European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1471

19.7.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/1471

tal-18 ta’ Lulju 2025

li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK (1).

(2)

Fl-24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew attakk fuq l-Ukrajna, inkluż mit-territorju tal-Belarussja. Dak l-attakk kien ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Frar 2024, il-Kunsill ikkundanna bil-qawwa l-appoġġ kontinwu pprovdut mir-reġim Belarussu għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u appella lill-Belarussja biex toqgħod lura minn tali azzjoni u tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha.

(4)

Minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni, u b’rispons għall-involviment kontinwu tal-Belarussja fl-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa xieraq li jiġu introdotti miżuri restrittivi addizzjonali.

(5)

B’mod partikolari huwa xieraq li jiġi pprojbit l-akkwist mill-Belarussja ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip.

(6)

Sabiex tissaħħaħ l-effettività tal-miżuri restrittivi imposti b’reazzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, huwa meħtieġ li jiġi indirizzat ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni ta’ dawk il-miżuri permezz ta’ esportazzjonijiet indiretti permezz ta’ pajjiżi terzi. Ċerti oġġetti u teknoloġija jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tal-Belarussja jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u s-sigurtà tagħha, inkluż meta jiġu esportati bil-pretest li huma intiżi għall-użu finali ċivili. Il-projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet indiretti tkopri l-esportazzjoni ta’ oġġetti li huma soġġetti għal miżuri restrittivi, inkluż permezz ta’ pajjiż terz. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu azzjoni preventiva f’waqtha fejn ikun hemm riskju kredibbli li tali oġġetti esportati lejn pajjiżi terzi jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jiġu ddevjati lejn il-Belarussja. Għalhekk, huwa xieraq li l-Istati Membri jingħataw mekkaniżmu amministrattiv fakultattiv li jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jirrikjedu awtorizzazzjoni minn qabel għall-esportazzjonijiet ta’ oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tal-Belarussja jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u tas-sigurtà tagħha, lil kwalunkwe pajjiż terz, fejn l-esportatur ikun ġie infurmat li hemm raġuni suffiċjenti biex jissuspetta li d-destinazzjoni finali tal-oġġetti tista’ tkun fil-Belarussja jew li l-użu finali tal-oġġetti jista’ jkun għall-entitajiet Belarussi. Din il-miżura mhijiex maħsuba biex timponi restrizzjoni ġenerali ġdida, iżda biex tgħammar lill-Istati Membri b’għodda effettiva u proporzjonata biex jinvestigaw u jipprevjenu l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi, filwaqt li tiżgura interpretazzjoni armonizzata u ċarezza legali għall-esportaturi. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ projbizzjoni tal-esportazzjoni indiretta ma għandux jiġi affettwat minn din il-miżura. Huwa fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri li jiddeċiedu jekk din il-miżura jew il-klawżola ta’ projbizzjoni fuq l-esportazzjoni indiretta għandhiex tiġi applikata bħala mekkaniżmu ta’ infurzar f’każijiet li fihom id-destinazzjoni finali tal-oġġetti tista’ tkun fil-Belarussja jew l-użu finali tal-oġġetti jista’ jkun għall-entitajiet Belarussi.

(7)

Huwa xieraq ukoll li tiġi estiża fi projbizzjoni fuq it-tranżazzjonijiet, il-projbizzjoni eżistenti dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ messaġġi finanzjarji speċjalizzati lil ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu Belarussi u lis-sussidjarji Belarussi tagħhom, li huma rilevanti għas-sistema finanzjarja Belarussa, u li diġà huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi imposti mill-Unjoni. Barra minn hekk, huwa xieraq li jiżdiedu eżenzjonijiet relatati mal-funzjonament tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-Unjoni u tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi sħab fil-Belarussja, u, mat-tranżazzjonijiet magħmula minn ċittadini ta’ Stat Membru li huma residenti fil-Belarussja. Huwa xieraq ukoll li tiżdied deroga għal tranżazzjonijiet li huma strettament meħtieġa għall-iżvestiment mill-Belarussja jew għall-istralċ ta’ attivitajiet kummerċjali fil-Belarussja. Huwa mfakkar li l-miżuri restrittivi tal-Unjoni ma għandhomx effett extraterritorjali u ma jorbtux lill-operaturi inkorporati skont il-liġijiet ta’ pajjiżi terzi, inklużi dawk tal-Belarussja. Għalhekk, tranżazzjonijiet bejn persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru u s-sussidjarji tagħhom f’pajjiżi terzi ma jikkwalifikawx bħala ksur ta’ din il-projbizzjoni, inkluż jekk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew finanzjarji soġġetti għall-projbizzjoni jkunu involuti f’tali tranżazzjonijiet. L-eżenzjonijiet u d-deroga fl-Artikolu 2y tad-Deċiżjoni 2012/642/PESK huma mingħajr preġudizzju għall-projbizzjoni fuq l-operaturi fl-Unjoni li jipprovdu servizzi ta’ messaġġi finanzjarji lill-entitajiet elenkati fl-Anness V.

(8)

Barra minn hekk, huwa xieraq li tiġi estiża l-lista ta’ oġġetti li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tal-Belarussja jew għall-iżvilupp tas-settur tad-difiża u s-sigurtà tagħha, billi jiġu elenkati oġġetti li ntużaw mir-Russja fil-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u oġġetti li jikkontribwixxu għall-iżvilupp jew il-produzzjoni tas-sistemi militari tal-Belarussja, inklużi prekursuri kimiċi għal materjali enerġetiċi, spare parts għall-għodod bil-magna, magni addizzjonali ta’ kontroll numeriku bil-kompjuter (CNC, computer numerical control) u sustanzi kimiċi kostitwenti għall-propellanti.

(9)

Barra minn hekk, huwa xieraq li tiġi estiża l-lista ta’ oġġetti soġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni li jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali tal-Belarussja, bħal makkinarju, sustanzi kimiċi, xi metalli u plastiks. Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżuri restrittivi, huwa xieraq ukoll li tiġi estiża l-lista ta’ oġġetti u teknoloġija soġġetti għall-projbizzjoni fuq it-tranżitu mit-territorju tal-Belarussja.

(10)

Jenħtieġ li l-Istati Membri, bir-rispett dovut għall-obbligazzjonijiet internazzjonali applikabbli tagħhom, ma jirrikonoxxux jew jinfurzaw l-ebda inġunzjoni, ordni, eżenzjoni, sentenza ta’ qorti għajr qorti ta’ Stat Membru jew qorti oħra, deċiżjoni arbitrali jew amministrattiva maħruġa fi proċedimenti għajr dawk fl-Istati Membri skont jew derivati minn proċedimenti ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat b’rabta ma’ miżuri imposti skont id-Deċiżjoni 2012/642/PESK. L-implimentazzjoni effettiva tal-klawżola ta’ ebda pretensjoni jenħtieġ li titqies bħala l-ordni pubbliku tal-Unjoni u tal-Istati Membri għall-finijiet tar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ jew deċiżjonijiet ġudizzjarji jew amministrattivi. B’riżultat ta’ dan, ir-rikonoxximent jew l-infurzar mill-Istati Membri ta’ inġunzjoni, ordni, eżenzjoni, sentenza ta’ qorti li mhijiex qorti ta’ Stat Membru jew qorti oħra, deċiżjoni arbitrali jew amministrattiva maħruġa fi proċedimenti għajr dawk fl-Istati Membri skont jew derivata minn proċedimenti ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat li jistgħu jwasslu għas-sodisfazzjon ta’ kwalunkwe pretensjoni b’rabta mal-miżuri imposti skont id-Deċiżjoni 2012/642/PESK jenħtieġ li jitqiesu bħala li jiksru l-ordni pubbliku tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Dik id-dispożizzjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta’ Stat Membru li jipparteċipa u jiddefendi ruħu fi proċedimenti mibdija kontrih u li jitlob ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjoni li jagħtih ir-rimborż tal-ispejjeż.

(11)

Filwaqt li l-issodisfar tat-talbiet b’rabta mal-miżuri imposti skont id-Deċiżjoni 2012/642/PESK huwa pprojbit fl-Unjoni, inkluż fi proċedimenti ta’ soluzzjoni barra mill-qorti, hemm evidenza li tissuġġerixxi li persuni, entitajiet jew korpi Belarussi, jew persuni, entitajiet jew korpi li jaġixxu permezz ta’ jew f’isem waħda minn dawk il-persuni, entitajiet jew korpi Belarussi, jew li huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn tali persuni, entitajiet jew korpi, ifittxu jew jistgħu jfittxu li jibdew u jsegwu b’mod abbużiv proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-Unjoni b’rabta mal-miżuri imposti skont id-Deċiżjoni 2012/642/PESK, jew ifittxu jew jistgħu jfittxu li jiksbu illegalment ir-rikonoxximent jew l-infurzar ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ mogħtija permezz ta’ tali proċedimenti abbużivi għas-soluzzjoni tat-tilwim. Huwa għalhekk meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jew l-Unjoni, fejn applikabbli, jkunu jistgħu jirkupraw fi proċedimenti quddiem qorti ta’ Stat Membru kwalunkwe dannu kkawżat, inklużi spejjeż legali u spejjeż imġarrba fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ mill-parti l-oħra, minn dawk il-persuni, entitajiet jew korpi u minn persuni, entitajiet jew korpi li huma s-sidien jew jikkontrollaw lil dawk il-persuni, entitajiet jew korpi, bħala konsegwenza tas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat b’rabta mal-miżuri imposti skont id-Deċiżjoni 2012/642/PESK, dment li jkunu eżerċiti r-rimedji legali kollha disponibbli fil-ġuriżdizzjoni rilevanti. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jirkupraw tali danni f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u r-regoli konswetudinarji tad-dritt internazzjonali.

(12)

Meta l-Istati Membri jkunu kkonfrontati b’deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ mogħtija kontrihom fi proċedimenti ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat b’rabta mal-miżuri imposti skont id-Deċiżjoni 2012/642/PESK, jenħtieġ li huma jinvokaw kwalunkwe oġġezzjoni disponibbli għalihom fi proċedimenti domestiċi jew barranin għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ tali deċiżjonijiet. Dan jinkludi li titqajjem l-oġġezzjoni li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni jkunu kontra l-ordni pubbliku tal-pajjiż fejn jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, skont il-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin tal-1958.

(13)

L-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-forum necessitatis jenħtieġ tiġi estiża.

(14)

Huwa xieraq ukoll li jiġi emendat it-titolu tal-Anness II, sabiex jinkludi d-dispożizzjonijiet rilevanti kollha li fihom hemm referenza għal dak l-Anness.

(15)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

(16)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2012/642/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/642/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 1aa

1.   Għandu jkun ipprojbit ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasferiment, b’mod dirett jew indirett ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inkluż armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u spare parts għal dawk imsemmija hawn fuq, fl-Unjoni jekk dawn joriġinaw fil-Belarussja jew jiġu esportati mill-Belarussja.

2.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasferiment relatati ma’:

(a)

l-għoti ta’ spare parts u servizzi meħtieġa għall-manutenzjoni u s-sikurezza ta’ kapaċitajiet eżistenti fl-Unjoni; jew

(b)

l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi qabel is-20 ta’ Lulju 2025, jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.”

;

(2)

Artikolu 1b huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“3a.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 3 ma għandhomx japplikaw għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 3204 11 , 3204 12 , 3204 13 , 3204 14 , 3204 15 , 3204 16 , 3204 17 , 3204 18 , 3204 19 , 3204 20 , 3506 10 , 3506 91 , 3907 10 , 3907 21 , 3907 30 , 3907 50 , 3907 61 , 3907 69 u 3907 99 li huwa neċessarju għall-eżekuzzjoni sas-21 ta’ Ottubru 2025 ta’ kuntratti konklużi qabel is-20 ta’ Lulju 2025, jew ta’ kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

3b.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 3 ma għandhomx japplikaw għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 9032 89 li huwa neċessarju għall-eżekuzzjoni sas-21 ta’ Jannar 2026 ta’ kuntratti konklużi qabel is-20 ta’ Lulju 2025, jew ta’ kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti”

;

(b)

paragrafu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“13.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti li ġejjin, jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata, wara li jkunu ddeterminaw li tali oġġetti jew l-għoti ta’ assistenza teknika jew finanzjarja relatata huma meħtieġa għall-użu domestiku personali ta’ persuni fiżiċi fil-Belarussja:

(a)

oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 8417 20 ;

(b)

tubi, pajpijiet u fittings tal-pajpijiet tar-ram li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7411 jew 7412 li għandhom dijametru intern sa 50 mm;

(c)

oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 8414 60 ;

(d)

oġġetti li jaqgħu taħt NM 3916 20 meta strettament meħtieġa għall-bejgħ ta’ pavimentar tal-PVC.”

;

(3)

l-Artikolu 2d huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1aa.   Mingħajr preġudizzju għall-projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet indiretti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2021/821, għandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib militari u teknoloġiku tal-Belarussja, jew l-iżvilupp tas-settur tad-difiża u tas-sigurtà, lejn kwalunkwe pajjiż terz għajr il-Belarussja, jekk l-esportatur ikun ġie infurmat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn l-esportatur ikun residenti jew stabbilit li l-oġġetti inkwistjoni huma jew jistgħu jkunu maħsuba, fl-intier tagħhom jew parzjalment, għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Belarussja, jew għall-użu fil-Belarussja.”

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“6a.   Meta tkun meħtieġa awtorizzazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1aa, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipproċedu f’konformità mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2021/821, li għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

;

(4)

Artikolu 2n huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2n

1.   L-ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ kwalunkwe kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe forma, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi deżinjati elenkati fl-Anness I;

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fl-Artikoli 2h, 2i, 2j jew 2y, jew elenkati fl-Anness II, III jew V;

(c)

kwalunkwe persuna, entità jew korp Belarussu ieħor, inkluż il-gvern Belarussu;

(d)

kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’ jew f’isem waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c) ta’ dan il-paragrafu.

2.   L-ebda inġunzjoni, ordni, eżenzjoni, sentenza ta’ qorti ġudizzjarja għajr qorti ta’ Stat Membru jew qorti, deċiżjoni arbitrali jew amministrattiva oħra maħruġa fi proċedimenti għajr dawk fl-Istati Membri skont jew derivati minn proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat kontra Stat Membru li jistgħu jwasslu għas-sodisfazzjon ta’ kwalunkwe pretensjoni b’rabta mal-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni ma għandhom jiġu rikonoxxuti, mogħtija effett jew infurzati fi Stat Membru jekk jiġu invokati minn kwalunkwe persuna, entità jew korp imsemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b), (c) jew (d), jew persuni, entitajiet jew korpi li huma s-sidien ta’ dawk il-persuni, entitajiet jew korpi jew jikkontrollawhom.

3.   L-ebda talba għal assistenza matul investigazzjoni jew proċedimenti oħra, u l-ebda piena jew penali oħra bbażata fuq inġunzjoni, ordni, eżenzjoni, sentenza ta’ qorti għajr qorti ta’ Stat Membru jew qorti oħra, deċiżjoni arbitrali jew amministrattiva maħruġa fi proċedimenti għajr dawk fl-Istati Membri skont jew derivata minn proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat kontra Stat Membru b’rabta mal-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni ma għandha tiġi rikonoxxuta, tingħata effett jew tiġi infurzata fi Stat Membru jekk tiġi invokata minn kwalunkwe persuna, entità jew korp imsemmi fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b), (c) jew (d), jew persuni, entitajiet jew korpi li huma s-sidien ta’ dawk il-persuni, entitajiet jew korpi jew li jikkontrollawhom.

4.   Fi kwalunkwe proċediment għall-eżekuzzjoni ta’ pretensjoni, l-oneru tal-prova li l-issodisfar tal-pretensjoni mhuwiex ipprojbit mill-paragrafu 1 għandu jkun fuq il-persuna li tkun qed tfittex l-eżekuzzjoni ta’ dik il-pretensjoni.

5.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal rieżami ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta’ prestazzjoni tal-obbligi kuntrattwali f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni.”

;

(5)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 2na

Kwalunkwe Stat Membru għandu, fejn applikabbli, jieħu kwalunkwe miżura xierqa biex jirkupra jew ikun intitolat li jirkupra, fi proċedimenti ġudizzjarji quddiem il-qrati kompetenti ta’ Stat Membru, kwalunkwe dannu dirett jew indirett, inklużi l-ispejjeż legali, imġarrba minn dak l-Istat Membru bħala konsegwenza tal-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat imressqa kontra Stat Membru b’rabta mal-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni. L-Istat Membru għandu, fejn applikabbli, ikun intitolat li jirkupra tali danni minn kwalunkwe persuna, entità jew korp imsemmija fl-Artikolu 2n(1), il-punti (a), (b), (c) jew (d), li jkunu bdew, intervjenew jew ipparteċipaw fis-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat jew li jfittxu li jinfurzaw kwalunkwe għoti, deċiżjoni jew sentenza relatata mas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat u persuni, entitajiet jew korpi li huma s-sidien ta’ jew jikkontrollaw kwalunkwe waħda minn dawk il-persuni, entitajiet jew korpi.

Fejn applikabbli, l-Unjoni għandha tkun intitolata li tirkupra kwalunkwe dannu mġarrab minnha taħt l-istess kondizzjonijiet.

Artikolu 2nb

L-Istati Membri għandhom iqajmu kwalunkwe oġġezzjoni disponibbli għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ li ngħataw kontrihom fi proċedimenti ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat b’rabta mal-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni.”

;

(6)

fl-Artikolu 2y huwa emendat kif ġej:

(a)

paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandu jkun ipprojbit l-involviment, b’mod dirett jew indirett, fi kwalunkwe tranżazzjoni ma’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness V jew ma’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fil-Belarussja li aktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom huma b’mod dirett jew indirett proprjetà ta’ entità elenkata fl-Anness V.”

;

(b)

il-paragrafi li ġejjin huma inseriti:

“1a.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal tranżazzjonijiet:

(a)

li huma meħtieġa għall-funzjonament tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari tal-Unjoni u tal-Istati Membri jew ta’ pajjiżi sħab fil-Belarussja, inklużi delegazzjonijiet, ambaxxati u missjonijiet, jew organizzazzjonijiet internazzjonali fil-Belarussja li jgawdu minn immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali; jew

(b)

magħmula minn ċittadini ta’ Stat Membru li huma residenti tal-Belarussja u li kienu hekk qabel l-24 ta’ Frar 2022.

1b.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, tranżazzjonijiet li huma strettament meħtieġa għall-iżvestiment mill-Belarussja jew l-istralċ ta’ attivitajiet kummerċjali fil-Belarussja.”

;

(7)

L-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-18 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BJERRE


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU L 285, 17.10.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/642/oj).


ANNESS

It-titolu u l-intestatura tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2012/642/PESK huma sostitwiti b’dan li ġej:

“ANNESS II

LISTA TA’ PERSUNI ĠURIDIĊI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 2c(7), 2d(7) U 2da”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1471/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)