European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1572

30.7.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1572

tad-29 ta’ Lulju 2025

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-format u l-proċeduri għan-notifika tal-intenzjoni u l-verifika fir-rigward tal-bidu ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Meta l-fornituri tas-servizzi fiduċjarji jkun beħsiebhom jibdew jipprovdu servizz fiduċjarju kwalifikat, dawn iridu jinnotifikaw lill-korp superviżorju bl-intenzjoni tagħhom flimkien ma’ rapport tal-valutazzjoni tal-konformità maħruġ minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità li jikkonferma li r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 huma ssodisfati. Il-korp superviżorju jrid jivverifika jekk il-fornitur tas-servizzi fiduċjarji u s-servizzi fiduċjarji pprovduti minnu humiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament. Meta l-korp superviżorju jikkonkludi li l-fornitur tas-servizzi fiduċjarji u s-servizzi fiduċjarji pprovduti minnu huma konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti, il-korp superviżorju għandu jagħti status kwalifikat lill-fornitur tas-servizzi fiduċjarji u lis-servizzi fiduċjarji li jipprovdi. Għal dak il-għan, il-korpi superviżorji jenħtieġ li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku informazzjoni dwar kif il-fornituri tas-servizzi fiduċjarji jridu jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jsiru fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati. Biex ikun żgurat li l-fornituri tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati joperaw bl-istess termini fl-Unjoni, il-korpi superviżorji jenħtieġ li jivverifikaw l-istess tip ta’ informazzjoni dwar il-fornituri tas-servizzi fiduċjarji u bl-istess mod.

(2)

Il-korpi superviżorji jenħtieġ li jkunu trasparenti dwar kif jipproċessaw l-informazzjoni li l-fornituri tas-servizzi fiduċjarji jinkludu fin-notifiki tagħhom. Għalhekk, il-korpi superviżorji jenħtieġ li jfasslu u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku deskrizzjoni ta’ kif jivverifikaw jekk il-fornitur tas-servizzi fiduċjarji jkunux konformi mar-rekwiżiti rilevanti.

(3)

Ir-Regolament jenħtieġ li japplika wara 12-il xahar mid-dħul fis-seħħ tiegħu biex jiżgura perjodu tranżizzjonali adegwat għall-Istati Membri biex ikunu jistgħu jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa fir-rigward tan-notifiki lill-korpi superviżorji ħalli jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Dawn l-aġġustamenti jistgħu jinkludu l-aġġornament tal-liġijiet nazzjonali, tal-linji gwida organizzazzjonali, u tas-sistemi nazzjonali tal-informazzjoni.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u, meta rilevanti, id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) japplikaw għall-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament.

(5)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta l-opinjoni tiegħu nhar is-6 ta’ Ġunju 2025.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Metodoloġija għall-verifika

1.   Il-korpi superviżorji għandhom jistabbilixxu metodoloġija għall-verifika tal-konformità tal-fornituri tas-servizzi fiduċjarji li jkunu nnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jibdew jipprovdu servizz fiduċjarju kwalifikat mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 u fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

2.   Il-metodoloġija għall-verifika għandha tinkludi proċeduri u proċessi biex jiġu involuti l-awtoritajiet kompetenti maħtura jew stabbiliti skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, li jwettqu azzjonijiet superviżorji, biex jivverifikaw il-konformità tal-fornitur tas-servizzi fiduċjarji mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 21 tad-Direttiva (UE) 2022/2555.

Artikolu 2

Trasparenza

Il-korpi superviżorji għandhom jagħmlu l-informazzjoni li ġejja disponibbli għall-pubbliku:

(1)

id-dettalji tal-kuntatt tal-korp superviżorju;

(2)

il-mezzi tal-komunikazzjoni li jridu jintużaw meta l-fornituri tas-servizzi fiduċjarji jissottomettu notifika tal-intenzjoni li jibdew jipprovdu servizz fiduċjarju kwalifikat;

(3)

il-lista tad-dokumentazzjoni li l-fornituri tas-servizzi fiduċjarji jridu jipprovdu bħala parti minn notifika tal-intenzjoni li jibdew jipprovdu servizz fiduċjarju kwalifikat;

(4)

il-proċeduri għat-trattament tal-ilmenti relatati mal-proċess tal-verifika tal-konformità tal-fornituri tas-servizzi fiduċjarji li jkunu nnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jibdew jipprovdu servizz fiduċjarju kwalifikat mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 u fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(5)

deskrizzjoni ġenerali tal-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

Notifiki tal-fornituri tas-servizzi fiduċjarji

Il-fornituri tas-servizzi fiduċjarji għandhom jipprovdu mqar l-informazzjoni li ġejja fin-notifiki tal-intenzjoni tagħhom li jibdew jipprovdu servizz fiduċjarju kwalifikat:

(1)

meta l-fornitur tas-servizz fiduċjarju jkun persuna ġuridika, ismu u, meta applikabbli, numru tar-reġistrazzjoni, l-isem tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit u l-isem tal-persuna/i li jiffirmaw jew jissottomettu n-notifika f’isem il-persuna ġuridika;

(2)

meta l-fornitur tas-servizz fiduċjarju jkun persuna fiżika, ismu u n-numru tal-identifikazzjoni personali tiegħu, u fin-nuqqas ta’ dan, id-data tat-twelid tiegħu u t-tip u n-numru tad-dokument tal-identità tiegħu;

(3)

in-numru tat-telefown, l-indirizz elettroniku u l-indirizz postali tal-fornitur tas-servizz fiduċjarju;

(4)

l-Identifikaturi Uniformi tar-Riżorsa (URI) imnejn l-utenti jistgħu jiksbu informazzjoni addizzjonali dwar dak il-fornitur tas-servizz fiduċjarju, inkluż id-dikjarazzjonijiet u l-politiki tal-prattika, it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali, u l-politiki tal-għajnuna lill-konsumatur li japplikaw għas-servizz fiduċjarju li jkun qed jiġi nnotifikat;

(5)

l-analiżi tar-riskju sottostanti għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 24(2), il-punt (fa) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, u l-analiżi tar-riskju sottostanti għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 21 tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(6)

kull servizz fiduċjarju kwalifikat li l-fornitur tas-servizzi fiduċjarji jkun beħsiebu jibda jipprovdi;

(7)

għal kull servizz fiduċjarju li l-fornitur tas-servizzi fiduċjarji jkun beħsiebu jibda jipprovdi bħala servizz fiduċjarju kwalifikat:

identifikatur wieħed jew aktar u, meta applikabbli, ċertifikati tas-servizz fiduċjarju, għall-inklużjoni fil-lista affidabbli nazzjonali f’konformità mal-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

id-data tal-bidu maħsuba tal-forniment tas-servizz fiduċjarju;

ir-rapport(i) tal-valutazzjoni tal-konformità tas-servizz fiduċjarju u d-dettalji tal-kuntatt tal-korp tal-valutazzjoni tal-konformità;

meta applikabbli, rapporti tekniċi li jappoġġaw ir-rapport tal-valutazzjoni tal-konformità.

(8)

il-pjan tat-terminazzjoni msemmi fl-Artikolu 24(2), il-punt (i), tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

Artikolu 4

Verifiki mill-korpi superviżorji

1.   Biex jiddeterminaw jekk il-fornitur tas-servizz fiduċjarju u s-servizz fiduċjarju kwalifikat li jkun beħsiebu jipprovdi jkunux konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 u l-Artikolu 21 tad-Direttiva (UE) 2022/2555, il-korpi superviżorji għandhom janalizzaw l-informazzjoni pprovduta mill-fornitur tas-servizz fiduċjarju u jistgħu, apparti l-miżuri deskritti fil-metodoloġija stabbilita skont l-Artikolu 1, iwettqu verifiki fuq il-post, kif ukoll intervisti mar-rappreżentanti tal-fornitur tas-servizz fiduċjarju u l-korp tal-valutazzjoni tal-konformità.

2.   Il-korpi superviżorji għandhom jivverifikaw imqar li:

(a)

ir-rapport tal-valutazzjoni tal-konformità sottomess juri l-konformità tal-fornitur tas-servizz fiduċjarju u tas-servizz fiduċjarju kwalifikat li jkun beħsiebu jipprovdi mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 u fl-Artikolu 21 tad-Direttiva (UE) 2022/2555;

(b)

ir-rapport tal-valutazzjoni tal-konformità sottomess ikun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(c)

kull informazzjoni fir-rapport tal-valutazzjoni tal-konformità sottomess li tindika nonkonformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(d)

kull informazzjoni addizzjonali meqjusa neċessarja biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 u fl-Artikolu 21 tad-Direttiva (UE) 2022/2555.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mid-19 ta’ Awwissu 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(3)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/58/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2555/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1572/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)