European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1507

29.7.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1507

tal-25 ta’ Lulju 2025

li tirrifjuta applikazzjoni għall-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill “Erzurum Su Böreği” (IĠP)

(notifikata bid-dokument C(2025) 4762)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(1) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 90(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li ħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, dan tal-aħħar jibqa’ applikabbli għall-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika li l-Kummissjoni tirċievi qabel it-13 ta’ Mejju 2024.

(2)

Skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Erzurum Su Böreği” bħala indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP), imressqa mit-Turkija fl-1 ta’ Lulju 2021 (PGI-TR-02781).

(3)

Wara l-iskrutinju tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet avviż ta’ kummenti lill-applikant fil-11 ta’ Ottubru 2021, fit-2 ta’ Diċembru 2022, fis-7 ta’ Lulju 2023 u fil-21 ta’ Diċembru 2023 u talbet kjarifika ta’ xi wħud mill-aspetti tal-fajl.

(4)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u fl-ittra ta’ rifjut tal-1 ta’ Lulju 2024, infurmat lill-applikant li jekk ma tasal l-ebda osservazzjoni fi żmien xahrejn mill-wasla tal-ittra, beħsiebha tniedi l-proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni formali tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(5)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li d-deskrizzjoni tal-prodott mogħtija ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3), flimkien mal-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c)(i), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 peress li d-deskrizzjoni mhijiex iffukata fuq l-ispeċifiċità tal-prodott bl-isem li jrid jiġi rreġistrat u biha l-prodott finali ma jistax jiġi identifikat. “Erzurum Su Böreği” huwa tip ta’ prodott tal-għaġina u d-deskrizzjoni tiegħu ma tagħtix il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott. Barra minn hekk, id-deskrizzjoni ma tidentifikax kif il-prodott huwa differenti minn prodotti tal-għaġina simili oħra, u pjuttost hi miktuba f’għamla ta’ riċetta li tagħti d-dettalji tal-proċess tal-preparazzjoni, li hija komuni għall-prodotti ta’ dak it-tip. Għalhekk, biha mhux possibbli li jiġi identifikat il-prodott kif meħtieġ mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014.

(6)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li r-rabta bejn kwalità partikolari, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott maż-żona ġeografika mhijiex identifikata f’konformità mal-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c)(ii), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Il-Kummissjoni qieset li l-karatteristiċi tal-prodott iddikjarati speċifiċi jistgħu jiġu riprodotti kullimkien, jiġifieri l-preżenza tal-Erzurum Civil Peynir (ġobon) u l-Erzurum Tereyağı (butir) fil-produzzjoni kif ukoll il-proċess tat-tagħġin. Tqies li mhuwiex biżżejjed il-fatt li l-prodott tal-għaġina jsir fiż-żona ġeografika, mingħajr ma ġew elaborati aktar il-karatteristiċi speċifiċi ta’ “Erzurum Su Böreği” u r-rabta bejn il-kwalità partikolari, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott u l-oriġini ġeografika tiegħu.

(7)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li d-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, imressaq mill-applikant, ma jidentifikax jekk ir-rabta bejn “Erzurum Su Böreği” u ż-żona ġeografika ddefinita hijiex ibbażata fuq ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi ta’ “Erzurum Su Böreği” li huma attribwibbli essenzjalment għall-oriġini ġeografika kif mitlub mill-Artikolu 5(2), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament u mill-punt 5 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014.

(8)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni spjegat li l-ispeċifikazzjoni tal-prodott ma għandhiex biżżejjed informazzjoni dwar il-proċeduri fis-seħħ biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà, jiġifieri l-oriġini, id-destinazzjoni u l-kwantitajiet ta’ “Erzurum Su Böreği” u l-materja prima użata għall-produzzjoni tiegħu f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014.

(9)

Fit-tweġiba tiegħu tat-2 ta’ Settembru 2024, l-applikant ta rendikont tal-istorja tal-provinċja ta’ Erzurum u pprovda referenza storika tal-importanza tal-prodotti tal-istess kategorija ta’ “Erzurum Su Böreği” jiġifieri l-prodotti tal-għaġina tal-ilma jew “Su Böreği”, mingħajr ma ffoka fuq l-isem tal-prodott li għalih qed tintalab il-protezzjoni.

(10)

Barra minn hekk, l-applikant ma ta l-ebda kumment dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott finali bl-isem li jrid jiġi rreġistrat. Kif inhi l-applikazzjoni tiddeskrivi biss proċess ta’ produzzjoni komuni għall-prodotti kollha tal-għaġina tal-ilma jew Su Böreği li biha l-prodott ma jistax jiġi identifikat.

(11)

L-applikant ma weġibx għall-kummenti tal-Kummissjoni fuq in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar ir-rabta bejn kwalità partikolari, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott u ż-żona ġeografika. Barra minn hekk, l-applikant ma identifikax jekk ir-rabta bejn “Erzurum Su Böreği” u ż-żona ġeografika ddefinita hijiex ibbażata fuq ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi ta’ “Erzurum Su Böreği” li huma attribwiti essenzjalment għall-oriġini ġeografika tiegħu.

(12)

Fl-aħħar nett, l-applikant ma tax l-informazzjoni neċessarja dwar il-proċeduri li jridu jiġu applikati mill-operaturi fir-rigward tal-prova tal-oriġini tal-prodott, il-materja prima, l-għalf jew elementi oħra meħtieġa biex jiġi provat skont l-ispeċifikazzjonijiet, li ġejjin miż-żona ġeografika ddefinita.

(13)

Fid-dawl ta’ dan t’hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni “Erzurum Su Böreği” bħala IĠP ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(2), il-punt (b), l-Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (c)(i) u (ii), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u fl-Artikolu 7(1) u l-punt 5 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014.

(14)

Għalhekk jenħtieġ li l-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “Erzurum Su Böreği” bħala IĠP tiġi rifjutata.

(15)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità għal prodotti agrikoli, inbid u xorb spirituż,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Erzurum Su Böreği” bħala indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP), hija rifjutata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-applikant:

Erzurum Commodity Exchange (Erzurum Ticaret Borsası)

Kazım Karabekir Paşa Mah. Musalla Cad. No:23

Yakutiye, Erzurum

IT-TURKIJA

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Christophe HANSEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1151/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/668/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1507/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)