European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1430

17.7.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1430

tat-8 ta’ Lulju 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar l-emenda tal-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim ŻEE (RED II)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim ŻEE.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/759 (3) u d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jenħtieġ li jiġu inkorporati fil-Ftehim ŻEE.

(4)

Diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jeħtieġu adattamenti sostantivi li jirriflettu l-ispeċifiċitajiet tal-Ftehim ŻEE u tal-Istati tal-EFTA.

(5)

Peress li l-mira vinkolanti tal-Unjoni dwar l-enerġija rinnovabbli ma tapplikax għall-Istati tal-EFTA, il-mira tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jenħtieġ li ma tapplikax għall-Istati tal-EFTA. Għaldaqstant, dak l-Artikolu ġie adattat kif xieraq. Madankollu, l-Istati tal-EFTA jistabbilixxu b’mod volontarju l-miri indikattivi nazzjonali tagħhom għall-enerġija rinnovabbli, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tal-Istati tal-EFTA mehmuża mad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Konsegwentement, jenħtieġ li l-Istati tal-EFTA la jkunu parti mill-pjattaforma tal-Unjoni għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u lanqas jipparteċipaw fi trasferimenti ta’ statistika mal-Istati Membri. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 ma japplikax għall-Istati tal-EFTA.

(6)

Minħabba l-pożizzjoni ġeografika remota tal-Iżlanda u l-isfidi relatati mal-kalkolu tal-konsum finali gross tal-enerġija fir-rigward tal-ammont ta’ enerġija kkunsmata fl-avjazzjoni, l-istess livell limitu bħal dak mogħti lil Ċipru u lil Malta fl-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jenħtieġ li japplika għall-Iżlanda.

(7)

Fir-rigward tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, jenħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tqis l-obbligi partikolari tan-Norveġja li tikkonsulta mal-poplu Sami, sabiex jiġi żgurat li l-perjodi ta’ żmien għall-proċess tal-għoti tal-permessi msemmija fl-Artikolu 16(4), (5) u (6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jkunu jistgħu jiġu estiżi sa sena.

(8)

L-Istati tal-EFTA jenħtieġ li jsegwu l-politika tal-Unjoni fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku ta’ garanziji tal-oriġini ma’ pajjiżi terzi stabbilita fl-Artikolu 19(11) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Għaldaqstant, jenħtieġ li ma jirrikonoxxux il-garanziji tal-oriġini maħruġa minn pajjiż terz sakemm l-Unjoni ma tkunx ikkonkludiet ftehim ma’ dak il-pajjiż terz, u sakemm il-kriterji stabbiliti f’dak l-Artikolu ma jkunux ġew issodisfati. Għaldaqstant, l-Artikolu 19(11) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 ġie adattat skont dan.

(9)

Peress li n-Norveġja u l-Iżlanda għandhom ishma ta’ elettriku rinnovabbli għoljin u n-Norveġja tuża dak l-elettriku b’mod predominanti għal skopijiet ta’ tisħin filwaqt li l-Iżlanda tkopri d-domanda tagħha għat-tisħin minn sorsi ġeotermali rinnovabbli jew minn elettriku rinnovabbli, huwa xieraq li jiġu adattati l-metodi ta’ kalkolu relatati mal-integrazzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ stabbiliti fl-Artikolu 23 tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

(10)

Barra minn hekk, bħalissa ma huwiex possibbli li l-Liechtenstein japplika l-Artikoli 25 sa 31 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar l-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport u r-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà għall-fjuwils rinnovabbli, peress li l-politika dwar il-fjuwils hija rregolata fl-unjoni reġjonali tal-Liechtenstein mal-Iżvizzera. Għaldaqstant, jenħtieġ li tingħata deroga temporanja lil-Liechtenstein, filwaqt li jitqies li f’dik l-unjoni reġjonali tapplika sistema ta’ żieda fil-bijofjuwils ibbażata fuq mekkaniżmu ta’ kumpens tas-CO2 b’mira ta’ 23 % applikabbli mill-2024. Id-deroga jenħtieġ li tapplika biss sakemm id-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata bid-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tkun ġiet inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(11)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Anness IV (Enerġija) għall-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan.

(12)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni mehmuża,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Anness IV (Enerġija) għall-Ftehim ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LOSE


(1)   ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1994/2894/oj.

(2)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1994/1/oj.

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/759 tal-14 ta’ Diċembru 2021 li jemenda l-Anness VII tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont ta’ enerġija rinnovabbli użata għat-tkessiħ u għat-tkessiħ distrettwali, (ĠU L 139, 18.5.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/759/oj).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82, kif korretta bil-ĠU L 311, 25.9.2020, p. 11ĠU L 41, 22.2.2022, p. 37.

(5)  Id-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 u d-Direttiva 98/70/KE fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2413/oj).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru …

ta’ …

li temenda l-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/759 tal-14 ta’ Diċembru 2021 li jemenda l-Anness VII tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont ta’ enerġija rinnovabbli użata għat-tkessiħ u għat-tkessiħ distrettwali (1) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (2), kif korretta bil-ĠU L 311, 25.9.2020, p. 11ĠU L 41, 22.2.2022, p. 37, għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(3)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tħassar id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li hija inkorporata fil-Ftehim ŻEE u li konsegwentement għandha titħassar skont il-Ftehim ŻEE.

(4)

L-Istati tal-EFTA ma humiex inklużi fil-mira ġenerali vinkolanti tal-Unjoni fis-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-Unjoni fl-2030. L-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jenħtieġ li japplika għall-Istati tal-EFTA ħlief għad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 3(1), 3(5) u 3(6) ta’ dik id-Direttiva. Minflok, l-Istati tal-EFTA jenħtieġ li jistabbilixxu miri indikattivi nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli għall-2030 u konsegwentement ma japplikawx l-Artikolu 8 dwar il-pjattaforma tal-Unjoni għall-iżvilupp ta’ sorsi rinnovabbli u t-trasferimenti tal-istatistika. Dan ma jipprekludix il-possibbiltà għal negozjati bejn l-Istati tal-EFTA u l-Unjoni fil-futur fir-rigward tal-kooperazzjoni dwar il-miri tal-enerġija rinnovabbli wara l-2030.

(5)

L-Istati tal-EFTA jistgħu japplikaw skemi ta’ appoġġ skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 għall-fini li jilħqu jew jaqbżu l-miri indikattivi nazzjonali rispettivi tagħhom għall-enerġija rinnovabbli.

(6)

L-Artikolu 7(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jipprevedi eżenzjonijiet għal Ċipru u għal Malta fil-forma ta’ limitu aktar baxx fir-rigward tal-kalkolu tal-konsum finali gross tal-enerġija, b’rabta mal-ammont ta’ enerġija kkunsmata fl-avjazzjoni. L-Iżlanda hija gżira remota u bejnha u l-pajjiżi ġirien hemm distanzi twal. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni ġeografika speċifika, jenħtieġ li l-istess limitu li japplika għal Ċipru u għal Malta japplika wkoll għall-Iżlanda.

(7)

F’każijiet fejn in-Norveġja jkollha d-dmir li tikkonsulta lill-poplu Sami, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-perjodi ta’ żmien għall-proċess tal-għoti tal-permessi msemmija fl-Artikolu 16(4), 16(5) u 16(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jkunu jistgħu jiġu estiżi sa sena.

(8)

Kemm in-Norveġja u l-Iżlanda għandhom sehem għoli ta’ elettriku rinnovabbli. Fil-parti l-kbira, in-Norveġja tuża l-elettriku rinnovabbli għal skopijiet ta’ tisħin, filwaqt li l-Iżlanda tkopri parti kbira mid-domanda tagħha għat-tisħin minn sorsi ġeotermali rinnovabbli u tuża l-elettriku rinnovabbli fil-każi fejn is-sorsi ġeotermali ma jkunux disponibbli. Għaldaqstant huwa xieraq li l-metodi ta’ kalkolu relatati mal-integrazzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ fid-Direttiva (UE) 2018/2001 fir-rigward tal-Istati tal-EFTA jiġu adattati.

(9)

Fid-dawl tal-unjoni reġjonali bejn il-Liechtenstein u l-Iżvizzera, li fiha l-fjuwils huma rregolati mill-awtoritajiet Żvizzeri u fornuti minn entitajiet Żvizzeri, u minħabba li dan huwa l-uniku sors ta’ provvisti ta’ fjuwils tat-trasport fil-Liechtenstein, huwa xieraq li tingħata deroga temporanja mill-Artikoli 25–31 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 li jistipulaw ir-regoli dwar l-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport u regoli dwar is-sostenibbiltà tal-fjuwils rinnovabbli. Il-Liechtenstein isegwi s-sistema tal-Iżvizzera li żżid il-bijofjuwils abbażi ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens tas-CO2, li huwa ambizzjuż daqs l-effetti tas-sostituzzjoni u tal-iffrankar fil-miri tal-bijokarburanti. L-emissjonijiet tas-CO2 minn fjuwil għall-vetturi b’magna tal-kombustjoni jridu jiġu kkumpensati minn miżuri domestiċi u miżuri barranija. L-Artikolu 37 tal-Ordinanza tas-CO2 tal-Liechtenstein (LR 814.065.1) u l-Artikoli 9 u 10 tal-Att dwar is-CO2 (LR 814.065) jistipulaw li mill-2024 iridu jiġu kkumpensati 23 % tal-emissjonijiet tas-CO2. Dik id-deroga jenħtieġ li tapplika għad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif kienet fis-seħħ qabel l-emenda bid-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 (4). Dik id-deroga hija strettament limitata fiż-żmien u jenħtieġ li tapplika biss dment li jintlaħaq ftehim dwar l-inkorporazzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata bid-Direttiva (UE) 2023/2413 fil-Ftehim ŻEE. Ftehim jenħtieġ li jitqies li ntlaħaq ladarba d-Direttiva (UE) 2018/2001, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2023/2413, tkun ġiet inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(10)

Il-Liechtenstein ġie eżentat mir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (5) minħabba li ma jistax jagħti data oriġinali dwar “il-konsum tal-enerġija primarja” jew “il-konsum finali tal-enerġija”. Il-Liechtenstein jista’ jirriformatja d-data statistika nazzjonali fid-data dwar il-konsum tal-enerġija primarja u fil-konsum finali tal-enerġija meta dan ikun meħtieġ skont id-Direttiva (UE) 2018/2001.

(11)

Għaldaqant, jenħtieġ li l-Anness IV tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-test tal-punt 41 (id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness IV għall-Ftehim ŻEE huwa sostitwit b’dan li ġej:

32018 L 2001: Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82), kif korretta bil-ĠU L 311, 25.9.2020, p. 11ĠU L 41, 22.2.2022, p. 37, kif emendata minn:

32022 R 0759: Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/759 tal-14 ta’ Diċembru 2021 (ĠU L 139, 18.5.2022, p. 1).

Id-deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent ta’ skemi volontarji għat-turija tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà fid-Direttivi 98/70/KE u (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li huma msemmija fil-Kapitolu XVII tal-Anness II.

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

L-Artikoli 3(1), 3(5), 3(6), 5(4), 5(5) u 8 ma għandhomx japplikaw għall-Istati tal-EFTA.

(b)

Fl-Artikolu 3:

(i)

fil-paragrafu 2 għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

‘Kull Stat tal-EFTA għandu jistabbilixxi mira indikattiva nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli espressa bħala sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija fl-2030, bħala parti mill-pjan nazzjonali integrat rispettiv tiegħu dwar l-enerġija u l-klima f’konformità mal-Artikoli 3 sa 5 u 9 sa 14 tar-Regolament (UE) 2018/1999. Fit-tħejjija tal-abbozz tal-pjanijiet integrati nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima, l-Istati tal-EFTA jistgħu jqisu l-formola msemmija fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament.’

;

(ii)

fil-paragrafu 4 għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

‘Mill-1 ta’ Jannar 2026, is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli mill-konsum finali gross tal-enerġija ta’ kull Stat Membru ma għandux ikun anqas mis-sehem bażi fit-tielet kolonna tat-tabella fil-Parti A tal-Anness I. L-Istati tal-EFTA għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw il-konformità ma’ dak is-sehem bażi.’

;

(c)

Fl-Artikolu 4:

(i)

fil-paragrafu 1, għandha tiżdied is-sentenza li ġejja:

‘Sabiex l-Istati tal-EFTA jilħqu jew jaqbżu l-miri indikattivi nazzjonali rispettivi tagħhom għall-enerġija rinnovabbli stabbiliti fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-Direttiva, l-Istati tal-EFTA jistgħu japplikaw skemi ta’ appoġġ.’

;

(ii)

fil-paragrafu 3, il-kliem ‘il-liġi tal-Unjoni applikabbli dwar is-suq intern tal-elettriku’ għandu jiġi sostitwit bil-kliem ‘il-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern għall-elettriku applikabbli skont il-Ftehim ŻEE’.

(d)

Fl-Artikolu 5(2), il-kliem ‘il-liġi tal-Unjoni fis-suq intern tal-elettriku’ għandu jiġi sostitwit bil-kliem ‘il-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern tal-elettriku applikabbli skont il-Ftehim ŻEE’.

(e)

Fl-Artikoli 4 (9), 6 (1), 21 (7) u 22 (7), il-kliem ‘l-Artikoli 107 u 108 TFUE’ għandu jiġi sostitwit b’ ‘l-Artikoli 61 u 62 tal-Ftehim ŻEE’.

(f)

Fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(5), il-kelma ‘, l-Iżlanda’ għandha tiddaħħal wara l-kelma ‘Ċipru’.

(g)

Fl-Artikolu 16(4) u (5), il-kliem ‘, jew fejn in-Norveġja għandha d-dmir li tikkonsulta lill-poplu Sami’ għandhom jiddaħħlu wara l-kliem ‘ċirkostanzi straordinarji’.

(h)

Fl-Artikolu 16(6), il-kliem ‘, jew fejn in-Norveġja għandha d-dmir li tikkonsulta lill-poplu Sami,’ għandhom jiddaħħlu wara l-kelma ‘installazzjoni’.

(i)

Fl-Artikolu 19(11), għandhom jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

‘L-Istati tal-EFTA ma għandhomx jirrikonoxxu garanziji tal-oriġini li jinħarġu minn pajjiżi terzi ħlief meta l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehim ma’ dak il-pajjiż terz dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-garanziji tal-oriġini maħruġa mill-Unjoni u garanziji għas-sistemi ta’oriġini kompatibbli stabbiliti f’dak il-pajjiż terz, u l-Istati tal-EFTA jkunu kkonkludew ftehim li jkun sostanzjalment ekwivalenti għal dak il-pajjiż terz, u meta ssir importazzjoni jew esportazzjoni diretta ta’ enerġija biss.

L-Istati tal-EFTA għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkonkludu l-ftehimiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu.’

(j)

Fl-Artikolu 19(12) u 36(3), il-kliem ‘liġi tal-Unjoni’ għandu jiġi sostitwit bil-kliem ‘Ftehim taż-ŻEE’.

(k)

Fl-Artikolu 20(3), il-kliem ‘jew, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-mira indikattiva nazzjonali rispettiva tagħhom għall-enerġija rinnovabbli stabbilita f’konformità mal-Artikolu 3(2)’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘mira tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva’.

(l)

Fl-Artikolu 23(1), il-kliem ‘u kkalkulat skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 7, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu’ ma għandux japplika għall-Istati tal-EFTA.

(m)

Fl-Artikolu 23(2)(b), il-kliem ‘jew, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, fejn is-sehem ta’ enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin u tat-tkessiħ huwa ogħla minn 60 %, jista’ jgħodd kwalunkwe tali sehem bħala li jissodisfa ż-żieda annwali medja’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘iż-żieda annwali medja’.

(n)

Fl-Artikolu 29(1)(a), il-kliem ‘il-kontribut lejn il-mira tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu Artikolu 3(1) u’ ma għandux japplika għall-Istati tal-EFTA.

(o)

L-Artikoli 25 sa 31 ma għandhomx japplikaw għal-Liechtenstein sakemm tiġi inkorporata d-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata bid-Direttiva (UE) 2023/2413 fil-Ftehim ŻEE.

(p)

Dan li ġej għandu jiżdied mat-tabella fil-punt A tal-Anness I:

 

Is-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija, 2005 (S200 S20055)

Il-mira tas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali ta’ enerġija, 2020 (S2020)

‘l-Iżlanda

55,0  %

64 %

in-Norveġja

58,2  %

67,5  %

il-Liechtenstein

7 %

24 %’

(q)

Fil-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 6 tal-Anness IV, il-kliem ‘il-liġi nazzjonali u tal-Unjoni’ għandu jiġi sostitwit b’ ‘il-liġi u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli skont il-Ftehim ŻEE’.”

Artikolu 2

It-testi tar-Regolament Delegat (UE) 2022/759 u d-Direttiva (UE) 2018/2001, kif korretti bil-ĠU L 311, 25.9.2020, p. 11ĠU L 41, 22.2.2022, p. 37, bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi …, bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE tas-Suppliment taż-ŻEE tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi …, ….

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)   ĠU L 139, 18.5.2022, p. 1.

(2)   ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.

(3)   ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(4)   ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/2413/oj.

(5)   ĠU L 304, 14.11.2008, p. 1.

(*1)  [Ma huma indikati ebda rekwiżiti kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]


Dikjarazzjoni mill-Istati tal-EFTA għad-Deċiżjoni Nru …

li tinkorpora d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-Ftehim

[għall-adozzjoni mad-Deċiżjoni u għall-pubblikazzjoni fil-ĠU]

L-inkorporazzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-Ftehim ŻEE testendi l-qafas regolatorju komuni għall-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli għall-Istati tal-EFTA. L-Istati tal-EFTA mhumiex inklużi fil-mira ewlenija tal-UE għall-enerġija rinnovabbli. Madankollu, l-Istati tal-EFTA stabbilew il-miri nazzjonali indikattivi rispettivi li ġejjin għall-enerġija rinnovabbli:

l-Iżlanda stabbiliet mira indikattiva nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli espressa bħala sehem mill-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija ta’ 80 % fl-2030. Il-mira nazzjonali Iżlandiża għall-enerġija rinnovabbli hija bbażata fuq l-analiżi u t-tbassir tal-Aġenzija Iżlandiża għall-Ambjent u l-Enerġija (UOS) lejn l-2030. Is-setturi għall-elettriku u t-tisħin fl-Iżlanda huma bbażati fuq sorsi ta’ enerġija 100 % rinnovabbli ta’ enerġija idroelettrika u ġeotermali. Il-mira indikattiva Iżlandiża għall-enerġija rinnovabbli għall-2030 hija sittax-il punt perċentwali ogħla mill-mira nazzjonali għas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija fl-2020.

Fis-6 ta’ Novembru 2020, il-Parlament tal-Liechtenstein (Landtag) adotta l-Istrateġija tal-Enerġija tiegħu għall-2030 li tistabbilixxi mira nazzjonali ta’ 30 % għas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Dan l-għan huwa segwit kif ġej: Madwar 17 % minn sorsi domestiċi ta’ enerġija rinnovabbli (primarjament fotovoltajċi u, fejn possibbli, enerġija mir-riħ u, fuq skala iżgħar, bijomassa) u madwar 13 % minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli importati (e-fjuwils, idroġenu rinnovabbli). Ir-rappurtar dwar il-kisba tal-objettivi jsir kull sena (bħala parti minn rapport ta’ monitoraġġ għall-attenzjoni tal-Parlament tal-Liechtenstein).

In-Norveġja stabbiliet mira indikattiva nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli espressa bħala sehem mill-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija ta’ 77,5 % fl-2030. Il-mira nazzjonali Norveġiża għall-enerġija rinnovabbli hija bbażata fuq l-analiżi u t-tbassir tal-Aġenzija tal-Enerġija Norveġiża (NVE) lejn l-2030, u fuq valutazzjonijiet interni li saru mill-Ministeru tal-Enerġija Norveġiż. Il-punt tat-tluq tan-Norveġja huwa għoli ħafna peress li n-Norveġja daħlet fl-enerġija rinnovabbli minn kmieni. Fl-istess ħin, dan ifisser li diġà qed jintużaw l-aktar miżuri kosteffiċjenti u faċilment disponibbli. Il-mira indikattiva Norveġiża għall-enerġija rinnovabbli għall-2030 hija għaxar punti perċentwali ogħla mill-mira nazzjonali għas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija ta’ 67,5 % fl-2020.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1430/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)