|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1425 |
15.7.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/1425
tal-15 ta’ Lulju 2025
li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Russja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fis-27 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484 (1). |
|
(2) |
L-Unjoni tibqa’ soda fil-kundanna tagħha tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tar-repressjoni fir-Russja. Fis-27 ta’ Jannar 2025, il-Kunsill approva l-konklużjonijiet dwar il-prijoritajiet tal-UE fil-Fora tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-2025. L-Unjoni kkundannat is-soppressjoni ta’ vuċijiet kuntrarji, is-soċjetà ċivili, il-media indipendenti u l-gruppi stigmatizzati fil-Federazzjoni Russa u appellat għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha fir-Russja u biex tintemm il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni politika. |
|
(3) |
Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li seba’ persuni fiżiċi jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484. |
|
(4) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484 tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1484 tas-27 ta’ Mejju 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Russja (ĠU L, 2024/1484, 27.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1484/oj).
ANNESS
L-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/1484 taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”:
|
|
Isem |
Informazzjoni għall-identifikazzjoni |
Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
|
“48. |
Roman Viktorovich VLADIMIROV (Роман Викторович ВЛАДИМИРОВ) |
Imħallef tal-Qorti Militari tat-Tieni Distrett tal-Punent, Russja Data tat-twelid: 9.2.1987 Nazzjonalità: Russa Sess: raġel |
Roman Vladimirov, li serva bħala mħallef tal-Qorti Militari tat-Tieni Distrett tal-Punentt, ikkundanna lil Alexei Gorinov, eks deputat muniċipali fid-distrett ta’ Krasnoselsky ta’ Moska, għal tliet snin priġunerija f’kolonja stretta tar-reġim fuq akkużi politikament motivati talli esprima l-fehma tiegħu dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Alexei Gorinov ġie kkundannat skont l-Artikolu 205.2 tal-Kodiċi Kriminali tar-Russja, li jikkriminalizza ‘l-ġustifikazzjoni tat-terroriżmu’ u li jintuża spiss biex irażżan il-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni. Il-kundanna kienet ibbażata fuq kummenti li Alexei Gorinov għadda matul konverżazzjoni ma’ priġunieri fiċ-ċella tiegħu, fejn sempliċiment għaraf li l-Krimea hija territorju tal-Ukrajna u r-riġment Azov jagħmel parti mill-armata tal-Ukrajna. Il-konverżazzjoni nbdiet mill-priġunieri fiċ-ċella ta’ Alexei Gorinov u ġiet irrekordjata mill-uffiċjali tal-ħabs waqt li kien qed jiskonta l-kundanna preċedenti tiegħu ta’ 6 snin u 11-il xahar għall-istqarrijiet tiegħu kontra l-gwerra f’laqgħa muniċipali pubblika. Għalhekk Roman Vladimirov huwa responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fir-Russja. |
15.7.2025 |
|
49. |
Katerina Evgenievna KIRICHENKO Yekaterina Evgenievna KIRICHENKO (Катерина Евгеньевна КИРИЧЕНКО/ Екатерина Евгеньевна КИРИЧЕНКО) |
Imħallef tal-Qorti Distrettwali ta’ Presnensky, Moska Data tat-twelid: 1.11.1986 Nazzjonalità: Russa Sess: mara |
Katerina Kirichenko, li sservi bħala mħallef fil-Qorti Distrettwali ta’ Presnensky f’Moska, kienet involuta f’diversi kawżi ta’ prosekuzzjoni politikament motivata, u kienet responsabbli għall-impożizzjoni ta’ arrest preventiv arbitrarju u piena sproporzjonatament ħarxa. Fl-2022, Katerina Kirichenko ħadet sehem fil-prosekuzzjoni politikament motivata ta’ Alexei Gorinov, dak iż-żmien deputat muniċipali fid-distrett ta’ Krasnoselsky ta’ Moska, talli esprima l-fehma tiegħu dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna f’laqgħa muniċipali pubblika. Ordnat li Alexei Gorinov jinżamm taħt arrest preventiv mingħajr ma rrikorriet għal miżuri inqas restrittivi bħal arrest domiċiljari jew pleġġ, minkejja l-problemi tas-saħħa serji ħafna tiegħu, il-kundizzjonijiet ħżiena fiċ-ċentri ta’ detenzjoni tar-Russja, u minkejja l-fatt li huwa kien dak li prinċipalment jieħu ħsieb lil martu, li tbati minn mard kroniku. Il-Grupp ta’ Ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Detenzjoni Arbitrarja sab li d-detenzjoni ta’ Alexei Gorinov qed tikser id-drittijiet internazzjonali tal-bniedem, u għalhekk hija arbitrarja. L-użu skorrett tal-arrest preventiv minn Katerina Kirichenko f’kawżi politikament motivati huwa evidenti wkoll f’kawżi oħra. Ħarġet mandati ta’ arrest għal diversi parteċipanti fil-protesti tal-2019 f’Moska, minkejja li l-akkużi tagħhom kienu ta’ natura minuri. Barra minn hekk, fl-2022 Katerina Kirichenko kkundannat lil Daniil Tikhomirov għal piena sproporzjonatament ħarxa ta’ sena u nofs f’kolonja penitenzjarja talli aggredixxa lil uffiċjal tal-pulizija, wara li ġie mwaqqaf mill-pulizija għal kontroll talli xejjer bandiera kontra l-gwerra mill-karozza tiegħu. Għalhekk Katerina Kirichenko hija responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fir-Russja. |
15.7.2025 |
|
50. |
Larisa Tikhonovna MARTYNOVA (Лариса Тихоновна МАРТЫНОВА) |
Imħallef tal-Qorti tal-Belt ta’ Moska Data tat-twelid: 10.6.1964 Nazzjonalità: Russa Sess: mara |
Larisa Martynovna hija mħallef fil-Qorti tal-Belt ta’ Moska. Fl-2022, Larisa Martynova, bħala membru tal-bord ta’ mħallfin tal-appell tal-Qorti tal-Belt ta’ Moska, ikkundannat lil Alexei Gorinov, dak iż-żmien deputat muniċipali fid-distrett ta’ Krasnoselsky ta’ Moska, għal 6 snin u 11-il xahar f’kolonja ġenerali tar-reġim fuq akkużi politikament motivati talli esprima l-fehma tiegħu dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Qablet ukoll li tagħlaq is-seduta tal-qorti għall-pubbliku. Alexei Gorinov ġie kkundannat skont l-Artikolu 207.3 tal-Kodiċi Kriminali tar-Russja, li jikkriminalizza t-tixrid tal-hekk imsejħa ‘informazzjoni falza’ dwar il-forzi armati tar-Russja u li jintuża spiss biex irażżan il-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni. Il-kundanna kienet ibbażata fuq l-istqarrijiet ta’ Alexei Gorinov kontra l-gwerra f’laqgħa muniċipali pubblika. Waqt li kien qed jiskonta l-kundanna tiegħu, Alexei Gorinov kien soġġett għal trattament ħażin, fost oħrajn kura medika inadegwata minkejja kundizzjonijiet tas-saħħa serji ħafna, tqegħid fit-tul f’ċelli ta’ iżolament, u tiċħid mill-irqad. Għalhekk id-deċiżjoni ta’ Larisa Martynova mhux biss wasslet għall-inkarċerazzjoni inġusta ta’ Alexei Gorinov iżda rriżultat ukoll fi trattament jew kastig krudili, inuman u degradanti. Għalhekk Larisa Martynova hija responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fir-Russja. |
15.7.2025 |
|
51. |
Maksim Bronislavovich SOKOLOVSKIY (Максим Брониславович СОКОЛОВСКИЙ) |
Eks imħallef tal-Qorti tal-Belt ta’ Moska, mill-10 ta’ Mejju 2023 President tal-Qorti Distrettwali ta’ Khoroshevsky Data tat-twelid: 31.5.1977 Nazzjonalità: Russa Sess: raġel |
Bħala mħallef president tal-bord ta’ mħallfin tal-appell tal-Qorti tal-Belt ta’ Moska fl-2022, Maksim Sokolovskiy kkundanna lil Alexei Gorinov, dak iż-żmien deputat muniċipali fid-distrett ta’ Krasnoselsky ta’ Moska, għal 6 snin u 11-il xahar f’kolonja ġenerali tar-reġim fuq akkużi politikament motivati talli esprima l-fehma tiegħu dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Ordna wkoll li s-seduta tal-qorti tingħalaq għall-pubbliku. Alexei Gorinov ġie kkundannat skont l-Artikolu 207.3 tal-Kodiċi Kriminali tar-Russja, li jikkriminalizza t-tixrid tal-hekk imsejħa ‘informazzjoni falza’ dwar il-forzi armati tar-Russja u li jintuża spiss biex irażżan il-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni. Il-kundanna kienet ibbażata fuq l-istqarrijiet ta’ Alexei Gorinov kontra l-gwerra f’laqgħa muniċipali pubblika. Waqt li kien qed jiskonta l-kundanna tiegħu, Alexei Gorinov kien soġġett għal trattament ħażin, fost oħrajn kura medika inadegwata minkejja kundizzjonijiet tas-saħħa serji ħafna, tqegħid fit-tul f’ċelli ta’ iżolament, u tiċħid mill-irqad. Għalhekk id-deċiżjoni ta’ Maksim Sokolovskiy mhux biss wasslet għall-inkarċerazzjoni inġusta ta’ Alexei Gorinov iżda rriżultat ukoll fi trattament jew kastig krudili, inuman u degradanti. Għalhekk Maksim Sokolovskiy huwa responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fir-Russja. |
15.7.2025 |
|
52. |
Elena Leonidovna ZHURAVLEVA (Елена Леонидовна ЖУРАВЛËВА) |
Imħallef tal-Qorti tal-Belt ta’ Moska Data tat-twelid: 13.10.1976 Nazzjonalità: Russa Sess: mara |
Elena Zhuravleva, bħala membru tal-bord ta’ mħallfin tal-appell tal-Qorti tal-Belt ta’ Moska fl-2022, ikkundannat lil Alexei Gorinov, dak iż-żmien deputat muniċipali fid-distrett ta’ Krasnoselsky ta’ Moska, għal 6 snin u 11-il xahar f’kolonja ġenerali tar-reġim fuq akkużi politikament motivati talli esprima l-fehma tiegħu dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Qablet ukoll li tagħlaq is-seduta tal-qorti għall-pubbliku. Alexei Gorinov ġie kkundannat skont l-Artikolu 207.3 tal-Kodiċi Kriminali tar-Russja, li jikkriminalizza t-tixrid tal-hekk imsejħa ‘informazzjoni falza’ dwar il-forzi armati tar-Russja u li jintuża spiss biex irażżan il-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni. Il-kundanna kienet ibbażata fuq l-istqarrijiet ta’ Alexei Gorinov kontra l-gwerra f’laqgħa muniċipali pubblika. Waqt li kien qed jiskonta l-kundanna tiegħu, Alexei Gorinov kien soġġett għal trattament ħażin, fost oħrajn kura medika inadegwata minkejja kundizzjonijiet tas-saħħa serji ħafna, tqegħid fit-tul f’ċelli ta’ iżolament, u tiċħid mill-irqad. Għalhekk id-deċiżjoni ta’ Elena Zhuravleva mhux biss wasslet għall-inkarċerazzjoni inġusta ta’ Alexei Gorinov iżda rriżultat ukoll fi trattament jew kastig krudili, inuman u degradanti. Għalhekk Elena Zhuravleva hija responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fir-Russja. |
15.7.2025”. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1425/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)