|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1502 |
21.7.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1502
tas-16 ta’ Lulju 2025
dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Save your right, save your flight” (Aqbeż għal drittijietek; titlifx it-titjira!)
(notifikata bid-dokument C(2025) 4754)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Save your right, save your flight!” (Aqbeż għal drittijietek; titlifx it-titjira!) intbagħtet lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Ġunju 2025. |
|
(2) |
L-organizzaturi tal-inizjattiva jirreferu għal “bidliet fid-drittijiet tal-passiġġieri li se jnaqqsu l-protezzjonijiet li l-vjaġġaturi ilhom jiddependu fuqhom għal għoxrin sena”. Huma jqisu li dawk il-bidliet se jirriżultaw f’telf ta’ ħin, ta’ flus u ta’ drittijiet meta mqabbla mal-livell ta’ protezzjoni offrut mil-leġiżlazzjoni attwali. L-għan tal-inizjattiva, kif espress mill-organizzaturi, huwa li titlob it-treġġigħ lura ta’ “bidliet ostili għall-passiġġieri” u ż-żamma tal-“limiti ta’ eliġibbiltà għall-kumpens attwali”. |
|
(3) |
L-anness tal-inizjattiva jipprovdi dettalji ulterjuri dwar l-isfond tagħha, is-suġġett tagħha u l-objettivi tagħha. Huwa jirreferi għall-proposti tal-Kunsill relatati mal-introduzzjoni ta’ “skadenza għall-ipproċessar ta’ talbiet għal kumpens (sa 14-il jum)”, li jiggarantixxu “d-dritt tal-konsumaturi għall-informazzjoni dwar il-kawżi tad-dewmien” u li titwaqqaf “lista definittiva ta’ każijiet eliġibbli għal kumpens, abbażi tal-ġurisprudenza stabbilita tal-QĠUE”. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni tqis li tista’ tadotta proposta għal regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fl-Unjoni abbażi tal-Artikolu 91(1) u tal-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
|
(5) |
Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(6) |
Dik il-konklużjoni ma taffettwax il-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inkluża l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ. |
|
(7) |
Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament. |
|
(8) |
L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(9) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-inizjattiva intitolata “Save your right, save your flight!” (Aqbeż għal drittijietek; titlifx it-titjira!) tiġi rreġistrata. |
|
(10) |
Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati, ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva emendata, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Save your right, save your flight!” (Aqbeż għal drittijietek; titlifx it-titjira!) għandha tiġi rreġistrata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Save your right, save your flight!” (Aqbeż għal drittijietek; titlifx it-titjira!), irrappreżentata minn Marian Edward FILA u Nina-Raluca BUCᾸTARU li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kummissjoni
Maroš ŠEFČOVIČ
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/788/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1502/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)