|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1553 |
31.7.2025 |
TRADUZZJONI
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Armenja f’operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet
L-UNJONI EWROPEA (l-“Unjoni” jew l-“UE”),
minn naħa waħda, u
R-REPUBBLIKA TAL-ARMENJA (l-“Armenja”),
min-naħa l-oħra,
minn hawn 'il quddiem imsejħa b'mod konġunt il-“Partijiet”,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li fil-qafas tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tagħha, l-Unjoni tista' tiddeċiedi li twettaq operazzjonijiet għall-immaniġġar ta' kriżijiet li jistgħu jinkludu l-kompiti stipulati fl-Artikoli 42(1) u 43(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif deċiż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (il-“Kunsill”);
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-paċi dinjija għall-iżvilupp tal-Istati kollha, u FILWAQT LI JIBQGĦU IMPENJATI li jikkontribwixxu għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà fil-viċinati rispettivi tagħhom u fil-bqija tad-dinja, abbażi tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;
FILWAQT LI JQISU l-impenn bejn il-Partijiet biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fi kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sigurtà u d-difiża, u filwaqt li jirrikonoxxu li l-kapaċitajiet u l-abbiltajiet tal-persunal u tal-forzi tal-Armenja jistgħu jintużaw f'operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet;
XEWQANA LI jistabbilixxu kondizzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Armenja f'operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet fi ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni futura possibbli, minflok ma joqogħdu jiddefinixxu dawk il-kondizzjonijiet għal kull operazzjoni kkonċernata skont il-każ;
FILWAQT LI JQISU li jenħtieġ li tali ftehim ikun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni, u jenħtieġ li ma jippreġudikax in-natura skont il-każ tad-deċiżjoni tal-Armenja li tieħu sehem f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet;
BILLI l-Unjoni ser tiddeċiedi jekk Stati terzi jiġux mistiedna jieħdu sehem f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet. L-Armenja tista' taċċetta l-istedina tal-Unjoni u toffri l-kontribut tagħha. F'dak il-każ, l-Unjoni tiddeċiedi dwar jekk taċċettax il-kontribut propost;
FTIEHMU KIF ĠEJ:
TAQSIMA I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Deċiżjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni
1. Wara d-deċiżjoni tal-Unjoni li tistieden lill-Armenja biex tieħu sehem f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, l-Armenja għandha, fl-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, tikkomunika d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tagħha rigward il-parteċipazzjoni tagħha, inkluż il-kontribuzzjoni proposta tagħha, lill-Unjoni.
2. L-Unjoni għandha tipprovdi lill-Armenja b'indikazzjoni bikrija tal-kontribuzzjoni probabbli għall-kostijiet komuni tal-operazzjoni mill-aktar fis possibbli bil-ħsieb li tgħin lill-Armenja fil-formulazzjoni tal-offerta tagħha.
3. Il-valutazzjoni mill-Unjoni tal-kontribuzzjoni proposta mill-Armenja għandha ssir b'konsultazzjoni mal-Armenja.
4. L-Unjoni għandha tikkomunika bil-miktub lill-Armenja l-eżitu tal-valutazzjoni u tad-deċiżjoni tagħha dwar il-kontribuzzjoni proposta mill-Armenja, bil-ħsieb li tiżgura l-parteċipazzjoni tal-Armenja, f'konformità ma' dan il-Ftehim.
5. Il-kontribuzzjoni proposta mill-Armenja skont il-paragrafu 1, u l-aċċettazzjoni tagħha mill-Unjoni skont il-paragrafu 4, għandhom jikkostitwixxu l-bażi għall-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għal kull operazzjoni speċifika għall-immaniġġar ta' kriżijiet.
6. L-Armenja tista', fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Unjoni, u wara konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet, tirtira kompletament jew parzjalment, fi kwalunkwe ħin, mill-parteċipazzjoni f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.
Artikolu 2
Qafas
1. L-Armenja għandha tassoċja ruħha mad-Deċiżjoni rilevanti li biha l-Kunsill jiddeċiedi li l-Unjoni ser twettaq operazzjoni għall-immaniġġar ta' kriżijiet, u ma' kwalunkwe Deċiżjoni oħra li biha l-Kunsill jiddeċiedi li jestendi operazzjoni għall-immaniġġar ta' kriżijiet, f'konformità ma' dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament ta' implimentazzjoni meħtieġ.
2. Il-kontribut tal-Armenja għal operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni.
Artikolu 3
L-istatus tal-persunal u tal-forzi tal-Armenja
1. L-istatus tal-persunal issekondat għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet u l-istatus tal-persunal u tal-forzi kkontribwiti mill-Armenja lil operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandu jkun irregolat mill-ftehim rilevanti dwar l-istatus tal-forzi jew il-ftehim rilevanti dwar l-istatus tal-missjoni, jekk dan il-ftehim jiġi konkluż, jew minn kwalunkwe arranġament ieħor bejn l-Unjoni u l-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni. L-Armenja għandha tiġi infurmata b'dan.
2. L-istatus tal-persunal ikkontribwit lill-kwartieri ġenerali jew lil elementi ta' kmand barra l-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, għandu jiġi rregolat minn arranġamenti bejn il-kwartieri ġenerali u l-elementi ta' kmand ikkonċernati u l-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja.
3. Mingħajr preġudizzju għall-ftehim dwar l-istatus tal-forzi jew il-ftehim dwar l-istatus tal-missjoni msemmi fil-paragrafu 1, l-Armenja għandha teżerċita l-ġuriżdizzjoni fuq il-persunal tagħha li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet. Fejn il-forzi tal-Armenja joperaw abbord bastiment jew inġenju tal-ajru ta' Stat Membru tal-Unjoni, dak l-Istat Membru jista' jeżerċita ġuriżdizzjoni soġġett għal kwalunkwe ftehim eżistenti jew futur u f'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tiegħu u d-dritt internazzjonali.
4. L-Armenja għandha tkun responsabbli milli tirrispondi għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mal-parteċipazzjoni tagħha f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet li tiġi minn jew li tikkonċerna xi membru tal-persunal tagħha u għandha tkun responsabbli biex tressaq kwalunkwe azzjoni, b'mod partikolari azzjoni legali jew dixxiplinarja, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tagħha f'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tagħha.
5. Il-Partijiet jaqblu li jirrinunzjaw għall-pretensjonijiet kollha, ħlief għal dawk kuntrattwali, kontra xulxin għal dannu, telf ta' jew distruzzjoni ta' assi ta' proprjetà ta', jew operati minn Parti jew oħra, jew għal korriment jew mewt ta' persunal ta' Parti jew oħra, li jirriżultaw mit-twettiq tad-doveri uffiċjali tagħhom konnessi mal-attivitajiet skont dan il-Ftehim, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja.
6. L-Armenja tintrabat li tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja għal pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat li jipparteċipa f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet li fiha tipparteċipa l-Armenja, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.
7. L-Unjoni tintrabat li tiżgura li l-Istati Membri tagħha jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' kwalunkwe parteċipazzjoni futura tal-Armenja f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, u jagħmlu dan meta jiffirmaw dan il-Ftehim.
Artikolu 4
Informazzjoni klassifikata
1. L-Armenja għandha tieħu miżuri xierqa sabiex tiżgura li l-informazzjoni klassifikata tal-UE tkun protetta f'konformità mar-regoli ta' sigurtà tal-Kunsill għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE, li jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (1), u f'konformità ma' linji gwida ulterjuri maħruġa minn awtoritajiet kompetenti, inkluż mill-Kmandant ta' Operazzjoni tal-UE fir-rigward ta' operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, jew mill-Kap tal-Missjoni fir-rigward ta' operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.
2. Fejn il-Partijiet jikkonkludu ftehim dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata, dak il-ftehim għandu japplika fil-kuntest ta' operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.
TAQSIMA II
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PARTEĊIPAZZJONI F'OPERAZZJONIJIET ĊIVILI GĦALL-IMMANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET
Artikolu 5
Persunal issekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet
1. Ir-Repubblika tal-Armenja għandha:
|
(a) |
tiżgura li l-persunal tagħha ssekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet iwettaq il-missjoni tiegħu f'konformità ma':
|
|
(b) |
tinforma lill-Kmandant ta' Operazzjoni Ċivili tal-UE fi żmien xieraq bi kwalunkwe bidla fil-kontribut tagħha għall-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet. |
2. Il-persunal issekondat mill-Armenja għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandu jagħmel eżami mediku, ikun imlaqqam (skont il-bżonn) u jkun iċċertifikat medikament b'saħħtu biex iwettaq dmirijietu mill-awtorità kompetenti tal-Armenja, u jipproduċi kopja ta' dik iċ-ċertifikazzjoni.
3. Il-persunal issekondat mill-Armenja għandu jwettaq dmirijietu u jġib ruħu bil-ħsieb biss tal-interessi tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, filwaqt li josserva l-ogħla standards ta' mġiba stipulati fil-politiki applikabbli għal operazzjonijiet ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.
Artikolu 6
Katina ta' kmand
1. Il-persunal kollu parteċipanti f'operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.
2. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operazzjonali lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili tal-UE.
3. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili tal-UE għandu jerfa' r-responsabbiltà u jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet fil-livell strateġiku.
4. Il-Kap tal-Missjoni tal-UE għandu jerfa' r-responsabbiltà u jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet fuq il-post u jassumi l-immaniġġar ta' kuljum tagħha.
5. L-Armenja għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f'termini tal-immaniġġar ta' kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri tal-Unjoni li jkunu qed jieħdu sehem fl-operazzjoni, f'konformità mal-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1).
6. Il-Kap tal-Missjoni tal-UE għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju tal-persunal tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet. Fejn meħtieġ, għandha tittieħed azzjoni dixxiplinarja mill-awtorità nazzjonali kkonċernata.
7. Għandu jinħatar Punt ta' Kuntatt tal-Kontinġent Nazzjonali (“PKN”) mill-Armenja biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet. Il-PKN għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni tal-UE dwar kwistjonijiet nazzjonali u għandu jkun responsabbli mid-dixxiplina ta' kuljum tal-kontinġent tal-Armenja.
8. Id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandha tittieħed mill-Unjoni, wara konsultazzjoni mal-Armenja jekk f'dik id-data din tkun għadha qed tikkontribwixxi għal dik l-operazzjoni.
Artikolu 7
Aspetti finanzjarji
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, l-Armenja għandha ġġarrab l-kostijiet kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha f'operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet minbarra l-kostijiet operazzjonali, kif stipulat fil-baġit operazzjonali tal-operazzjoni.
2. F'każ ta' mewt, korriment, telf jew dannu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, il-kwistjonijiet ta' responsabbiltà u ta' kumpens possibbli mill-Armenja għandhom jiġu rregolati mill-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim applikabbli dwar l-istatus tal-missjoni msemmi fl-Artikolu 3(1) jew fi kwalunkwe dispożizzjoni alternattiva applikabbli.
Artikolu 8
Kontribuzzjoni għall-baġit operazzjonali
1. Soġġett għall-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu u minkejja l-Artikolu 1(5), l-Armenja għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-baġit operazzjonali tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet ikkonċernata.
2. Il-kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kalkolata abbażi ta' waħda miż-żewġ formuli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-ammont aktar baxx:
|
(a) |
is-sehem tal-ammont ta' referenza għall-baġit operazzjonali approporzjon tal-proporzjon tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tal-Armenja mit-total tal-ING tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-baġit operazzjonali tal-operazzjoni; jew |
|
(b) |
is-sehem tal-ammont ta' referenza għall-baġit operazzjonali approporzjon tal-proporzjoni tal-għadd ta' persunal mill-Armenja parteċipanti fl-operazzjoni mill-għadd totali tal-persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni. |
3. Minkejja l-paragrafi 1 u 2, l-Armenja ma għandha tagħmel l-ebda kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' għotjiet per diem imħallsa lill-persunal tal-Istati Membri tal-Unjoni.
4. Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni għandha, fil-prinċipju, teżenta lill-Armenja minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal operazzjoni ċivili partikolari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet meta:
|
(a) |
l-Unjoni tqis li l-Armenja tipprovdi kontribuzzjoni sinifikanti li tkun essenzjali għal dik l-operazzjoni; jew |
|
(b) |
l-Armenja jkollha ING per capita li ma jaqbiżx dak ta' xi Stat Membru tal-Unjoni. |
5. Soġġett għall-paragrafu 1, kwalunkwe arranġament dwar il-pagament tal-kontribuzzjonijiet tal-Armenja għall-baġit operazzjonali ta' operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandu jsir bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet u għandu, fost l-oħrajn, jinkludi dispożizzjonijiet dwar:
|
(a) |
l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja kkonċernata; |
|
(b) |
l-arranġamenti għall-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja; u |
|
(c) |
l-proċedura tal-awditjar. |
TAQSIMA III
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F'OPERAZZJONIJIET MILITARI TAL-UE GĦALL-IMMANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET
Artikolu 9
Parteċipazzjoni f'operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet
1. Ir-Repubblika tal-Armenja għandha:
|
(a) |
tiżgura li l-forzi u l-persunal tagħha parteċipanti f'operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet iwettqu l-missjoni tagħhom f'konformità ma':
u, |
|
(b) |
tinforma lill-Kmandant ta' Operazzjoni tal-UE fi żmien xieraq bi kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet. |
2. Il-persunal issekondat mill-Armenja għandu jwettaq dmirijietu u jġib ruħu bil-ħsieb biss tal-interessi tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, filwaqt li josserva l-ogħla standards ta' mġiba stipulati fil-politiki applikabbli għal operazzjonijiet militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.
Artikolu 10
Katina ta' kmand
1. Il-forzi u l-persunal kollha li jipparteċipaw f'operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandhom jibqgħu taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.
2. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kmand operazzjonali u tattiku u/jew il-kontroll tal-forzi u tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE, li huwa intitolat li jiddelega l-awtorità tiegħu.
3. L-Armenja għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' maniġġar ta' kuljum tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet bħall-Istati Membri tal-Unjoni li jieħdu sehem fl-operazzjoni, f'konformità mal-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1).
4. Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jista', wara konsultazzjonijiet mal-Armenja, fi kwalunkwe ħin jitlob l-irtirar tal-kontribut mill-Armenja.
5. Għandu jinħatar Rappreżentant Militari Għoli (“SMR”) mill-Armenja sabiex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni militari tal-UE ta' għall-immaniġġar ta' kriżijiet. L-SMR għandu jikkonsulta mal-Kmandant tal-Forzi tal-UE dwar il-kwistjonijiet kollha li jaffettwaw l-operazzjoni, u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta' kuljum tal-kontinġent tal-Armenja.
Artikolu 11
Aspetti finanzjarji
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, l-Armenja għandha ġġarrab l-kostijiet kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet sakemm l-kostijiet ma jkunux soġġetti għal finanzjament komuni kif previst fl-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1), kif ukoll fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 (2).
2. F'każ ta' mewt, korriment, telf jew dannu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, il-kwistjonijiet ta' responsabbiltà u kumpens possibbli mill-Armenja għandhom jiġu rregolati mill-kondizzjonijiet stipulati fil-ftehim applikabbli dwar l-istatus tal-forzi msemmi fl-Artikolu 3(1) jew fi kwalunkwe dispożizzjoni alternattiva applikabbli.
Artikolu 12
Kontribuzzjoni għall-kostijiet komuni
1. Soġġett għall-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u minkejja l-Artikolu 1(5), l-Armenja għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-kostijiet komuni tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet konċernata.
2. Il-kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kalkolata abbażi ta' waħda miż-żewġ formuli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-ammont aktar baxx:
|
(a) |
is-sehem tal-kostijiet komuni approporzjon tal-proporzjon tal-ING tal-Armenja mit-total tal-ING tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-kostijiet komuni tal-operazzjoni; jew |
|
(b) |
is-sehem tal-kostijiet komuni approporzjon tal-proporzjon tal-għadd ta' persunal mill-Armenja parteċipanti fl-operazzjoni mill-għadd totali tal-persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni. |
Fejn tintuża l-formula taħt il-punt (b), u l-Armenja tikkontribwixxi persunal għall-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni jew tal-Forza biss, il-proporzjon li jintuża għandu jkun dak tal-persunal tagħha mill-għadd totali tal-persunal tal-kwartieri ġenerali rispettivi. F'każijiet oħra, il-proporzjon għandu jkun dak tal-persunal kollu kkontribwit mill-Armenja mit-total tal-persunal tal-operazzjoni.
3. Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni għandha, fil-prinċipju, teżenta lill-Armenja minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal operazzjoni militari partikolari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet meta:
|
(a) |
l-Unjoni tqis li l-Armenja tipprovdi kontribuzzjoni sinifikanti li tkun essenzjali għal din l-operazzjoni; jew |
|
(b) |
l-Armenja jkollha ING per capita li ma jaqbiżx dak ta' xi Stat Membru tal-Unjoni. |
4. Soġġett għall-paragrafu 1, kwalunkwe arranġamenti għall-pagament tal-kontribuzzjonijiet tal-Armenja għall-kostijiet komuni għandhom isiru bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet u għandhom, fost l-oħrajn, jinkludu dispożizzjonijiet dwar:
|
(a) |
l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja kkonċernata; |
|
(b) |
l-arranġamenti għall-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja; u |
|
(c) |
l-proċedura tal-awditjar. |
TAQSIMA IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 13
Arranġamenti biex jiġi implimentat il-Ftehim
Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 8(5) u 12(3), kwalunkwe arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ għall-implementazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiftiehmu għalih l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet.
Artikolu 14
Awtoritajiet kompetenti
Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, l-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja għandhom ikunu il-Ministeru għall-Intern sakemm l-Unjoni ma tiġix notifikata mod ieħor.
Artikolu 15
Nonkonformità
Jekk kwalunkwe waħda mill-Partijiet tonqos milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra għandu jkollha d-dritt li ttemm dan il-Ftehim permezz ta' avviż bil-miktub ta' xahar.
Artikolu 16
Riżoluzzjoni ta' tilwim
Tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt b'mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.
Artikolu 17
Dħul fis-seħħ, tul ta' żmien u terminazzjoni
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara x-xahar li fih l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri legali interni meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.
2. Dan il-Ftehim għandu jiġi rivedut fuq it-talba ta' kwalunkwe Parti.
3. Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat abbażi ta' ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ f'konformità mal-proċedura stipulata fil-paragrafu 1.
4. Dan il-Ftehim jista' jiġi terminat minn kwalunkwe Parti b'notifika bil-miktub ta' terminazzjoni mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali terminazzjoni għandha ssir effettiva sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika.
B'XHIEDA TA' DAN, is-sottoskritti, awtorizzati debitament għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.
Magħmul bil-lingwa Ingliża u dik Armena, b'kull waħda ugwalment awtentika.
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU UE L 274, 15.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/488/oj).
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/871/PESK (ĠU UE L 84, 28.03.2015, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/528/oj).
DIKJARAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI LI TAPPLIKA DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL DWAR OPERAZZJONI TAL-UE GĦALL-IMMANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET LI FIHA TIPPARTEĊIPA R-REPUBBLIKA TAL-ARMENJA, RIGWARD IR-RINUNZJA TA' PRETENSJONIJIET
“L-Istati Membri tal-Unjoni li japplikaw Deċiżjoni tal-Kunsill dwar operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet li fiha tipparteċipa l-Armenja ser jagħmlu ħilithom, sa fejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu, biex jirrinunzjaw sa fejn ikun possibbli għal kwalunkwe pretensjoni kontra l-Armenja rigward il-korriment jew mewt tal-persunal tagħhom, jew ħsara lil, jew telf ta' kwalunkwe assi ta' proprjetà tagħhom u użati mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet jekk tali korriment, mewt, ħsara jew telf:
|
— |
kienu kkawżati minn persunal ikkontribwit mill-Armenja lil operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, fit-twettiq tad-doveri tagħhom b'konnessjoni ma' dik l-operazzjoni, ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja; jew |
|
— |
irriżultaw mill-użu ta' kwalunkwe assi li jkunu l-proprjetà tal-Armenja, dment li l-assi jkunu ntużaw b'konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, u ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja minn persunal ikkontribwit mill-Armenja lill-operazzjoni, li kien qed juża dawk l-assi.” |
DIKJARAZZJONI MIR-REPUBBLIKA TAL-ARMENJA RIGWARD IR-RINUNZJA GĦAL PRETENSJONIJIET KONTRA KWALUNKWE STAT PARTEĊIPANTI F'OPERAZZJONIJIET TAL-UE GĦALL-IMMANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET
“L-Armenja, wara li qablet li tipparteċipa f'operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet, ser tagħmel ħilitha, sa fejn is-sistema legali interna tagħha tippermetti, biex tirrinunzja sa fejn ikun possibbli għal kwalunkwe pretensjoni kontra kwalunkwe Stat li jipparteċipa f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet rigward il-korriment jew mewt tal-persunal tiegħu jew ħsara lil, jew telf ta' kwalunkwe assi proprjetà tagħha u użati mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet jekk tali korriment, mewt, ħsara jew telf:
|
— |
kienu kkawżati minn persunal ikkontribwit minn kwalunkwe Stat parteċipanti lill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, fit-twettiq tad-doveri tagħhom b'konnessjoni ma' dik l-operazzjoni, ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja; jew |
|
— |
irriżultaw mill-użu ta' kwalunkwe assi li jkunu l-proprjetà ta' Stati parteċipanti fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, dment li l-assi jkunu ntużaw b'konnessjoni ma' dik l-operazzjoni u ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja minn persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet li kien qed juża dawk l-assi.” |
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2025/1553/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)