European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1534

23.7.2025

REGOLAMENT (UE) 2025/1534 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Lulju 2025

dwar derogi temporanji minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (UE) 2017/2226 u (UE) 2016/399 fir-rigward tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), il-punti (b) u (d), u l-Artikolu 87(2), il-punt (a), tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li jistabbilixxi s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES), jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tiddeċiedi d-data minn meta l-EES għandha tibda topera, dment li jiġu ssodisfati ċerti kondizzjonijiet.

(2)

Il-Kummissjoni ma rċevietx in-notifiki kollha skont l-Artikolu 66(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2017/2226, li hija waħda mill-kondizzjonijiet biex tittieħed deċiżjoni dwar il-bidu tal-operazzjonijiet tal-EES.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2017/2226 jippermetti biss bidu sħiħ tal-operazzjonijiet, li jirrikjedi li l-Istati Membri kollha jibdew jużaw l-EES bis-sħiħ għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal reġistrazzjoni fl-EES u jużaw l-EES simultanjament fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri kollha tagħhom. Madankollu, bidu sħiħ tal-operazzjonijiet tal-funzjonalitajiet kollha tal-EES simultanjament fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri kollha jikkostitwixxi riskju għar-reżiljenza tal-EES kollha kemm hi u għall-flussi tal-passiġġieri fil-fruntieri esterni.

(4)

Sabiex tiġi żgurata tnedija bla xkiel tal-EES, tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni tagħha fil-ħin fl-Istati Membri kollha, jiġi fornut lill-Istati Membri l-flessibbiltà meħtieġa biex jibdew jużaw l-EES f’perjodu definit b’mod ċar u biex jiġu ffaċilitati l-aġġustamenti tekniċi u operazzjonali meta jibdew iħaddmu l-EES, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għall-bidu progressiv tal-operazzjoniijiet tal-EES, li matulu l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħżlu introduzzjoni gradwali tal-EES. Sabiex jiġi żgurat li dawk l-aġġustamenti jqisu l-flussi potenzjali tal-ivvjaġġar u l-perjodi staġjonali l-aktar intensivi, filwaqt li jitqies li l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES jista’ jkollu wkoll xi impatt fuq l-Istati Membri f’termini ta’ żieda fl-ammont ta’ xogħol fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera, jenħtieġ li tali bidu progressiv tal-operazzjonijiet ikollu durata limitata ta’ 180 jum.

(5)

Għalhekk, sabiex ikun jista’ jsir il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, jeħtieġ li, temporanjament, issir deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/2226 u tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Regoli oħra stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2226 li mhumiex affettwati minn dan ir-Regolament japplikaw kif previst f’dak ir-Regolament. B’mod partikolari, ir-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2017/2226 japplikaw għad-data rreġistrata fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES u għalhekk huwa meqjus li dik id-data hija affidabbli u preċiża. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma jaffettwax il-validità tan-notifiki diġà magħmula mill-Istati Membri skont l-Artikolu 66(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2017/2226.

(6)

L-Istati Membri li mhumiex biħsiebhom jużaw l-EES kompletament mill-bidu tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES jenħtieġ li jibdew progressivament joperaw l-EES biex jirreġistraw, mad-dħul u mal-ħruġ, id-data ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal reġistrazzjoni fl-EES f’punt ta’ qsim tal-fruntiera wieħed jew aktar, jew f’korsija waħda jew aktar tat-tali punti ta’ qsim tal-fruntiera. Jekk ikun possibbli u applikabbli, l-Istati Membri jenħtieġ li jinkludu taħlita ta’ punti ta’ qsim tal-fruntieri tal-ajru, tal-art u tal-baħar. Sabiex tiġi żgurata t-tnedija kkontrollata tal-EES u biex jiġu ġestiti u evitati ħinijiet ta’ stennija twal potenzjali fil-fruntieri, fejn rilevanti, u jekk meħtieġ, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw il-funzjonalitajiet kollha tal-EES b’mod progressiv u jirreġistraw id-data taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi soġġetti għar-reġistrazzjoni fl-EES gradwalment. Sabiex jiġi żgurat l-użu sħiħ tal-EES fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri kollha fl-Unjoni, meta l-Istati Membri jagħżlu li jibdew joperaw l-EES progressivament, jenħtieġ li tiġi implimentata f’fażijiet, li jenħtieġ li jistabbilixxu rekwiżiti minimi li jridu jintlaħqu mill-Istati Membri. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jaċċelleraw l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali jew jibdew joperaw l-EES bis-sħiħ mill-bidu tal-operazzjonijiet tal-EES. L-ipproċessar gradwali tad-data fl-EES jenħtieġ li jitwettaq filwaqt li jiġu rispettati bi sħiħ id-drittijiet tas-suġġetti tad-data kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u jenħtieġ li ma jwassalx, direttament jew indirettament, għal xi forma ta’ diskriminazzjoni jew tfassil tal-profil fi ħdan it-tifsira ta’ dak ir-Regolament. Meta meħtieġ, il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, jenħtieġ li tipprovdi gwida prattika ulterjuri dwar l-ipproċessar ta’ data personali fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet.

(7)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-varar bla xkiel tal-EES, jenħtieġ li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), tiżviluppa pjan ta’ introduzzjoni ta’ livell għoli biex tipprovdi gwida lill-Istati Membri u lill-Europol dwar l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-varar tal-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet (il-“pjan ta’ introduzzjoni ta’ livell għoli tal-eu-LISA”). L-eu-LISA jenħtieġ li tipprovdi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Europol b’dak il-pjan. Jenħtieġ li dak il-pjan jikkonferma l-miri ta’ prestazzjoni u disponibbiltà tas-Sistema Ċentrali tal-EES kif ukoll l-istrateġija rigward difetti potenzjali funzjonali minuri, maġġuri u ta’ mblukkar, jenħtieġ li jindika proċeduri ta’ kontinġenza u jenħtieġ li jipprovdi gwida għall-funzjonament tas-Sistema Ċentrali tal-EES lill-Istati Membri u lill-Europol. Jenħtieġ li dak il-pjan jiġi adottat mill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA. Jenħtieġ li d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri li jibdew jew jaċċelleraw l-operazzjonijiet iqisu l-pjan ta’ introduzzjoni ta’ livell għoli tal-eu-LISA.

(8)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-varar bla xkiel tal-EES, jenħtieġ li kull Stat Membru jiżviluppa pjan ta’ introduzzjoni nazzjonali f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni u mal-eu-LISA u jibgħat dak il-pjan lill-Kummissjoni. Għal kull fażi tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, jenħtieġ li l-pjanijiet ta’ introduzzjoni nazzjonali jinkludu l-informazzjoni dwar il-limiti u r-rekwiżiti stabbiliti, b’mod partikolari: (i) id-data mistennija li fiha l-EES se tibda titħaddem fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera; (ii) il-perċentwal mistenni tal-għadd stmat ta’ qsim tal-fruntieri li għandhom jiġu rreġistrati fl-EES mill-għadd totali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għar-reġistrazzjoni fl-EES; u (iii) fejn applikabbli, il-funzjonalitajiet bijometriċi li mistennija jitħaddmu fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera. Jenħtieġ li l-eu-LISA tikkunsidra jekk il-pjanijiet ta’ introduzzjoni nazzjonali humiex teknikament konsistenti mal-pjan ta’ introduzzjoni ta’ livell għoli tal-eu-LISA u jenħtieġ li tikkonferma li ma fihom l-ebda nuqqas li jista’ jdewwem aktar il-bidu tal-operazzjonijiet tal-EES. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra l-koerenza ġenerali tal-pjanijiet ta’ introduzzjoni nazzjonali kollha u jekk kull pjan ta’ introduzzjoni nazzjonali huwiex konformi mal-limiti u r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Meta jkunu qed iħejju l-pjanijiet ta’ introduzzjoni nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkoordinaw, kif xieraq, mal-operaturi tal-infrastruttura fejn jinsabu l-punti ta’ qsim tal-fruntieri. Meta Stat Membru jippjana li jibda jopera l-EES jew li juża l-funzjonalitajiet bijometriċi tal-EES f’punt ta’ qsim tal-fruntiera speċifiku, jenħtieġ li dak l-Istat Membru jinforma b’dan lill-operaturi tal-infrastruttura li tospita dak il-punt ta’ qsim tal-fruntiera. Sabiex jimmonitorjaw il-konformità mal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu rapporti ta’ kull xahar lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali tagħhom. Jenħtieġ li tali rapporti ta’ kull xahar jidentifikaw devjazzjonijiet u miżuri korrettivi fejn dawn kienu meħtieġa biex jikkonformaw mal-limiti u r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni toħroġ linji gwida biex tiffaċilita l-forniment ta’ pjanijiet ta’ introduzzjoni nazzjonali konċiżi u rapporti ta’ kull xahar mill-Istati Membri.

(9)

Meta jitqies li d-data rreġistrata fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES tista’ ma tkunx kompluta, jenħtieġ li d-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu ttimbrati b’mod sistematiku mad-dħul u mal-ħruġ matul dak il-perjodu. Jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jqisu l-inkompletezza possibbli tar-rekords tad-dħul/ħruġ jew tar-rekords tar-rifjut ta’ dħul. F’każ li ma jkun hemm l-ebda data rilevanti tal-EES, l-awtoritajiet nazzjonali jenħtieġ li jikkunsidraw it-timbri bħala prevalenti. F’każ li ma jkunx hemm timbru, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jqisu d-data rreġistrata fl-EES bħala prevalenti. F’każ ta’ diskrepanza bejn il-fajl individwali li jkun fih data bijometrika u t-timbru, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jqisu d-data tal-EES bħala prevalenti. F’każ ta’ diskrepanza bejn il-fajl individwali mingħajr data bijometrika u t-timbru jew fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2017/2226, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jiddeċiedu, fuq bażi ta’ każ b’każ, jekk ikunx prevalenti t-timbru jew id-data tal-EES.

(10)

Meta jitqies li d-data rreġistrata fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES tista’ ma tkunx kompluta, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali ma jqisux ir-riżultati pprovduti mill-kalkolatur awtomatizzat dwar it-tul massimu li jifdal tas-soġġorn awtorizzat ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi rreġistrati fl-EES. Bl-istess mod, meta jwettqu l-kompiti tagħhom, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali ma jqisux il-mekkaniżmu awtomatizzat biex jidentifikaw jew jimmarkaw in-nuqqas ta’ rekords tal-ħruġ wara d-data tal-iskadenza ta’ soġġorn awtorizzat jew ir-rekords li għalihom ikun inqabeż it-tul massimu tas-soġġorn awtorizzat, jew il-listi ġġenerati ta’ persuni identifikati bħala persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn.

(11)

Sabiex l-Istati Membri jingħataw iż-żmien meħtieġ biex jaġġustaw għall-bidu tal-operazzjonijiet tal-EES, matul l-ewwel 60 jum mill-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, jenħtieġ li l-użu ta’ funzjonalitajiet bijometriċi fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri ma jkunx obbligatorju. Madankollu, l-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu użu minn dawk il-funzjonalitajiet matul dak il-perjodu sabiex jappoġġaw tranżizzjoni operazzjonali bla xkiel u jingħata lok għall-identifikazzjoni u r-riżoluzzjoni f’waqthom ta’ kwalunkwe kwistjoni tal-implimentazzjoni. Sad-90 jum mill-ewwel jum tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, jenħtieġ li l-Istati Membri joperaw l-EES b’funzjonalitajiet bijometriċi mill-inqas f’nofs il-punti ta’ qsim tal-fruntieri tagħhom. Jenħtieġ li l-forniment ta’ data bijometrika ma jkunx kundizzjoni tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għar-reġistrazzjoni fl-EES f’punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn l-EES titħaddem mingħajr funzjonalitajiet bijometriċi.

(12)

Sabiex tiġi akkomodata l-ħtieġa li l-EES tiġi varata progressivament b’funzjonalitajiet bijometriċi f’punti ta’ qsim tal-fruntieri, il-verifika bijometrika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għar-reġistrazzjoni fl-EES jenħtieġ li titwettaq biss fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri li fihom titħaddem l-EES b’funzjonalitajiet bijometriċi.

(13)

Sabiex tiġi żgurata l-koerenza tal-operazzjonijiet tal-interoperabbiltà bejn is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS, Visa Information System) kif stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE (6), u l-EES, jenħtieġ li l-VIS tiġi aċċessata direttament biss fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri li fihom ma tiġix operata l-EES. F’punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn titħaddem l-EES, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-fruntieri jagħmlu użu mill-interoperabbiltà bejn l-EES u l-VIS.

(14)

Jenħtieġ li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li d-data tagħhom għandha tiġi rreġistrata fl-EES jiġu infurmati dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tagħhom fil-forma ta’ mudell kif previst fl-Artikolu 50(5) tar-Regolament (UE) 2017/2226. Jenħtieġ li l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lil dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi tirreferi għall-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES. Jenħtieġ li dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu infurmati fil-mudell tal-obbligu tagħhom li jipprovdu data bijometrika fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri meta dak l-obbligu jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ dħul, dwar il-konsegwenzi li ma jipprovdux data bijometrika, li mhux se jkun possibbli għalihom li jivverifikaw it-tul ta’ żmien li jifdal tas-soġġorn awtorizzat b’mezzi awtomatizzati, u dwar il-possibbiltà li jużaw l-għodda tal-kalkolatur għal soġġorn qasir disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

(15)

Sabiex jiġi rifless il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina l-informazzjoni fis-sit web tal-EES b’mod regolari, u tadattaha meta meħtieġ.

(16)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, bl-involviment tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tadatta l-materjali ta’ informazzjoni tagħha żviluppati fil-kuntest tal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2017/2226, biex titwettaq il-kampanja ta’ informazzjoni li takkumpanja l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES.

(17)

Matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, is-servizz web imsemmi fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226 mhux se jippermetti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jivverifikaw it-tul eżatt tas-soġġorn awtorizzat tagħhom b’mod elettroniku.

(18)

Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-obbligi tat-trasportaturi tal-ajru, it-trasportaturi bil-baħar u t-trasportaturi internazzjonali li jittrasportaw gruppi fuq l-art bil-kowċ kif stabbilit fl-Artikolu 26(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (7) (“il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen”) u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE (8). F’dak ir-rigward, jenħtieġ li t-trasportaturi jivverifikaw it-timbri mwaħħla fid-dokumenti tal-ivvjaġġar. Sabiex tiġi żgurata komunikazzjoni effettiva mat-trasportaturi dwar l-applikazzjoni differenzjata tal-EES fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri, li fl-aħħar mill-aħħar ikunu ta’ benefiċċju għall-vjaġġaturi, huwa kruċjali għall-Istati Membri li jkunu trasparenti dwar il-varar tal-EES fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri tagħhom.

(19)

L-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2017/2226 u l-Artikolu 12a tar-Regolament (UE) 2016/399 jipprevedu perjodu tranżitorju u miżuri tranżizzjonali għall-bidu tal-operazzjonijiet tal-EES. Biex jiġi permess bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, jeħtieġ li ssir deroga minn dawk l-Artikoli biex jiġi żgurat li l-perjodu tranżitorju u l-miżuri tranżizzjonali japplikaw biss wara t-tmiem tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES. Jenħtieġ li dik id-deroga tieqaf tapplika 5 snin u 180 jum mid-data li fiha l-EES għandha tibda topera kif deċiż mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

(20)

Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji tal-Unjoni, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, ma jiħdux deċiżjonijiet li huma bbażati esklużivament fuq data rreġistrata fl-EES, jenħtieġ li huma jqisu li l-fajls individwali rreġistrati fl-EES jista’ jkun fihom settijiet ta’ data mhux kompluti. Jenħtieġ li dik id-deroga tieqaf tapplika 5 snin u 180 jum mid-data li fiha l-EES għandha tibda topera kif deċiż mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226 biex tirrifletti l-perjodu taż-żamma ta’ 5 snin għas-settijiet ta’ data li għalihom ir-rekord tal-ħruġ ikun nieqes kif stabbilit fl-Artikolu 34(3) ta’ dak ir-Regolament. Ir-rekords tad-dħul u tal-ħruġ maħluqa matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES jenħtieġ li ma jintużawx għar-rapportar awtomatizzat, u lanqas għal proċessi awtomatizzati, inkluża konsultazzjoni awtomatizzata mis-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), kif stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(21)

Meta jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/2226 dwar l-emenda tad-data u t-tħassir bil-quddiem tad-data, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkompletaw id-data mhux kompluta sa fejn ikun permess mid-disponibbiltà limitata tas-settijiet ta’ data rreġistrati fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES.

(22)

Jenħtieġ li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, kif stabbilita fir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), ma taċċessax id-data rrekordjata fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES għat-twettiq ta’ analiżijiet tar-riskju u valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà, peress li l-inkompletezza tad-data tista’ twassal għal analiżijiet tar-riskju u valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà qarrieqa.

(23)

Sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, jenħtieġ li japplikaw ir-regoli li ġejjin. Fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri li fihom ma tiġix operata l-EES, jenħtieġ li l-verifiki fuq il-fruntieri jitwettqu f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/399, kif applikabbli fil-jum qabel id-data minn meta l-EES għandha tibda topera kif deċiż mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226. Fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn titħaddem l-EES, jenħtieġ li l-verifiki fuq il-fruntiera jitwettqu f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2017/2226 u (UE) 2016/399 kif ukoll id-derogi speċifiċi minn dawn ir-Regolamenti previsti f’dan ir-Regolament fir-rigward tal-verifika fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri li fihom titħaddem l-EES mingħajr funzjonalitajiet bijometriċi biex jippermettu l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES. Dawk il-verifiki fuq il-fruntiera jenħtieġ li jseħħu mingħajr preġudizzju għall-verifiki tad-detenturi tal-viża bl-użu tal-marki tas-swaba’, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(24)

Sabiex ikun jista’ jsir aġġustament effettiv tal-arranġamenti tekniċi u organizzattivi matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES f’kull Stat Membru u biex jiġu indirizzati każijiet ta’ ħsara fis-Sistema Ċentrali tal-EES, tas-sistemi nazzjonali jew tal-infrastruttura ta’ komunikazzjoni li jfixklu b’mod sinifikanti l-operazzjonijiet tal-EES, jew li jindirizzaw ċirkostanzi eċċezzjonali li jwasslu għal traffiku ta’ tali intensità li l-ħin ta’ stennija f’punt ta’ qsim tal-fruntieri jsir eċċessiv, jenħtieġ li l-Istati Membri kollha, irrispettivament minn jekk jibdewx jużaw l-EES għalkollox jew progressivament, ikollhom il-possibbiltà li jissospendu l-operazzjonijiet tal-EES f’ċerti punti ta’ qsim tal-fruntieri, b’mod sħiħ jew parzjali, matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES. Jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw dik il-possibbiltà biss meta tali sospensjoni tkun strettament meħtieġa u għall-iqsar perjodu possibbli. Fil-każ ta’ sospensjoni parzjali, jenħtieġ li r-reġistrazzjoni ta’ data bijometrika fl-EES tiġi sospiża. Fil-każ ta’ sospensjoni sħiħa, jenħtieġ li ma tiġi rreġistrata l-ebda data fl-EES. Jenħtieġ li tali sospensjoni ma taffettwax l-obbligi fir-rigward tal-iskeda ta’ żmien għall-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, iżda tista’ taffettwa temporanjament il-limiti ta’ reġistrazzjoni.

(25)

Sabiex jittaffew ir-riskji addizzjonali relatati mal-varar tal-EES b’funzjonalitajiet bijometriċi, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà, f’ċirkostanzi eċċezzjonali li jwasslu għal traffiku ta’ tali intensità li l-ħin ta’ stennija f’punt ta’ qsim tal-fruntieri jsiru eċċessivi, li jissospendu r-reġistrazzjoni ta’ data bijometrika fl-EES wara t-tmiem tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES. Jenħtieġ li tali sospensjoni tkun possibbli matul perjodu limitat ta’ 90 jum wara t-tmiem tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES. Jenħtieġ li dak il-perjodu jiġi estiż awtomatikament b’60 jum jekk inqas minn 80 % tal-fajls individwali rreġistrati fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES ikun fihom data bijometrika.

(26)

Jenħtieġ li l-eu-LISA toħroġ rapporti dwar l-istatistika dwar l-użu tal-EES, li jenħtieġ li jservu biex jevalwaw il-prestazzjoni tal-EES, jivvalutaw il-konformità tal-Istati Membri mal-pjan ta’ introduzzjoni ta’ livell għoli tal-eu-LISA u mal-pjanijiet ta’ introduzzjoni nazzjonali, jidentifikaw oqsma għal titjib, jimmonitorjaw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament dwar il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, u jappoġġaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet relatati mal-iżvilupp u l-ottimizzazzjoni ulterjuri tal-EES. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 63(4) tar-Regolament (UE) 2017/2226, l-eu-LISA għandha tippubblika statistika dwar l-użu tal-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-eu-LISA tkompli r-rappurtar regolari tagħha lill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA. Jenħtieġ li l-Bord tat-Tmexxija tal-Programm tal-eu-LISA jimmonitorja l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet.

(27)

Jenħtieġ li l-ħidma preparatorja relatata mal-pjan ta’ introduzzjoni ta’ livell għoli tal-eu-LISA u mal-pjanijiet ta’ introduzzjoni nazzjonali tiġi attivata sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-pjan ta’ introduzzjoni ta’ livell għoli tal-eu-LISA u l-pjanijiet ta’ introduzzjoni nazzjonali jqisu d-data li minnha l-EES għandha tibda topera kif deċiż mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226. Il-kondizzjonijiet kollha elenkati f’dak l-Artikolu għandhom jiġu ssodisfati fi żmien debitu biex il-Kummissjoni tkun tista’ tadotta d-deċiżjoni li tistabbilixxi d-data minn meta l-EES għandha tibda topera qabel il-bidu ta’ dik il-ħidma preparatorja, u b’kunsiderazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għall-Interoperabbiltà approvat mill-Kunsill fil-5 ta’ Marzu 2025. B’mod partikolari, in-notifiki kollha skont l-Artikolu 66(1), il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien xieraq. Jenħtieġ li mid-data minn meta l-EES għandha tibda topera kif deċiż mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226, jibda l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES u japplikaw id-derogi previsti f’dan ir-Regolament. Peress li dan ir-Regolament jipprevedi derogi temporanji, jenħtieġ li jieqaf japplika 180 jum minn dik id-data. Madankollu, id-dispożizzjonijiet li jipprevedu derogi mill-applikazzjoni tal-perjodu tranżitorju u l-miżuri tranżizzjonali previsti fir-Regolament (UE) 2017/2226, mill-aċċess għad-data tal-EES u mill-verifika mit-trasportaturi tat-timbri mwaħħla fid-dokumenti tal-ivvjaġġar, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni tal-EES, jenħtieġ li japplikaw matul perjodu limitat wara t-tmiem tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES.

(28)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi regoli dwar il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES u dwar derogi mir-Regolamenti (UE) 2017/2226 u (UE) 2016/399, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(29)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(30)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (12). Għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(31)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (13), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (14).

(32)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (15) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (16).

(33)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (17), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (18).

(34)

Fir-rigward ta’ Ċipru, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament relatati mal-VIS jikkostitwixxu dispożizzjonijiet li jibnu fuq l-acquis ta’ Schengen, jew li huma relatati miegħu b’xi mod ieħor, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003. L-operat tal-EES jeħtieġ l-għoti ta’ aċċess passiv għall-VIS. Peress li l-EES għandha titħaddem biss minn dawk l-Istati Membri li jissodisfaw il-kondizzjonijiet relatati mal-VIS fil-bidu tal-operazzjonijiet tal-EES, Ċipru mhux se jħaddem l-EES mill-bidu tal-operazzjonijiet. Ċipru għandu jiġi konness mal-EES hekk kif jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet tal-proċedura msemmija fir-Regolament (UE) 2017/2226.

(35)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) u ta l-opinjoni tiegħu fl-10 ta’ Marzu 2025.

(36)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli stretti dwar l-aċċess għall-EES, kif ukoll is-salvagwardji meħtieġa għal tali aċċess matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES u matul perjodu speċifikat wara t-tmiem tal-bidu progressiv tal-operazzjoni tal-EES. Iżomm ukoll id-drittijiet ta’ aċċess, rettifika, kompletar, tħassir u rimedju tal-individwi, b’mod partikolari d-dritt għal rimedju ġudizzjarju u s-superviżjoni ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar tad-data tal-EES minn awtoritajiet pubbliċi indipendenti. Dan ir-Regolament għalhekk jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għad-dinjità umana, il-projbizzjoni tal-iskjavitù u x-xogħol furzat, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà; ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, il-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għan-nondiskriminazzjoni, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-anzjani, l-integrazzjoni tal-persuni diżabbli u d-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq.

(37)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi li joħorġu mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar l-Istatus tar-Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif issupplimentat mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES), stabbilita bir-Regolament (UE) 2017/2226, fil-fruntieri tal-Istati Membri li fihom titħaddem l-EES f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament u dwar derogi temporanji minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (UE) 2017/2226 u (UE) 2016/399.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

Barra minn hekk, id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw:

(1)

“bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES” tfisser il-perjodu ta’ 180 jum li jibda mid-data li minnha l-EES għandha tibda topera kif deċiż mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226;

(2)

“awtoritajiet nazzjonali” tfisser l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2017/2226;

(3)

“għadd stmat ta’ qsim tal-fruntieri” tfisser stima minn Stat Membru tal-għadd ta’ qsim tal-fruntieri minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 għal dak l-Istat Membru abbażi tal-medja annwali tal-għadd totali ta’ qsim tal-fruntieri fil-fruntieri msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2017/2226 minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jivvjaġġaw lejn dak l-Istat Membru għal soġġorn qasir, kkalkulat għas-sentejn kalendarji li jippreċedu d-data li minnha l-EES għandha tibda topera kif deċiż mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

Artikolu 3

Pjanijiet ta’ introduzzjoni u rappurtar

1.   Sal-25 ta’ Awwissu 2025, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, kif ukoll lill-Europol, bi pjan ta’ introduzzjoni ta’ livell għoli għall-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES (il-“pjan ta’ introduzzjoni ta’ livell għoli tal-eu-LISA”), b’kont meħud tal-limiti u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(2) sa (5). Dak il-pjan għandu jappoġġa l-operat effettiv u kontinwu tas-Sistema Ċentrali tal-EES billi jikkonferma l-miri tal-prestazzjoni u tad-disponibbiltà tas-Sistema Ċentrali tal-EES, kif ukoll l-istrateġija rigward difetti funzjonali potenzjali minuri, maġġuri u ta’ mblukkar, għandu jindika l-proċeduri ta’ kontinġenza u għandu jipprovdi gwida dwar il-funzjonament tas-Sistema Ċentrali tal-EES lill-Istati Membri u lill-Europol.

Il-pjan ta’ introduzzjoni ta’ livell għoli tal-eu-LISA għandu jiġi adottat mill-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA.

2.   Sal-24 ta’ Settembru 2025, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni u l-eu-LISA, kull Stat Membru għandu jiżviluppa pjan ta’ introduzzjoni nazzjonali għall-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES (il-“pjan ta’ introduzzjoni nazzjonali”), filwaqt li jqis il-pjan ta’ introduzzjoni ta’ livell għoli tal-eu-LISA, u jibgħat dak il-pjan lill-Kummissjoni. Fejn Stat Membru ma jibdiex jopera l-EES bis-sħiħ sa minn meta jibda l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, il-pjan ta’ introduzzjoni nazzjonali tiegħu għandu jispeċifika kif il-limiti u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4 għandhom jiġu segwiti.

L-eu-LISA għandha tqis jekk il-pjanijiet ta’ introduzzjoni nazzjonali humiex teknikament konsistenti mal-pjan ta’ introduzzjoni ta’ livell għoli tal-eu-LISA u għandha tikkonferma li ma fihom l-ebda nuqqas tekniku li jista’ jdewwem aktar il-bidu tal-operazzjonijiet tal-EES. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-koerenza ġenerali tal-pjanijiet ta’ introduzzjoni nazzjonali kollha u jekk kull pjan ta’ introduzzjoni nazzjonali huwiex konformi mal-limiti u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4.

Meta Stat Membru jippjana li jibda jopera l-EES jew li juża l-funzjonalitajiet bijometriċi tal-EES f’punt ta’ qsim tal-fruntiera speċifiku, dak l-Istat Membru għandu jinforma b’dan lill-operaturi tal-infrastruttura li tospita dak il-punt ta’ qsim tal-fruntiera.

3.   Mit-30 jum mill-ewwel jum tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, l-Istati Membri għandhom jipprovdu rapporti ta’ kull xahar lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA li jikkonfermaw l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ introduzzjoni nazzjonali tagħhom jew li jidentifikaw devjazzjonijiet u miżuri korrettivi fejn dawn kienu meħtieġa biex jikkonformaw mal-limiti u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-forniment ta’ pjanijiet ta’ introduzzjoni nazzjonali konċiżi u rapporti ta’ kull xahar mill-Istati Membri.

5.   Fuq talba tal-Kummissjoni, l-eu-LISA għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bl-istatistika meħtieġa biex il-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ introduzzjoni ta’ livell għoli tal-eu-LISA u tal-pjanijiet ta’ introduzzjoni nazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 63(6) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

6.   Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, għandha tipprovdi gwida prattika ulterjuri dwar l-ipproċessar tad-data personali fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES.

Artikolu 4

Bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES

1.   B’deroga mill-Artikolu 66(6) tar-Regolament (UE) 2017/2226, matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, l-Istati Membri għandhom jużaw l-EES kif stabbilit fil-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Mill-ewwel jum tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, kull Stat Membru għandu jibda juża l-EES mad-dħul u mal-ħruġ f’punt ta’ qsim tal-fruntiera wieħed jew aktar ma’ taħlita ta’ punti ta’ qsim tal-fruntieri tal-ajru, tal-art u tal-baħar, jekk possibbli u applikabbli, biex jirreġistra u jaħżen data ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/2226. Sat-30 jum mill-ewwel jum tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, kull Stat Membru għandu jirreġistra fl-EES mill-inqas 10 % tal-għadd stmat ta’ qsim tal-fruntieri għal dak l-Istat Membru.

Matul l-ewwel 60 jum tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, l-Istati Membri jistgħu joperaw l-EES mingħajr funzjonalitajiet bijometriċi, u l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu joħolqu jew jaġġornaw fajls individwali mingħajr data bijometrika.

3.   Sad-90 jum mill-ewwel jum tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, kull Stat Membru għandu jopera l-EES b’funzjonalitajiet bijometriċi f’mill-inqas nofs il-punti ta’ qsim tal-fruntieri tiegħu. Kull Stat Membru għandu jirreġistra fl-EES mill-inqas 35 % tal-għadd stmat ta’ qsim tal-fruntieri għal dak l-Istat Membru. Il-fajls individwali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 li huma rreġistrati fl-EES għandu jkun fihom data bijometrika.

4.   Sal-150 jum mill-ewwel jum tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, kull Stat Membru għandu jopera l-EES b’funzjonalitajiet bijometriċi fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri kollha tiegħu u għandu jirreġistra fl-EES mill-inqas 50 % tal-għadd stmat ta’ qsim tal-fruntieri għal dak l-Istat Membru.

5.   Sal-170 jum mill-ewwel jum tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, kull Stat Membru għandu jopera l-EES b’funzjonalitajiet bijometriċi fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri kollha tiegħu u għandu jirreġistra fl-EES iċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

6.   Ir-rifjuti tad-dħul li huma deċiżi f’punt ta’ qsim tal-fruntiera li fih titħaddem l-EES, għandhom jiġu rreġistrati fl-EES f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2017/2226.

Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, meta l-EES titħaddem b’funzjonalitajiet bijometriċi, ir-rifjuti tad-dħul għandhom jiġu rreġistrati b’data bijometrika u, meta l-EES titħaddem mingħajr funzjonalitajiet bijometriċi, ir-rifjuti tad-dħul għandhom jiġu rreġistrati mingħajr data bijometrika.

7.   Mill-ewwel jum tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, il-Europol għandha tuża l-EES kif previst fir-Regolament (UE) 2017/2226.

Artikolu 5

Derogi oħra mir-Regolamenti (UE) 2017/2226 u (UE) 2016/399

1.   Minbarra r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 4, ir-regoli stabbiliti f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES irrispettivament mil-mod li bih l-Istati Membri jagħżlu li jibdew joperaw l-EES.

2.   L-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom jittimbraw sistematikament id-dokumenti tal-ivvjaġġar taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 mad-dħul u l-ħruġ.

L-obbligi tal-ittimbrar imsemmija fl-Artikolu 42a(1), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 42a(2), (5) u (6) tar-Regolament (UE) 2016/399 għandhom japplikaw mutatis mutandis fl-Istati Membri li jħaddmu l-EES.

3.   Għad-dħul, l-emendar, it-tħassir u l-konsultazzjoni tad-data fl-EES, l-awtoritajiet nazzjonali li huma kompetenti għall-finijiet stabbiliti fl-Artikoli 23 sa 29, 31, 32, 34 u 35 tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandhom:

(a)

iqisu li t-timbri jipprevalu fejn ma jkun hemm l-ebda data rilevanti tal-EES;

(b)

iqisu li d-data tal-EES tipprevali:

(i)

fejn ikun hemm diskrepanza bejn il-fajl individwali li jkun fih data bijometrika u t-timbru; jew

(ii)

meta ma jkunx hemm timbru;

(c)

jiddeċiedu fuq bażi ta’ kull każ għalih jekk huwiex prevalenti t-timbru jew id-data tal-EES:

(i)

fejn ikun hemm diskrepanza bejn il-fajl individwali mingħajr data bijometrika u t-timbru mwaħħal f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu; jew

(ii)

fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

L-awtoritajiet nazzjonali u l-Europol ma għandhomx jieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jolqtu lill-individwi b’mod negattiv unikament abbażi tal-fatt li ma jkunx hemm reġistrazzjoni tal-allegat dħul jew ħruġ fl-EES.

4.   Fin-nuqqas ta’ timbru mwaħħal fid-dokument tal-ivvjaġġar u ta’ fajl individwali maħluq fl-EES għal ċittadin ta’ pajjiż terz preżenti fuq it-territorju ta’ Stat Membru, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jippreżumu li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jissodisfax, jew ma għadux jissodisfa, l-kondizzjonijiet relatati mad-dħul jew mas-soġġorn fl-Istati Membri.

Il-preżunzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandhiex tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jipprovdu, bi kwalunkwe mezz, evidenza kredibbli li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu skont id-dritt tal-Unjoni, jew li għandhom permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn twil.

Il-preżunzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tista’ tiġi kkonfutata meta ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jipprovdu, bi kwalunkwe mezz, evidenza kredibbli, bħal biljetti tat-trasport jew prova ta’ preżenza barra mit-territorju tal-Istati Membri jew tad-data ta’ skadenza ta’ permess ta’ residenza preċedenti jew ta’ viża għal soġġorn twil preċedenti, li juru li rrispettaw il-kondizzjonijiet relatati mat-tul ta’ soġġorn qasir.

Meta l-preżunzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tiġi kkonfutata, l-awtoritajiet nazzjonali li jużaw l-EES għandhom iwettqu wieħed jew aktar mill-kompiti li ġejjin, sa fejn ikun permess minn dan ir-Regolament:

(a)

joħolqu fajl individwali fl-EES għal dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, jekk ikun meħtieġ;

(b)

jaġġornaw l-aħħar rekord tad-dħul/tal-ħruġ għal dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz billi jdaħħlu d-data nieqsa;

(c)

iħassru fajl individwali eżistenti għal dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fejn l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2017/2226 jipprevedi tali tħassir.

5.   L-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom jagħmlu użu mill-interoperabbiltà bejn l-EES u l-VIS imsemmija fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 biss fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri li fihom titħaddem l-EES. L-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom ikomplu jaċċessaw il-VIS direttament:

(a)

fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn l-EES ma tiġix operata;

(b)

fejn l-EES tkun sospiża f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.

6.   L-awtoritajiet nazzjonali u l-Europol għandhom jinjoraw dan li ġej:

(a)

ir-riżultati tal-kalkolatur awtomatizzat li jipprovdi informazzjoni dwar it-tul massimu tas-soġġorn awtorizzat imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2017/2226;

(b)

il-lista ġġenerata awtomatikament ta’ persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn u l-konsegwenzi tagħha, b’mod partikolari kif imsemmi fl-Artikolu 6(1), il-punti (c) u (h), l-Artikolu 12(3), l-Artikolu 16(4), l-Artikolu 34(3), l-Artikolu 50(1), il-punti (i) u (k), u l-Artikolu 63(1), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2017/2226.

7.   Għall-finijiet tal-Artikoli 45 u 48 tar-Regolament (UE) 2017/2226, l-operazzjonijiet ta’ pproċessar tad-data tal-EES imwettqa mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament ma għandhomx jitqiesu li huma illegali jew li mhux konformi mar-Regolament (UE) 2017/2226.

8.   Il-verifika tal-identità u r-reġistrazzjoni preċedenti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandha titwettaq fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri li fihom titħaddem l-EES b’funzjonalitajiet bijometriċi, inkluż permezz ta’ sistemi self-service, fejn disponibbli.

9.   Minbarra l-informazzjoni speċifika msemmija fl-Artikolu 50(5) tar-Regolament (UE) 2017/2226 li għandha tiżdied mill-Istati Membri fil-mudell biex tiġi pprovduta informazzjoni lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom fl-EES, l-Istati Membri għandhom jissupplimentaw dak il-mudell fil-ħin li l-fajl individwali tal-persuna kkonċernata jkun qed jinħoloq bl-informazzjoni li ġejja:

“Jekk jogħġbok, għandek tkun taf li s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ qed tiġi introdotta progressivament. Matul dan il-perjodu [minn …], id-data personali tiegħek, inkluża d-data bijometrika tiegħek, tista’ ma tinġabarx għall-finijiet tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ fil-fruntieri esterni kollha tal-Istati Membri. Jekk il-ġbir ta’ dik l-informazzjoni jkun obbligatorju u inti tagħżel li ma tipprovdihiex, inti se tiġi rifjutat id-dħul. Matul l-introduzzjoni progressiva, id-data tiegħek mhux se tiżdied awtomatikament ma’ lista ta’ persuni li jibqgħu fit-territorju wara l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn. Barra minn hekk, mhux se tkun tista’ tiċċekkja għal kemm aktar żmien inti awtorizzat li tibqa’ tuża s-sit web tal-EES jew it-tagħmir disponibbli fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri. Tista’ tivverifika t-tul tas-soġġorn awtorizzat tiegħek billi tuża l-għodda tal-kalkolatur għal soġġorn qasir disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea fuq https://home-affairs.ec.europa.eu/policies/schengen/border-crossing/short-stay-calculator_en.

Wara l-introduzzjoni progressiva tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ, id-data personali tiegħek se tiġi pproċessata kif stipulat b’mod ieħor f’din il-formola.”.

10.   L-informazzjoni fis-sit web tal-EES imsemmija fl-Artikolu 50(3) tar-Regolament (UE) 2017/2226 għandha tiġi adattata mill-Kummissjoni biex tirrifletti l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES.

11.   Il-kampanja ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2017/2226 li takkumpanja l-bidu tal-operazzjonijiet tal-EES għandha tirrifletti l-kondizzjonijiet speċifiċi fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri. Dik il-kampanja ta’ informazzjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni rilevanti tiġi kkomunikata lil dawk affettwati u għandha tqis il-limiti u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni, bl-involviment tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, għandha tadatta l-materjali għal dik il-kampanja ta’ informazzjoni fi żmien raġonevoli, qabel il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fit-tħejjija tagħhom ta’ dawk il-materjali.

12.   L-applikazzjoni tal-Artikolu 11(3), l-Artikolu 12(1) u (2), l-Artikolu 13(1) u (2), l-Artikolu 20 u l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2017/2226, kif ukoll l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(9) tar-Regolament (UE) 2016/399, għandhom jiġu sospiżi.

13.   B’deroga mill-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2017/2226 u l-Artikolu 12a tar-Regolament (UE) 2016/399, il-perjodu tranżitorju u l-miżuri tranżizzjonali stabbiliti f’dawk l-Artikoli għandhom japplikaw mill-ewwel jum wara t-tmiem tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES.

14.   Fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn l-EES ma tiġix operata, il-verifiki fuq il-fruntiera għandhom jitwettqu f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/399 kif applikabbli fil-jum qabel id-data li minnha l-EES għandha tibda titħaddem kif deċiż mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

Fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn titħaddem l-EES, il-verifiki fuq il-fruntiera għandhom jitwettqu f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2017/2226 u (UE) 2016/399.

B’deroga mit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn l-EES titħaddem mingħajr funzjonalitajiet bijometriċi, l-Artikolu 6(1), il-punt (f)(i), tar-Regolament (UE) 2016/399, u, unikament għall-finijiet tal-EES, id-dispożizzjonijiet dwar il-verifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi abbażi ta’ data bijometrika msemmija fl-Artikoli 6(1), il-punt (f)(ii), u l-Artikolu 8(3), il-punti (a) u (g), ta’ dak ir-Regolament, ma għandhomx japplikaw.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-applikazzjoni tal-Artikolu 9(3) u l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2016/399 għandha tiġi sospiża.

15.   B’deroga mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2017/2226, il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm tal-eu-LISA għandu jkompli l-attivitajiet tiegħu sat-tmiem tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES. B’mod partikolari, il-Bord tat-Tmexxija tal-Programm tal-eu-LISA għandu jimmonitorja l-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, inkluża l-istabbiltà tas-Sistema Ċentrali tal-EES, u jirrakkomanda azzjonijiet addizzjonali fejn xieraq.

Artikolu 6

Aċċess għad-data tal-EES

1.   L-inkompletezza possibbli tad-data rreġistrata tal-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, minħabba l-operazzjonijiet varjabbli tal-EES f’kull Stat Membru matul dak il-perjodu, għandha titqies kif ġej:

(a)

mill-awtoritajiet nazzjonali u l-Europol, meta jaċċessaw ir-rekords tad-dħul u tal-ħruġ irreġistrati fl-EES fit-twettiq tal-kompiti tagħhom;

(b)

mill-awtoritajiet nazzjonali, meta jikkomunikaw id-data tal-EES f’konformità mal-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament (UE) 2017/2226;

(c)

mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS, għall-fini ta’ verifika kif imsemmi fl-Artikolu 25a(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226;

(d)

mill-awtoritajiet kompetenti, il-Kummissjoni u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni, għall-fini ta’ rapportar u statistika f’konformità mal-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) 2017/2226.

2.   It-trasportaturi għandhom jivverifikaw it-timbri mwaħħla fid-dokumenti tal-ivvjaġġar bil-ħsieb li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 26(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u skont id-Direttiva 2001/51/KE għat-tul ta’ żmien tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES. B’deroga mill-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2017/2226, it-trasportaturi jistgħu jibdew jużaw is-servizz web imsemmi f’dak l-Artikolu mid-90 jum mill-ewwel jum tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES.

Matul perjodu ta’ 180 jum wara t-tmiem tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, it-trasportaturi għandhom, minbarra li jużaw is-servizz web skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2017/2226, ikomplu jivverifikaw it-timbri mwaħħla fid-dokumenti tal-ivvjaġġar bil-ħsieb li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 26(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u skont id-Direttiva 2001/51/KE.

3.   Meta jissodisfaw l-obbligi msemmija fl-Artikoli 35 u 52 tar-Regolament (UE) 2017/2226 fir-rigward tal-kompletar ta’ data personali rreġistrata fl-EES, l-Istati Membri għandhom jikkompletaw id-data personali rilevanti biss sa fejn ikun possibbli filwaqt li jqisu d-disponibbiltà limitata tas-settijiet ta’ data miġbura matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES. Fejn applikabbli, id-deċiżjoni amministrattiva msemmija fl-Artikolu 52(4) ta’ dak ir-Regolament għandha tirreferi għal-limiti u r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (4) ta’ dan ir-Regolament li jippermettu r-reġistrazzjoni ta’ fajls mhux kompluti.

4.   B’deroga mill-Artikolu 63(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2017/2226, il-persunal debitament awtorizzat tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ma għandux ikollu aċċess biex jikkonsulta d-data rreġistrata fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES għall-fini tat-twettiq ta’ analiżijiet tar-riskju jew valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà.

Artikolu 7

Sospensjoni tal-EES

1.   Matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, l-Istati Membri jistgħu jissospendu kompletament jew parzjalment l-operazzjonijiet tal-EES f’ċerti punti ta’ qsim tal-fruntieri fil-każ ta’ ħsara fis-Sistema Ċentrali tal-EES, tas-sistemi nazzjonali jew tal-infrastruttura ta’ komunikazzjoni li jfixklu b’mod sinifikanti l-operazzjonijiet tal-EES, jew f’ċirkostanzi eċċezzjonali li jwasslu għal traffiku ta’ tali intensità li l-ħin ta’ stennija f’punt ta’ qsim tal-fruntiera jsir eċċessiv.

Fil-każ ta’ sospensjoni parzjali, l-Istati Membri għandhom jiġbru d-data msemmija fl-Artikoli 16 sa 20 tar-Regolament (UE) 2017/2226, bl-eċċezzjoni tad-data bijometrika.

Fil-każ ta’ sospensjoni sħiħa, l-Istati Membri għandhom jissospendu kompletament l-operazzjonijiet tal-EES u ma għandhom jiġbru l-ebda data msemmija fl-Artikoli 16 sa 20 ta’ dak ir-Regolament.

Fiż-żewġ każijiet, l-Istati Membri għandhom minnufih, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 6 sigħat mill-bidu tas-sospensjoni tal-operazzjonijiet tal-EES, jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA r-raġuni għas-sospensjoni parzjali jew sħiħa tal-EES u d-durata mistennija jew attwali ta’ tali sospensjoni. Jekk rilevanti minħabba ċ-ċirkostanzi lokali tal-punti ta’ qsim tal-fruntiera, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-operaturi tal-infrastruttura li tospita l-punti ta’ qsim tal-fruntieri u t-trasportaturi bis-sospensjoni.

Ladarba s-sitwazzjoni li wasslet għas-sospensjoni tkun intemmet, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA. F’każijiet fejn ikunu nfurmaw lill-operaturi tal-infrastruttura li tospita l-punti ta’ qsim tal-fruntieri u lit-trasportaturi bis-sospensjoni, l-Istati Membri għandhom jinfurmawhom li s-sitwazzjoni li wasslet għas-sospensjoni tkun intemmet.

2.   Fil-każ ta’ ħsara fis-Sistema Ċentrali tal-EES, l-eu-LISA għandha tinnotifika minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri bir-raġuni għal tali ħsara u bid-durata mistennija tagħha. L-eu-LISA għandha tinnotifika wkoll minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri meta l-ħsara tkun ġiet solvuta. L-Istati Membri kollha għandhom jikkonfermaw minnufih il-bidu mill-ġdid tal-operazzjonijiet tal-EES lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA.

3.   Matul perjodu ta’ 90 jum wara t-tmiem tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, l-Istati Membri jistgħu jissospendu parzjalment l-operazzjonijiet tal-EES kif imsemmi fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, f’ċertu punt ta’ qsim tal-fruntiera għal żmien massimu ta’ 6 sigħat f’ċirkostanzi eċċezzjonali li jwasslu għal traffiku ta’ tali intensità li l-ħin ta’ stennija f’punt ta’ qsim tal-fruntiera jsir eċċessiv. Matul tali sospensjoni parzjali, l-Istati Membri għandhom ikunu eżentati mill-obbligu tagħhom stabbilit fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226 fir-rigward tar-reġistrazzjoni tad-data bijometrika. L-Istati Membri għandhom minnufih, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 6 sigħat mill-bidu tas-sospensjoni parzjali, jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-eu-LISA bir-raġuni għas-sospensjoni u bid-durata mistennija jew attwali tagħha.

4.   Jekk inqas minn 80 % tal-fajls individwali rreġistrati fl-EES matul il-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES ikun fihom data bijometrika, il-perjodu ta’ 90 jum imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jiġi estiż awtomatikament b’60 jum.

5.   Sal-10 jum wara t-tmiem tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, l-eu-LISA għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bi statistika li tippermetti lill-Kummissjoni tivverifika jekk il-perċentwal imsemmi fil-paragrafu 4 jkunx intlaħaq. Sat-30 jum wara t-tmiem tal-bidu progressiv tal-operazzjonijiet tal-EES, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-eżitu tal-verifika tagħha.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data li minnha l-EES għandha tibda topera kif deċiż mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

Madankollu, l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika mis-26 ta’ Lulju 2025.

2.   Dan ir-Regolament għandu jieqaf japplika 180 jum mid-data li minnha l-EES għandha tibda topera kif deċiż mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226. Madankollu:

(a)

l-Arikolu 5(13) u l-Artikolu 6(1), (3) u (4) għandhom jieqfu japplikaw 5 snin u 180 jum mid-data li minnha l-EES għandha tibda topera kif deċiż mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226;

(b)

l-Artikolu 6(2), it-tieni subparagrafu, għandu jieqaf japplika 360 jum mid-data li minnha l-EES għandha tibda topera kif deċiż mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226;

(c)

l-Artikolu 7(3) u (4) għandu jieqaf japplika 330 jum mid-data li minnha l-EES għandha tibda topera kif deċiż mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226;

(d)

l-Artikolu 7(5) għandu jieqaf japplika 210 ijiem mid-data li minnha l-EES għandha tibda topera kif deċiż mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2025.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2025 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2025.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2226/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntieri (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/399/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1726/oj).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta' Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 213, 15.6.2004, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/512/oj).

(7)   ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/2000/922/oj).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE tat-28 ta’ Ġunju 2001 li tissupplementa d-dispożizzjoni tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU L 187, 10.7.2001, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/51/oj).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1240/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1896/oj).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema ta’ l-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/767/oj).

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/192/oj).

(13)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1999/439(1)/oj.

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/437/oj).

(15)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(16)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/146/oj).

(17)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(18)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/350/oj).

(19)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1534/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)