European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1451

16.7.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/1451

tal-15 ta’ Lulju 2025

b’appoġġ għall-isforzi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni u t-traffikar illeċiti ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon u l-impatt tagħhom fil-Kontinent Amerikan — Fażi III

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Istrateġija tal-UE tal-2018 kontra armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom, intitolata “Aktar Sigurtà fuq l-Armi Biex Nipproteġu liċ-Ċittadini” (l-“Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”) tistabbilixxi l-linji gwida għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (“SALW”).

(2)

Fuq livell reġjonali, l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW torbot lill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha li jipprovdu assistenza lil pajjiżi oħra sabiex itejbu l-ġestjoni u s-sigurtà tal-ħażniet miżmuma mill-istat billi jsaħħu l-oqfsa leġiżlattivi u amministrattivi nazzjonali u billi jsaħħu l-istituzzjonijiet li jirregolaw il-provvista leġittima u l-ġestjoni tal-ħażniet tas-SALW u l-munizzjon għall-forzi tad-difiża u tas-sigurtà.

(3)

L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tinnota li l-Unjoni ser tfittex li jkun hemm sinerġija mal-istati Amerikani u l-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti sabiex jitnaqqsu l-proliferazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW, bil-għan li jitnaqqsu l-vjolenza bl-armi u l-attività kriminali.

(4)

L-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OSA, Organization of American States) hija s-Segretarjat għall-Konvenzjoni Inter-Amerikana kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Munizzjon, l-Isplussivi u Materjal Ieħor Relatat (CIFTA), u qed tikkoordina u timplimenta inizjattivi reġjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tas-SALW fil-Kontinent Amerikan.

(5)

L-Unjoni preċedentement appoġġat l-OSA permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2018/2010 (1) u (PESK) 2022/847 (2) b’appoġġ ta’ attivitajiet għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni u t-traffikar illeċiti ta’ SALW u l-munizzjon u l-impatt tagħhom fl-Amerka Latina u l-Karibew,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, l-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tiġi indirizzata l-vjolenza bl-armi fil-Kontinent Amerikan. Għal dan il-għan, l-Unjoni għandha tiffinanzja l-proġett deskritt fl-Anness, li l-għan tiegħu huwa li jiġġieled kontra l-proliferazzjoni u t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar u l-munizzjon, u li jipprevjeni l-involviment tal-armi tan-nar f’komunitajiet milquta ħafna.

2.   L-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni huma:

(a)

it-tisħiħ tal-oqfsa regolatorji biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-armi tan-nar fil-Kontinent Amerikan;

(b)

iż-żieda tal-kondiviżjoni ta’ għarfien u informazzjoni fir-rigward tat-traffikar tal-armi tan-nar u l-proliferazzjoni illeċita tas-SALW fil-Kontinent Amerikan;

(c)

it-titjib tal-kapaċitajiet tal-istat għall-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tas-SALW u l-munizzjon, filwaqt li jitnaqqas ir-riskju ta’ devjazzjoni lejn is-suq illeċitu;

(d)

it-tisħiħ tas-sistemi nazzjonali għat-traċċar sistematiku ta’ SALW illeċiti;

(e)

it-tnaqqis tal-fatturi ta’ riskju assoċjati mal-vjolenza bl-armi fil-livell komunitarju; u

(f)

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni subreġjonali permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Subreġjonali dwar l-Armi tan-Nar.

3.   Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett tinsab fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“RGħ”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mill-OSA.

3.   L-OSA għandha twettaq il-kompitu tagħha taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dak il-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-OSA.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni għandu jkun ta’ 4 055 956 EUR.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta’ referenza stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni xierqa tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament neċessarju mal-OSA. Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistipula li l-OSA trid tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.

Artikolu 4

1.   Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti narrattivi regolari mħejjija mill-OSA. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni li għandha ssir mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jiġi konkluż l-ebda ftehim f’dak il-perjodu.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/2010 tas-17 ta’ Diċembru 2018 b’appoġġ għall-Ġlieda Kontra l-Proliferazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta’ Armi Ħfief, ta’ Kalibru Żgħir (SALW) u l-Munizzjon u l-Impatt tagħhom fl-Amerka Latina u l-Karibew fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra Armi tan-Nar, Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir Illeċiti u l-Munizzjon tagħhom “Aktar Sigurtà fuq l-Armi Biex Nipproteġu liċ-Ċittadini” (ĠU L 322, 18.12.2018, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/2010/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/847 tat-30 ta’ Mejju 2022 b’appoġġ għall-isforzi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni u t-traffikar illeċiti ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon u l-impatt tagħhom fil-Kontinent Amerikan (ĠU L 148, 31.5.2022, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/847/oj).


ANNESS

Proġett b'appoġġ għall-isforzi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-proliferazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon u l-impatt tagħhom fil-Kontinent Amerikan –

Fażi III

1.   Kuntest

Il-Kontinent Amerikan għadu l-aktar reġjun vjolenti fid-dinja, b'konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u umani għoljin, li jaffettwaw b'mod partikolari lill-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli. Skont l-aħħar Global Study on Homicide, fl-2021 ir-reġjun irreġistra l-ogħla rata reġjonali ta' omiċidji, bi 15-il omiċidju għal kull 100 000 abitant, meta mqabbla mal-medja dinjija ta' 5.8 għal kull 100 000 abitant (1). Għalkemm sar xi progress fit-tnaqqis tar-rati ta' omiċidju—minn 17.2 omiċidju għal kull 100 000 abitant fl-2017 (2)—wieħed minn kull tliet omiċidji fid-dinja għadu jseħħ fil-Kontinent Amerikan. Barra minn hekk, kważi 70 % ta' dawn l-omiċidji saru b'arma tan-nar (3). Għalhekk huwa essenzjali li tissaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiżi tal-Amerka Latina u tal-Karibew biex jindirizzaw il-vjolenza bl-armi.

Diversi fatturi jikkontribwixxu għall-vjolenza bl-armi fir-reġjun. Il-proliferazzjoni illeċita ta' armi u munizzjon, speċjalment f'kuntesti ta' inugwaljanza għolja, esklużjoni soċjali, u nuqqas ta' aċċess għal servizzi pubbliċi u metodi ta' riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, tipperikola s-sigurtà tal-komunità. Barra minn hekk il-gruppi tal-kriminalità organizzata jheddu l-istabbiltà tal-pajjiżi tal-Amerka Latina u tal-Karibew billi jfornu lis-suq tal-armi illeċiti minn rotot illegali li jisfruttaw fruntieri permeabbli u sorveljanza insuffiċjenti tal-katina legali tal-armi tan-nar u l-munizzjon. Biex tiġi indirizzata b'mod effettiv il-vjolenza bl-armi fil-Kontinent Amerikan, il-politiki komprensivi jridu jagħtu prijorità lill-kontroll tal-flussi illeċiti ta' armi tan-nar u munizzjon, kif ukoll jindirizzaw il-fatturi ta' riskju fil-livell tal-komunità b'approċċ doppju mmirat lejn il-provvista u d-domanda għall-armi tan-nar u l-munizzjon illeċiti.

Ir-reġjun diġà għandu qafas għat-tisħiħ tal-kontrolli fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tal-armi tan-nar u l-munizzjon. Il-Konvenzjoni CIFTA, iffirmata fl-1997 u rratifikata minn 31 pajjiż fil-Kontinent Amerikan, għadha mekkaniżmu ewlieni għall-kooperazzjoni reġjonali biex jiġu prevenuti, miġġielda u meqruda l-manifattura u t-traffikar illeċiti ta' armi tan-nar, munizzjon u splussivi. Is-CIFTA tistabbilixxi obbligi legalment vinkolanti relatati mal-ġestjoni tul il-ħajja tal-armi tan-nar u l-munizzjon, mat-tnaqqis tad-devjazzjoni minn utenti leġittimi, u mal-indirizzar tat-traffikar ta' armi tan-nar. Madankollu jeħtieġ li jiġu intensifikati l-isforzi biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni. Minkejja l-isforzi tal-gvern, ir-reġjun għadu qed jiffaċċa ħafna sfidi fl-implimentazzjoni ta' dawn il-politiki biex jiżgura li l-utenti awtorizzati biss ikollhom aċċess għall-armi tan-nar u l-munizzjon.

L-isfida inizjali hija n-nuqqas ta' data biex jiġu mifhuma l-isfumaturi tal-fenomenu f'kull pajjiż u jiġu identifikati n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet istituzzjonali. Il-pajjiżi għandhom ukoll nuqqas ta' leġiżlazzjoni, riżorsi umani u tagħmir biex jikkontrollaw il-kummerċ legali u l-użu leġittimu tal-armi tan-nar u l-munizzjon. Għalkemm żdied l-immarkar tal-armi, il-kapaċità tas-sistemi ta' żamma ta' reġistri hija limitata. Il-maġġoranza tas-sistemi għadhom ibbażati fuq il-karta jew frammentati, mingħajr integrazzjoni tad-data. Fil-prattika, ladarba persuna ċivili jew kumpanija tas-sigurtà privata takkwista liċenzja għall-pussess ta' arma tan-nar, ma hemm l-ebda unità jew persunal assenjat biex jiċċekkja l-konformità mal-kundizzjonijiet tal-liċenzjar. Is-sorveljanza tal-arsenali tal-Istat hija laxka wkoll. Il-forzi militari u tas-sigurtà ma jimplimentawx sistematikament protokolli ta' ġestjoni tal-ħażniet, li jżid il-probabbiltà li armi tan-nar u munizzjon jiġu ddevjati lejn is-suq illeċitu kif ukoll ir-riskju ta' splużjonijiet mhux ippjanati fil-faċilitajiet ta' ħżin.

Huwa wkoll relattivament faċli li armi tan-nar u munizzjon jiġu ddevjati matul trasferimenti internazzjonali. L-awtoritajiet tal-liċenzjar, id-dwana u l-aġenziji tal-fruntieri m'għandhomx il-mezzi biex jikkomunikaw f'ħin reali u biex jittraċċaw il-moviment effettiv tal-merkanzija. In-nuqqas ta' tagħmir, inkluż raġġi-X, u n-nuqqas ta' taħriġ tal-persunal fil-fruntieri jtellef il-proċessi ta' verifika u l-interdizzjoni ta' armi tan-nar u munizzjon moħbija.

Ir-rispons tal-ġustizzja kriminali huwa insuffiċjenti wkoll. Xi pajjiżi għad m'għandhomx unitajiet speċjalizzati biex jinvestigaw u jieħdu passi kontra t-traffikar ta' armi tan-nar. In-nuqqas ta' protokolli u riżorsi biex jiġu investigati l-armi tan-nar irkuprati jwaqqaf lill-investigazzjonijiet kriminali li jistgħu jittraċċaw l-oriġini tal-armi tan-nar, jorbtuhom ma' diversi postijiet fejn isiru delitti, u jikxfu networks ta' traffikar illeċitu.

Il-pajjiżi mhux biss għandhom nuqqasijiet fil-kapaċitajiet biex jimmaniġġaw il-provvista ta' armi tan-nar u munizzjon, sabiex jiżguraw li utenti awtorizzati biss ikollhom aċċess għalihom, iżda huma limitati wkoll il-kapaċitajiet istituzzjonali biex jiġu indirizzati d-domanda illeċita għall-armi tan-nar u l-munizzjon, u l-fatturi ta' riskju li jtellfu minn kultura ta' paċi fil-livell tal-komunità.

Biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, mill-2019, b'finanzjament mill-Unjoni Ewropea (id-Deċiżjoni tal-Kunsill PESK 2018/2010 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill PESK 2022/847), id-Dipartiment tas-Sigurtà Pubblika tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (DPS tal-OAS), fil-qafas tal-Programm ta' Assistenza dwar il-Kontroll tal-Armi u l-Munizzjon (PACAM), ilu jagħti assistenza teknika komprensiva lill-istati tal-Amerka Latina u tal-Karibew biex isaħħu l-politiki tagħhom biex jindirizzaw u jipprevjenu t-traffikar ta' armi tan-nar u munizzjon. Il-PACAM huwa l-mekkaniżmu operazzjonali tal-OAS biex jappoġġa lill-Istati Membri tal-OAS jindirizzaw il-vjolenza armata billi jsaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' strumenti internazzjonali u jimplimentawhom, bħall-Konvenzjoni Inter-Amerikana kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Munizzjon, l-Isplussivi u Materjal Ieħor Relatat (CIFTA), il-Programm ta' Azzjoni tan-NU (UN-PoA), u t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT). Il-PACAM jappoġġa lill-Istati Membri tal-OAS, fuq talba tagħhom, b'approċċ b'diversi saffi:

Appoġġ leġiżlattiv biex jittejjeb il-qafas normattiv tal-armi tan-nar.

Assistenza teknika u tisħiħ tal-kapaċitajiet imfassla apposta, immexxija mill-ħtiġijiet u sostenibbli f'diversi aspetti tal-ġestjoni tul il-ħajja tal-armi tan-nar u l-munizzjon.

Promozzjoni ta' inizjattivi preventivi biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-komunità kontra l-vjolenza bl-armi permezz tal-metodoloġija OASIS u jitnaqqas l-aċċess mhux awtorizzat għall-armi tan-nar.

Minn Jannar 2019 sa Lulju 2024, l-implimentazzjoni taż-żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill relatati mal-PESK iġġenerat riżultati sinifikattivi fir-reġjun, għall-benefiċċju ta' 28 pajjiż fl-Amerka Latina u fil-Karibew, permezz ta' diversi komponenti:

Żvilupp tal-Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali għall-Prevenzjoni tal-Proliferazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta' Armi tan-Nar u Munizzjon, li l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali adottaw fi Frar 2025.

Assistenza leġiżlattiva lil seba' pajjiżi biex jissaħħaħ il-qafas normattiv tagħhom tal-armi tan-nar.

Taħriġ ta' aktar minn 3 400 membru tal-persunal nazzjonali minn 28 pajjiż dwar prattiki u standards tajbin tas-Sigurtà Fiżika u l-Ġestjoni tal-Ħażniet, l-Immarkar u ż-Żamma ta' Reġistri tal-Armi tan-Nar, u l-Qerda tal-Armi tan-Nar u l-Munizzjon.

Appoġġ lil 16-il pajjiż fl-immarkar tal-armi tan-nar, anke b'donazzjoni ta' magni tal-immarkar.

Qerda ta' aktar minn 219-il tunnellata munizzjon u ta' 85 000 SALW sekwestrati, obsoleti jew żejda f'sitt pajjiżi.

Titjib fis-sigurtà għal 16-il żona ta' ħżin ta' armi tan-nar u munizzjon fi tmien pajjiżi.

Żvilupp ta' software għall-kontroll tal-inventarju għall-armi tan-nar u l-munizzjon ta' ħażniet istituzzjonali, użat minn 15-il istituzzjoni f'disa' pajjiżi.

Żvilupp ta' Mekkaniżmu ta' Komunikazzjoni Reġjonali dwar it-Trasferimenti Leċiti ta' Armi tan-Nar u Munizzjon, inkluż soluzzjoni nazzjonali għall-pajjiżi li għadhom jużaw sistemi bbażati fuq il-karta biex jimmaniġġaw il-proċessi ta' liċenzjar tagħhom.

Tisħiħ tal-ħiliet għall-ħajja għal 2 600 żagħżugħ f'riskju mill-Honduras u l-Perù permezz ta' lezzjonijiet tal-orkestra u l-kor wara l-iskola.

Stabbiliment ta' Ċentru ta' Referenza għall-Vittmi tal-Vjolenza bl-Armi tan-Nar fil-Honduras, li ta appoġġ psikosoċjali lil aktar minn 160 persuna u organizza attivitajiet ta' outreach għas-sensibilizzazzjoni.

Taħriġ ta' aktar minn 300 parti kkonċernata mill-komunità minn El Salvador, il-Honduras u l-Perù, fil-prevenzjoni tal-vjolenza u l-assistenza lill-vittmi.

Parteċipazzjoni ta' aktar minn 2 800 ċittadin mill-Honduras u l-Perù f'attivitajiet ta' outreach u avvenimenti ta' prevenzjoni tal-vjolenza biex tiġi promossa kultura ta' paċi.

Permezz ta' kollaborazzjoni mal-Unjoni Ewropea, sar progress sinifikanti fl-indirizzar tat-traffikar ta' armi tan-nar fir-reġjun. Xi pajjiżi pparteċipaw fil-komponenti reġjonali tal-proġett, bħal mekkaniżmi ta' koordinazzjoni u sessjonijiet ta' ħidma, filwaqt li grupp ewlieni ta' pajjiżi ġie affettwat b'mod komprensiv.

Minkejja dan il-progress, għadu meħtieġ li tkompli tingħata assistenza fit-tul biex il-pajjiżi jsostnu prattiki tajbin. L-esperjenza tad-DPS tal-OAS uriet li appoġġ tekniku u operazzjonali kontinwu, imfassal apposta u mmexxi mill-ħtiġijiet fuq terminu twil, huwa essenzjali biex jinkisbu implimentazzjoni sistematika u sjieda nazzjonali ta' politiki kumplessi, bħall-kontroll tal-armi tan-nar. Din il-fażi l-ġdida ser tqis l-importanza ta' strateġiji fit-tul biex issir bidla sinifikattiva u sostenibbli fil-politiki u l-kundizzjonijiet tas-sigurtà.

Il-Fażi III ser tinkorpora elementi ġodda li javvanzaw il-progress li sar fil-Fażijiet I u II, bħal assistenza mmirata biex jittejbu l-prattiki ta' traċċar u jiġu evitati l-użu tal-armi tan-nar u l-inċidenti fl-iskejjel. Matul dawn il-ħames snin ħloqna l-kundizzjonijiet biex jiġu introdotti dawn l-elementi ġodda, li jeħtieġu relazzjoni diretta u mill-qrib mal-awtoritajiet tal-gvern u djalogu miftuħ dwar l-isfidi u l-ħtiġijiet tagħhom. Għalhekk il-Fażi III ser tikkontribwixxi mhux biss għas-sostenibbiltà tal-assistenza offruta f'dawn l-aħħar ħames snin, ser tavvanza wkoll il-pass favur l-indirizzar tal-vjolenza bl-armi fil-Kontinent Amerikan.

2.   Approċċ Tekniku

Matul din il-fażi, id-DPS tal-OAS ser ikompli jinvesti f'approċċ olistiku li jgħaqqad lill-istrateġiji għall-prevenzjoni tal-vjolenza bl-armi mal-kontroll tal-armi tan-nar, biex jiġu indirizzati kemm il-provvista mhux awtorizzata kif ukoll id-domanda għall-armi tan-nar u l-munizzjon, b'ħames objettivi speċifiċi:

1.   Tisħiħ tal-Oqfsa Regolatorji biex jiġi Indirizzat it-Traffikar tal-Armi tan-Nar fil-Kontinent Amerikan

Wieħed mill-komponenti tal-Azzjoni jiffoka fuq it-tisħiħ tal-oqfsa legali nazzjonali biex jiġi żgurat li jappoġġaw l-attivitajiet operazzjonali tal-kontroll tal-armi tan-nar u jinkludu d-dispożizzjonijiet obbligatorji kollha tar-regolamenti internazzjonali. Dan jinvolvi żieda fid-disponibbiltà ta' standards u linji gwida dwar aspetti ewlenin tal-prevenzjoni tal-vjolenza bl-armi u l-ġestjoni tul il-ħajja tal-armi tan-nar u l-munizzjon, kif ukoll il-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-awtoritajiet nazzjonali u l-persunal tekniku.

Fil-fażi preċedenti, id-DPS tal-OAS żviluppa tliet linji gwida ġodda (il-Qerda tas-SALW, il-PSSM tas-SALW, u l-Prevenzjoni tal-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru bl-Użu Ħażin tal-Armi tan-Nar) li ġew approvati mill-Kumitat Konsultattiv tas-CIFTA u integrati fil-korp ta' dokumentazzjoni komplementari biex jiggwidaw l-applikazzjoni tal-konvenzjoni. F'din il-fażi, id-DPS tal-OAS ser ikompli dan l-isforz billi jiżviluppa Linji Gwida tas-CIFTA dwar Programmi ta' Ċediment Volontarju tal-Armi u standards ta' sikurezza u sigurtà għall-kumpaniji tas-sigurtà privata. Dawn is-suġġetti huma rilevanti ħafna għar-reġjun. Ammonti sinifikanti ta' armi tan-nar jiċċirkolaw f'komunitajiet milquta ħafna, li jagħmel neċessarju s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji li joħolqu u t-tħeġġiġ ta' ċediment ta' dawn l-armi biex jiġu promossi kultura ta' paċi u riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti. Barra minn hekk, il-kumpaniji tas-sigurtà privata qed ikomplu jespandu fl-Amerka Latina u l-Karibew, b'miljuni ta' gwardji armati jipprovdu diversi servizzi ta' sigurtà. Huwa kruċjali li jiġi rregolat l-użu tal-armi tan-nar u l-munizzjon minn kumpaniji tas-sigurtà privata biex jitnaqqsu d-devjazzjoni u l-użu ħażin tal-armi tan-nar fil-pussess tagħhom.

Barra minn hekk, ser nespandu u nkomplu nxerrdu l-Pjattaforma Emisferika tal-Għarfien dwar l-Armi tan-Nar, żviluppata matul il-Fażi II. Din il-pjattaforma hija repożitorju ċentralizzat ta' informazzjoni u data dwar it-traffikar tal-armi tan-nar fil-Kontinent Amerikan. Fiha spazju pubbliku b'librerija ta' pubblikazzjonijiet relatati u għodda ta' tiftix li tħalli lill-utenti jiffiltraw l-istandards skont l-interess (bħall-qasam ta' applikazzjoni, il-livell ta' rakkomandazzjoni, eċċ.). Tinkludi wkoll spazju privat għall-utenti rreġistrati mill-pajjiżi, b'forum għall-iskambju ta' informazzjoni, direttorju tal-awtoritajiet, u għodda biex jippreżentaw elettronikament ir-rapporti biennali tagħhom dwar l-implimentazzjoni tas-CIFTA. Din l-informazzjoni mbagħad tkun disponibbli fuq dashboards biex jiġu vvalutati l-kapaċitajiet tal-istati u n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-konvenzjoni.

2.   Żieda fil-Kondiviżjoni ta' Għarfien u Informazzjoni dwar it-Traffikar tal-Armi tan-Nar u l-Proliferazzjoni Illeċita ta' SALW fil-Kontinent Amerikan

Filwaqt li jagħraf il-ħtieġa li tiġi ġġenerata data kontinwa biex jiġu mifhuma aħjar il-karatteristiċi tat-traffikar ta' armi tan-nar fir-reġjun u biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet ewlenin fil-kapaċitajiet istituzzjonali, id-DPS tal-OAS għandu l-għan li jżid id-disponibbiltà ta' għodod li jiġġeneraw l-għarfien fil-qafas tas-CIFTA. Ser noffru taħriġ lill-persunal nazzjonali dwar kif tinġabar u tiġi sistematizzata d-data dwar it-traffikar ta' armi tan-nar permezz ta' tliet seminars sottoreġjonali. Ser jingħata wkoll appoġġ individwalizzat lill-pajjiżi biex jgħinhom jimlew u jissottomettu l-kwestjonarju dwar l-implimentazzjoni tas-CIFTA, li jinkludi varjabbli speċifiċi biex jiġu vvalutati l-kapaċitajiet tal-istati abbażi tal-parametri referenzjarji disponibbli (fosthom is-CIFTA, il-MOSAIC, l-IATG u standards oħra).

Fi sħubija mal-UNIDIR, ser inwettqu analiżi fil-fond tal-kapaċitajiet tal-istati biex jimmaniġġaw iċ-ċiklu tal-ħajja tas-SALW u l-munizzjon bil-metodoloġija tal-UNIDIR. Din l-analiżi ser tagħmilha possibbli għall-pajjiżi li jimplimentaw strateġiji mmirati biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati.

3.   Titjib tal-kapaċitajiet tal-istati biex jimmaniġġaw iċ-ċiklu tal-ħajja tas-SALW u l-munizzjon, li jnaqqas ir-riskju ta' devjazzjoni lejn is-suq illeċitu

Fil-livell operazzjonali, id-DPS tal-OAS ser ikompli jsaħħaħ il-kapaċitajiet nazzjonali biex jiġu mmaniġġati l-ħażniet istituzzjonali u jitnaqqas ir-riskju ta' telf, serq u devjazzjoni ta' armi u munizzjon. Dan ser jinkludi taħriġ u assistenza mmirata dwar is-sigurtà fiżika u l-ġestjoni tal-ħażniet (PSSM), li jinkludu s-sikurezza, is-sigurtà, il-kontabbiltà, il-ħżin, it-trasport u l-immaniġġar ta' armi u munizzjon, kif ukoll il-qerda ta' armi tan-nar u munizzjon issekwestrati, żejda jew obsoleti. Dwar il-PSSM, ser inkomplu napplikaw il-metodoloġija żviluppata matul il-fażijiet preċedenti biex inħarrġu lill-operaturi nazzjonali biex jivvalutaw il-kundizzjonijiet taż-żoni ta' ħżin. Abbażi tal-ħtiġijiet ivvalutati, ser nimplimentaw titjib minuri fl-infrastruttura u s-sigurtà ta' dawn iż-żoni ta' ħżin. Barra minn hekk, ser inkomplu nagħtu assistenza komprensiva għall-proċessi ta' qerda, filwaqt li noffru tagħmir, mentoraġġ u taħriġ, u ċertifikazzjoni biex tiġi żgurata l-konformità mal-istandards internazzjonali. Din l-assistenza teknika ser tiġi integrata ma' attivitajiet ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet (taħriġ, seminars, sessjonijiet ta' ħidma) biex tiġi żviluppata s-sostenibbiltà fil-ġestjoni tul il-ħajja tal-armi u l-munizzjon.

4.   Tisħiħ tas-sistemi nazzjonali għat-traċċar sistematiku ta' SALW illeċiti

Permezz tal-appoġġ offrut fil-fażijiet preċedenti, b'mod partikolari fl-immarkar u fiż-żamma ta' reġistri, ġew identifikati nuqqasijiet sinifikanti fi prattiki ta' traċċar sistematiku u fis-sistemi ta' ġestjoni tal-informazzjoni. Dawn in-nuqqasijiet itellfu l-kapaċitajiet tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi li jidentifikaw ix-xejriet tat-traffikar, jipprevjenu d-devjazzjonijiet, u jsaħħu l-kooperazzjoni fost il-pajjiżi. Biex tiġi indirizzata din il-problema u jiġu sfruttati r-relazzjonijiet stabbiliti mal-awtoritajiet, id-DPS tal-OAS qed jintroduċi komponent ġdid fil-Fażi III bl-għan li jissaħħu s-sistemi nazzjonali għat-traċċar sistematiku ta' SALW illeċiti. Din l-inizjattiva ser tiġi implimentata fi sħubija mal-INTERPOL, minħabba l-esperjenza estensiva tagħhom dwar is-suġġett mal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi. Dan il-komponent jinkludi seminar reġjonali biex jiġi promoss l-iskambju ta' informazzjoni fost il-pajjiżi tal-Amerka Latina u tal-Karibew dwar is-suġġett tat-traċċar sistematiku. Ser nagħtu wkoll assistenza teknika komprensiva lil pajjiż magħżul, bħala inizjattiva pilota, inkluż l-iżvilupp ta' Protokoll għall-Irkupru tal-Armi tan-Nar, bi proċeduri operazzjonali, flussi tax-xogħol u proċessi standard biex jiġi żgurat li l-armi tan-nar jiġu skrinjati (b'kunsiderazzjoni tal-kriterji prijoritarji għat-traċċar u l-investigazzjoni), traċċati u investigati, u l-istazzjonament ta' task force biex il-persunal nazzjonali jingħata appoġġ fl-implimentazzjoni tal-protokoll u fit-traċċar tal-armi tan-nar minn kampjun magħżul. Dan jinkludi l-iżvilupp ta' rapporti tal-intelligence biex jappoġġaw il-ħidma tal-pulizija.

5.   Tnaqqis tal-fatturi ta' riskju assoċjati mal-vjolenza bl-armi fil-livell tal-komunità

Id-DPS tal-OAS ser ikompli jadotta approċċ olistiku għall-prevenzjoni tal-vjolenza bl-armi tan-nar fil-livell tal-komunità, b'politiki ffukati li jqisu lil gruppi f'riskju għoli kemm bħala vittma kif ukoll bħala awtur ta' vjolenza bl-armi. Dan jinkludi l-implimentazzjoni tal-metodoloġija OASIS tad-DPS tal-OAS f'pajjiż wieħed, li tinkludi lezzjonijiet tal-mużika wara l-iskola biex żgħażagħ f'riskju jiżviluppaw ħiliet għall-ħajja; l-offerta ta' appoġġ psikosoċjali, u l-promozzjoni ta' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni fil-komunità permezz ta' Ċentru ta' Referenza għall-Vittmi tal-Vjolenza bl-Armi; u t-taħriġ tal-partijiet ikkonċernati fil-komunità fil-prevenzjoni tal-vjolenza bl-armi. Barra minn hekk, enfasi oħra tal-Fażi III ser tkun il-prevenzjoni tal-vjolenza relatata mal-armi tan-nar fl-iskejjel, billi jingħata taħriġ lill-edukaturi u l-persunal tal-iskejjel dwar strateġiji ta' prevenzjoni, intervent, u assistenza għall-vittmi tal-vjolenza relatata mal-armi tan-nar. Dan ser jiġi kkomplementat b'sessjonijiet ta' ħidma li jiffukaw fuq il-ġurnalisti u l-influwenzaturi biex jittejjeb ir-rappurtar dwar il-vjolenza relatata mal-armi tan-nar, bl-għan li jiġu evitati aktar involviment u replikazzjoni ta' każijiet bħal dawn. Ser inkomplu navvanzaw il-progress li sar fil-Fażi II billi noffru taħriġ lil min iħarreġ biex ixerrdu l-għarfien u l-prattiki tajbin dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru li tinvolvi l-armi tan-nar. Fl-aħħar nett, meta titqies il-ħidma inizjali tal-Fażi II, ser noffru assistenza teknika għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni u programmi ta' ċediment volontarju tal-armi biex titnaqqas iċ-ċirkolazzjoni ta' armi tan-nar illeċiti f'komunitajiet milquta ħafna.

6.   Tisħiħ tal-kooperazzjoni sottoreġjonali bl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Sottoreġjonali għall-Armi tan-Nar

Fil-Fażi II tal-kooperazzjoni, id-DPS tal-OAS, f'koordinazzjoni mal-UNLIREC u s-Sistema ta' Integrazzjoni tal-Amerka Ċentrali (SICA), irnexxielu jiżviluppa l-Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali għall-Prevenzjoni tal-Proliferazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta' Armi tan-Nar u Munizzjon. Fil-Fażi III, id-DPS tal-OAS ser jistabbilixxi mekkaniżmu ta' segwitu biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali għall-Armi tan-Nar, kif awtorizzat mill-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (4). L-istruttura tal-mekkaniżmu ta' segwitu ser tiġi definita bl-Istati parteċipanti jqisu t-tagħlimiet meħuda u l-prattiki tajbin tal-Pjanijiet Direzzjonali l-oħra, inkluż dawn li ġejjin:

Ħolqien ta' qafas ta' monitoraġġ u evalwazzjoni għall-Pjan Direzzjonali, inkluż id-deżinjazzjoni ta' punti fokali għall-monitoraġġ u evalwazzjoni u l-iżvilupp ta' pjattaforma bbażata fuq l-internet biex l-Istati jirrappurtaw dwar il-progress tal-Pjan Direzzjonali;

Assistenza lill-Istati biex jiġbru l-valutazzjonijiet bażi, inkluż appoġġ tekniku biex l-Istati jiġu mħarrġa fl-użu tal-qafas ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, u l-appoġġ biex tinġabar id-data meħtieġa;

Organizzazzjoni ta' laqgħat annwali tal-Istati wara l-adozzjoni tal-Pjan Direzzjonali;

Laqgħat regolari tas-sħab ta' implimentazzjoni, l-awtoritajiet tal-gvern u d-donaturi (separatament u flimkien);

Sessjonijiet ta' ħidma nazzjonali u assistenza teknika biex il-pajjiżi jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, fejn iqisu l-għanijiet ġenerali tal-pjan direzzjonali, fost oħrajn it-taħriġ, it-taħriġ għas-sensibilizzazzjoni, u l-mentoraġġ individwali għall-pajjiżi.

Permezz tal-Fażi III, id-DPS tal-OAS ser javvanza l-elementi ewlenin tal-mekkaniżmu ta' segwitu, bħall-organizzazzjoni ta' laqgħa annwali, il-ħolqien tal-qafas ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, u l-għoti ta' appoġġ lil xi pajjiżi rigward il-valutazzjonijiet bażi u l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali. Id-DPS tal-OAS ser ifittex ukoll kontribuzzjonijiet addizzjonali minn donaturi biex jissaħħaħ il-qafas għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali għall-Armi tan-Nar.

Barra minn hekk, meta jitqies l-interess tal-pajjiżi Andini (il-Bolivja, l-Ekwador, il-Kolombja u l-Perù) li jindirizzaw il-problema tat-traffikar ta' armi tan-nar f'approċċ aktar koerenti u integrat, minħabba l-ħtiġijiet speċifiċi tas-sottoreġjun (affettwat mid-dinamika lokali tal-gangs, il-flussi tad-droga u l-estrazzjoni illegali), fil-Fażi III id-DPS tal-OAS ser jibda l-proċess biex jiġi żviluppat il-Pjan Direzzjonali Andin għall-Armi tan-Nar. Matul dan l-istadju inizjali, ser nimmappjaw il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-pajjiżi u niżviluppaw abbozz tal-Pjan Direzzjonali f'sessjonijiet ta' ħidma nazzjonali u reġjonali mar-rappreżentanti tal-gvernijiet. Ser nagħmlu ħilitna wkoll biex insibu sorsi oħra ta' finanzjament li jikkomplementaw ir-riżorsi tal-Unjoni Ewropea u biex niksbu l-adozzjoni tal-Pjan Direzzjonali fil-Fażi III.

Sommarju u Approċċ għall-Implimentazzjoni

Billi tindirizza dawn id-diversi oqsma, l-Azzjoni għandha l-għan li fl-istess waqt tissodisfa l-ħtiġijiet tal-pajjiżi u tippromwovi bidliet sostenibbli fit-tul. L-attivitajiet biex jissaħħaħ il-kontroll tal-armi tan-nar u titnaqqas il-provvista tal-armi tan-nar ser jiġu kkomplementati minn miżuri preventivi biex titnaqqas id-domanda f'komunitajiet milquta ħafna mill-vjolenza bl-armi.

Id-DPS tal-OAS, permezz tal-PACAM, ser jikkoordina u jimplimenta l-Azzjoni f'kollaborazzjoni ma' aġenziji u awtoritajiet nazzjonali oħra. Permezz tal-fora politiċi u l-mezzi ta' komunikazzjoni tal-OAS, id-DPS tal-OAS ser jidentifika pajjiżi li jeħtieġu appoġġ u jaħdem magħhom biex jinħolqu pjanijiet ta' assistenza mfassla apposta. Dan il-proġett ser jadotta approċċ speċifiku u mfassal apposta għal kull pajjiż, filwaqt li jirrikonoxxi d-differenzi fil-ħtiġijiet u n-nuqqasijiet. Mhux il-pajjiżi kollha ser jirċievu appoġġ fil-komponenti kollha tal-proġett; minflok, id-DPS tal-OAS ser ikompli juża l-metodoloġija li rnexxiet tal-PACAM: immappjar tal-ħtiġijiet, involviment tal-awtoritajiet, ħolqien ta' pjanijiet ta' assistenza, u l-iskjerament ta' missjonijiet. Id-DPS tal-OAS ser jipparteċipa wkoll f'mekkaniżmi ta' koordinazzjoni biex tiġi evitata ħidma doppja, bħat-tkomplija tal-appoġġ għall-pajjiżi tal-Karibew permezz tal-Pjan Direzzjonali tal-Karibew għall-Armi tan-Nar.

Perspettiva tal-Ġeneru u tad-Drittijiet tal-Bniedem

Filwaqt li tqis l-impatti differenti tal-kunflitt armat fuq persuni vulnerabbli, il-Fażi III ser iżżomm perspettiva tal-ġeneru u tad-drittijiet tal-bniedem. Din tinkludi l-inkorporazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha tal-implimentazzjoni tal-proġett u t-tħeġġiġ ta' parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fl-attivitajiet tal-proġett. L-attivitajiet ta' prevenzjoni tal-vjolenza ser jiffukaw fuq il-ħtiġijiet ta' sikurezza u sigurtà tan-nisa u l-bniet fil-komunitajiet tagħhom, kif ukoll fuq il-parteċipazzjoni tagħhom biex jinstabu soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi. Barra minn hekk, xi komponenti ser jiffukaw esklużivament fuq l-indirizzar tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru.

7.   Għan Ġenerali

It-tisħiħ tal-kapaċità tal-pajjiżi tal-Amerka Latina u tal-Karibew biex tiġi indirizzata l-vjolenza bl-armi fir-reġjun bil-kontroll tal-proliferazzjoni u t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar u l-munizzjon, u l-prevenzjoni tal-użu tal-armi tan-nar f'komunitajiet milquta ħafna.

8.   Deskrizzjoni tal-Istrateġiji ta' Intervent tal-Proġetti

Objettiv 1: It-tisħiħ tal-oqfsa regolatorji biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-armi tan-nar fil-Kontinent Amerikan

Attivitajiet

Assistenza teknika lill-pajjiżi biex jirrieżaminaw il-leġiżlazzjoni u l-qafas normattiv filwaqt li jitqiesu l-istandards internazzjonali u l-armonizzazzjoni interna tal-mandati, kif ukoll l-integrazzjoni ta' perspettiva abbażi tal-ġeneru;

L-iżvilupp ta' Linji Gwida tas-CIFTA għall-iżvilupp, l-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta' programmi ta' ċediment volontarju tal-armi;

L-iżvilupp ta' Linji Gwida tas-CIFTA b'rakkomandazzjonijiet għal standards ta' sikurezza u sigurtà li l-kumpaniji privati tas-sigurtà jridu jżommu biex jevitaw id-devjazzjoni tas-SALW u l-munizzjon lejn is-suq illeċitu;

Id-disseminazzjoni tal-Pjattaforma Emisferika tal-Għarfien, inkluż għodda tat-tfittxija ottimizzata biex tħaffef l-aċċess għall-istandards u l-linji gwida tas-CIFTA (żviluppata matul il-Fażi II).

Riżultati

Assistenza leġiżlattiva offruta biex jitjieb il-qafas normattiv nazzjonali dwar l-armi tan-nar, filwaqt li jitqiesu l-istandards internazzjonali u l-perspettiva tal-ġeneru, lil mill-inqas tliet pajjiżi tar-reġjun;

Disponibbiltà akbar ta' għodod reġjonali biex jappoġġaw lill-pajjiżi fl-aspetti kollha tal-kontroll tal-armi tan-nar (kemm fil-livell tal-provvista kif ukoll tad-domanda) billi jiżviluppaw u jagħmlu disponibbli: (i) Linji Gwida tas-CIFTA għall-Iżvilupp, l-Ippjanar, l-Implimentazzjoni u l-Evalwazzjoni ta' programmi ta' ċediment volontarju tal-armi; u (ii) Linji Gwida tas-CIFTA dwar il-Prattiki tas-Sikurezza u s-Sigurtà għall-Kumpaniji Privati tas-Sigurtà li jużaw l-armi tan-nar;

Il-Pjattaforma Emisferika tal-Għarfien dwar l-Armi tan-Nar estiża u disseminata għall-partijiet ikkonċernati fir-reġjun.

Objettiv 2: Iż-żieda tal-kondiviżjoni tal-għarfien u l-informazzjoni dwar it-traffikar tal-armi tan-nar u l-proliferazzjoni illeċita tas-SALW fil-Kontinent Amerikan

Attivitajiet

Valutazzjoni komprensiva tal-kapaċitajiet tal-istat għall-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tas-SALW u l-munizzjon (waqt li titqies il-Metodoloġija tal-UNIDIR għall-Valutazzjoni Bażi tal-Ġestjoni tal-Armi u l-Munizzjon);

L-implimentazzjoni tal-kwestjonarju tas-CIFTA biex jiġu identifikati l-kapaċitajiet tal-istat għall-ġestjoni, il-prevenzjoni, il-kontroll u l-prosekuzzjoni tal-kummerċ illeċitu tal-armi tan-nar;

It-taħriġ tal-persunal nazzjonali għall-ġbir u s-sistematizzazzjoni tad-data dwar it-traffikar tal-armi tan-nar u l-proliferazzjoni illeċita tas-SALW, waqt li titqies il-perspettiva tal-ġeneru.

Riżultati

Il-Valutazzjoni Bażi tal-UNIDIR tal-Ġestjoni tal-Armi u l-Munizzjon imwettqa f'pajjiż wieħed tar-reġjun;

Jitwettaq il-kwestjonarju tas-CIFTA fir-reġjun, imwieġeb minn mill-anqas 60 % tal-Istati Parti tas-CIFTA;

It-tfassil, il-pubblikazzjoni u t-tixrid ta' rapport li jiddeskrivi s-sejbiet ewlenin mill-applikazzjoni tal-kwestjonarju tas-CIFTA;

Tliet seminars virtwali sottoreġjonali (l-Amerka Ċentrali, l-Amerka t'Isfel, u l-Karibew), b'mill-inqas 20 parteċipant f'kull wieħed, imwettqa biex jissensibilizzaw lill-persunal nazzjonali ta' livell għoli dwar għodod għall-ġbir tad-data rigward it-traffikar tal-armi tan-nar u l-proliferazzjoni illeċita, kif ukoll tekniki u strateġiji biex jittejbu l-ġbir u s-sistematizzazzjoni tad-data.

Objettiv 3: It-titjib tal-kapaċitajiet tal-istat għall-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tas-SALW u l-munizzjon, filwaqt li jitnaqqas ir-riskju ta' devjazzjoni lejn is-suq illeċitu

Attivitajiet

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' taħriġ speċjalizzat għall-persunal nazzjonali fil-ġestjoni tal-armi u l-munizzjon, inkluż dwar il-PSSM, l-immarkar u ż-żamma ta' reġistri, kampanji ta' ċediment volontarju tal-armi, u l-qerda tas-SALW u l-munizzjon, waqt li jitqiesu l-istandards internazzjonali u prattiki tajba;

Il-forniment ta' ċertifikazzjoni internazzjonali fin-newtralizzazzjoni avvanzata ta' ordinanza splussiva (EOD-3) lill-persunal nazzjonali, bi sħubija mal-Ministeru għad-Difiża ta' Spanja;

Assistenza teknika u materjali, u ċertifikazzjoni ta' proċessi ta' qerda nazzjonali ta' SALW u munizzjon ikkonfiskati, obsoleti jew żejda;

Assistenza teknika u materjali għall-valutazzjoni u t-titjib tal-infrastruttura tal-imħażen nazzjonali tas-SALW u l-munizzjon, skont l-istandards tas-CIFTA, il-MOSAIC, u l-IATG.

L-implimentazzjoni ta' sessjoni waħda ta' ħidma għall-utenti tas-Software ta' Kontroll tal-Inventarju għall-Armi u l-Munizzjon (SAM), żviluppat matul il-Fażi I u estiż fil-Fażi II, biex jiġu identifikati l-isfidi u r-rekwiżiti għall-aġġornamenti;

Il-forniment ta' SAM lill-istituzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri tal-OAS li jeħtiġuh, inkluż taħriġ u appoġġ ta' helpdesk għall-utenti;

L-ittestjar tal-kunċett inizjali tas-soluzzjoni elettronika tal-Mekkaniżmu ta' Komunikazzjoni Reġjonali dwar it-Trasferimenti Leċiti ta' Armi tan-Nar u Munizzjon (MCTA), żviluppat matul il-Fażi II;

L-iżvilupp tal-moduli fakultattivi tal-Mekkaniżmu ta' Komunikazzjoni Reġjonali dwar it-Trasferimenti Leċiti ta' Armi tan-Nar u Munizzjon (MCTA), u l-funzjonalitajiet addizzjonali, waqt li jitqies il-kontribut li jasal mill-pajjiżi pilota;

L-appoġġ lill-implimentazzjoni tas-Sistema tal-Liċenzji Nazzjonali għall-Kontroll tal-Esportazzjoni/Importazzjoni fil-pajjiżi, żviluppata matul il-Fażi II, inkluż l-adattament għall-istandards u l-proċessi nazzjonali.

Riżultati

Mill-inqas 50,000 SALW u 100 tunnellata ta' munizzjon, żejda, obsoleti, u/jew maqbuda, meqruda bl-assistenza u/jew iċ-ċertifikazzjoni tal-proġett;

Mill-inqas 400 membru tal-persunal nazzjonali, minn 10 pajjiżi, imħarrġa u li tejbu l-għarfien tagħhom dwar l-applikazzjoni ta' prattiki tajba tad-WAM;

Mill-inqas 30 membru tal-persunal nazzjonali minn 10 Stati Membri tal-OAS iċċertifikati fl-EOD-3, fi sħubija mal-Ministeru għad-Difiża ta' Spanja;

Is-sigurtà tal-ħażniet istituzzjonali mtejba f'mill-inqas ħames imħażen nazzjonali tas-SALW u l-munizzjon fir-reġjun;

Kapaċità msaħħa għall-inventarju u l-irfigħ tar-responsabbiltà għas-SALW u l-munizzjon fil-ħażniet tal-istituzzjonijiet nazzjonali permezz tat-titjib u d-disseminazzjoni tas-SAM;

Iżjed kapaċità ta' mill-inqas tliet Stati Membri tal-OAS fil-kontroll ta' trasferimenti internazzjonali ta' SALW u munizzjon permezz tal-installazzjoni tas-Sistema Nazzjonali tal-Liċenzji;

Il-Mekkaniżmu ta' Komunikazzjoni Reġjonali dwar it-Trasferimenti Leċiti ta' Armi tan-Nar u Munizzjon (MCTA) żviluppat u ttestjat bis-sħiħ mill-Istati Membri tal-OAS.

Objettiv 4: L-istabbiliment jew it-tisħiħ tas-sistemi nazzjonali għat-traċċar sistematiku ta' SALW illeċiti

Attivitajiet

L-implimentazzjoni ta' sessjonijiet ta' ħidma sottoreġjonali għall-iskambju ta' informazzjoni dwar prattiki tajba għat-traċċar ta' SALW illeċiti;

L-iżvilupp ta' protokolli nazzjonali għall-irkupru tal-armi tan-nar li jippermettu t-traċċar u l-investigazzjoni sistematiċi tal-armi tan-nar irkuprati, fi sħubija mal-INTERPOL;

Assistenza teknika lill-awtoritajiet nazzjonali biex jidentifikaw u jittraċċaw armi tan-nar irkuprati, u jiġġeneraw informazzjoni ta' intelligence biex jinfurmaw lill-unitajiet investigattivi rilevanti;

Valutazzjoni tan-nuqqasijiet ewlenin fis-sistemi taż-żamma tar-reġistri u l-ġbir tad-data li jxekklu t-traċċar domestiku u internazzjonali tal-armi tan-nar irkuprati, u l-forniment ta' assistenza teknika u riżorsi biex jissaħħu jew jiġu stabbiliti dawn is-sistemi/bażijiet tad-data nazzjonali, waqt li jitqiesu n-nuqqasijiet identifikati;

Assistenza teknika u materjali dwar l-immarkar u ż-żamma tar-reġistri, b'mod partikolari lil dawk l-Istati Membri assistiti f'fażijiet preċedenti tal-kooperazzjoni mal-Unjoni Ewropea.

Riżultati

Żieda fil-kapaċitajiet fi Stat Membru wieħed tal-OAS biex jiġu ttraċċati SALW irkuprati permezz tal-iżvilupp ta' protokoll għall-irkupru tal-armi tan-nar, l-offerta ta' assistenza teknika għat-traċċar tal-armi tan-nar, u titjib tas-sistemi u t-tagħmir meħtieġa għat-traċċar domestiku u internazzjonali;

Seminar reġjonali wieħed, b'mill-inqas 20 parteċipant, imwettaq biex ixerred prattiki tajba ta' traċċar, oqfsa ta' traċċar tas-CIFTA (inkluż id-deżinjazzjoni ta' punti ta' kuntatt għat-traċċar), u skambju ta' informazzjoni;

Ħames istituzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri tal-OAS megħjuna biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom tal-immarkar u taż-żamma tar-reġistri.

Objettiv 5: It-tnaqqis tal-fatturi ta' riskju assoċjati mal-vjolenza bl-armi fil-livell komunitarju

Attivitajiet

Il-forniment ta' attivitajiet ekstrakurrikulari ta' kuljum biex jissaħħu l-ħiliet għall-ħajja taż-żgħażagħ f'riskju permezz tal-metodoloġija OASIS fi Stat Membru wieħed tal-OAS;

L-istabbiliment ta' ċentru ta' referenza għall-appoġġ psikosoċjali tal-vittmi ta' vjolenza armata f'mill-inqas komunità hotspot waħda ta' Stat Membru wieħed tal-OAS;

It-taħriġ ta' dawk li jfasslu l-politika fil-livell lokali, l-uffiċjali tal-gvern, il-fornituri tas-servizzi, l-edukaturi, il-ġenituri, u s-soċjetà ċivili dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza bl-użu tal-armi tan-nar;

L-iżvilupp u l-offerta ta' programm ta' taħriġ edukattiv reġjonali (permezz ta' kors online miftuħ massiv, u kors ta' taħriġ għal ħarrieġa) għall-edukaturi, l-uffiċjali tal-iskejjel, u awtoritajiet oħra dwar kif jindirizzaw u jipprevjenu l-użu tal-armi tan-nar fl-iskejjel;

It-taħriġ tal-persunal tas-settur pubbliku nazzjonali (permezz ta' approċċ ibridu b'moduli bi preżenza fiżika u kors online miftuħ massiv) dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru bl-użu tal-armi tan-nar;

L-implimentazzjoni ta' sessjonijiet ta' ħidma mal-ġurnalisti u mal-influwenzaturi diġitali għal sensibilizzazzjoni dwar il-fatturi ta' riskju tal-vjolenza relatata mal-armi tan-nar u ssir sejħa għal azzjoni għall-waqfien u l-prevenzjoni tal-vjolenza;

Assistenza teknika u materjali lil Stat Membru wieħed tal-OAS fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji u taċ-ċediment volontarju tal-armi f'komunitajiet magħżula.

Riżultati

Mill-inqas 300 żagħżugħ u żagħżugħa f'riskju (inkluż żgħażagħ li ħabtu difirhom mal-liġi) minn komunitajiet benefiċjarji tejbu l-ħiliet għall-ħajja tagħhom permezz ta' taħriġ u attivitajiet ta' kuljum wara l-ħin tal-iskola;

Ċentru ta' Referenza wieħed għall-Appoġġ Psikosoċjali għall-Vittmi tal-Vjolenza tal-Armi tan-Nar stabbilit f'komunità waħda, li joffri (i) appoġġ psikosoċjali individwalizzat lil mill-inqas 100 superstiti ta' vjolenza u/jew persuni f'riskju li jkunu involuti fi vjolenza armata jew li jesperjenzawha; u (ii) sessjonijiet ta' ħidma tematiċi dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza, u attivitajiet ta' outreach fil-komunità skolastika u spazji ta' parteċipazzjoni lokali;

Mill-inqas 200 persuna li jfasslu l-politika fil-livell lokali, uffiċjali tal-gvern, fornituri tas-servizzi, edukaturi, ġenituri, u s-soċjetà ċivili mħarrġa dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza bl-armi;

Mill-inqas 150 edukatur, uffiċjal tal-iskola, u awtoritajiet nazzjonali relatati oħra mħarrġa biex jindirizzaw u jipprevjenu l-użu tal-armi tan-nar fl-iskejjel;

Mill-inqas 150 uffiċjal tal-gvern u s-soċjetà ċivili mħarrġa dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru bl-użu ħażin tal-armi tan-nar, inkluż 15-il persuna mħarrġa biex ikunu multiplikaturi tal-għarfien permezz tal-kors ta' taħriġ għal ħarrieġa;

Mill-inqas 25 ġurnalista u influwenzatur diġitali ssensibilizzati aktar dwar il-fatturi ta' riskju assoċjati mal-vjolenza armata permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fis-sessjoni ta' ħidma dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza relatata mal-armi tan-nar;

Edukazzjoni ta' sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji u kampanji ta' ċediment volontarju tal-armi implimentati f'komunitajiet benefiċjarji ta' pajjiż wieħed, li kkontribwew għat-tnaqqis fid-domanda għall-armi tan-nar u d-disponibbiltà tagħhom.

Objettiv 6: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni sottoreġjonali permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Sottoreġjonali dwar l-Armi tan-Nar

Attivitajiet

L-istabbiliment ta' qafas ta' Monitoraġġ u Evalwazzjoni għall-Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali dwar l-Armi tan-Nar, inkluż l-iżvilupp ta' għodod elettroniċi biex jappoġġaw il-ġbir u l-analiżi tad-data;

Assistenza teknika lill-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali rigward il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Pjan Direzzjonali, inkluż appoġġ biex jitwettqu valutazzjonijiet bażi, taħriġ tal-persunal nazzjonali fl-użu tal-qafas ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, u tibqa' tingħata assistenza biex tinġabar id-data meħtieġa;

L-implimentazzjoni ta' laqgħa annwali waħda bi preżenza fiżika tal-Istati, id-donaturi, u s-sħab ta' implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali dwar l-Armi tan-Nar;

L-implimentazzjoni ta' laqgħat virtwali darbtejn fis-sena tas-sħab ta' implimentazzjoni, l-awtoritajiet tal-gvern, u d-donaturi (separatament u flimkien);

L-implimentazzjoni ta' sessjonijiet ta' ħidma nazzjonali u assistenza teknika għall-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali biex jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, waqt li jitqiesu l-għanijiet ġenerali tal-pjan direzzjonali, inkluż it-taħriġ, u l-mentoraġġ individwali għall-pajjiżi.

Riżultati

Qafas ta' Monitoraġġ u Evalwazzjoni għall-Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali dwar l-Armi tan-Nar żviluppat u approvat mill-pajjiżi parteċipanti;

Valutazzjoni bażi mwettqa f'mill-inqas 50 % tal-pajjiżi parteċipanti tal-Amerka Ċentrali;

Laqgħa annwali waħda bi preżenza fiżika tal-Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali dwar l-Armi tan-Nar;

Sitt laqgħat virtwali tal-Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali dwar l-Armi tan-Nar implimentat mas-sħab ta' implimentazzjoni, l-awtoritajiet tal-gvern, u d-donaturi;

Mill-inqas 40 % tal-pajjiżi parteċipanti tal-Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali dwar l-Armi tan-Nar bi pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali żviluppati u approvati;

Abbozz ta' Pjan Direzzjonali Andin għall-Armi tan-Nar żviluppat u maqbul mal-pajjiżi Andini.

9.   Tul ta' żmien

L-istima totali ta' kemm il-Fażi III reġjonali komprensiva ser iddum hija ta' 36 xahar.

10.   Entità tal-implimentazzjoni teknika

L-implimentazzjoni teknika ta' dan il-programm hija fdata lid-Dipartiment tas-Sigurtà Pubblika tas-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (DPS tal-OAS). Id-DPS tal-OAS għandu pożizzjoni unika li jappoġġa lill-pajjiżi tal-Kontinent Amerikan, minħabba r-rwol doppju li għandu bħala l-Kosegretarjat Tekniku tas-CIFTA u bħala l-korp tekniku u operazzjonali tal-OAS f'dan il-qasam. F'din il-kapaċità, id-DPS tal-OAS għandu rekord ta' implimentazzjoni ta' proġetti u programmi li jassistu lill-Istati Membri tal-OAS jwettqu l-obbligi tagħhom għas-sigurtà tal-ħażniet nazzjonali tal-armi tan-nar, jippromulgaw miżuri leġiżlattivi biex jikkriminalizzaw il-manifattura u t-traffikar illeċiti tal-armi tan-nar, jirrikjedu l-immarkar tal-armi tan-nar, u jikkondividu informazzjoni u xejriet ta' traċċar tat-traffikar illeċitu ma' firmatarji oħra tas-CIFTA. L-ebda organizzazzjoni reġjonali jew sottoreġjonali oħra li tkopri l-Kontinent Amerikan kollu ma għandha l-influwenza politika, l-għarfien espert tekniku jew il-firxa ġeografika meħtieġa biex tappoġġa u tassisti lill-istati Amerikani kollha.

Matul il-Fażi III, id-DPS tal-OAS ser ikompli jikkoordina u jikkollabora ma' istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet oħra. Mill-Fażi I, ġew stabbiliti sħubijiet strateġiċi ma' entitajiet li jappoġġaw lill-pajjiżi tal-Amerka Latina u tal-Karibew biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u tiġi massimizzata l-effettività tal-Azzjoni. Dawn is-sħab jinkludu ċ-Ċentru Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Paċi, id-Diżarm u l-Iżvilupp fl-Amerka Latina u fil-Karibew (UNLIREC), l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), l-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR), l-Aġenzija ta' Implimentazzjoni tal-Komunità tal-Karibew għall-Kriminalità u s-Sigurtà (CARICOM IMPACS), il-Bord tad-Difiża Inter-Amerikan, il-Grupp Konsultattiv għall-Ġestjoni tal-Munizzjon taċ-Ċentru Internazzjonali ta' Ġinevra għat-Tneħħija ta' Mini għal Skopijiet Umanitarji (AMAT-GICHD), u l-INTERPOL.

11.   Rilevanza

—   Rilevanza Reġjonali

Minkejja progress sinifikanti fil-konsolidazzjoni tad-demokrazija u fil-kisba tal-iżvilupp soċjoekonomiku, il-pajjiżi tal-Amerka Latina u tal-Karibew għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi enormi fil-promozzjoni tas-sikurezza taċ-ċittadini u l-komunitajiet tagħhom. Is-sigurtà pubblika, jew in-nuqqas tagħha, hija prijorità għolja kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-awtoritajiet tal-gvern fir-reġjun. Il-kontinent Amerikan jibqa' wieħed mill-aktar żoni vjolenti fid-dinja; l-esperti jidentifikaw id-disponibbiltà tal-armi tan-nar u l-aċċess bla rażan għalihom bħala fatturi ta' riskju ewlenin li jikkontribwixxu għal rati għolja ta' vjolenza letali. Din il-problema hija aggravata bis-sofistikazzjoni u l-kumplessità dejjem akbar tal-gruppi kriminali organizzati, li wessgħu l-operazzjonijiet tagħhom u issa jiddominaw is-suq tat-traffikar illeċitu tal-armi. Dawn il-gruppi għaddew minn strutturi vertikali għal organizzazzjonijiet f'network, bir-riżultat li l-attivitajiet illeċiti tagħhom saru aktar effiċjenti u taw profitti akbar waqt li minħabba f'hekk kibru l-isfidi tal-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tat-trasgressuri.

Huwa ċar li t-traffikar tal-armi tan-nar u d-disponibbiltà tal-armi tan-nar għandhom impatt sinifikanti fuq ir-reġjun, u dan jirrappreżenta waħda mill-isfidi ewlenin għas-sigurtà reġjonali u globali. Dan huwa rifless f'diversi impenji politiċi u legali meħuda mill-pajjiżi fir-reġjun, fosthom:

Ir-ratifika tal-konvenzjoni CIFTA u strumenti internazzjonali oħra, bħall-ATT u l-Protokoll dwar l-Armi tan-Nar;

Sehem attiv f'oqfsa volontarji, bħall-PtA tan-NU u l-Qafas Globali għall-Ġestjoni tal-Munizzjon Konvenzjonali Tul il-Ħajja;

L-adozzjoni tal-Pjan Direzzjonali tal-Karibew u l-Amerka Ċentrali dwar l-Armi tan-Nar.

Is-CIFTA tistabbilixxi diversi obbligi fuq l-Istati Parti, inkluż l-istabbiliment tal-ġuriżdizzjoni fuq reati kriminali; l-immarkar obbligatorju tal-armi tan-nar; iż-żamma ta' reġistri għat-traċċar; it-titjib tal-kontrolli ta' trasferiment, miżuri għall-prevenzjoni tad-devjazzjoni, u l-kooperazzjoni tranżnazzjonali. It-Tieni Linja ta' Azzjoni tas-CIFTA ssaħħaħ l-għanijiet tal-Istati Parti tas-CIFTA f'dawn l-oqsma, f'konformità mal-PtA tan-NU u l-Protokoll dwar l-Armi tan-Nar. Dan il-proġett jingrana dan il-qafas biex jipprovdi assistenza teknika lill-pajjiżi fl-operazzjonalizzazzjoni tal-impenji u d-dispożizzjonijiet ta' dawn it-trattati, b'mod partikolari l-Konvenzjoni CIFTA.

—   Allinjament mal-Prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea

L-objettivi, l-attivitajiet, u l-eżiti mistennija ta' dan il-proġett huma allinjati mal-għanijiet u l-approċċ tal-Istrateġija tal-UE “Aktar sigurtà fuq l-armi biex nipproteġu liċ-ċittadini”  (5), filwaqt li titqies perspettiva multilaterali biex jitrawwem djalogu fir-reġjuni kollha tad-dinja. Permezz ta' sħubija mal-OAS, din l-Azzjoni ser tkompli trawwem sinerġiji bejn l-UE u l-OAS u, b'estensjoni, bejn l-Ewropa u l-Kontinent Amerikan biex jitnaqqsu l-vjolenza bl-armi u l-attività kriminali. B'mod partikolari, din l-Azzjoni ser tippromwovi l-ħidma tal-Unjoni Ewropea fir-reġjun permezz ta' appoġġ immirat lejn pajjiżi li huma affettwati serjament mill-proliferazzjoni, l-akkumulazzjoni eċċessiva, u t-traffikar tas-SALW.

B'mod speċifiku, il-Fażi III tirrifletti l-prijoritajiet tal-Istrateġija li ġejjin:

2.1.

It-Tisħiħ tal-Qafas Normattiv: L-attivitajiet tal-Objettiv 1 tal-Azzjoni jfittxu li jiżguraw li l-pajjiżi jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni tagħhom mal-istandards internazzjonali u jkollhom għodod disponibbli biex jippromwovu l-implimentazzjoni tat-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali;

2.2.2

Kontrolli fuq l-esportazzjoni ta' armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom: Il-promozzjoni tas-sistema nazzjonali tal-liċenzji u l-mekkaniżmu tal-komunikazzjoni reġjonali dwar it-trasferimenti leċiti tal-armi tan-nar u tal-munizzjon, fl-Objettiv 3, tindirizza l-importanza tal-kontroll tal-kummerċ legali biex jiġu evitati devjazzjonijiet lejn is-suq illeċitu;

2.2.3

Ġestjoni sigura tal-ħażna tas-SALW u l-munizzjon: L-Objettiv 3 għandu sensiela ta' attivitajiet li jiffokaw fuq il-PSSM, inkluż it-taħriġ ta' uffiċjali u l-assistenza teknika u materjali għat-titjib ta' prattiki u faċilitajiet, skont l-istandards internazzjonali tal-MOSAICS u l-IATGs;

2.2.4

Rimi responsabbli ta' SALW u l-munizzjon tagħhom: L-Objettiv 3 jinkludi taħriġ, assistenza materjali, superviżjoni u ċertifikazzjoni tal-proċessi ta' qerda tal-armi tan-nar u l-munizzjon lill-pajjiżi li jeħtieġu dan;

2.2.5

Kwistjonijiet trażversali: Fl-objettivi kollha tal-Azzjoni, ser nippromwovu soluzzjonijiet u strateġiji biex nindirizzaw it-traffikar tal-armi tan-nar permezz ta' approċċ komprensiv, inkluż kwistjonijiet trażversali bħar-reazzjoni għal kwistjonijiet tal-ġeneru u l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni.

Barra minn hekk, din l-Azzjoni hija allinjata wkoll mal-Pjan ta' azzjoni tal-UE għall-2020-2025 dwar it-traffikar tal-armi tan-nar, meta jitqiesu l-erba' prijoritajiet stabbiliti tiegħu:

Prijorità 1: Is-salvagwardja tas-suq leċitu u l-limitazzjoni tad-devjazzjoni

Prijorità 2: Il-bini ta' stampa ta' intelligence aħjar

Prijorità 3: Żieda fil-pressjoni fuq swieq kriminali

Prijorità 4: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali

Ħafna mill-attivitajiet u r-riżultati mistennija ta' din l-Azzjoni ser jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-devjazzjoni minn utenti awtorizzati statali u mhux statali (bħall-offerta ta' assistenza teknika fuq il-PSSM, l-immarkar, u l-qerda), kif ukoll biex tiżdied l-effettività tal-azzjonijiet biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-armi tan-nar billi tiġi promossa strateġija komprensiva ta' traċċar għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi. Barra minn hekk, permezz tal-Azzjoni, l-Unjoni Ewropea qed iżżid l-appoġġ offrut lill-Kontinent Amerikan u l-ambitu tal-aġenda ta' kooperazzjoni internazzjonali tagħha. Kif imsemmi, il-Kontinent Amerikan huwa r-reġjun l-aktar milqut mill-vjolenza relatata mal-armi tan-nar, li tipperikola s-sigurtà mhux biss fir-reġjun, iżda għandha konsegwenzi detrimentali f'partijiet oħra tad-dinja, fosthom l-Ewropa, bħal rotot transreġjonali tat-traffikar tal-armi tan-nar, u l-migrazzjoni irregolari minħabba l-instabbiltà f'pajjiżi tal-Kontinent Amerikan.

L-objettivi, l-attivitajiet, u l-eżiti mistennija ta' dan il-proġett huma allinjati mill-qrib mal-għanijiet u l-approċċ tal-Istrateġija tal-UE “Aktar Sigurtà fuq l-Armi Biex Nipproteġu liċ-Ċittadini”  (6), filwaqt li titqies perspettiva multilaterali biex jitrawwem djalogu fir-reġjuni kollha tad-dinja. Permezz ta' sħubija mal-OAS, din l-inizjattiva ser tkompli toħloq sinerġiji bejn l-UE u l-OAS u, b'estensjoni, bejn l-Ewropa u l-Kontinent Amerikan biex jitnaqqsu l-vjolenza bl-armi u l-attività kriminali. B'mod speċifiku, din l-Azzjoni ser tagħti prominenza lill-ħidma tal-Unjoni Ewropea fir-reġjun billi tipprovdi appoġġ immirat lil pajjiżi milquta severament mill-proliferazzjoni, l-akkumulazzjoni eċċessiva, u t-traffikar tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW).

Il-Fażi III tirrifletti l-prijoritajiet tal-Istrateġija tal-UE li ġejjin:

 

It-Tisħiħ tal-Qafas Normattiv: L-attivitajiet tal-Objettiv 1 għandhom l-għan li jiżguraw li l-pajjiżi jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni tagħhom mal-istandards internazzjonali u jkollhom l-għodod meħtieġa biex jimplimentaw trattati u konvenzjonijiet internazzjonali.

 

Kontrolli fuq l-Esportazzjoni ta' Armi tan-Nar u l-Munizzjon Tagħhom: L-Objettiv 3 jippromwovi sistemi nazzjonali tal-liċenzji u mekkaniżmi tal-komunikazzjoni reġjonali dwar it-trasferimenti leċiti tal-armi tan-nar u tal-munizzjon, waqt li jindirizza l-importanza tal-kontroll tal-kummerċ legali biex jiġu evitati devjazzjonijiet lejn is-suq illeċitu.

 

Ġestjoni Sigura tal-Ħażna tas-SALW u l-Munizzjon: L-Objettiv 3 jinkludi attivitajiet li jiffokaw fuq il-PSSM, inkluż it-taħriġ ta' uffiċjali, u assistenza teknika u materjali mogħtija biex itejbu prattiki u faċilitajiet, f'konformità mal-istandards internazzjonali bħall-MOSAICS u l-IATGs.

 

Rimi Responsabbli ta' SALW u l-Munizzjon Tagħhom: L-Objettiv 3 jinkludi wkoll taħriġ, assistenza materjali, superviżjoni u ċertifikazzjoni tal-proċessi ta' qerda tal-armi tan-nar u l-munizzjon għall-pajjiżi li jeħtieġu tali appoġġ.

 

Kwistjonijiet Trażversali: Fl-objettivi kollha, l-Azzjoni tippromwovi soluzzjonijiet komprensivi biex tindirizza t-traffikar tal-armi tan-nar, tinkorpora kwistjonijiet trażversali bħar-reazzjoni għal kwistjonijiet tal-ġeneru u l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni.

 

Din l-Azzjoni hija allinjata wkoll mal-Pjan ta' azzjoni 2020-2025 tal-UE dwar it-traffikar tal-armi tan-nar, li jistabbilixxi erba' prijoritajiet:

 

Is-Salvagwardja tas-Suq Leċitu u l-Limitazzjoni tad-Devjazzjoni: L-attivitajiet u r-riżultati mistennija għandhom l-għan li jnaqqsu d-devjazzjonijiet minn utenti awtorizzati statali u mhux statali permezz ta' assistenza teknika fuq il-PSSM, l-immarkar u l-qerda.

 

Il-Bini ta' Stampa ta' Intelligence Aħjar: L-istrateġija komprensiva ta' traċċar promossa f'din l-Azzjoni ser ittejjeb l-effettività tal-azzjonijiet li jindirizzaw it-traffikar tal-armi tan-nar mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi.

 

Żieda fil-Pressjoni fuq Swieq Kriminali: Billi tindirizza t-traffikar illeċitu tas-SALW u ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-infurzar tal-liġi, din l-Azzjoni tikkontribwixxi għal pressjoni dejjem akbar fuq is-swieq kriminali.

 

It-Tisħiħ tal-Kooperazzjoni Internazzjonali: Din l-Azzjoni ssaħħaħ l-appoġġ offrut lill-Kontinent Amerikan u tespandi l-aġenda ta' kooperazzjoni internazzjonali tal-UE. Ir-reġjun tal-Kontinent Amerikan huwa milqut b'mod sinifikanti mill-vjolenza relatata mal-armi tan-nar, li qed tipperikola s-sigurtà u qed ikollha konsegwenzi detrimentali mad-dinja kollha, fost l-oħrajn fuq ir-rotot transreġjonali tat-traffikar tal-armi tan-nar u l-migrazzjoni irregolari minħabba l-instabbiltà reġjonali.

Billi jindirizza dawn il-prijoritajiet, il-proġett jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-vjolenza relatata mal-armi tan-nar fil-Kontinent Amerikan u jsaħħaħ is-sigurtà reġjonali u internazzjonali, filwaqt li juri l-impenn tal-UE li trawwem l-istabbiltà u s-sikurezza fir-reġjuni kollha.

12.   Rappurtar

Id-DPS tal-OAS ser iħejji rapporti regolari, f'konformità mal-Ftehim ta' Delega nnegozjat.


(1)  UNODC, Global Study on Homicide (Studju Globali dwar l-Omoċidji). 2023. https://www.unodc.org/documents/data-and-analysis/gsh/2023/GSH23_ExSum.pdf

(2)  UNODC, Global Study on Homicide (Studju Globali dwar l-Omoċidji). 2019. https://www.unodc.org/unodc/en/data-and-analysis/global-study-on-homicide.html

(3)  UNODC, Global Study on Homicide (Studju Globali dwar l-Omoċidji). 2023. https://www.unodc.org/documents/data-and-analysis/gsh/2023/GSH23_ExSum.pdf

(4)   “27. Li l-SMS jintalab, permezz tad-DPS u fil-qafas tal-Programm ta' Assistenza dwar il-Kontroll tal-Armi u l-Munizzjon (PACAM), li huwa programm volontarju: a) jappoġġa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali tal-Amerka Ċentrali għall-Prevenzjoni tal-Proliferazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta' Armi tan-Nar u Munizzjon f'koordinazzjoni mas-SICA u ċ-Ċentru Reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Paċi, id-Diżarm u l-Iżvilupp fl-Amerka Latina u fil-Karibew (UNLIREC), inkluż il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' segwitu biex jiġi mmonitorjat il-progress u tiġi promossa koordinazzjoni effettiva fost il-gvernijiet, is-sħab ta' implimentazzjoni u d-donaturi;” (AG/RES. 3009 – LIII-O/23, adottata fit-23 ta' Ġunju 2023)

(5)   “Aktar Sigurtà fuq l-Armi Biex Nipproteġu liċ-Ċittadini”: Strateġija tal-UE kontra l-Armi tan-Nar, Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir Illeċiti u l-Munizzjon Tagħhom, adottata mill-Kunsill fid-19 ta' Novembru 2018

(6)   “Aktar Sigurtà fuq l-Armi Biex Nipproteġu liċ-Ċittadini”: Strateġija tal-UE kontra l-Armi tan-Nar, Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir Illeċiti u l-Munizzjon Tagħhom, adottata mill-Kunsill Ewropew fid-19 ta' Novembru 2018


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1451/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)