|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1448 |
16.7.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1448
tal-15 ta’ Lulju 2025
li jniedi investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1259 fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja permezz ta’ importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet mhux bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,
Wara li infurmat lill-Istati Membri,
Billi:
A. TALBA
|
(1) |
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin ta’ ħadid fondut malleabbli li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja u biex tagħmel l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet mhux bil-kamin ta’ ħadid fondut malleabbli li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni. |
|
(2) |
It-talba ġiet ippreżentata fit-2 ta’ Ġunju 2025 mill-Kumitat tad-Difiża Ad Hoc tal-Fittings Fonduti ta’ Tubi jew ta’ Pajpijiet ta’ Ħadid Fondut Malleabbli tal-Unjoni Ewropea. |
B. PRODOTT
|
(3) |
Il-prodott ikkonċernat miċ-ċirkomvenzjoni possibbli huwa fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ħadid fondut bil-grafit sferojdali, esklużi komponenti ta’ fittings ta’ kompressjoni bl-użu tal-kamin metriku ISO DIN 13; kaxxi tal-ħadid malleabbli bil-kamin ċirkolari mingħajr għatu fejn jingħaqdu l-kejbils; tees li jikklampjaw tal-ħadid duttili bl-issiġillar tal-lastiku u toqba tal-iżbokk; tappijiet tal-ħadid duttili skanalati għall-użu fuq pajpijiet tal-azzar skanalati bi żbokk bil-kamin; riduċenti tal-ħadid duttili bil-kamin fit-tarf; tees riduċenti tal-ħadid duttili skanalati bi żbokk bil-kamin; u kullari tal-ħadid duttili għall-ibblankjar mingħajr żbokki bil-kamin użati biex jissiġillaw toqba f’tubu jew f’pajp, ikklassifikati fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1259 (2) taħt il-kodiċi NM ex 7307 19 10 (il-kodiċi TARIC 7307 19 10 10 u 7307 19 10 20) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja (“il-prodott ikkonċernat”). Dan huwa l-prodott li għalih japplikaw il-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa. |
|
(4) |
Il-prodott taħt investigazzjoni għal ċirkomvenzjoni possibbli huwa fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet mhux bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet TARIC 7307 19 10 35 u 7307 19 10 45 (“il-prodott taħt investigazzjoni”). |
C. MIŻURI EŻISTENTI
|
(5) |
Il-miżuri li huma fis-seħħ attwalment u li possibbilment qiegħed ikun hemm iċ-ċirkomvenzjoni tagħhom huma miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1259 (“il-miżuri eżistenti”). |
D. RAĠUNIJIET
|
(6) |
It-talba fiha provi biżżejjed li qiegħed ikun hemm ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat permezz ta’ importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni. |
|
(7) |
L-evidenza fit-talba turi dan li ġej. |
|
(8) |
Saret bidla fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina lejn l-Unjoni wara l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq il-prodott ikkonċernat. It-talba tipprovdi evidenza li l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fil-mira tal-miżuri eżistenti ġew sostitwiti sa ċertu punt mill-esportazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni. |
|
(9) |
Din il-bidla tidher li ġejja minn prattika, jiġifieri l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ/tlestija ta’ parts Ċiniżi fl-Unjoni u l-bejgħ sussegwenti tal-prodotti simili assemblati/kompluti fis-suq tal-Unjoni li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju. L-evidenza turi li tali operazzjonijiet ta’ assemblaġġ/tlestija jikkostitwixxu ċirkomvenzjoni peress li l-operazzjonijiet żdiedu sostanzjalment minn, jew eżatt qabel, il-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri eżistenti. Barra minn hekk, il-parts mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jikkostitwixxu aktar minn 60 % tal-valur totali tal-parts tal-prodott assemblat/lest u l-valur miżjud mal-parts miġjuba matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ/tlestija huwa inqas minn 25 % tal-kost tal-manifattura. |
|
(10) |
Barra minn hekk, l-evidenza turi li minħabba l-prattiki deskritti hawn fuq, l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qegħdin jiddgħajfu kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll f’termini ta’ prezzijiet. Jidher li daħlu volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni fis-suq tal-UE. Barra minn hekk, hemm biżżejjed evidenza li l-prezzijiet tal-prodott simili assemblat/komplut huma ta’ ħsara. |
|
(11) |
Fl-aħħar nett, l-evidenza turi li l-prezzijiet tal-prodott simili assemblat/lest fl-Unjoni huma oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat. |
|
(12) |
Fl-eventwalità li l-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, differenti minn dawk imsemmija hawn fuq, jiġu identifikati matul l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri dawn il-prattiki wkoll. |
E. PROĊEDURA
|
(13) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni soġġetti għal reġistrazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. |
|
(14) |
Sabiex jiksbu l-informazzjoni meħtieġa għal din l-investigazzjoni, jenħtieġ li l-partijiet interessati kollha jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, iżda mhux aktar tard mil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. Il-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha. Jekk ikun meħtieġ, jista’ wkoll jintalab tagħrif mingħand l-industrija tal-Unjoni. |
|
(15) |
L-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ġew notifikati bil-bidu tal-investigazzjoni. |
(a) Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza
|
(16) |
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew data lill-Kummissjoni li tkun soġġetta għal drittijiet tal-awtur ta’ terzi, il-partijiet interessati jridu jitolbu permess speċifiku mingħand id-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti espliċitament (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment ta’ difiża tal-kummerċ u (b) li tingħata l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermetti li jeżerċitaw id-dritt tad-difiża tagħhom. |
|
(17) |
Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, kwestjonarji mimlija u korrispondenza pprovduta minn partijiet interessati li jintalab trattament kunfidenzjali għaliha, għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive (3)”. Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali. |
|
(18) |
Il-partijiet li jagħtu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li se jiġu mmarkati “For inspection by interested parties”. Jenħtieġ li dawn is-sommarji jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tkun tinftiehem b’mod raġonevoli. |
|
(19) |
Meta parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tfassalx sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta. |
|
(20) |
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi talbiet biex jiġu rreġistrati bħala partijiet interessati, dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni. |
|
(21) |
Sabiex ikollhom aċċess għal TRON.tdi, il-partijiet interessati jeħtieġ ikollhom kont tal-EU Login. L-istruzzjonijiet kollha dwar kif wieħed jirreġistra u juża TRON.tdi jinsabu fuq https://webgate.ec.europa.eu/tron/resources/documents/gettingStarted.pdf. Il-partijiet interessati, meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (Korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea f’każijiet ta’ difiża tal-kummerċ) ippubblikat fis-sit tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3. |
|
(22) |
Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jagħtu jkun indirizz kummerċjali uffiċjali tal-posta elettronika li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmijin hawn fuq. |
|
(23) |
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
TRON.tdi: https://webgate.ec.europa.eu/tron/tdi Posta elettronika: TRADE-R838-MTF@ec.europa.eu |
(b) Ġbir ta’ informazzjoni u seduti ta’ smigħ
|
(24) |
Il-partijiet interessati kollha inkluż l-industrija tal-Unjoni, l-importaturi u kwalunkwe assoċjazzjoni rilevanti huma mistiedna jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dment li dawn is-sottomissjonijiet isiru fi żmien l-iskadenza prevista fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, dment li jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn jenħtieġ li jinstemgħu. |
(c) Talbiet għal eżenzjonijiet
|
(25) |
F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni jistgħu jiġu eżentati mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tkunx tikkostitwixxi ċirkomvenzjoni. |
|
(26) |
Billi ċ-ċirkomvenzjoni possibbli sseħħ fl-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lill-importaturi tal-prodott taħt investigazzjoni li jistgħu juru li mhumiex involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif definit fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Jekk ikun hemm produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni jenħtieġ li jippreżentaw ruħhom fil-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament. Kopji tal-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-formola tat-talba għal eżenzjoni għall-importaturi jew il-kumpaniji li jwettqu operazzjonijiet ta’ assemblaġġ/tlestija fl-Unjoni huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2804. Il-kwestjonarji jridu jiġu ppreżentati fil-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. |
F. REĠISTRAZZJONI
|
(27) |
Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk mill-investigazzjoni jirriżulta li tkun ikkonstatata ċirkomvenzjoni, ikun jista’ jiġi impost ammont xieraq ta’ dazji anti-dumping, li ma jaqbiżx id-dazju residwu impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1259, mid-data li fiha tkun ġiet imposta r-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet. |
G. LIMITI TA’ ŻMIEN
|
(28) |
Sabiex ikun hemm amministrazzjoni tajba, jenħtieġ li jiġu ddikjarati l-limiti ta’ żmien li fihom:
|
|
(29) |
Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċitar tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-partijiet jippreżentaw lilhom infushom fil-limiti ta’ żmien indikati fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. |
H. NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI
|
(30) |
Jekk xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti ta’ skadenza stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. |
|
(31) |
Jekk jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet tagħrif falz jew qarrieq, it-tagħrif ma għandux jitqies u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. |
|
(32) |
Meta parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għaldaqstant is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat. |
I. SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI
|
(33) |
L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament. |
J. PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI
|
(34) |
Ta’ min jinnota li kull data personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
|
(35) |
Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W. |
K. UFFIĊJAL TAS-SEDUTA
|
(36) |
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għall-proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment. |
|
(37) |
L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ jsiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu. |
|
(38) |
Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u bla dewmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-oqfsa ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet ikunu saru tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin. |
|
(39) |
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ KUMMERĊ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_mt, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Qed tinbeda investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet mhux bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet TARIC 7307 19 10 35 u 7307 19 10 45 humiex qed jevitaw il-miżuri imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1259.
Artikolu 2
1. L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.
2. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
1. Il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
2. Biex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jiġu kkunsidrati waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju, talbiet għal eżenzjonijiet, jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
3. Il-partijiet interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum. Għal seduti ta’ smigħ li jikkonċernaw il-fażi tal-bidu tal-investigazzjoni t-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(2) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1259 tal-24 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew ta’ pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli u ta’ ħadid fondut bil-grafit sferojdali, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Tajlandja, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 197, 25.7.2019, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1259/oj).
(3) Dokument “ Sensitive ” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1049/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1448/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)