekwivalenti għal żieda ta’ 7,97 % minn EUR 162 141 175 fl-2022; jinnota li ż-żieda kienet primarjament dovuta għall-aġġustamenti fis-salarji u disa’ pożizzjonijiet temporanji ġodda relatati ma’ Next Generation EU; jinnota li għall-2023, 88,5 % tal-approprjazzjonijiet kienu għall-Membri u l-persunal tagħha, filwaqt li 11,5 % kienu għall-bini, għat-tagħmir u għan-nefqa mixxellanja; |
|
7. |
Jinnota li r-rata ta’ implimentazzjoni għall-impenji u għall-pagamenti kienet għolja, għalkemm ħarira anqas minn dik fl-2022; josserva li r-rata ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet kienet ta’ 97,92 %, u l-pagamenti kienu jirrappreżentaw 94,45 % tal-impenji totali, meta mqabbla ma’ 98,12 % u 95,26 %, rispettivament, fl-2022; |
|
8. |
Jinnota li l-gwerra ta’ aggressjoni illegali u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna b’diversi modi ħolqot pressjonijiet baġitarji għall-Qorti, inkluż permezz ta’ żieda fl-inflazzjoni u aġġustamenti fis-salarji, u żieda qawwija fl-ispejjeż tal-elettriku u tat-tisħin; |
|
9. |
Jenfasizza li l-eżekuzzjoni baġitarja għall-2023 kienet intlaqtet minn żewġ fatturi, li jispjegaw ir-rata kemxejn aktar baxxa milli kienet fl-2022:
|
|
10. |
Jinnota li, matul l-2023, il-Qorti wettqet 36 trasferiment baġitarju li ammontaw għal total ta’ EUR 5 676 379, li kellhom l-għan li jiżguraw l-operat bla xkiel tad-diversi dipartimenti tal-Qorti u l-issodisfar ta’ kwalunkwe ħtieġa relatata; |
|
11. |
Jinnota li, fl-2023, il-Qorti xtrat oġġetti u servizzi li ammontaw għal total ta’ EUR 23 426 750,05 (EUR 5 512 853 fl-2022 u EUR 15 215 515 fl-2021), li minnhom ix-xiri minn fornituri lokali ammonta għal EUR 21 453 665,05 (EUR 4 848 701 fl-2022 u EUR 10 144 812 fl-2021); |
|
12. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-awditur estern iddikjara li r-riżorsi allokati kienu ntużaw għall-iskop maħsub tagħhom u li l-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti mill-uffiċjali awtorizzanti pprevedew il-garanziji meħtieġa biex jiġi żgurat li l-operazzjonijiet finanzjarji kienu konformi mar-regoli u r-regolamenti applikabbli; |
|
13. |
Jilqa’ l-fatt li l-baġit ġenerali tal-missjonijiet tal-Qorti (Membri u persunal) stabbilit inizjalment għall-ammont ta’ EUR 2 722 500 naqas b’4,4 % għal EUR 2 602 500 minħabba bidliet fil-metodi ta’ ħidma tal-Qorti wara l-pandemija; |
|
14. |
Jistieden lill-Qorti twettaq rieżami komprensiv tal-indennizzi tal-ivvjaġġar u tal-laqgħat, filwaqt li tiżgura li l-infiq ikun kosteffettiv, ġustifikat u ambjentalment sostenibbli, inkluża dipendenza akbar mil-laqgħat ibridi biex jitnaqqsu l-infiq bla bżonn u l-emissjonijiet tal-karbonju; |
Ġestjoni interna, prestazzjoni u kontroll intern
|
15. |
Jilqa’ l-fatt li, fl-2023, il-Qorti żiedet b’mod sinifikanti ż-żjarat tagħha fuq il-post meta mqabbla mat-tliet snin ta’ qabel, meta kienu għadhom stabbiliti parzjalment ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u dawk tas-saħħa pubblika relatati mal-COVID-19; jinnota li l-Qorti qattgħet b’kollox 4 897 jum fl-Istati Membri u barra mill-Unjoni meta mqabbla ma’ 2 984 jum fl-2022, 1 156 jum fl-2021, 1 190 jum fl-2020 u 3 605 ijiem fl-2019; |
|
16. |
Jinnota li, matul l-2023, il-Qorti ppreżentat żewġ rapporti annwali, erba’ rapporti annwali speċifiċi, 29 rapport speċjali, erba’ opinjonijiet u sitt rieżamijiet, li jagħmlu total ta’ 45 dokument; |
|
17. |
Jinnota li mid-29 miżura strateġika tal-istrateġija tal-Qorti għall-2021-2025, waħda ġiet ikkanċellata u t-28 l-oħra ġew implimentati bis-sħiħ; |
|
18. |
Japprezza l-fatt li l-Qorti tkejjel l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħha abbażi tas-segwitu mwettaq mill-awdituri tagħha; jinnota li, fl-2023, il-Qorti analizzat ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni u lil istituzzjonijiet oħra fir-rapporti tagħha tal-2019; japprezza l-fatt li l-analiżi wriet li mir-rakkomandazzjonijiet li ngħata segwitu għalihom, 100 % mill-15-il rakkomandazzjoni li saru fir-rapport annwali tal-Qorti tal-2019 u 85 % mill-208 rakkomandazzjonijiet fir-rapporti speċjali tal-2019 tal-Qorti kienu ġew implimentati jew bis-sħiħ jew f’xi aspetti jew fil-biċċa l-kbira tagħhom; |
|
19. |
Jilqa’ r-rieda tal-Qorti li twieġeb għat-talba tal-Parlament li tiffoka l-ħidma tal-awditjar tagħha fuq l-aktar sfidi urġenti, kif ukoll li ttejjeb il-kooperazzjoni mal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati (KPK) tal-Parlament; jisħaq li l-Qorti għandu jkollha aċċess sħiħ għall-għodod ta’ valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi, inklużi bażijiet tad-data tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri rigward każijiet ta’ frodi relatati mal-finanzjament tal-Unjoni, biex ittejjeb is-sistemi ta’ twissija bikrija kontra l-attivitajiet frodulenti; jiddispjaċih bil-kbir li l-aċċess tal-Qorti għal FENIX, l-għodda l-ġdida ta’ rapportar dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, għadu kwistjoni miftuħa minħabba l-fatt li l-Kummissjoni lill-Qorti tagħtiha aċċess għal xi wħud biss mill-moduli ta’ FENIX, u l-informazzjoni li tinsab fihom mhijiex aġġornata fil-ħin opportun; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti lill-Qorti aċċess sħiħ u immedjat għall-moduli FENIX kollha mingħajr dewmien; jinnota li d-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-Kummissjoni pprova jagħti aċċess lill-Qorti għall-fajls ta’ FENIX fi żmien ġimagħtejn mill-approvazzjoni ta’ talba għal pagament; jinsab allarmat, madankollu, li fil-prattika, dik l-iskadenza mhijiex qed tiġi rrispettata f’ħafna każijiet u li f’xi każijiet kien hemm dewmien li laħaq ix-xahrejn u nofs, fatt li naqqas b’mod sinifikanti l-ħeffa li biha ġew ippreżentati s-sejbiet tal-Qorti; ifakkar li l-Kummissarju għall-Baġit fil-laqgħa tal-Kumitat CONT tal-10 ta’ Ottubru 2024 iddikjara bil-miftuħ li l-Qorti għandha mandat sħiħ dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jindika l-ħtieġa li jsir titjib rapidu tal-aċċess tal-Qorti għall-għodod kollha biex twettaq il-mandat tagħha; |
|
20. |
Jistieden lill-Qorti tespandi l-ambitu tal-awditjar tagħha biex tinkludi l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) iffinanzjati mill-fondi proprji tal-BEI, minħabba r-rwol dejjem jikber tal-BEI fil-politika ekonomika, finanzjarja u industrijali tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu lill-Qorti l-mandat legali meħtieġ għal din l-espansjoni; |
|
21. |
Ifaħħar ir-rapporti speċjali f’waqthom u pertinenti dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li permezz tagħhom l-awtorità ta’ kwittanza tkun tista’ teżerċita b’mod effettiv il-prerogattivi tagħha u tipprovdi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni biex issaħħaħ fil-funzjonament ta’ dan l-istrument; iħeġġeġ lill-Qorti ssaħħaħ ir-rwol tagħha fil-ġlieda kontra l-frodi fil-baġit tal-Unjoni billi tidentifika d-dgħufijiet, tinvolvi ruħha f’diskussjonijiet ta’ kontra l-frodi, tintensifika l-awditi, tikkoopera mal-korpi li jidentifikaw il-frodi, u tipprovdi feedback rilevanti lill-awtorità ta’ kwittanza; |
|
22. |
Jinnota li l-Qorti, fi tmiem l-2023, kellha 969 membru tal-persunal; jinnota li fl-2023, in-nisa kienu jiffurmaw 53 % tal-persunal u l-irġiel 47 %, rati li ma nbidlux mis-sena preċedenti, 2022; Jiddispjaċih li n-nisa jirrappreżentaw biss 30 % tal-maniġment superjuri, tnaqqis sinifikanti minn 36,4 % fl-2022; jirrileva li l-proporzjon ġenerali ta’ nisa f’pożizzjonijiet maniġerjali naqas fl-2023; jistieden lill-Qorti tkompli bl-isforzi tagħha biex tippromwovi l-bilanċ bejn il-ġeneri għall-maniġment intermedju u dak superjuri; |
Riżorsi umani, ugwaljanza u benesseri tal-persunal
|
23. |
Jinsab allarmat li l-proċess tar-reklutaġġ kien jirrikjedi sforz addizzjonali, peress li madwar 50 % tal-kandidati rrifjutaw l-offerti ta’ impjieg mill-Qorti, parzjalment minħabba l-attraenza limitata tal-Lussemburgu bħala post ta’ impjieg u l-għoli tal-ħajja elevat; jinnota, madankollu, li d-ditti l-kbar tal-awditjar preżenti fil-Lussemburgu ukoll qed jiffaċċjaw sfidi u issa qed jirrikorru għas-swieq Asjatiċi biex jirreklutaw l-awdituri; jisħaq li tali approċċ ma jistax jiġi applikat mill-Qorti minħabba tħassib dwar is-sigurtà u l-eliġibbiltà; jirrikonoxxi l-isforzi tal-Qorti u jinkuraġġiha tikkollabora ma’ istituzzjonijiet oħra bbażati fil-Lussemburgu fi ħdan il-Grupp Interistituzzjonali ta’ Livell Għoli biex issaħħaħ l-attraenza tal-Lussemburgu għall-persunal prospettiv permezz ta’ miżuri identifikati, bħal allowances ogħla għar-rilokazzjoni, allowances għall-akkomodazzjoni biex jittaffew l-ispejjeż għoljin tal-kiri għall-persunal ta’ gradi aktar baxxi u akkomodazzjoni temporanja bi prezz raġonevoli għas-soġġorni qosra biex l-impjieg fil-Lussemburgu jsir aktar attraenti; |
|
24. |
Ifakkar fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jgħid li l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha għandhom jippromwovu s-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; |
|
25. |
Jikkondividi t-tħassib tal-Qorti li, b’mod ġenerali, il-professjoni tal-awditjar qed tiffaċċja kwistjonijiet ta’ reklutaġġ minħabba n-nuqqas ta’ interess fl-impjiegi tal-awditjar u tal-kontroll fost il-ħaddiema żgħażagħ; jappella għal soluzzjonijiet proattivi u kooperazzjoni interistituzzjonali sistematika immedjata biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata; |
|
26. |
Jikkondividi l-osservazzjonijiet tal-Qorti li l-kompetizzjonijiet tal-EPSO mhux dejjem jilħqu l-objettiv li jattiraw u jagħżlu l-profili rilevanti tal-kandidati mis-settur privat; jirrileva d-diversi kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjonijiet tal-EPSO, pereżempju l-problemi tekniċi bl-ittestjar mill-bogħod li wasslu għall-kanċellazzjoni ta’ kompetizzjoni waħda filwaqt li l-oħrajn kollha ġew sospiżi; jirrikonoxxi t-tħassib relatat mar-reklutaġġ u l-proċeduri tal-għażla ta’ persunal ġdid; iħeġġeġ lill-Qorti tkompli bl-isforz tagħha biex tindirizza din is-sitwazzjoni sabiex tissalvagwardja l-kontinwità tal-attività tal-Qorti; jinnota b’apprezzament li l-Qorti involviet ruħha f’kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal sabiex torganizza kompetizzjonijiet tal-awditjar f’intervalli regolari; jissuġġerixxi l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni ma’ korpi rilevanti oħra tal-Unjoni sabiex jiġu ottimizzati l-proċessi tar-reklutaġġ; |
|
27. |
Japprezza l-fatt li l-Qorti organizzat proċeduri ta’ selezzjoni flessibbli u varjati kif previst fir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea u stabbiliet proċeduri biex iżżomm il-persunal b’talent; |
|
28. |
Jinnota r-reġim tat-telexogħol (sa 10 ijiem fix-xahar) offrut mill-Qorti sabiex jiġu mmitigati l-isfidi tar-reklutaġġ; jilqa’ l-miżuri li l-Qorti ħadet fl-2023 sabiex tiżgura l-benesseri fiżiku u mentali tal-persunal; |
|
29. |
Jinnota li r-rata tal-postijiet tax-xogħol vakanti f’Diċembru 2023 kienet ta’ 2,27 % u r-rata tad-dawran tal-persunal (l-għadd ta’ persunal li jitlaq bħala proporzjon tal-persunal kollu) kienet ta’ 6,6 %; |
|
30. |
Japprezza l-isforz tal-Qorti biex iżżomm ir-rata tal-postijiet tax-xogħol vakanti baxxa fl-2023; jikkondividi bis-sħiħ, madankollu, it-tħassib dwar in-nuqqas ta’ bilanċ ġeografiku fost ir-rekluti l-ġodda, b’tali mod li l-persunal tal-Qorti kollu kemm hu huwa saħansitra anqas ġeografikament rappreżentattiv; jinnota li, skont il-Qorti, hemm ir-riskju li fi żmien ħames snin diversi Stati Membri Nordiċi mhux se jkunu koperti mill-awditjar minħabba nuqqas potenzjali ta’ awdituri minn dawk l-Istati Membri; |
|
31. |
Jilqa’ l-fatt li l-Qorti ħadet diversi passi biex tindirizza l-kwistjoni tal-bilanċ ġeografiku, pereżempju żiedet il-pubbliċità għall-avviżi tal-kompetizzjonijiet u tal-postijiet vakanti tal-Qorti fl-Istati Membri sottorappreżentati b’mod sinifikanti, ikkooperat mal-Membri tal-Qorti biex ixerrdu l-avviżi tagħha u għamlet kuntatt ma’ kandidati potenzjali billi attendiet fieri tal-karrieri f’ċerti Stati Membri; jinkoraġġixxi li jitqiesu passi ulterjuri, bħal strateġiji ta’ involviment bikri, li jattiraw talent żagħżugħ mill-pajjiżi b’rappreżentanza baxxa; jinnota b’ċertu dispjaċir li għad fadal xi jsir mhux ħażin biex jintlaħaq bilanċ bejn il-ġeneri fil-maniġment intermedju u f’dak superjuri; |
|
32. |
Jilqa’ l-fatt li, fi tmiem l-2023, imtlew id-29 post addizzjonali kollha meħtieġa għall-awditu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ta’ EUR 723,8 biljun; madankollu, jissottolinja li l-materjalità, il-kumplessità, l-ammonti kbar u l-iżborżi rapidi mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għadhom joħolqu sfidi u li mhux l-aspetti kollha tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jistgħu jiġu koperti mir-riżorsi disponibbli, li jippermettu lill-Qorti tivvaluta l-ilħuq sodisfaċenti tal-istadji importanti u l-miri u għalhekk il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, iżda mhumiex biżżejjed biex ikopru b’mod sistematiku l-konformità tan-nefqa tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza mal-liġijiet tal-Unjoni u dawk nazzjonali; jenfasizza kemm hu importanti li jiġi żgurat li l-Qorti tiġi pprovduta b’mod konsistenti b’livelli adegwati ta’ persunal biex tissodisfa kemm il-mandat tagħha kif ukoll ir-responsabbiltajiet addizzjonali li jirriżultaw minn strumenti ta’ finanzjament ġodda bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; ifaħħar l-isforzi li saru mill-Qorti biex twettaq dmirijietha fir-rigward tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza s’issa minkejja n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ riżorsi kompletament adegwati; |
|
33. |
Jinsab konxju li l-Qorti ma għandha l-ebda rwol fil-proċess tal-għażla għall-Membri fl-ambitu tal-Artikolu 286(2) TFUE; jirrimarka, madankollu, li għad hemm żbilanċ importanti bejn il-ġeneri fost il-Membri tal-Qorti, b’10 nisa biss minn 27 membru; jiddispjaċih li 12-il Stat Membru qatt ma nnominaw mara għall-Qorti; jistieden lill-Qorti tevalwa l-kompożizzjoni kumplessiva tagħha u tipprovdi din l-analiżi lill-Kunsill u lill-Istati Membri, sabiex tiżgura li l-bilanċ bejn il-ġeneri jitqies kif xieraq fil-proċessi tan-nomina futuri; itenni t-talba tiegħu biex l-Istati Membri jipproponu kandidati ta’ ġeneri differenti, bl-għan li jkun hemm kompożizzjoni tal-Qorti aktar ibbilanċjata u rappreżentattiva; |
|
34. |
Jiddispjaċih li l-Kunsill ripetutament innomina membri tal-Qorti minkejja li l-Parlament kien irrifjutahom; jenfasizza li l-Parlament għandu jkollu rwol vinkolanti fl-evaluazzjoni tal-idoneità tal-kandidati għall-Qorti; |
|
35. |
Jinnota li, fl-2023, l-assenza medja minħabba mard kienet ta’ 10 ijiem għal kull membru tal-persunal, meta mqabbla ma’ 12,2-il jum fl-2022; jinnota wkoll li, fl-2023, 4 membri tal-persunal (meta mqabbla ma’ 8 fl-2022) kienu assenti minħabba mard fit-tul, definit bħala li jdum aktar minn 200 jum f’sena; |
|
36. |
Jinnota bi tħassib li fl-2023 ġew irrapportati 7 każijiet ta’ burnout, u dan jirrifletti l-istess numru inkwetanti bħal fl-2022; jilqa’ l-fatt li l-Qorti ħadet diversi passi biex tnaqqas ir-riskju ta’ burnout billi introduċiet programm sħiħ ta’ benesseri, filwaqt li offriet taħriġ ta’ reżiljenza, ippubblikat u implimentat linji gwida dwar ir-ritorn għax-xogħol wara liv minħabba mard fit-tul, kompliet toffri l-ewwel għajnuna għas-saħħa mentali, u pprovdiet appoġġ finanzjarju lill-persunal billi kopriet l-ispiża ta’ 10 sessjonijiet ma’ psikologu tal-għażla tagħhom; |
|
37. |
Jinnota b’apprezzament li fl-2023 il-Qorti reġgħet għal darb’ oħra qabżet il-mira tat-taħriġ professjonali ta’ ħamest ijiem ta’ taħriġ mhux lingwistiku fis-sena għall-awdituri (6,7 ijiem), f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti; jinnota b’mod partikolari t-taħriġ tal-persunal tal-Qorti dwar Next Generation EU u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; |
|
38. |
Jilqa’ l-adozzjoni ta’ politika ġdida f’Diċembru 2022 biex jiġi żgurat post tax-xogħol rispettuż u ħieles mill-fastidju, li tiffoka fuq il-prevenzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-identifikazzjoni bikrija; jenfasizza miżuri bħall-preżentazzjoni lill-persunal kollu f’Jannar 2023 biex jittejjeb il-fehim tal-politika, il-varar ta’ formola tar-rappurtar armonizzata, u l-pubblikazzjoni tal-ewwel rapport annwali aggregat dwar l-implimentazzjoni tal-politika; |
|
39. |
Jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Diversità u l-Inklużjoni 2021–2025 tal-Qorti; jinnota b’sodisfazzjon l-organizzazzjoni tat-tielet Ġimgħa ta’ Sensibilizzazzjoni dwar id-Diżabilità u inizjattivi interistituzzjonali biex titrawwem l-inklużività; jenfasizza l-isforzi tal-Qorti, inkluż l-istħarriġ tagħha dwar l-aċċessibbiltà fuq il-post tax-xogħol, il-parteċipazzjoni fil-Premju tal-Ombudsman għall-Amministrazzjoni Tajba, u l-awditu estern dwar l-aċċessibbiltà tal-bini f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Lussemburgu tal-2023 dwar l-aċċessibbiltà; |
|
40. |
Jenfasizza r-rwol kritiku li għandha l-Qorti bħala l-awditur estern indipendenti tal-Unjoni u l-gwardjana tal-finanzi tagħha li jirrikjedi li l-Qorti żżomm mal-ogħla standards ta’ integrità, professjonaliżmu, u obbligu ta’ rendikont, u hekk isservi ta’ istituzzjoni mudell sabiex tispira l-fiduċja u l-kredibbiltà; ifakkar li, f’konformità mal-Artikolu 285 tat-TFUE, il-membri tal-Qorti jeħtiġilhom jeżerċitaw indipendenza sħiħa u jaderixxu mal-ogħla prinċipji etiċi, filwaqt li juru l-integrità, l-oġġettività, l-imġiba professjonali, id-dinjità, l-impenn u l-lealtà; |
Qafas etiku u trasparenza
|
41. |
Jilqa’ l-fatt li r-regoli interni dwar ir-rapportar ta’ irregolaritajiet serji (żvelar ta’ informazzjoni protetta) ġew aġġornati sabiex isiru aktar ċari u dettaljati u biex tiġi pprovduta aktar informazzjoni lill-persunal; jinnota li fl-2023 ma kien hemm l-ebda każ ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta fil-Qorti; jinnota, barra minn hekk, li, fl-2023, il-Qorti varat ukoll il-proċess ta’ aġġornament tar-regoli tal-Qorti dwar it-twettiq ta’ investigazzjonijiet amministrattivi u proċeduri dixxiplinari, li ġie ffinalizzat fil-bidu tal-2024; |
|
42. |
Jinnota li, fl-2023, il-Qorti organizzat 3 avvenimenti ta’ taħriġ iddedikati speċifikament għall-etika, li attiraw 60 parteċipant; iqis il-fatt li l-korsijiet tal-Qorti relatati mal-etika kienu miftuħa għall-persunal kollu, inklużi l-maniġers, u li l-korsijiet standard huma obbligatorji għar-rekluti l-ġodda u jkopru l-etika pubblika u l-politika tal-Qorti kontra l-fastidju; jiddispjaċih li l-korsijiet relatati mal-etika ma kinux obbligatorji għall-persunal kollu fuq bażi regolari; |
|
43. |
Japprezza l-fatt li l-Qorti organizzat 6 korsijiet ta’ taħriġ dwar il-frodi, inklużi l-frodi fl-akkwist, il-frodi tal-VAT, u l-frodi fir-rigward tal-RRF; jilqa’ l-fatt li, f’Ġunju 2023, l-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi (OLAF) ipprovda taħriġ dwar l-intervistar f’każijiet ta’ frodi u korruzzjoni suspettati; jinnota li, f’Novembru 2023, il-Qorti ngħaqdet mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u mal-OLAF biex torganizza kors ta’ jumejn dwar il-frodi fl-akkwist pubbliku fl-Unjoni; |
|
44. |
Jinsab imħasseb dwar ir-rapport tal-media li investigazzjoni tal-UPPE dwar l-użu ħażin ta’ fondi mill-eks President tal-Qorti bħalissa hija mblukkata bid-deċiżjoni tal-Qorti li ma tneħħix l-immunità tiegħu; jitlob lill-Qorti tikkoopera bis-sħiħ mal-UPPE fi kwalunkwe investigazzjoni li jista’ jattiva u jitlobha tirrapporta dwar ir-raġunijiet għad-deċiżjoni li ma titneħħix l-immunità; |
|
45. |
Jistieden lill-Qorti tiżgura li l-Membri kollha u l-persunal anzjan kollu jippubblikaw l-interessi finanzjarji, ir-rigali u d-dikjarazzjonijiet tal-ospitalità tagħhom f’bażi tad-data online pubblika, f’konformità mal-aħjar prattiki fir-regoli tal-UE dwar it-trasparenza; |
|
46. |
Jiddispjaċih li l-Qorti naqset milli tikkoopera bis-sħiħ mal-UPPE billi rrifjutat li tneħħi l-immunità tal-ex President tagħha u billi ċaħħdet lill-UPPE mill-aċċess biex iwettaq tfittxija fil-bini tagħha fir-rigward ta’ stħarriġ dwar imġiba ħażina possibbli, fatt li jista’ jitqies bħala interferenza fit-twettiq xieraq ta’ investigazzjoni, skont l-UPPE; ifakkar li, bħala l-awditur estern tal-Unjoni, il-Qorti hija marbuta bil-prinċipji tal-obbligu ta’ rendikont, l-integrità u t-trasparenza, kif ukoll bil-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera reċiproka bejn l-istituzzjonijiet tal-UE; jistieden lill-Qorti tiżgura li l-immunità ma tiġix invokata biex tfixkel proċedimenti ġudizzjarji leġittimi u tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura konformità sħiħa mal-kooperazzjoni interistituzzjonali fil-prevenzjoni u l-investigazzjoni tal-frodi; |
|
47. |
Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapporti tal-media, l-UPPE talab it-tneħħija tal-immunità ta’ għadd ta’ membri tal-persunal tal-Qorti fl-2023 u li, sal-lum, il-Qorti rrifjutat li tilqa’ din it-talba; jisħaq li filwaqt li l-immunità sservi biex tipproteġi l-indipendenza tal-istituzzjonijiet tal-UE, ma għandhiex tintuża ħażin biex tipproteġi lill-individwi minn skrutinju ġudizzjarju leġittimu; iqis li t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità għandhom jiġu rrifjutati biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali; jistieden lill-Qorti tipprovdi ġustifikazzjoni dettaljata lill-awtorità ta’ kwittanza għad-deċiżjoni tagħha f’dan il-każ, filwaqt li tiddeskrivi fil-qosor it-tħassib legali u proċedurali speċifiku li wassal għar-rifjut, jekk ikun hemm; iħeġġeġ ukoll lill-Qorti żżomm livell għoli ta’ trasparenza u obbligu ta’ rendikont fil-kooperazzjoni tagħha mal-UPPE u korpi oħra tal-UE responsabbli li jiġġieldu kontra l-frodi u l-imġiba ħażina; |
|
48. |
Jinnota li, fl-2023, la l-OLAF u lanqas l-Ombudsman Ewropew ma taw bidu għal xi investigazzjoni li tinvolvi lill-Qorti; |
|
49. |
Jilqa’ l-fatt li, fl-2024, il-Qorti, flimkien mal-Qorti tal-Ġustizzja, stiednet lill-Kummissjoni tipparteċipa fi djalogu interistituzzjonali bil-għan li jintlaħaq qbil dwar regoli komuni rigward l-użu tal-karozzi uffiċjali, li huwa konformi mal-kumment inkluż fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tal-11 ta’ April 2022 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Awdituri u dak tal-Qorti tal-Ġustizzja; jenfasizza l-appell lill-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni biex jaqblu dwar sistema waħda li għandha tiġi applikata b’mod orizzontali, ħaġa li se tnaqqas il-konfużjoni u żżid it-trasparenza u l-effiċjenza fl-użu tal-fondi pubbliċi; jinnota li se jinħoloq grupp ta’ ħidma fil-qafas tal-Kumitat ta’ Tħejjija interistituzzjonali għal Kwistjonijiet relatati mar-Regolamenti tal-Persunal; japprezza r-rieda tal-Qorti li tallinja r-regoli mar-regoli applikabbli tal-Kummissjoni, iżda jtenni l-kritika, diġà espressa fir-riżoluzzjonijiet ta’ kwittanza preċedenti, dwar id-deċiżjoni l-ġdida mill-2022 dwar l-ivvjaġġar tal-membri, il-missjonijiet tagħhom u l-użu li huma jagħmlu mis-sewwieqa u l-karozzi, li jmur kontra l-prinċipju ġenerali li l-użu tal-flotta tal-karozzi barra mill-qadi strett tad-dmirijiet tal-membri tal-Qorti m’għandu jseħħ taħt l-ebda ċirkostanza; |
|
50. |
Jinnota li, fl-2023, is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Qorti għamel 16-il rakkomandazzjoni tal-awditjar fir-rigward tal-etika, il-portal tat-trasparenza, il-kunflitti ta’ interess għall-persunal, il-Kumitat tal-Etika u l-Membri tal-Qorti; jinnota li minn 16-il rakkomandazzjoni, sat-30 ta’ Lulju 2024 kienu tlestew 5 rakkomandazzjonijiet, sa tmiem l-2024 kienu se jitlestew 8 rakkomandazzjonijiet, u kien hemm dewmien fit-tlestija ta’ 3 rakkomandazzjonijiet; |
|
51. |
Jilqa’ l-estensjoni tal-ambitu tal-informazzjoni ppubblikata dwar il-missjoni tal-Membri, iżda jfakkar fit-talba tal-Parlament li tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-missjonijiet għall-mandat kollu tal-Membri; jilqa’ r-reviżjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Membri li tipprojbixxi lill-Membri milli jokkupaw kwalunkwe pożizzjoni onorarja f’organizzazzjonijiet politiċi, u hekk timplimenta t-talba tal-Parlament biex il-Membri ma jkollhomx rabtiet politiċi formalizzati; jieħu nota li l-konklużjonijiet tar-rapport tal-awditjar intern dwar l-etika kellhom jiġu kkomunikati lill-President tal-PE u lill-President tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit fit-tielet kwart tal-2024, u jistieden lill-Qorti tikkondividi dan, kollu kemm hu, mal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit; jistieden lill-Qorti tippubblika d-deċiżjonijiet ta’ rifjut f’każijiet fejn il-Membri jew il-persunal jiddikjaraw kunflitti ta’ interess, u b’hekk tiżgura trasparenza akbar fil-proċess tal-awditjar; |
|
52. |
Jinnota li l-Membri kollha tal-Qorti għandhom ir-residenza primarja tagħhom fil-Lussemburgu, kif meħtieġ mill-Artikolu 10 tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri u għall-ex Membri tal-Qorti tal-Awdituri; |
|
53. |
Jilqa’ l-fatt li l-Qorti rrevediet il-politika dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti, u b’hekk irriflettiet l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza Ewropea, u ssimplifikat il-proċedura biex jiġu ttrattati t-talbiet għall-aċċess għad-dokumenti u t-talbiet konfermatorji; ifakkar fil-fatt li l-applikazzjoni tal-prinċipju Skandinavu tal-aċċess pubbliku għar-rekords uffiċjali fl-Unjoni kienet prerekwiżit biex xi Stati Membri jissieħbu fl-Unjoni u jissottolinja l-fatt li n-nuqqas ta’ twettiq ikun ta’ detriment għar-reputazzjoni tal-Unjoni bħala komunità bbażata fuq l-istat tad-dritt; |
|
54. |
Jesprimi dispjaċir li lista annwali ta’ kuntratti ogħla mil-limitu tad-Direttiva (> EUR 140 000 għas-servizzi/għall-provvisti; > EUR 5 382 000 għax-xogħlijiet) konklużi fl-2023 mhijiex disponibbli fuq is-sit web tal-Qorti; jistieden lill-Qorti tippubblika dik il-lista f’dokument separat mingħajr dewmien żejjed u tiżgura aċċess għaliha li jkun faċli għall-utent; |
|
55. |
Japprezza u jistenna bil-ħerqa l-konsolidazzjoni min-naħa tal-Qorti tar-regoli interni kollha dwar l-istrateġija kontra l-frodi f’dokument wieħed konġunt; |
|
56. |
Ikompli jirrifjuta r-raġunament tal-Qorti għad-deċiżjoni tagħha li ma tisseħibx fir-Reġistru tat-Trasparenza, peress li ma għandhiex interess partikolari li tinfluwenza t-teħid tad-deċiżjonijiet, oltre milli tipprovdi fatti u feedback oġġettiv dwar il-programmi tal-Unjoni; jinnota li r-rapporti kollha tal-Qorti huma disponibbli għall-pubbliku u soġġetti għal proċedura ta’ approvazzjoni rigoruża mal-entitajiet awditjati; itenni l-appell qawwi tiegħu lill-Qorti biex tingħaqad fir-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE sabiex taderixxi mal-prinċipji bażiċi tat-trasparenza filwaqt li fl-istess ħin ma toħloq l-ebda ostaklu għall-indipendenza sħiħa tal-Qorti; |
|
57. |
Jinkoraġġixxi b’saħħa lill-Qorti tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha rigward ir-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE stabbilit bil-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta’ Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar reġistru obbligatorju tat-trasparenza; |
|
58. |
Jilqa’ l-progress sinifikanti li sar fl-2023 lejn l-istabbiliment tal-Ekosistema tal-Ġestjoni tad-Dokumenti (DOME), jiġifieri t-twettiq u l-implimentazzjoni permezz ta’ proċessi konkreti ta’ approvazzjoni tad-dokumenti kemm tal-firma elettronika l-ġdida kif ukoll tal-modulu ewlieni ta’ approvazzjoni għall-PASS (Proċess għall-Approvazzjoni, l-Iffirmar u l-Bgħit tad-dokumenti); iħeġġeġ lill-Qorti tkompli ssegwi aktar l-objettivi tagħha li tiddiġitalizza l-flussi tax-xogħol ta’ rieżami u approvazzjoni u li ttejjeb l-effiċjenza tagħhom; |
|
59. |
Jinnota li l-Qorti kompliet tkun involuta b’mod attiv fil-grupp tat-Teknoloġija emerġenti tal-Kumitat Interistituzzjonali għat-Trasformazzjoni Diġitali; jinnota li t-Tim DATA (Data u Teknoloġija għall-Awditjar), li ġie stabbilit fl-2021, kompla jaħdem fuq l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ żvilupp għall-użu aħjar tat-teknoloġija b’appoġġ għall-objettivi tal-awditjar tal-Qorti; jinnota b’mod partikolari t-tħejjija ta’ analiżi tal-opportunitajiet u l-isfidi tal-IA għall-Qorti u għall-ħidma tal-awditjar tagħha; ifakkar fl-importanza li tittejjeb id-diġitalizzazzjoni tax-xogħol tal-awditjar; jilqa’ l-isforzi kollha li l-Qorti qed tkompli tagħmel f’din id-direzzjoni, billi d-diġitalizzazzjoni flimkien maż-żieda fl-għadd ta’ żjarat fuq il-post, jistgħu jiddefinixxu sistema ta’ ħidma tal-awditjar effiċjenti u preċiża; |
Diġitalizzazzjoni, ċibersigurtà u protezzjoni tad-data
|
60. |
Ifaħħar lill-Qorti għall-progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-pjan tagħha dwar iċ-ċibersigurtà għall-2022-2024 matul dawn l-aħħar sentejn; jinnota li tlestew sebgħa mill-kompiti ta’ prijorità għolja, filwaqt li sitta għadhom għaddejjin u wieħed jinsab wieqaf; jinnota li tlestew tnejn mill-kompiti ta’ prijorità medja, filwaqt li erbgħa għadhom għaddejjin u tlieta għadhom ma nbdewx; |
|
61. |
Japprezza l-fatt li fost il-kompiti li twettqu hemm dawn li ġejjin:
|
|
62. |
Iħeġġeġ lill-Qorti tiżviluppa qafas tal-awditjar taċ-ċibersigurtà għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, filwaqt li tiżgura standards tas-sigurtà armonizzati u miżuri ta’ reżiljenza kontra t-theddid ċibernetiku; |
|
63. |
Jinnota b’apprezzament li l-Qorti twettaq mill-anqas tliet eżerċizzji ta’ phishing simulati fis-sena biex iżżid is-sensibilizzazzjoni tal-utenti dwar dik it-theddida ċibernetika; jinnota wkoll li l-Qorti twettaq valutazzjoni komprensiva tar-riskju taċ-ċibersigurtà kull 3 snin; Jissuġġerixxi lill-Qorti torganizza fuq bażi regolari taħriġ obbligatorju għall-persunal kollu dwar it-theddid ċibernetiku inklużi l-prattiki t-tajba għall-użu sikur tal-IA; |
|
64. |
Jinnota b’sodisfazzjon li ma kien hemm l-ebda traċċa ta’ esfiltrazzjoni tad-data jew ta’ moviment laterali tal-intruż għal sistemi oħra tal-IT tal-Qorti matul l-inċident ċibernetiku ta’ Lulju 2023, li matulu wieħed mill-gateways tas-sigurtà tal-perimetru ġie kompromess mill-isfruttament ta’ vulnerabbiltà tas-software; jinnota li l-vulnerabbiltà tas-software kienet ġiet żvelata mill-bejjiegħ jumejn biss qabel l-inċident; |
|
65. |
Ifaħħar il-ħidma tas-Servizz taċ-Ċibersigurtà għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE), li nnotifika lill-Qorti dwar l-inċident, għen biex jiġi investigat l-ambitu tiegħu u wettaq l-analiżi forensika; jinnota li, wara l-inċident, il-Qorti rrestawrat backup għall-istat prestabbilit tas-sistema u applikat l-aġġornament tas-software li rrimedja għall-vulnerabbiltajiet sfruttati mill-attakkant; jinnota wkoll li fil-ġimgħat ta’ wara, il-Qorti gradwalment applikat ftit miżuri preventivi addizzjonali rakkomandati mis-CERT-EU għall-apparati biex tiżgura li tkun inqerdet kwalunkwe traċċa possibbli mhux identifikata tal-malware; |
|
66. |
Jinnota b’apprezzament li fl-2023 il-Qorti rrieżaminat u aġġornat il-Pjan ta’ Rispons tagħha għall-Inċidenti taċ-Ċibersigurtà u ħolqot formola għar-reġistrazzjoni ta’ tali inċidenti fl-għodda għall-ġestjoni tas-servizzi tal-IT; jenfasizza l-fatt li l-formola qieset it-tagħlimiet meħuda mill-inċident ta’ Lulju 2023 fis-sens li kienet immirata lejn il-ġbir tal-informazzjoni kollha li tista’ tkun utli biex jiġi indirizzat inċident taċ-ċibersigurtà; |
Bini
|
67. |
Jinnota li, fl-2023, tlestiet il-ħidma biex jiġu aġġornati l-installazzjonijiet tekniċi fis-sulari kollha tal-bini K2 u jiġi ottimizzat l-użu tal-ispazji komuni tiegħu; jinnota li l-Qorti impenjat EUR 6 445 635,82 minn baġit totali ta’ EUR 6 902 185,54; ifaħħar lill-Qorti talli ma qabżitx il-baġit stmat; jistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni jsegwu l-ġestjoni baġitarja eżemplari tal-Qorti; |
|
68. |
Japprezza l-fatt li, fi Frar 2023, ingħataw ir-riżultati ta’ awditu mwettaq minn konsulent estern tal-aċċessibbiltà tal-bini kollu tal-Qorti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-persuni b’mobbiltà mnaqqsa jew b’diżabbiltà oħra; jinnota li l-awditu kopra t-tliet binjiet kollha, l-ispazji komuni, il-parkeġġi tal-karozzi u spazji oħra; jinsab konxju li l-azzjonijiet proposti qed jiġu rieżaminati u normalment ikunu s-suġġett ta’ proġett speċifiku, iżda li l-implimentazzjoni tagħhom se tiddependi l-aktar mid-disponibbiltà tal-baġit; |
Ambjent u sostenibbiltà
|
69. |
Jinnota li, fl-2023, il-Qorti investiet ħafna mill-isforzi tagħha għat-tnaqqis tal-impatt ambjentali f’miżuri għall-iffrankar tal-enerġija bħas-sostituzzjoni tal-bozoz tad-dawl tradizzjonali bl-LEDs, it-tnaqqis tal-għadd ta’ sigħat ta’ ventilazzjoni u r-reviżjoni u t-tiġdid ta’ ċerti sistemi tekniċi fil-bini tagħha; jinnota wkoll li l-Qorti introduċiet miżuri speċjali għall-iffrankar tal-enerġija fis-sajf tal-2023, li naqqsu l-konsum tal-elettriku bi 12 % meta mqabbel mas-sajf tal-2022, u dan iġġenera ffrankar ta’ EUR 26 976; |
|
70. |
Jinnota li, fl-2023, il-Qorti ffirmat ftehim mal-awtoritajiet Lussemburgiżi biex tistabbilixxi pjan ta’ mobbiltà; jistenna bil-ħerqa aġġornamenti dwar dik l-inizjattiva; |
Kooperazzjoni interistituzzjonali
|
71. |
Jenfasizza l-fatt li, fl-2023, l-awdituri tal-Qorti qattgħu 1 370 jum fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-organi tal-Unjoni u f’diversi organizzazzjonijiet internazzjonali u ditti privati tal-awditjar, meta mqabbla ma’ 945 jum fl-2022; |
|
72. |
Jappella għall-formalizzazzjoni ta’ djalogu interistituzzjonali annwali bejn il-Qorti, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-kontroll baġitarju, filwaqt li jiġi żgurat segwitu sistematiku tas-sejbiet tal-awditjar u sorveljanza mtejba tan-nefqa tal-UE; |
|
73. |
Ifakkar għal darb’oħra li l-kooperazzjoni effettiva bejn il-Qorti u l-Kummissjoni se tibqa’ limitata sakemm il-Kummissjoni ma tadottax il-metodoloġija tal-Qorti għall-valutazzjoni tar-rati ta’ żbalji, li hija bbażata fuq evalwazzjoni indipendenti u komprensiva tal-ksur kollu tar-regoli, b’kuntrast mal-enfasi tal-Kummissjoni fuq l-iżbalji li jistgħu jiġu rkuprati; |
|
74. |
Jilqa’ l-fatt li l-Qorti tikkoopera mill-qrib kemm mal-OLAF kif ukoll mal-UPPE, inkluż billi torganizza workshops u avvenimenti ta’ sensibilizzazzjoni u billi tiskambja l-għarfien u l-esperjenza; jinnota wkoll li l-Qorti, fl-2023, ressqet 20 każ ta’ frodi suspettata lill-OLAF u 17-il każ ta’ dan it-tip lill-UPPE; jenfasizza l-pożizzjoni tiegħu li s-suspetti kollha ta’ frodi għandhom jiġu riferuti fil-pront lill-OLAF u lill-UPPE biex jiġu investigati bir-reqqa; |
|
75. |
Jistieden lill-Qorti tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kollaborazzjoni strutturat għad-detezzjoni tal-frodi mal-OLAF u mal-UPPE, inklużi ftehimiet ta’ kondiviżjoni tad-data f’ħin reali u approċċ ta’ awditjar konġunt għall-oqsma ta’ finanzjament tal-UE b’riskju għoli; |
|
76. |
Jinsab konvint li sistema tal-IT integrata unika għall-estrazzjoni tad-data u l-kejl tar-riskju tista’ tkun sors siewi ta’ data, ħaġa li tkun tippermetti lill-Qorti, lill-OLAF u lill-UPPE jsaħħu l-isforzi tagħhom ta’ awditjar u kontroll; jisħaq li għandu jiġi pprovdut aċċess bla limitu għal tali sistema u għad-data li tinsab fiha, li ma għandha titpoġġa l-ebda restrizzjoni mhux ġustifikata fuq dak l-aċċess u li l-esplorazzjoni u l-użu ta’ aktar għodod diġitali u teknoloġiji emerġenti għandhom jiġu permessi immedjatament bħala parti mill-awditi tal-Qorti; |
|
77. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li, minkejja aċċess imtejjeb għad-dokumenti u l-informazzjoni tal-BEI, il-Qorti ma għandhiex mandat biex tawditja l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-fondi proprji tal-BEI; jitlob li l-Qorti tingħata dak il-mandat, minħabba l-missjoni tal-BEI li jsegwi l-objettivi tal-Unjoni u r-rwol dejjem akbar tiegħu fix-xenarju ekonomiku u politiku tal-Unjoni, li jestendi lil hinn mill-utilizzazzjoni tal-baġit tal-Unjoni biex jiggarantixxi l-operazzjonijiet tiegħu; jenfasizza r-Rapport Speċjali 05/2023 tal-Qorti bit-titolu “Ix-xenarju finanzjarju tal-UE – struttura frammentata li teħtieġ aktar simplifikazzjoni u obbligu ta’ rendikont” li fih il-Qorti ddikjarat li għandu jiġi stabbilit mandat ta’ awditjar pubbliku għat-tipi kollha ta’ finanzjament għall-politiki tal-Unjoni; |
|
78. |
Jinnota li, fl-2023, il-Qorti ppreżentat 29 rapport speċjali, rieżami wieħed u opinjoni waħda lil 22 kumitat u grupp ta’ ħidma differenti tal-Kunsill; jinnota wkoll li fl-istess sena r-rappreżentanti tal-Qorti pparteċipaw fi 32 laqgħa li ffukaw fuq il-kwittanza tal-baġit tal-Unjoni għas-snin finanzjarji 2021 u 2022; |
|
79. |
Jinnota b’apprezzament li l-Membri u l-maniġment tal-Qorti wrew impenn attiv fl-2023, u ppreżentaw il-ħidma tagħhom f’120 laqgħa mal-gvernijiet nazzjonali u mal-korpi governattivi madwar 25 Stat Membru, li l-maġġoranza tagħhom kienu jinvolvu l-Ministri jew il-ministeri tal-finanzi; jinnota wkoll li fl-istess sena, il-Membri u l-persunal tal-Qorti ppreżentaw il-ħidma tagħhom f’91 laqgħa mal-parlamenti nazzjonali jew reġjonali f’19-il Stat Membru, primarjament permezz ta’ kumitati ffokati fuq l-affarijiet baġitarji, finanzjarji, tal-awditjar jew tal-UE; iħeġġeġ lill-Qorti tintensifika l-kooperazzjoni tagħha mal-gvernijiet tal-pajjiżi fejn ir-rati ta’ żbalji huma l-ogħla, billi trawwem djalogu u kollaborazzjoni akbar sabiex tindirizza dawk il-kwistjonijiet b’mod effettiv; |
Komunikazzjoni
|
80. |
Jinnota li, fl-2023, il-baġit allokat għall-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u promozzjoni tal-Qorti kien jammonta għal EUR 225 000 b’rata ta’ utilizzazzjoni ta’ 81,13 % (EUR 182 549,84); jinnota li l-biċċa l-kbira tal-baġit intefqet kemm fuq is-servizzi ta’ monitoraġġ tal-media (EUR 81 650) kif ukoll fuq l-azzjonijiet tal-istampa (EUR 12 348), segwiti min-nefqa fir-relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, li prinċipalment kienet tikkonsisti fl-ispiża ta’ pjattaforma tal-intelligence politika (EUR 57 891), attivitajiet ta’ komunikazzjoni (EUR 28 002,88), media soċjali (EUR 1 486,52) u pubblikazzjonijiet (EUR 1 171,44); |
|
81. |
Jappoġġja bil-qawwa l-istrateġija tal-media dejjem tikber tal-Qorti, li rriżultat f’rekord ta’ aktar minn 22 000 artiklu tal-istampa online relatati mar-rapporti tal-awditjar tagħha, pubblikazzjonijiet oħra jew il-Qorti b’mod ġenerali, u b’hekk ġiet ikkonfermata x-xejra ’l fuq fil-kopertura osservata matul dawn l-aħħar snin (2022: 20 000; 2021: 18 000); jenfasizza l-fatt li kważi 54 000 post fuq il-media soċjali juru l-kontinwazzjoni ta’ tkabbir organiku, filwaqt li n-numri għall-2022 huma anomalija (2022: 110 000; 2021: 49 000); |
|
82. |
Jilqa’ l-fatt li, fl-2023, il-Qorti ħarġet 45 stqarrija għall-istampa b’24 lingwa tal-Unjoni, kif ukoll diversi noti ta’ informazzjoni, avviżi fuq il-media u dikjarazzjonijiet awdjoviżivi lesti biex jintużaw b’ċerti lingwi; jinnota wkoll li l-Qorti organizzat 21 laqgħa għall-istampa online, u 6 laqgħat għall-istampa addizzjonali speċifiċi għall-pajjiż għar-rapport annwali. jenfasizza l-fatt li, b’kollox, dawn il-laqgħat għall-istampa tal-Qorti attiraw 590 ġurnalist, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu jirrappreżentaw l-istrumenti nazzjonali ewlenin tal-media fl-Istati Membri; |
|
83. |
Jinnota b’apprezzament li, fl-2023, il-Qorti varat sit web ġdid, li ra aktar minn miljun żjara u nofs, b’madwar 700 000 viżitatur uniku, li jirrappreżenta żieda ta’ aktar minn 14 % meta mqabbel mal-2022; jilqa’ l-fatt li, sa tmiem l-2023, it-tliet kontijiet ewlenin tal-media soċjali tal-Qorti (X (ex-Twitter), LinkedIn u Facebook) kienu attiraw aktar minn 48 000 segwaċi, żieda mill-45 000 fl-2022 u d-39 000 fl-2021; |
|
84. |
Japprezza ħafna l-fatt li l-Qorti tivvaluta l-impatt u l-utilità probabbli ta’ xogħolha, skont il-perċezzjoni tal-qarrejja tar-rapporti tagħha fil-Parlament, fil-Kunsill, fil-Kummissjoni, fl-aġenziji tal-UE, fir-rappreżentanzi permanenti tal-Istati Membri, fl-aġenziji u fl-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs) tal-Istati Membri, fl-NGOs, fl-istituzzjonijiet akkademiċi, fil-media u f’partijiet oħra; jinnota, f’dak ir-rigward, li l-Qorti ilha mill-2018 twettaq stħarriġiet elettroniċi anonimizzati biex titlob lill-qarrejja tagħha jipprovdu feedback kwalitattiv dwar rapporti magħżula u jagħmlu suġġerimenti ġenerali għal xogħolha; jisħaq li, fl-2023, minn madwar 1 060 rispondent, 85 % kienu jqisu li r-rapporti tal-Qorti huma utli għal xogħolhom u 78 % kienu jqisu li dawn kellhom impatt. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2025/1601/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)