|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1569 |
30.7.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1569
tad-29 ta’ Lulju 2025
li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi pprovduti minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 45d(5), 45e(2), 45f(6) u 45f(7) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 joħloq qafas legali għall-ħruġ u l-validazzjoni tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi, inkluż obbligu li l-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi jipprovdu lill-utenti tal-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali (“kartiera”) il-possibbiltà li jitolbu, jiksbu, jaħżnu u jimmaniġġaw l-attestazzjoni elettronika tal-attributi irrispettivament mill-Istat Membru fejn jiġu pprovduti l-kartieri. L-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi huma komponenti kruċjali biex tinħoloq ekosistema sigura u interoperabbli tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali (“ekosistema tal-kartieri”). Bihom, l-utenti jkunu jistgħu jaqsmu l-informazzjoni mal-partijiet dipendenti b’mod affidabbli f’varjetà ta’ każijiet tal-użu. |
|
(2) |
L-interfaċċi mal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali li jridu jipprovdu l-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi kif stabbilit fl-Artikolu 45g tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jisħqu l-importanza tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi għall-ekosistema tal-kartieri u jiffaċilitaw l-adozzjoni rapida tagħhom. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni tivvaluta regolarment teknoloġiji, prattiki, standards u speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda. Biex jiżguraw l-ogħla livell ta’ armonizzazzjoni fost l-Istati Membri għall-iżvilupp u ċ-ċertifikazzjoni tal-kartieri, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti f’dan ir-Regolament jistrieħu fuq ix-xogħol li sar għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/946 tat-3 ta’ Ġunju 2021 dwar Sett ta’ Għodod komuni tal-Unjoni għal approċċ koordinat lejn Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali (2) u b’mod partikolari l-Arkitettura u l-Qafas ta’ Referenza li huma parti minnha. F’konformità mal-Premessa 75 tar-Regolament 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina u, jekk ikun meħtieġ, taġġorna dan ir-Regolament biex iżżommu konformi mal-iżviluppi dinjin, l-Arkitettura u l-Qafas ta’ Referenza, u biex timxi mal-aqwa prattiki fis-suq intern b’mod partikolari fir-rigward tal-ħruġ tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi u l-verifika tal-attributi ma’ sorsi awtentiċi jew intermedjarji deżinjati. |
|
(4) |
Meta l-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku joħorġu attestazzjonijiet li jiddikjaraw li huma konformi mar-rekwiżiti tal-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi rreġistrati fil-katalgu, fil-politiki u fil-proċeduri għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ dawk l-iskemi, dawn jenħtieġ li jkunu parti mill-valutazzjoni tal-konformità stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 910/2014. |
|
(5) |
Għad-diġitalizzazzjoni tal-attestazzjonijiet, il-protezzjoni minn informazzjoni mhux affidabbli hija importanti ferm. Għalhekk, l-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku jenħtieġ li jkunu jistgħu jiġu revokati, jew inkella jenħtieġ li jiġu implimentati miżuri alternattivi biex jikkumpensaw għar-riskji relatati man-nonrevokabbiltà. Ċerti ċirkostanzi, bħalma huma t-talba espliċita tal-persuna li lilha tkun inħarġet l-attestazzjoni elettronika tal-attributi, jew meta jkun magħruf mill-fornitur li kien hemm kompromess tas-sigurtà jew tal-affidabbiltà tal-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi, jew meta jkun meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali, jenħtieġ li jwasslu għal revoka mill-fornitur ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi. Biex jitħarsu d-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data tal-utenti, b’mod partikolari billi jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji marbuta mal-korrelazzjoni u t-traċċabbiltà, l-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku jenħtieġ li jistabbilixxu politiki għall-ġestjoni tar-revoki li jiżguraw il-privatezza. |
|
(6) |
Biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u titwaqqaf ekosistema tal-identità diġitali sigura u interoperabbli, inkluż ir-rikonoxximent u l-interoperabbiltà transfruntieri tal-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri simplifikati għall-komunikazzjoni amministrattiva fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni biex il-korpi rilevanti tas-settur pubbliku jiġu identifikati malajr. L-Istati Membri jenħtieġ li jinnotifikaw l-attributi rilevanti lill-Kummissjoni. Għalhekk, biex tkun żgurata l-verifika fil-ħin, effiċjenti u interoperabbli ta’ dawn l-attributi, in-notifiki rilevanti lill-Kummissjoni jenħtieġ li jkunu mqar bl-Ingliż għax dan jiffaċilita l-aċċessibbiltà, il-valutazzjoni u l-fehim wiesa’ tagħhom u fl-istess ħin isaħħaħ il-kooperazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti. Madankollu, it-traduzzjoni tad-dokumentazzjoni diġà eżistenti jenħtieġ li ma tixħitx piżijiet amministrattivi jew finanzjarji mhux raġonevoli. |
|
(7) |
Biex l-utenti u l-fornituri tas-servizzi jkunu jistgħu jivverifikaw li l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku huma tabilħaqq maħruġa minn jew f’isem dak il-korp tas-settur pubbliku, l-Istati Membri jenħtieġ li jinnotifikaw dawk il-korpi tas-settur pubbliku lill-Kummissjoni. Meta jinnotifikaw il-korpi tas-settur pubbliku li joħorġu l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi f’konformità mal-Artikolu 45f u l-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu rapport tal-valutazzjoni tal-konformità li jikkonferma livell ta’ affidabbiltà u fiduċja ekwivalenti għal dak tal-fornituri tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati. Iżda, b’differenza mill-fornituri tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi, għal dawn il-korpi tas-settur pubbliku sta għall-Istati Membri biex jaraw kif se jiżguraw li l-fornituri jissodisfaw ir-rekwiżiti maż-żmien. Għaldaqstant, biex jinżamm livell għoli ta’ fiduċja fl-attestazzjonijiet tas-settur pubbliku madwar l-Unjoni, l-Istati Membri huma mħeġġa jaqsmu l-awqa prattiki tagħhom, dwar kif jiżguraw l-affidabbiltà u l-fiduċja kontinwa, fil-Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar l-Identità Diġitali Ewropea stabbilit skont l-Artikolu 46e(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 (“Grupp ta’ Kooperazzjoni”). Il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi, iżżomm, u tippubblika lista tal-fornituri u tiżgura li din il-lista tkun aċċessibbli faċilment mill-pubbliku. |
|
(8) |
Il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi katalgu tal-attributi, bl-għajnuna tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni, biex tiffaċilita l-verifika tal-attributi ma’ sorsi awtentiċi mingħand il-fornituri tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu l-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi. Ir-reġistrazzjoni fil-katalgu tal-attributi jenħtieġ li tkun obbligatorja għall-attributi elenkati fl-Anness VI tar-Regolament (UE) Nru 910/2014. Għall-attributi l-oħra, ir-reġistrazzjoni tkun fakultattiva. |
|
(9) |
Il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi katalgu tal-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi, bl-għajnuna tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni, biex tiffaċilita l-ħruġ tal-attestazzjonijiet mill-fornituri tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u mill-fornituri ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku, u biex tiffaċilita l-armonizzazzjoni u l-interoperabbiltà transfruntieri ta’ dawn l-attestazzjonijiet. Ir-reġistrazzjoni tal-iskemi fil-katalgu tal-iskemi jenħtieġ li tkun fakultattiva. It-talbiet għal reġistrazzjoni jew il-bidliet fil-katalgu jenħtieġ li jagħmilhom sid l-iskema għall-attestazzjoni tal-attributi u jistgħu jinkludu attributi mhux elenkati fil-katalgu tal-attributi. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta dawk it-talbiet filwaqt li tqis il-ħtiġijiet ta’ interoperabbiltà u armonizzazzjoni. |
|
(10) |
Biex ikun żgurat li l-katalgu tal-attributi jipprovdi informazzjoni sinifikanti u jilħaq livell għoli ta’ interoperabbiltà fl-ekosistema tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi, jenħtieġ li dan jipprovdi mqar sett minimu ta’ informazzjoni, bħal deskrizzjoni semantika tal-attribut, l-ispazju tal-isem tal-identifikatur tiegħu, u t-tip tad-data tal-attribut. Għall-istess skop, il-katalogu tal-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi jenħtieġ li jinkludi deskrizzjonijiet tat-tipi komuni ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi u deskrizzjoni tal-mudell ta’ fiduċja u tal-mekkaniżmi ta’ governanza applikati bl-iskema għall-attestazzjoni. L-informazzjoni fil-katalgi jenħtieġ li tinkludi l-verżjoni tal-attributi u tal-iskemi biex l-attestazzjonijiet maħruġa skont verżjonijiet speċifiċi ma jiġux affettwati minn bidliet f’dawk l-attributi u l-iskemi. |
|
(11) |
Biex tkun żgurata l-effettività tal-verifika tal-attributi ma’ sorsi awtentiċi mingħand fornituri tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi, inkluż tramite intermedjarji deżinjati li jipprovdu mekkaniżmi tal-verifika indiretta lill-fornituri tas-servizzi, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu mekkaniżmi, sal-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 45e(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, biex il-fornituri tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati jkunu jistgħu joħorġu attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi biex jitolbu l-verifika tal-attributi. Il-mekkaniżmi jenħtieġ li jippermettu lill-fornituri tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi biex jiddeterminaw liema attributi jkunu jistgħu jiġu verifikati u kif għandhom jiġu vverifikati. Dawn il-mekkaniżmi jenħtieġ li jkunu jinkludu dettalji dwar il-punti tal-aċċess u l-protokolli tas-servizzi għall-verifika tal-validità u l-akkuratezza tal-attributi u jkunu jikkunsidraw il-possibbiltà li joffru punt uniku ta’ verifika fil-livell nazzjonali. |
|
(12) |
B’mod aktar speċifiku, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu l-mekkaniżmi disponibbli għall-fornituri tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi biex ikunu jistgħu jaċċessaw u jużaw il-punti ta’ verifika għal kull wieħed mill-attributi elenkati fl-Anness VI ta’ dak ir-Regolament (UE) Nru 910/2014, fil-livell nazzjonali. Dawn il-mekkaniżmi jenħtieġ li jippermettu lill-fornituri tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi jippreżentaw, meta jintalbu mill-utent, attributi speċifiċi lil punt ta’ verifika waqt il-ħruġ tal-attestazzjoni u tul il-ħajja tagħha. Il-mekkaniżmi tal-verifika jenħtieġ li jużaw mezzi elettroniċi xierqa għall-ipproċessar awtomatiku, u biex jinkisbu risponsi mill-aktar fis possibbli mingħand il-punt ta’ verifika. Dan ir-rispons jenħtieġ li jikkonferma jekk l-attributi ppreżentati mill-fornituri tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi jikkorrispondux għall-attributi maħżuna fir-rigward ta’ dak l-utent fis-sors awtentiku rilevanti, u jenħtieġ li jispeċifika s-sors awtentiku li abbażi tiegħu tkun saret il-verifika. Biex tkun evitata mġiba ħażina, bħal talbiet tal-verifika illegali jew manifestament eċċessivi, l-Istati Membri jistgħu jimponu mekkaniżmi ta’ kontroll fuq l-użu tal-punti ta’ verifika, meta jaraw li dan ikun xieraq, filwaqt li jqisu fatturi rilevanti, inkluż jekk is-sorsi awtentiċi fihomx informazzjoni li jenħtieġ li titqies bħala data personali jew li b’xi mod ieħor tkun kunfidenzjali jew sensittiva fin-natura tagħha skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali. |
|
(13) |
F’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Att dwar Ewropa Interoperabbli (4), biex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment ta’ katalgu tal-attributi u katalgu tal-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi u l-użu mill-ġdid, kemm jista’ jkun, tal-katalgi, tal-iskemi u tal-informazzjoni eżistenti, meta xieraq il-Kummissjoni jenħtieġ li tisfrutta s-sinerġiji mas-servizzi komuni tas-sistema teknika skont ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament u tal-Kunsill li jistabbilixxi gateway diġitali unika u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (5). |
|
(14) |
Biex tiżdied l-interoperabbiltà għall-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn fornituri tas-servizzi fiduċjarji mhux kwalifikati, l-emittenti tal-attestazzjonijiet jistgħu jimxu mal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament fir-rigward tal-attestazzjoni elettronika mhux kwalifikata tal-attributi. |
|
(15) |
Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u, meta rilevanti, id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) japplikaw għall-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament. |
|
(16) |
Biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jingħataw biżżejjed żmien biex jistabbilixxu l-lista tal-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku, ir-rekwiżiti f’dan ir-Regolament rigward il-katalgu tal-attributi, il-katalgu tal-iskemi għall-attestazzjonijiet tal-attributi, u l-punti ta’ verifika għall-attributi jenħtieġ li jsiru applikabbli wara 12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
|
(17) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u ta l-opinjoni tiegħu nhar il-31 ta’ Jannar 2025. |
|
(18) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-istandards ta’ referenza, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri li jridu jiġu aġġornati regolarment biex jibqgħu konformi mal-iżviluppi teknoloġiċi u l-iżviluppi fl-istandards, u mal-ħidma mwettqa abbażi tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/946, u b’mod partikolari l-Arkitettura u l-Qafas ta’ Referenza, fir-rigward ta’:
|
(1) |
l-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi; |
|
(2) |
l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku; |
|
(3) |
il-lista tal-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku; |
|
(4) |
il-katalgu tal-attributi u l-katalgu tal-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi msemmija fil-punti (1) u (2); |
|
(5) |
il-verifika tal-attributi b’referenza għal sorsi awtentiċi jew intermedjarji deżinjati. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“unità tal-kartiera” tfisser konfigurazzjoni unika ta’ soluzzjoni tal-kartieri li tinkludi l-istanzi tal-kartiera, l-applikazzjonijiet kriptografiċi siguri tal-kartieri u l-apparati kriptografiċi siguri tal-kartieri pprovduti minn fornitur tal-kartieri lil utent individwali tal-kartiera; |
|
(2) |
“utent tal-kartiera” tfisser utent li jkollu l-kontroll tal-unità tal-kartiera; |
|
(3) |
“katalgu tal-attributi” tfisser repożitorju diġitali tal-attributi li jinżamm u jiġi ppubblikat online mill-Kummissjoni; |
|
(4) |
“skema għall-attestazzjoni tal-attributi” tfisser sett ta’ regoli applikabbli għal tip wieħed jew aktar ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi; |
|
(5) |
“tip ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi” tfisser grupp ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi msemmi speċifikament u deskritt semantikament; |
|
(6) |
“katalogu tal-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi” tfisser repożitorju diġitali li jelenka l-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi rreġistrati f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u li jinżamm [u jiġi ppubblikat online] mill-Kummissjoni; |
|
(7) |
“soluzzjoni tal-kartiera” tfisser kombinament ta’ software, hardware, servizzi u konfigurazzjonijiet, inkluż istanzi tal-kartiera, applikazzjoni kriptografika sigura waħda jew aktar tal-kartieri, u apparat kriptografiku sigur wieħed jew aktar tal-kartieri; |
|
(8) |
“istanza tal-kartiera” tfisser l-applikazzjoni installata u konfigurata fuq l-apparat jew l-ambjent ta’ utent tal-kartiera, li tkun parti minn unità tal-kartiera, u li l-utent tal-kartiera juża biex jinteraġixxi mal-unità tal-kartiera; |
|
(9) |
“applikazzjoni kriptografika sigura tal-kartieri” tfisser applikazzjoni li timmaniġġja l-assi kritiċi billi tkun marbuta u tuża l-funzjonijiet kriptografiċi u mhux kriptografiċi pprovduti mill-apparat kriptografiku sigur tal-kartieri; |
|
(10) |
“apparat kriptografiku sigur tal-kartieri” tfisser apparat reżistenti għat-tbagħbis li jipprovdi ambjent li jkun marbut u jintuża mill-applikazzjoni kriptografika sigura tal-kartieri biex jipproteġi l-assi kritiċi u jipprovdi funzjonijiet kriptografiċi għall-eżekuzzjoni sigura ta’ operazzjonijiet kritiċi; |
|
(11) |
“fornitur tal-kartieri” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi soluzzjonijiet tal-kartiera; |
|
(12) |
“assi kritiċi” tfisser assi fi ħdan jew b’rabta ma’ unità tal-kartiera li jkollhom importanza tant straordinarja li meta jiġu kompromessi d-disponibbiltà, il-kunfidenzjalità jew l-integrità tagħhom, dan iħalli effett debilitanti serju ħafna fuq il-kapaċità li wieħed jistrieħ fuq dik l-unità tal-kartiera; |
|
(13) |
“sid ta’ skema għall-attestazzjoni tal-attributi” tfisser entità responsabbli għall-istabbiliment u ż-żamma ta’ skema għall-attestazzjoni tal-attributi. |
Artikolu 3
Ħruġ ta’ attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku
1. Il-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u l-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku għandhom jikkonformaw mal-lista tal-istandards ta’ referenza u l-ispeċifikazzjonijiet stabbilita fl-Anness I u għandhom jiżguraw li l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi li joħorġu jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness I.
2. Meta l-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u l-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku joħorġu attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi li jkunu inklużi fi skemi rreġistrati fil-katalgu tal-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi, dawn għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-iskema korrispondenti għall-attestazzjoni tal-attributi. Il-politiki u l-proċeduri stabbiliti mill-emittenti tal-attestazzjonijiet biex jagħtu konformità mar-rekwiżiti tal-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi għandhom ikunu parti mill-valutazzjoni tal-konformità stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 910/2014.
Artikolu 4
Revoka ta’ attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku
1. Il-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u l-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku għandu jkollhom politiki miktubin u aċċessibbli għall-pubbliku relatati mal-ġestjoni tal-istatus ta’ validità jew ta’ revoka. Dawn il-politiki għandhom jinkludu, meta applikabbli, il-kundizzjonijiet li skonthom l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi jistgħu jiġu revokati mingħajr dewmien u l-miżuri biex tkun żgurata d-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar l-istatus ta’ validità.
2. Il-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u l-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku għandhom ikunu l-uniċi entitajiet li jkunu jistgħu jirrevokaw l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi li joħorġu huma stess.
3. Kull meta dawk l-attestazzjonijiet jinħarġu b’perjodu tal-validità ta’ aktar minn 24 siegħa, il-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u l-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku għandhom jirrevokawhom imqar fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:
|
(a) |
meta ssir talba espliċita mill-persuna li lilha tkun inħarġet l-attestazzjoni elettronika tal-attributi jew, meta applikabbli, mis-suġġett tal-attestazzjoni; |
|
(b) |
meta l-fornitur ikun jaf li kien hemm kompromess tas-sigurtà jew tal-affidabbiltà tal-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi jew tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku; |
|
(c) |
f’sitwazzjonijiet oħra, kif jeżiġu l-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, jew kif iddeterminat mill-fornituri fil-politiki tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1. |
4. Il-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u l-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku għandhom jistabbilixxu tekniki ta’ revoka u metodi tal-ġestjoni li jħarsu l-privatezza u li jipprevjenu l-korrelazzjoni jew it-traċċabbiltà.
5. Il-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u l-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku għandhom jagħmlu disponibbli lill-partijiet dipendenti, informazzjoni dwar l-istatus ta’ validità jew ta’ revoka tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi li jkunu ħarġu b’mod li jiżgura l-integrità u l-awtentiċità ta’ dik l-informazzjoni.
Artikolu 5
Notifika tal-korpi tas-settur pubbliku
1. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw imqar l-informazzjoni stabbilita fl-Anness III dwar il-korpi tas-settur pubbliku kif imsemmi fl-Artikolu 45f(3) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tramite sistema ta’ notifika elettronika sigura pprovduta mill-Kummissjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw kull bidla fl-informazzjoni notifikata.
3. L-Istati Membri għandhom jagħmlu n-notifiki mqar bl-Ingliż. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jittraduċu d-dokumenti li jappoġġaw in-notifiki meta din tkun toħloq piż amministrattiv jew finanzjarju mhux raġonevoli.
4. Il-Kummissjoni tista’, meta xieraq, titlob lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni addizzjonali.
Artikolu 6
Pubblikazzjoni tal-lista tal-korpi tas-settur pubbliku
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, iżżomm u tippubblika lista tal-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku, abbażi tal-informazzjoni notifikata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 5.
2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-lista msemmija fil-paragrafu 1 tkun tista’ tiġi aċċessata:
|
(a) |
iffirmata elettronikament jew issiġillata elettronikament b’mod li tkun adattata għall-ipproċessar awtomatizzat, u minn sit web li jinqara mill-bniedem; |
|
(b) |
mingħajr il-bżonn ta’ reġistrazzjoni jew ta’ awtentikazzjoni; |
|
(c) |
biss b’sigurtà tas-saff tat-trasport mill-aktar avvanzata. |
3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika b’mezz sigur u mingħajr dewmien żejjed:
|
(a) |
l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-lista; |
|
(b) |
id-dettalji tal-URL fejn tiġi ppubblikata l-lista; |
|
(c) |
iċ-ċertifikati li jridu jintużaw għall-verifika tal-firma elettronika jew tas-siġill elettroniku fuq il-lista; |
|
(d) |
dettalji relatati mal-mekkaniżmi użati għall-validazzjoni tal-bidliet futuri fil-lokazzjoni jew fiċ-ċertifikati msemmija fil-punti (b) u (c). |
Artikolu 7
Ħolqien u żamma tal-katalogu tal-attributi
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tippubblika katalgu tal-attributi u tistabbilixxi sistema sigura biex ikunu jistgħu jsiru talbiet għal inklużjoni jew modifika tal-attributi fil-katalgu tal-attributi.
2. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-talbiet li jsiru bis-sistema msemmija fil-paragrafu 1 għal inklużjoni jew modifika ta’ attribut fil-katalgu tal-attributi, wara li tqis il-pariri tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni għandha tqis jekk l-inklużjoni tal-attribut tkunx tikkontribwixxi għal pedament komuni għal interazzjoni elettronika sigura u konxja mill-privatezza bejn iċ-ċittadini, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi, u għat-trawwim tal-interoperabbiltà. Il-Kummissjoni għandha tqis ukoll ir-regolamenti speċifiċi għas-settur, meta applikabbli.
3. L-Istati Membri għandhom jitolbu l-inklużjoni tal-attributi elenkati fl-Anness VI tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 fil-katalgu tal-attributi kull meta dawk l-attributi jkunu jistrieħu fuq sorsi awtentiċi għall-finijiet ta’ verifika minn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati.
4. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jitolbu l-inklużjoni tal-attributi mhux elenkati fl-Anness VI fil-katalgu tal-attributi kull meta dawk l-attributi jkunu jistrieħu fuq sors awtentiku fi ħdan is-settur pubbliku. L-entitajiet privati li jitqiesu bħala sors primarju tal-informazzjoni jew li jkunu rikonoxxuti bħala awtentiċi f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, inkluż il-prattika amministrattiva, jistgħu jitolbu l-inklużjoni tal-attributi mhux elenkati fl-Anness VI fil-katalgu tal-attributi kull meta l-entità rikjedenti tkun responsabbli għal dawk l-attributi.
5. It-talba għal inklużjoni jew modifika ta’ attribut fil-katalgu għandha tinkludi mqar l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
identifikazzjoni tal-entità li qed tagħmel it-talba; |
|
(b) |
meta applikabbli, referenza għal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali jew għal prattika amministrattiva li skontha l-entità li tagħmel it-talba titqies bħala sors primarju tal-informazzjoni jew sors awtentiku rikonoxxut; |
|
(c) |
jekk it-talba tirreferix għal attribut li diġà jeżisti fil-katalgu jew jekk hijiex għal attribut ġdid; |
|
(d) |
l-ispazju tal-isem għall-identifikatur tal-attributi, li l-valur tiegħu jkun uniku fil-katalgu tal-attributi; |
|
(e) |
l-identifikatur tal-attribut, li jkun uniku fl-ispazju tal-isem, u l-verżjoni tal-attribut; |
|
(f) |
deskrizzjoni semantika tal-attribut; |
|
(g) |
it-tip tad-data tal-attribut; |
|
(h) |
il-punt ta’ verifika għall-attribut fil-livell nazzjonali jew link għal deskrizzjoni dwar kif jinbdew it-talbiet għal verifika. |
6. It-talba għal inklużjoni jew modifika ta’ attribut għandha tiġi ffirmata jew issiġillata mir-rikjedent permezz ta’ firma jew siġill elettroniċi kwalifikati jew permezz ta’ firma jew siġill elettroniċi avvanzati bbażati fuq ċertifikat kwalifikat.
7. Wara l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 u wara li tkun ivverifikat li l-informazzjoni pprovduta fit-talba għall-inklużjoni jew il-modifika ta’ attribut ikun fiha l-informazzjoni kollha elenkata fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni tista’ tinkludi l-attribut mitlub jew il-modifika mitluba fil-katalgu tal-attributi.
8. Il-katalgu tal-attributi ssiġillat mill-Kummissjoni għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku b’mezz sigur, mingħajr ħlas u mingħajr identifikazzjoni jew awtentikazzjoni bil-quddiem, u għandu jkun ippubblikat kemm f’format li jista’ jinqara minn magna u kif ukoll b’format li jista’ jinqara mill-bniedem. Il-katalogu għandu jinkludi wkoll funzjoni tat-tiftix.
9. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li l-Kummissjoni tuża għall-katalgu tal-attributi.
10. Il-Kummissjoni għandha toħroġ identifikatur uniku għal kull attribut irreġistrat.
Artikolu 8
Ħolqien u żamma tal-katalgu tal-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tippubblika katalgu tal-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi u tistabbilixxi sistema sigura biex ikunu jistgħu jsiru talbiet għal inklużjoni jew modifika tal-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi fil-katalgu tal-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi.
2. It-talbiet għal inklużjoni jew modifika tal-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi fil-katalgu tal-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni, wara li tqis il-pariri tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni għandha tqis jekk l-iskema tikkontribwix għal pedament komuni għal interazzjoni elettronika sigura u konxja mill-privatezza bejn iċ-ċittadini, in-negozji u l-awtoritajiet pubbliċi, u jekk tikkontribwixxix għat-trawwim tal-interoperabbiltà. Il-Kummissjoni għandha tqis ukoll ir-regolamenti speċifiċi għas-settur, meta applikabbli.
3. Is-sidien ta’ skema għall-attestazzjoni tal-attributi jistgħu jitolbu li jiżdiedu skemi fil-katalgu tal-iskemi. It-talba għal inklużjoni jew modifika ta’ skema fil-katalgu tal-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi għandu jkun fiha mqar:
|
(a) |
l-isem tal-iskema, magħżul minn sid l-iskema għall-attestazzjoni tal-attributi u li jkun uniku fil-katalgu tal-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi; |
|
(b) |
l-isem u l-informazzjoni tal-kuntatt ta’ sid l-iskema għall-attestazzjoni tal-attributi; |
|
(c) |
l-istatus u l-verżjoni tal-iskema; |
|
(d) |
referenza għal liġijiet, standards jew linji gwida speċifiċi, meta l-ħruġ, il-validazzjoni, jew l-użu ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi fl-ambitu tal-iskema jkunu soġġetti għalihom; |
|
(e) |
il-format(i) tal-attestazzjoni elettronika tal-attributi fl-ambitu tal-iskema; |
|
(f) |
spazju tal-isem wieħed jew aktar, identifikaturi tal-attributi, deskrizzjonijiet semantiċi u tipi tad-data ta’ kull attribut li jkun parti minn attestazzjoni elettronika tal-attributi fl-ambitu tal-iskema, b’referenza għal attribut fil-katalgu tal-attributi fl-Artikolu 7 jew attribut definit b’mod analogu fl-ambitu tal-iskema; |
|
(g) |
deskrizzjoni tal-mudell ta’ fiduċja u l-mekkaniżmi ta’ governanza applikati fl-iskema, inkluż il-mekkaniżmi ta’ revoka; |
|
(h) |
kull rekwiżit fir-rigward tal-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi jew fir-rigward tas-sorsi tal-informazzjoni li jistrieħu fuqhom dawk il-fornituri meta joħorġu attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi, inkluż kull sors awtentiku, jekk applikabbli; |
|
(i) |
dikjarazzjoni dwar jekk l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi fl-ambitu tal-iskema għandhomx jinħarġu bħala attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi, bħala attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku, jew it-tnejn li huma. |
4. L-iskemi li għalihom tintalab l-inklużjoni fil-katalgu għandu jkun fihom biss attributi li huma identifikabbli b’identifikaturi uniċi. It-talba għal inklużjoni jew modifika ta’ skema għall-attestazzjoni tal-attributi għandha tiġi ffirmata jew issiġillata mir-rikjedent permezz ta’ firma jew siġill elettroniċi kwalifikati jew permezz ta’ firma jew siġill elettroniċi avvanzati bbażati fuq ċertifikat kwalifikat.
5. Wara l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 u wara li tkun ivverifikat li l-informazzjoni pprovduta fit-talba għal inklużjoni jew modifika ta’ skema għall-attestazzjoni tal-attributi jkun fiha l-informazzjoni kollha elenkata fil-paragrafi 3 u 4, il-Kummissjoni tista’ tinkludi l-iskema mitluba jew il-modifika fil-katalgu tal-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi.
6. Il-katalgu tal-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi, issiġġillat mill-Kummissjoni, għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku b’mezz sigur, mingħajr ħlas u mingħajr identifikazzjoni jew awtentikazzjoni bil-quddiem, u għandu jkun jista’ jinqara minn magna u mill-bniedem. Il-katalgu għandu jinkludi wkoll funzjoni tat-tiftix u jkollu format li jiggarantixxi l-integrità u l-awtentiċità.
7. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li l-Kummissjoni tuża għall-katalgu tal-iskemi għall-attestazzjoni tal-attributi.
8. Il-Kummissjoni għandha toħroġ identifikatur uniku għal kull skema għall-attestazzjoni tal-attributi rreġistrata.
Artikolu 9
Verifika tal-attributi ma’ sorsi awtentiċi jew intermedjarji deżinjati
1. Biex tkun tista’ ssir il-verifika elettronika tal-attributi msemmija fl-Artikolu 45e(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 minn fornituri tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi, meta jintalab mill-utent, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi li jippermettu dik il-verifika u jistgħu jagħmlu disponibbli punti uniċi ta’ verifika għall-attributi elenkati fl-Anness VI ta’ dak ir-Regolament kull meta dawk l-attributi jkunu jistrieħu fuq sorsi awtentiċi fis-settur pubbliku. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw informazzjoni dwar il-proċeduri biex jinbdew it-talbiet ta’ verifika u biex jiġu riċevuti r-riżultati tal-verifika.
2. Il-mekkaniżmu tal-verifika għandu jipprovdi punt tal-aċċess biex il-fornituri tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi jkunu jistgħu jitolbu elettronikament il-verifika ma’ sorsi awtentiċi jew intermedjarji deżinjati li huma rikonoxxuti fil-livell nazzjonali, tal-attributi msemmija fl-Artikolu 45e(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014. L-attributi soġġetti għal verifika se jiġu pprovduti lill-punt ta’ verifika mill-fornitur tas-servizzi fiduċjarji kwalifikat meta jintalab mill-utent. Il-korp tas-settur pubbliku jew l-intermedjarju deżinjat għandu jikkondividi r-riżultati tal-verifika, tramite l-punt ta’ verifika, mal-fornituri tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi.
3. It-talba għal verifika għandha tistabbilixxi l-attributi u d-data tal-identifikazzjoni tas-suġġett tal-attribut li għalih il-fornitur tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati jitlob il-verifika.
4. Ir-riżultat tal-verifika għandu jiddikjara esklużivament jekk l-attribut ikunx ġie verifikat jew le, u jispeċifika l-korp tas-settur pubbliku responsabbli għas-sors awtentiku jew, meta applikabbli, il-korp tas-settur pubbliku deżinjat biex jaġixxi f’isem is-sors awtentiku li abbażi tiegħu jkun ġie vverifikat l-attribut.
5. L-Istati Membri jistgħu jimponu kontrolli tal-aċċess jew mekkaniżmi oħra ta’ verifika li jipprovdu l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità biex jiddeterminaw li r-rikjedent hu fornitur tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati u qed jaġixxi wara talba minn utent leġittimu. L-Istati Membri jistgħu jimponu wkoll mekkaniżmi ta’ kontroll fuq l-użu tal-metodi ta’ verifika, meta jaraw li dan ikun xieraq, filwaqt li jqisu fatturi rilevanti, inkluż jekk is-sorsi awtentiċi fihomx data personali kunfidenzjali jew sensittiva. Meta l-Istati Membri jistabbilixxu dawn il-mekkaniżmi ta’ kontroll, dawn għandhom jippubblikaw informazzjoni dwar il-firxa tal-mekkaniżmi ta’ kontroll bħala parti mill-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 10
Interoperabbiltà u użu mill-ġdid
1. Għall-finijiet tal-Artikoli 3 sa 9, l-Istati Membri jistgħu jirreferu u jerġgħu jużaw is-servizzi komuni tas-sistema teknika stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2018/1724, kif ukoll il-komponenti nazzjonali marbuta magħhom.
2. Meta tistabbilixxi s-sistema ta’ notifika sigura u l-lista tal-korpi tas-settur pubbliku msemmija fl-Artikoli 5 u 6 u l-katalgi msemmija fl-Artikoli 7 u 8 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni Ewropea għandha tirreferi u terġa’ tuża, meta xieraq, is-servizzi komuni tas-sistema teknika skont ir-Regolament (UE) 2018/1724.
Artikolu 11
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikoli 6 sa 9 għandhom japplikaw mid-19 ta’ Awwissu 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 257, 28.8.2014, p.73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj.
(2) ĠU L 210, 14.6.2021, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2021/946/oj.
(3) Ir-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment tal-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali (ĠU L, 2024/1183, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1183/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2024/903 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku fl-Unjoni kollha (Att dwar Ewropa Interoperabbli) (ĠU L, 2024/903, 22.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/903/oj.
(5) Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1724/oj).
(6) Ir-Regolament (EU) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(7) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/58/oj).
(8) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ANNESS I
Lista tal-istandards ta’ referenza u l-ispeċifikazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 3
Il-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u l-fornituri ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku għandhom joħorġu l-attestazzjonijiet tagħhom lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi skont l-ispeċifikazzjonijiet għall-fornituri tas-servizzi fiduċjarji stabbiliti fl-istandard ETSI EN 319 401 v3.1.1 (2024-06) (“ETSI EN 319 401”).
ANNESS II
Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-ħruġ ta’ attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku msemmi fl-Artikolu 3
|
(1) |
Il-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u l-fornituri ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku għandhom joħorġu l-attestazzjonijiet tagħhom b’format skont wieħed mill-istandards elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2979 (1). |
|
(2) |
Biex joħorġu attestazzjonijiet lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, il-fornituri tal-attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi u l-fornituri ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli għal sors awtentiku għandhom:
|
|
(3) |
Barra minn hekk, meta l-attestazzjoni tinħareġ għal Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali, il-fornitur tal-attestazzjoni għandu:
|
(1) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2979 tat-28 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-integrità u l-funzjonalitajiet ewlenin tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali (ĠU L, 2024/2979, 4.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2979/oj).
ANNESS III
In-notifiki msemmija fl-Artikolu 5
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw imqar lill-Kummissjoni:
|
(1) |
isem il-korp tas-settur pubbliku u, meta applikabbli, in-numru tar-reġistrazzjoni kif użat fir-rekords uffiċjali; l-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-korp tas-settur pubbliku; il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali li skontha l-korp tas-settur pubbliku jkun stabbilit bħala responsabbli għas-sors awtentiku li abbażi tiegħu tinħareġ l-attestazzjoni elettronika tal-attributi, jew jiġi ddeżinjat biex jaġixxi f’isem il-korp tas-settur pubbliku li jkun responsabbli għas-sors awtentiku; |
|
(2) |
l-email tal-kuntatt u n-numru tat-telefown tal-korp tas-settur pubbliku; |
|
(3) |
il-URL tal-paġna web b’informazzjoni addizzjonali dwar il-korp tas-settur pubbliku; |
|
(4) |
ir-rapport tal-valutazzjoni tal-konformità kif speċifikat fl-Artikolu 45f(3) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1569/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)