|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1421 |
10.12.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1421
tas-17 ta’ Lulju 2025
li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għall-prodotti fertilizzanti tal-UE
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi regoli dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE. Prodott fertilizzanti tal-UE jista’ jitqiegħed fis-suq biss jekk ikun għadda b’suċċess mill-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità applikabbli kif stabbilit fl-Anness IV ta’ dak ir-Regolament. |
|
(2) |
Il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità applikabbli għall-fertilizzanti tan-nitrat tal-ammonju b’kontenut għoli ta’ nitroġenu, kif deskritta fil-Modulu A1 tal-Anness IV, il-Parti II, tinkludi test tar-reżistenza għad-detonazzjoni, u ċikli termali preċedenti, li għandhom jitwettqu minn laboratorju magħżul mill-manifattur u li għandhom ikunu taħt is-superviżjoni ta’ korp notifikat. Minħabba l-potenzjal splussiv tal-fertilizzanti tan-nitrat tal-ammonju, huwa importanti li r-riżultati taċ-ċikli termali u tat-testijiet tar-reżistenza għad-detonazzjoni jkunu affidabbli. Għalhekk, jenħtieġ li jkunu eliġibbli biss il-laboratorji li huma akkreditati għal dawk l-attivitajiet minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni. |
|
(3) |
Il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità deskritta fil-Modulu D1 tal-Anness IV, il-Parti II, tar-Regolament (UE) 2019/1009 tirrikjedi li l-korpi notifikati jwettqu awditi perjodiċi. Għall-prodotti fertilizzanti li fihom materjali komponenti rkuprati, il-frekwenza tal-awditjar hija marbuta mal-frekwenza tal-kampjunar tal-materjal ta’ output kif stabbilit ukoll fl-Anness IV, li tirriżulta f’densità għolja tal-awditjar għall-manifatturi ta’ tunnellaġġ għoli, b’massimu ta’ 48 awditu fis-sena. Sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tar-rekwiżit tal-awditjar, il-frekwenza tal-awditi jenħtieġ li tkun indipendenti mill-frekwenza tal-kampjunar, u jenħtieġ li tiġi stabbilita frekwenza ġenerali tal-awditjar ta’ awditu wieħed fis-sena. Din se tiffaċilita l-valutazzjoni tal-konformità tal-prodotti fertilizzanti ċirkolari tal-UE li fihom materjali komponenti rkuprati mingħajr ma tipperikola s-sikurezza ta’ tali materjali, peress li l-kampjuni jkomplu jittieħdu bl-istess frekwenza. |
|
(4) |
Sabiex tippermetti perjodu ta’ tranżizzjoni għall-manifatturi, l-emenda tal-Modulu A1 jenħtieġ li tapplika għal ċikli termali u testijiet tar-reżistenza għad-detonazzjoni 6 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1009 jiġi emendat kif xieraq, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-Parti II tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2019/1009 hija emendata kif ġej:
|
(1) |
Fil-MODULU A1 – KONTROLL TAL-PRODUZZJONI INTERNA KIF UKOLL ITTESTJAR TAL-PRODOTTI TAĦT SUPERVIŻJONI, il-punt 4, jiżdied il-paragrafu li ġej: “Iċ-ċikli termali u t-test imsemmija fil-punti 4.3 u 4.4 għandhom jitwettqu f’laboratorji li huma akkreditati għal dawk l-attivitajiet minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni.” |
|
(2) |
Fil-MODULU D1 – ASSIGURAZZJONI TAL-KWALITÀ TAL-PROĊESS TA’ PRODUZZJONI, il-punt 6.3.2, id-dikjarazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej: “Għall-materjali li jappartjenu għas-CMCs 3, 5, 12, 13, 14 u 15, kif definit fl-Anness II, il-korp notifikat għandu jwettaq awditi annwali. Barra minn hekk, il-korp notifikat għandu jieħu u janalizza kampjuni tal-materjal ta’ output bil-frekwenza li ġejja:”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 1(1) għandu japplika minn “30 ta’ Diċembru 2025”.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1009/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1421/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)