European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1573

31.7.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1573

tat-30 ta’ Lulju 2025

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1483 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli rrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajwan wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli llaminati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajwan huma soġġetti għal dazji anti-dumping definittivi imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1483 (2).

(2)

Lianzhong Stainless Steel Corporation, kodiċi addizzjonali TARIC (3) C026, kumpanija soġġetta għal rata ta’ dazju anti-dumping individwali ta’ 24,6 %, fil-11 ta’ Lulju 2024 infurmat lill-Kummissjoni li kienet biddlet isimha għal Angang Lianzhong Stainless Steel Corporation.

(3)

Il-kumpanija talbet lill-Kummissjoni biex tikkonferma li l-bidla fl-isem ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju anti-dumping individwali applikata lilha skont l-isem li kellha qabel.

(4)

Il-Kummissjoni eżaminat l-informazzjoni provduta u kkonkludiet li l-bidla fl-isem ġiet irreġistrata kif suppost mal-awtoritajiet rilevanti, u ma wasslitx għal xi relazzjoni ġdida ma’ gruppi oħrajn ta’ kumpaniji li ma kinux investigati mill-Kummissjoni.

(5)

Għaldaqstant, din il-bidla fl-isem ma taffettwax is-sejbiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1483 u b’mod partikolari r-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli għaliha.

(6)

Il-bidla fl-isem għandha tidħol fis-seħħ mill-11 ta’ Lulju 2024, il-jum li fih it-talba għall-bidla fl-isem inkwistjoni ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni (ara l-premessa (2)).

(7)

Minħabba l-kunsiderazzjonijiet fil-premessi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1483 jiġi emendat biex jirrifletti l-bidla fl-isem tal-kumpanija li qabel kienet attribwita għall-kodiċi TARIC addizzjonali C026.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1483 huwa emendat kif ġej:

“Lianzhong Stainless Steel Corporation

C026”

huwa sostitwit bi:

“Angang Lianzhong Stainless Steel Corporation

C026”

2.   Il-kodiċi addizzjonali TARIC C026 li qabel kien attribwit lil Lianzhong Stainless Steel Corporation għandu japplika għal Angang Lianzhong Stainless Steel Corporation mill-11 ta’ Lulju 2024. Kwalunkwe dazju definittiv imħallas fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti manifatturati minn Angang Lianzhong Stainless Steel Corporation li jaqbżu d-dazju anti-dumping stabbilit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1483 fir-rigward ta’ Lianzhong Stainless Steel Corporation għandu jitħallas lura jew jitnaqqas f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1483 tal-15 ta’ Settembru 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar inossidabbli rrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajwan wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 327, 16.9.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1483/oj).

(3)  It-Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1573/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)