European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1525

23.7.2025

DEĊIŻJONI (UE) 2025/1525 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Lulju 2025

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Awstrija, lill-Polonja, liċ-Ċekja, lis-Slovakkja u lill-Moldova b’rabta mal-għargħar li seħħ f’Settembru 2024 u lill-Bożnija-Ħerzegovina b’rabta mal-għargħar li seħħ f’Ottubru 2024

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprja ġodda (3), u b’mod partikolari l-punt 10 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (“il-Fond”) għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b’mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza sabiex tintwera solidarjetà mal-popolazzjoni tar-reġjuni milquta minn diżastri naturali reġjonali jew minn emerġenza maġġuri tas-saħħa pubblika.

(2)

Il-Fond ma għandux jaqbeż il-limiti massimi kif stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093, kif emendat mir-Regolament (UE, Euratom) 2024/765 (4).

(3)

Fid-29 ta’ Novembru 2024, l-Awstrija ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, wara l-għargħar f’Settembru 2024.

(4)

Fid-29 ta’ Novembru 2024, il-Polonja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, wara l-għargħar f’Settembru 2024.

(5)

Fl-4 ta’ Diċembru 2024, iċ-Ċekja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond wara l-għargħar f’Settembru 2024.

(6)

Fis-7 ta’ Diċembru 2024, is-Slovakkja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond wara l-għargħar f’Settembru 2024.

(7)

Fil-5 ta’ Diċembru 2024, il-Moldova ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond wara l-għargħar f’Settembru 2024.

(8)

Fis-27 ta’ Diċembru 2024, il-Bożnija-Ħerzegovina ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond wara l-għargħar f’Ottubru 2024.

(9)

Dawk l-applikazzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Fond jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja lill-Awstrija, lill-Polonja, liċ-Ċekja, lis-Slovakkja, lill-Moldova u lill-Bożnija-Ħerzegovina.

(11)

Sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun iż-żmien li jittieħed biex jiġi mobilizzat il-Fond, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2025, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jkun mobilizzat kif ġej f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament b’rabta mad-diżastri naturali:

(a)

l-ammont ta’ EUR 42 789 075 għandu jingħata lill-Awstrija b’rabta mal-għargħar ta’ Settembru 2024;

(b)

l-ammont ta’ EUR 75 998 939 għandu jingħata lill-Polonja b’rabta mal-għargħar ta’ Settembru 2024;

(c)

l-ammont ta’ EUR 113 979 781 għandu jingħata liċ-Ċekja b’rabta mal-għargħar ta’ Settembru 2024;

(d)

l-ammont ta’ EUR 2 108 187 għandu jingħata lis-Slovakkja b’rabta mal-għargħar ta’ Settembru 2024;

(e)

l-ammont ta’ EUR 195 196 għandu jingħata lill-Moldova b’rabta mal-għargħar ta’ Settembru 2024;

(f)

l-ammont ta’ EUR 45 669 725 għandu jingħata lill-Bożnija-Ħerzegovina b’rabta mal-għargħar ta’ Ottubru 2024.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mid-9 ta’ Lulju 2025.

Magħmula fi Strasburgu, id-9 ta’ Lulju 2025.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)   ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2012/oj.

(2)   ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2093/oj.

(3)   ĠU L 433, I 22.12.2020, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2020/1222/oj.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L, 2024/765, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/765/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1525/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)