European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1528

31.7.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1528

tat-30 ta’ Lulju 2025

li jawtorizza l-introduzzjoni fis-suq taż-żejt ta’ Cyperus esculentus (ħabb għażiż) bħala ikel ġdid u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li l-ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid biss jista’ jiġi introdott fis-suq fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) stabbilixxa lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid.

(3)

Fid-29 ta’ Ottubru 2020, il-kumpanija Tigernuts traders S.L. (“l-applikant”) issottomettiet applikazzjoni lill-Kummissjoni għal awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 biex tintroduċi ż-żejt ta’ Cyperus esculentus (ħabb għażiż) fis-suq tal-Unjoni bħala ikel ġdid. L-applikant talab li ż-żejt ta’ Cyperus esculentus (ħabb għażiż) jintuża bħala tali (għat-tisjir jew bħala taħwir) u bħala ingredjent f’diversi kategoriji tal-ikel għall-popolazzjoni ġenerali.

(4)

Fit-8 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) twettaq valutazzjoni taż-żejt ta’ Cyperus esculentus (ħabb għażiż) bħala ikel ġdid.

(5)

Fit-30 ta’ Ottubru 2024, l-Awtorità adottat l-opinjoni xjentifika tagħha dwar is-sikurezza taż-żejt ta’ Cyperus esculentus (ħabb għażiż) bħala ikel ġdid (3) f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(6)

Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità kkonkludiet li ż-żejt ta’ Cyperus esculentus (ħabb għażiż) huwa sikur għall-popolazzjoni ġenerali fil-kundizzjonijiet tal-użu proposti. Għalhekk, dik l-opinjoni xjentifika tagħti biżżejjed raġunijiet biex jiġi stabbilit li meta jintuża fil-kundizzjonijiet tal-użu proposti, iż-żejt ta’ Cyperus esculentus (ħabb għażiż) jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-introduzzjoni tiegħu fis-suq f’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(7)

Jixraq li l-inklużjoni taż-żejt ta’ Cyperus esculentus (ħabb għażiż) bħala ikel ġdid fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid ikun fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

(8)

Jenħtieġ li ż-żejt ta’ Cyperus esculentus (ħabb għażiż) jiġi inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat kif xieraq.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Iż-żejt ta’ Cyperus esculentus (ħabb għażiż) huwa awtorizzat li jiġi introdott fis-suq fl-Unjoni.

Iż-żejt ta’ Cyperus esculentus (ħabb għażiż) għandu jiġi inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.

2.   L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/2283/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2470/oj).

(3)   EFSA Journal, 2024;22:e9102.


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat), tiddaħħal l-entrata li ġejja:

Ikel ġdid awtorizzat

Kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel ġdid

Rekwiżiti tat-tikkettar speċifiċi oħrajn

Rekwiżiti oħrajn

Protezzjoni tad-data

“Żejt ta’ Cyperus esculentus (ħabb għażiż)

Kategorija tal-ikel speċifikat

Livelli massimi

Id-deżinjazzjoni tal-ikel ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom minnu għandha tkun ‘żejt ta’ Cyperus esculentus (ħabb għażiż)’.

 

 

Żejt ta’ Cyperus esculentus (ħabb għażiż) bħala tali

 

Prodotti bbażati fuq l-għaġin

30 mL/100 g

Ħobż u panini

30 mL/100 g

Snacks għajr crisps (crackers)

30 mL/100 g

Dressings għall-insalati

50 mL/100 g

Xaħmijiet kif definiti fl-Appendiċi II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

80 mL/100 g

Prodotti fini tal-forn

30 mL/100 g

Prodotti b’bażi ta’ ħalib (*)

60 mL/100 g

(*)

Meta jintuża fil-prodotti b’bażi ta’ ħalib, iż-żejt ta’ Cyperus esculentus (ħabb għażiż) ma jistax jissostitwixxi kompletament jew parzjalment kwalunkwe kostitwent tal-ħalib.

 

 

 

(2)

fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet), tiddaħħal l-entrata li ġejja:

Ikel ġdid awtorizzat

Speċifikazzjonijiet

“Żejt ta’ Cyperus esculentus (ħabb għażiż)

Deskrizzjoni:

L-ikel ġdid jinkiseb mill-pastorizzazzjoni tat-tuberi ta’ Cyperus esculentus L. (ħabb għażiż) segwita minn proċess ta’ ppressar kiesaħ.

Kompożizzjoni tal-aċidi xaħmin:

 

Aċidu palmitiku: 12-15 %

 

Aċidu steariku: 5-8 %

 

Aċidu olejku: 65-69 %

 

Aċidu linolejku: 9-12 %

Karatteristiċi:

 

Aċidità: ≤ 2 %

 

Valur tal-perossidi: ≤ 20 meq/kg

 

Valur tas-saponifikazzjoni: ≤ 189 mg KOH/g

 

p-anisidina: < 1

Metalli tqal:

 

Ċomb: ≤ 0,1 mg/kg

 

Kadmju: ≤ 0,1 mg/kg

Mikotossini:

 

Aflatossini (is-somma ta’ B1, B2, G1, G2): < 4 μg/kg

 

Aflatossina B1: < 1 μg/kg

 

Okratossina A: < 3 μg/kg

Kriterji mikrobijoloġiċi:

 

Għadd totali ta’ mikrobi aerobiċi: ≤ 103 CFU /g

 

Għadd totali ta’ ħmira u ta’ moffa: ≤ 102 CFU /g

 

Koliformi: ≤ 10 CFU /g

 

Salmonella: Mhux individwata f’25 g

 

Listeria monocytogenes: Mhux individwata f’25 g

 

Enterobacteriaceae: < 102 CFU /g

CFU: unitajiet li jifformaw kolonji.”


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj).“


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1528/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)