European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1420

18.7.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1420

tas-17 ta’ Lulju 2025

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/903 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-istabbiliment u l-operat tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/903 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku fl-Unjoni kollha (l-Att dwar Ewropa Interoperabbli) (1), b’mod partikolari l-Artikolu 12(10) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/903 introduċa l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà bħala miżura ta’ appoġġ għall-innovazzjoni li ssaħħaħ l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà innovattivi u l-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej.

(2)

Sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet transfruntiera speċifiċi relatati mal-innovazzjoni u l-interoperabbiltà tal-awtoritajiet tas-settur pubbliku, il-korpi tas-settur pubbliku jew l-entitajiet tal-Unjoni jistgħu jistabbilixxu ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2024/903. L-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà huma fora li joħolqu tagħlimiet regolatorji li jkunu informati minn data ta’ proġetti mmirati bl-għan li jiżviluppaw, iħarrġu, jittestjaw jew jivvalidaw soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà. Fir-rigward tas-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà din l-innovazzjoni tista’ tikkonċerna s-saffi kollha tal-interoperabbiltà (legali, organizzazzjonali, semantiċi jew tekniċi), fejn dan l-element innovattiv jista’ jitqies bħala l-introduzzjoni ta’ affarijiet ġodda jew affarijiet imtejba b’mod sinifikanti. Biex jiġi vvalutat jekk xi ħaġa tkunx ġdida jew imtejba, il-kuntest rilevanti huwa li dak li huwa innovattiv f’settur jew fi Stat Membru wieħed jista’ jkun komuni f’settur ieħor. L-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jistgħu jagħtu lok għal esperimentazzjoni b’firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet innovattivi fir-rigward tal-interoperabbiltà, li jkunu jistgħu jappoġġaw servizzi pubbliċi b’interoperabbiltà transfruntiera aħjar. Ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jevolvi madwar kwistjonijiet regolatorji miftuħa, speċjalment f’kuntesti transfruntiera li jiġu diskussi mar-regolaturi rilevanti li jistgħu jiġu minn setturi, livelli amministrattivi u Stati Membri differenti. F’każ li tkun meħtieġa biss esperimentazzjoni teknika, tali esperimentazzjoni tista’ sseħħ f’forom oħra, bħal ambjenti tal-ittestjar jew laboratorji tal-innovazzjoni, u ma jkun meħtieġ l-ebda ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà. F’konformità mal-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2024/903, fihom infushom, l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà huma sforzi konġunti ta’ diversi entitajiet tal-Unjoni u/jew korpi tas-settur pubbliku li jaħdmu id f’id biex isaħħu ċ-ċertezza legali fil-qafas ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà. F’dak is-sens, l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà huma stabbiliti permezz ta’ ftehimiet speċifiċi bejn l-entitajiet differenti li jikkollaboraw (bħal Memorandum ta’ Qbil). Il-kooperazzjoni fl-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà tista’ tibni fuq il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera eżistenti. Għal din ir-raġuni, anki l-korpi tas-settur pubbliku jew l-entitajiet tal-Unjoni li jiffurmaw konsorzju (pereż. il-Konsorzju għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea jew ir-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali) jistgħu jistabbilixxu ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà.

(3)

Biex titrawwem l-innovazzjoni ġew stabbiliti diversi ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja, filwaqt li oħrajn jinsabu fil-proċess li jiġu stabbiliti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni, konformi mad-diversi strumenti leġiżlattivi tal-Unjoni, fosthom l-Ambjent ta’ Esperimentazzjoni Regolatorja tal-UE għall-Blockchain, il-ħolqien ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja għall-IA skont ir-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), kif ukoll l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja għal teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti biex jippromwovu l-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti skont ir-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Filwaqt li xi ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja jistgħu jkunu settorjali, l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2024/903 jiffukaw speċifikament fuq soluzzjonijiet innovattivi għas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej. Sabiex jiġi żgurat l-allinjament mal-objettivi tar-Regolament (UE) 2024/903, dawn l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja jridu jaderixxu ma’ kriterji speċifiċi. Tali kriterji jservu biex jiddeterminaw liema ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja jidhru fil-Portal Ewropa Interoperabbli u jiġu mmonitorjati mill-Bord għal Ewropa Interoperabbli, stabbilit f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2024/903. Il-listi ta’ kontroll fl-Anness ta’ dan ir-Regolament u l-linji gwida u l-kjarifiki li jistgħu jinħarġu mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2024/903 jgħinu lill-korpi tas-settur pubbliku u lill-entitajiet tal-Unjoni jivvalutaw il-konformità ma’ dawn il-kriterji. Dan jippermetti lill-Kummissjoni twettaq il-kompitu tagħha skont l-Artikolu 12(9) tar-Regolament (UE) 2024/903 li tiżgura li l-informazzjoni dwar l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà tkun disponibbli fuq il-portal Ewropa Interoperabbli. Il-verifika u l-awtorizzazzjoni ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà mill-Kummissjoni ma jikkostitwixxux valutazzjoni tal-legalità tal-attivitajiet tal-parteċipanti f’tali ambjenti ta’ esperimentazzjoni. Il-parteċipanti kollha jibqgħu kompletament responsabbli għall-attivitajiet tagħhom kif stipulat fl-Artikolu 12(5) tar-Regolament (UE) 2024/903. Is-setgħat superviżorji u korrettivi tal-awtoritajiet kompetenti fuq dawn l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni ma humiex se jintlaqtu, f’konformità mal-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE) 2024/903.

(4)

Filwaqt li l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jistgħu jipprovdu forum għal suriet differenti ta’ kollaborazzjoni bejn il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, ir-regolaturi rispettivi u atturi oħra, il-ftehim speċifiku li jistabbilixxi l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà għandu l-għan li jistabbilixxi b’mod ċar il-metodi ta’ ħidma previsti bejn il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà u atturi oħra. Il-Ftehim speċifiku jenħtieġ li juri biċ-ċar liema tip ta’ atturi oħra huma eliġibbli li jissieħbu fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, jispeċifika f’liema stadju ta’ kemm idum jopera l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà u taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jipparteċipaw. Dan huwa meħtieġ biex jiġi evitat kwalunkwe fattur li jkun ta’ detriment għall-għanijiet tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà. Il-Ftehim speċifiku li jistabbilixxi l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jenħtieġ li jkun trasparenti fir-rigward tal-interazzjonijiet ippjanati ma’ atturi li jkollhom jinvolvu ruħhom fil-proċess skont il-liġi applikabbli, bħall-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2024/903, li jipprevedi li ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali għandhom joperaw taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data jew tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-involviment meħtieġ tal-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data jiddependi fuq fatturi differenti bħall-kumplessità tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data fil-proġetti previsti fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, il-kategoriji u l-ammont ta’ data kkonċernata kif ukoll ir-riskji assoċjati mal-ipproċessar. L-operat tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, f’każi meta l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali, jenħtieġ li jinftiehem bħala kompitu addizzjonali għall-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, mogħti lilhom skont ir-Regolament (UE) 2024/903, u kundizzjoni għall-operat xieraq tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà. Wara l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data għal kwalunkwe pproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/903, l-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data jenħtieġ li jingħataw ir-riżorsi meħtieġa biex iwettqu l-kompiti l-ġodda tagħhom. Fil-każ li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data ta’ Stati Membri differenti u fil-livell tal-UE jkunu involuti fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, il-kooperazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet tista’ tibni wkoll fuq il-mekkaniżmi rispettivi, imsemmija fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fl-Artikolu 61 u fl-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-parteċipazzjoni fl-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà tkun ibbażata fuq pjan speċifiku f’konformità mal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) 2024/903, il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jagħżlu proġett xieraq wieħed jew aktar u jiżguraw l-istabbiliment ta’ pjan speċifiku għal kull wieħed minnhom, li jkun fih l-elementi kollha deskritti fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) 2024/903. Id-deċiżjoni dwar jekk il-pjan speċifiku tal-proġetti li joperaw fl-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jiġix żviluppat mill-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja jew minn atturi oħra mistiedna tiddependi fuq l-istruttura ta’ governanza li tintuża għall-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà. Dak li għandu jiġi stabbilit b’mod ċar mill-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja matul kemm idum jopera l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, huwa kif ir-riżultati speċifiċi se jikkontribwixxu għall-għanijiet ta’ apprendiment regolatorju tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà.

(6)

Il-Kummissjoni tista’ toħroġ linji gwida u kjarifiki li jappoġġaw dawn l-għanijiet skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2024/903. Il-Kummissjoni għandha toħloq interfaċċa ddedikata għall-informazzjoni dwar l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, li tippubblika d-dettalji rilevanti dwar l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà li jiġu stabbiliti u l-proġetti li joperaw fi ħdan l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà. Sabiex jiġi promoss aċċess wiesa’ u ekwu għall-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar kif jiġi stabbilit ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà ssir faċilment aċċessibbli għall-koordinaturi potenzjali tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja fuq il-Portal Ewropa Interoperabbli f’konformità mal-Artikolu 12(9) tar-Regolament (UE) 2024/903. Il-portal Ewropa Interoperabbli jista’ jiffaċilita wkoll in-networking tal-partijiet ikkonċernati interessati fl-istabbiliment jew biex jissieħbu f’ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà. Il-portal se jservi wkoll bħala għodda kritika biex jiġu żgurati eżiti tal-apprendiment regolatorji effettivi. Ir-rapporti finali u l-għarfien regolatorju relatat se jiġu ppubblikati hawnhekk, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet relatati mill-Bord għal Ewropa Interoperabbli.

(7)

Sabiex jiġu akkomodati l-ħtiġijiet speċifiċi għall-iżvilupp, it-taħriġ, l-ittestjar u l-validazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà, fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, il-koordinaturi tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja jistgħu jinkludu persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra, bħal atturi oħra tas-settur pubbliku, entitajiet tal-Unjoni, istituzzjonijiet ta’ riċerka, atturi tal-GovTech inkluż SMEs u Startups, atturi mill-ekosistema tal-innovazzjoni tal-IA, dment li jissodisfaw il-kriterji speċifikati fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2024/903. Dan ma jinvolvix bidliet fir-responsabbiltajiet tal-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, u lanqas tal-parteċipanti li għandhom jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-ftehim speċifiku meta jidħlu f’ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà. L-għan li jiġu inklużi l-atturi tal-GovTech speċifikati fl-Artikolu 12(1) huwa biex ikun jista’ jsir djalogu regolatorju aktar rikk fi ħdan l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tat-tagħlimiet meħuda, jiġu identifikati tagħlimiet mill-esperimentazzjoni tal-innovazzjoni, mir-riskji, u mill-aħjar prattiki dwar l-istandardizzazzjoni. L-involviment ta’ dawn l-atturi l-oħra fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jista’ jgħin ukoll biex jinkiseb għarfien speċifiku għas-settur u jiġi aċċessat appoġġ mill-faċilitajiet tal-ittestjar u tal-esperimentazzjoni u mill-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej. Approċċi innovattivi ta’ akkwist jistgħu jaħdmu f’sinerġija ma’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà u jappoġġawhom billi jippermettu aċċess f’waqtu għar-riżorsi, għarfien espert, u teknoloġiji għal esperimentazzjoni kkontrollata. Dan jiżgura l-flessibbiltà meħtieġa biex jiġu ttestjati soluzzjonijiet innovattivi filwaqt li jinżamm allinjament mal-għanijiet regolatorji.

(8)

Sabiex jiġi żgurat li l-proġetti kollha li joperaw fl-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jirrispettaw il-privatezza tad-data, il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja u l-atturi l-oħra jridu jistabbilixxu approċċ definit sew fir-rigward tal-ipproċessar ulterjuri tad-data personali fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, jiġifieri, data personali li inizjalment tinġabar legalment għal finijiet oħra. Dan l-approċċ jenħtieġ li jkun konformi mar-rekwiżiti kollha stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/903 u mal-obbligi l-oħra kollha skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Il-Ftehim speċifiku dwar il-ħolqien tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà diġà jenħtieġ li jispeċifika, fejn xieraq, l-elementi stabbiliti fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2024/903. Jenħtieġ li l-approċċ jagħti attenzjoni speċifika li jsegwi approċċ ġerarkiku fir-rigward tal-użu ta’ data personali, filwaqt li jiżgura li tiġi pproċessata biss dik id-data meħtieġa għall-funzjonament tas-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà li għandha tiġi żviluppata jew ittestjata fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, u li l-funzjonament ma jkunx jista’ jinkiseb b’mod effettiv bl-ipproċessar ta’ data anonimizzata, sintetika jew data mhux personali oħra, kif stipulat fl-Artikolu 12(6)(b) tar-Regolament (UE) 2024/903. Meta l-ipproċessar tad-data personali jista’ jwassal għal inferenzi ġodda dwar is-suġġetti tad-data, il-koordinaturi tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja kif ukoll l-atturi l-oħra involuti fl-ambjent regolatorju tal-interoperabbiltà jrid ikollhom bażi legali valida meta jużaw ir-riżultati tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni b’mod operazzjonali. Din il-bażi legali għandha tiġi inkluża fil-pjan speċifiku skont l-Artikolu 12(3)(g) tar-Regolament (UE) 2024/903, u jridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha skont l-Artikolu 12(6). Mingħajr tali bażi ġuridika, id-data personali operazzjonali mill-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja ma tistax tiġi pproċessata aktar. Din il-limitazzjoni tipprevjeni l-użu ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà primarjament għall-iskambju jew it-tqabbil tad-data bejn l-awtoritajiet mingħajr raġunijiet legali xierqa.

(9)

Approċċ strutturat għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ huwa essenzjali għat-trawwim ta’ ambjent sikur u produttiv għall-innovazzjoni, filwaqt li fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jridu jinżammu r-responsabbiltà u l-integrità regolatorja. Għal dan l-għan, skont l-Artikolu 12(8) tar-Regolament (UE) 2024/903, il-koordinaturi tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jibagħtu rapporti regolari lill-Kummissjoni u lill-Bord għal Ewropa Interoperabbli li jiġbru fil-qosor il-progress, l-eżiti u l-isfidi. Ir-rapportar jenħtieġ li jkopri wkoll l-evalwazzjoni tal-aspetti tal-kwalità tad-data, bħall-akkuratezza u l-ekwità tal-valutazzjonijiet, tad-data, jew tal-inferenzi ġġenerati matul l-operat tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni. Din l-evalwazzjoni hija kruċjali biex jiġu żgurati l-affidabbiltà u l-affidabbiltà tal-outputs tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni li għandhom jintużaw b’mod operazzjonali (pereż. għall-identifikazzjoni tal-frodi, għall-allokazzjoni tas-sussidji, jew għar-reġistrazzjoni tal-istatus ċivili). L-esperimentazzjoni fl-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà tista’ sservi wkoll bħala opportunità għall-evalwazzjoni tas-sostenibbiltà, tal-effiċjenza enerġetika u tar-riżorsi tas-soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà li jiġu żviluppati, imħarrġa, ittestjati jew ivvalidati fil-kuntest tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà. Sabiex tiġi żgurata sorveljanza kontinwa, il-proċess jenħtieġ li jirrikjedi l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu għall-ġbir kontinwu tad-data minn proġetti individwali, li jippermetti ttrekkjar regolari tal-progress, il-ġestjoni tar-riskju, u l-aderenza mal-istandards tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni. Il-mudelli u l-eżempji li jingħataw mill-Kummissjoni u li huma disponibbli fil-Portal Ewropa Interoperabbli fil-futur jistgħu jappoġġaw is-simplifikazzjoni tar-rapportar, biex jagħmluha aktar faċli li l-partijiet kollha jimlew u jifhmu r-riżultati tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà.

(10)

Jista’ jkun hemm il-bżonn li l-ftehim speċifiku dwar l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jiġġedded f’każijiet ta’ bidliet sostanzjali fil-ftehim speċifiku oriġinali. Tali bidliet jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, modifiki rigward l-għadd u l-identità tal-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja, jew l-estensjoni tal-perjodu ta’ żmien miftiehem inizjalment meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni.

(11)

Fil-każ li d-djalogu regolatorju u l-esperimentazzjoni fl-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jagħtu biżżejjed evidenza dwar l-użu sikur ta’ soluzzjoni ta’ interoperabbiltà, dawk is-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà jenħtieġ li jiġu kondiviżi permezz tal-portal Ewropa Interoperabbli, fejn applikabbli, b’termini ta’ liċenzjar mhux restrittivi, bħal-Liċenzja Pubblika tal-Unjoni Ewropea (European Union Public Licence, EUPL), f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2024/903).

(12)

Kwalunkwe riskju sinifikanti li jiġi identifikat matul l-iżvilupp u l-ittestjar ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà f’ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jenħtieġ li jirriżulta f’mitigazzjoni adegwata u, fin-nuqqas ta’ dan, fis-sospensjoni tal-proċess tal-iżvilupp u tal-ittestjar. L-approċċ ta’ ġestjoni tar-riskju f’diversi livelli mitlub, li jibbilanċja r-rwol tal-maniġers tar-riskju u s-sorveljanza mill-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja u mill-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li jiżgura ambjent sikur għall-ittestjar, it-taħriġ, l-iżvilupp jew il-validazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà. Il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja jenħtieġ li jiddeċiedu dwar il-proċess tal-ġestjoni tar-riskju, jimmaniġġjaw il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-maniġers tar-riskju, u jiżguraw li kull proġett fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jikkonforma mal-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju stabbilit. Il-ġestjoni tar-riskju jenħtieġ li tibni u tiżgura konformità sħiħa ma’ proċeduri oħra ta’ ġestjoni tar-riskju applikabbli, pereż. fil-qasam taċ-ċibersigurtà jew il-protezzjoni tad-data personali. Il-linji gwida u l-kjarifiki dwar il-Portal Ewropa Interoperabbli fil-futur jistgħu jgħinu lill-koordinaturi regolatorji tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni biex isibu l-istruttura xierqa.

(13)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fil-25 ta’ Marzu 2025.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2024/903,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“proġett” tfisser sett speċifiku ta’ azzjonijiet bl-għan li jiżviluppaw, iħarrġu, jittestjaw u jivvalidaw soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà, li joperaw fl-ambjent ikkontrollat ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà skont pjan speċifiku u li jinvolvu parteċipanti kif imsemmi fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) 2024/903;

(2)

“koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja” tfisser entitajiet tal-Unjoni jew korpi tas-settur pubbliku li jistabbilixxu u jimmaniġġjaw b’mod konġunt ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, inkluż is-sorveljanza tal-istabbiliment tagħhom, il-koordinazzjoni tal-parteċipazzjoni, il-monitoraġġ tal-progress, ir-rapportar dwar l-attivitajiet u t-terminazzjoni;

(3)

“ftehim speċifiku” tfisser strument formali konkluż bejn mill-inqas tliet entitajiet tal-Unjoni jew korpi tas-settur pubbliku li jiddeskrivi t-termini, ir-rwoli, ir-responsabbiltajiet, u l-metodi ta’ ħidma għall-ħolqien, il-governanza u l-operat ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà;

(4)

“regolatur” tfisser korpi jew awtoritajiet regolatorji li jissorveljaw u jinfurzaw il-konformità f’setturi speċifiċi fil-livell tal-Unjoni, tal-Istati Membri, reġjonali jew lokali rilevanti għall-proġetti f’ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà;

(5)

“pjan speċifiku” tfisser pjan speċifiku dwar l-iżvilupp, it-taħriġ, l-ittestjar u l-validazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà f’ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, kif imsemmi fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) 2024/903.

KAPITOLU II

STABBILIMENT TA’ AMBJENT TA’ ESPERIMENTAZZJONI REGOLATORJA TAL-INTEROPERABBILTÀ

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà għandu jiġi stabbilit permezz ta’ ftehim speċifiku bejn mill-inqas tliet entitajiet tal-Unjoni jew korpi tas-settur pubbliku. L-entitajiet legali li jiffurmaw konsorzju jistgħu jistabbilixxu ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, dment li l-konsorzju jinvolvi mill-inqas tliet entitajiet jew korpi tas-settur pubbliku tal-Unjoni u jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   Qabel ma jifformalizzaw il-ftehim speċifiku, l-entitajiet tal-Unjoni jew il-korpi tas-settur pubbliku li jistabbilixxu l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà għandhom jiżguraw li:

(a)

l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3 speċifikati fil-lista ta’ kontroll stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(b)

l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà ġie nnotifikat lill-Kummissjoni u, fejn applikabbli, ġie awtorizzat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2024/903 u l-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Għandu jiġi stabbilit ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà għal perjodu inizjali li jenħtieġ li ma jaqbiżx it-tliet snin. Ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jista’ jiġġedded skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7. Il-parteċipazzjoni fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà trid tibda u tispiċċa tul il-perjodu tal-operat tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, u ma taqbiżx l-itwal perjodu ta’ parteċipazzjoni f’ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà stabbilit fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2024/903.

Artikolu 3

Kriterji għall-istabbiliment ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà

1.   Kwalunkwe korp tas-settur pubbliku jew entità tal-Unjoni jistgħu jieħdu sehem fil-ħolqien ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   L-għan ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2024/903.

3.   Il-korpi tas-settur pubbliku jew l-entitajiet tal-Unjoni għandhom jivvalutaw il-possibbiltà li jingħaqdu ma’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà eżistenti bl-istess skop jew li jillinkjaw ma’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja eżistenti b’ambitu li jikkoinċidi qabel ma jistabbilixxu ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà ġdid.

4.   Il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jikkonkludu ftehim speċifiku dwar il-ħolqien ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-Interoperabbiltà li, mill-inqas, għandu ikun fih l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tal-objettiv, tal-firxa u tar-riżultati tanġibbli tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, b’mod partikolari kif l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2024/903, is-soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà li jistgħu jiġu żviluppati, imħarrġa, ittestjati jew ivvalidati fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà u l-kwistjonijiet regolatorji miftuħa koperti fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, kif ukoll kemm ikun ippjanat li jdum għaddej;

(b)

pjan ta’ governanza li jiddeskrivi kif se jopera l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, inkluż il-ġestjoni ta’ proġetti fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, li jistabbilixxi arranġamenti ċari u trasparenti għall-kollaborazzjoni bejn il-parteċipanti, l-awtoritajiet regolatorji, u kwalunkwe attur ieħor involut fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, u li jiddeskrivi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-parteċipanti li jidħlu jew joħorġu mill-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà; il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja jistgħu jaqblu dwar id-diviżjoni tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament bejniethom;

(c)

deskrizzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ ġestjoni tar-riskju li jissorvelja, jimmonitorja u jimmitiga r-riskji, filwaqt li jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, is-saħħa, is-sikurezza u l-protezzjoni tad-data personali appoġġat minn politiki u proċeduri ċari li jindirizzaw il-ksur potenzjali ta’ dawn id-drittijiet fundamentali, l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza u l-protezzjoni tad-data personali;

(d)

deskrizzjoni ta’ qafas għall-evalwazzjoni u r-rapportar fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà u għall-proġetti li joperaw fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, inklużi mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-progress, l-indirizzar tal-isfidi, id-dokumentazzjoni tat-tagħlimiet meħuda u s-segwitu potenzjali, u l-iżgurar tal-allinjament mal-objettivi regolatorji;

(e)

meta jkun previst l-ipproċessar ta’ data personali fil-proġetti li joperaw fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, filwaqt li tiġi speċifikata l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) 2024/903.

5.   Il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jaqblu dwar il-bidu ta’ mill-inqas proġett wieħed soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim speċifiku, u fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament billi jistabbilixxu abbozz ta’ pjan speċifiku.

Artikolu 4

Punt uniku ta’ kuntatt

Bejniethom, il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jaħtru punt uniku ta’ kuntatt għall-finijiet ta’ komunikazzjoni mal-Kummissjoni għall-perjodu li jdum jopera l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà.

Artikolu 5

Notifika u awtorizzazzjoni ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà

1.   F’każ li l-korpi tas-settur pubbliku jew l-entitajiet tal-Unjoni jkunu jridu jistabbilixxu ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, huma għandhom jibagħtu talba konġunta permezz tal-Portal Ewropa Interoperabbli.

2.   It-talba konġunta għandha tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex il-Kummissjoni tivvaluta l-konformità tat-talbiet tal-korpi tas-settur pubbliku mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament biss.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-punt uniku ta’ kuntatt bid-deċiżjoni tagħha dwar it-talba msemmija fil-paragrafu 1. F’każ ta’ deċiżjoni negattiva, il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja jistgħu jissottomettu talba motivata għal rieżami fi żmien 30 jum minn meta jirċievu d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha teżamina t-talba għal rieżami fi żmien 30 jum u għandha tinnotifika lill-punt uniku ta’ kuntatt bid-deċiżjoni tagħha dwar dik it-talba għal rieżami.

4.   Id-data tal-bidu ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà stabbilita fil-ftehim speċifiku ma għandhiex tkun qabel id-data li tasal in-notifika msemmija fil-paragrafu 3.

Artikolu 6

Trasparenza

1.   Il-Kummissjoni għandha toħloq interfaċċa unika ddedikata għall-informazzjoni u l-iskambju dwar ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà fil-Portal Ewropa Interoperabbli, inkluż:

(a)

informazzjoni ġenerali u linji gwida għall-entitajiet tal-Unjoni u għall-korpi tas-settur pubbliku interessati fl-istabbiliment ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, inklużi karatteristiċi li jgħinu lill-partijiet ikkonċernati jiskambjaw informazzjoni, talbiet u l-aħjar prattiki;

(b)

informazzjoni ddedikata dwar kull wieħed mill-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà li jinħolqu, inkluż il-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla għall-parteċipazzjoni fl-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà u informazzjoni dwar it-tmexxija u l-proġetti magħluqa fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà.

2.   Il-punt uniku ta’ kuntatt għandu jiġbor kwalunkwe informazzjoni nieqsa, speċifikata fil-paragrafu (1) (b), mill-inqas 10 ijiem qabel il-bidu tal-operazzjonijiet tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà u jikkondividiha mal-Kummissjoni. Il-punt uniku ta’ kuntatt għandu jaġġorna regolarment l-informazzjoni dwar il-proġetti fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà.

Artikolu 7

Tiġdid tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà

1.   Il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja jistgħu jiddeċiedu li jġeddu l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

L-objettivi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jkunu għadhom ma ntlaħqux.

(b)

L-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà ma jkunx ingħalaq skont l-Artikolu 8.

2.   F’każ li l-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja jiddeċiedu li jġeddu l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, huma għandhom isegwu l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5.

3.   F’każ li l-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja jkunu jridu jagħmlu bidliet sostanzjali fil-ftehim speċifiku msemmi fl-Artikolu 2(1), inkluż, fost l-oħrajn, modifiki rigward l-għadd u l-identità tal-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja, jew l-estensjoni tal-perjodu ta’ żmien miftiehem inizjalment meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja, il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jibdew il-proċedura ta’ tiġdid kif stabbilit fil-paragrafu 2.

Artikolu 8

Għeluq ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà

1.   Il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jagħlqu l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jkun issodisfa l-objettivi tiegħu;

(b)

l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jkun laħaq id-data tat-tmiem determinata tiegħu skont l-Artikolu 2(3) u l-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja ma jkunux laħqu ftehim dwar it-tiġdid tiegħu;

(c)

il-Kummissjoni ma tkunx awtorizzat it-tiġdid skont l-Artikolu 7;

(d)

il-finanzjament meħtieġ biex jitkomplew l-attivitajiet tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà ma jkunx disponibbli.

2.   Mal-għeluq tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jiżguraw li l-proġetti kollha fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jiġu tterminati kif xieraq, kif stabbilit fl-Artikolu 15.

3.   Il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jissottomettu r-rapport finali msemmi fl-Artikolu 12(8) tar-Regolament (UE) 2024/903 fi żmien tliet xhur wara l-għeluq tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà.

KAPITOLU III

OPERAT TAL-AMBJENTI TA’ ESPERIMENTAZZJONI REGOLATORJA TAL-INTEROPERABBILTÀ

Artikolu 9

Drittijiet u obbligi ġenerali tal-koordinaturi tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja

1.   Il-koordinaturi tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jimmaniġġjaw l-operazzjonijiet fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà u tal-proġetti relatati matul il-perjodu li l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jdum jopera.

2.   Il-koordinaturi tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja huma speċifikament responsabbli għall-kompiti li ġejjin:

(a)

jistiednu lir-regolaturi għall-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà;

(b)

jidderieġu d-djalogu regolatorju mar-regolaturi involuti fil-ħolqien tal-proġetti u t-tagħlimiet li jittieħdu minnhom;

(c)

jiddeċiedu dwar l-għadd ta’ proġetti li joperaw b’mod sekwenzjali jew b’mod parallel matul il-perjodu kemm idum jopera l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà;

(d)

jippubblikaw sejħiet għall-parteċipazzjoni fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà fuq il-Portal Ewropa Interoperabbli u jdaħħlu lill-parteċipanti fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, kif imsemmi fl-Artikolu 10;

(e)

jagħżlu proġetti li għandhom jitmexxew fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, filwaqt li jivverifikaw li kull proġett jibqa’ fl-ambitu tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà b’attenzjoni partikolari għall-aspetti li ġejjin:

jappoġġaw l-interoperabbiltà transfruntiera tas-servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej li jinvolvu parteċipanti minn mill-inqas żewġ Stati Membri differenti, jew minn mill-inqas korp wieħed tas-settur pubbliku u entità waħda tal-Unjoni;

jikkontribwixxu għall-iżvilupp, l-ittestjar u l-validazzjoni ta’ soluzzjoni innovattiva ta’ interoperabbiltà; kif ukoll

jidentifikaw il-kwistjonijiet regolatorji speċifiċi involuti u l-gwida li hija mistennija mill-awtoritajiet li jwettqu s-superviżjoni tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà;

(f)

jiżguraw li l-parteċipazzjoni tkun ibbażata fuq pjan speċifiku;

(g)

jiddeċiedu limitu ta’ żmien għall-parteċipazzjoni fi proġett;

(h)

jieħdu deċiżjoni dwar l-estensjoni ta’ proġett, kif imsemmi fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2024/903;

(i)

itemmu proġett, kif imsemmi fl-Artikolu 15;

(j)

jiżguraw li jsir rapportar perjodiku u finali lill-Kummissjoni u lill-Bord għal Ewropa Interoperabbli;

(k)

joħolqu ġestjoni tar-riskju, kif imsemmi fl-Artikolu 12.

3.   F’każ li jkun meħtieġ li d-data personali tiġi pproċessata fil-kuntest ta’ proġetti li joperaw fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex l-awtoritajiet kompetenti tal-protezzjoni tad-data jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti ta’ superviżjoni tagħhom b’mod effettiv, kif previst fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2024/903.

Artikolu 10

Ammissjoni ta’ parteċipanti u atturi oħra

1.   Il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jippubblikaw informazzjoni dwar il-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla għall-parteċipazzjoni fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà fil-Portal Ewropa Interoperabbli. Dawk il-kriterji għandhom jinkludu l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-possibbiltà li l-atturi tal-GovTech, inklużi l-organizzazzjonijiet nazzjonali jew Ewropej tal-istandardizzazzjoni, il-korpi notifikati, il-laboratorji tar-riċerka u tal-esperimentazzjoni, iċ-ċentri tal-innovazzjoni u l-kumpaniji li jixtiequ jittestjaw soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà, b’mod partikolari l-SMEs u n-negozji ġodda, ikunu involuti fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, kif previst fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2024/903.

2.   Il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jiddeċiedu dwar talbiet minn entitajiet oħra tal-Unjoni, korpi tas-settur pubbliku jew atturi GovTech li jkunu jridu jissieħbu f’ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà bħala parteċipanti jew atturi oħra, abbażi tar-regoli tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà rispettiva, ippubblikati fuq il-Portal Ewropa Interoperabbli skont il-paragrafu 1.

3.   Il-parteċipanti jew atturi oħra għandhom jissottomettu dikjarazzjoni ta’ impenn lill-koordinaturi regolatorji tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni li tipprevedi l-assunzjoni tal-obbligi u l-impenn għall-kandidat li jissodisfa r-riżorsi finanzjarji, organizzattivi, umani u kwalunkwe kundizzjoni oħra li tkun rilevanti għal dan l-għan.

Artikolu 11

Drittijiet u obbligu ġenerali tal-parteċipanti

1.   Il-parteċipanti li jkunu jiddaħħlu f’ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 10 għandu jkollhom l-obbligi li ġejjin:

(a)

jikkontribwixxi għall-pjan speċifiku;

(b)

jassumu responsabbiltà sħiħa, kif stabbilit fl-Artikolu 12(5) tar-Regolament (UE) 2024/903, għal-legalità tal-iżvilupp, it-taħriġ, l-ittestjar u l-validazzjoni tas-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà;

(c)

jiżguraw li s-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà ttestjati fl-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jikkonformaw mar-rekwiżiti legali applikabbli kollha u jkunu kisbu kwalunkwe awtorizzazzjoni jew approvazzjoni meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jibdew il-proġetti jew li l-awtoritajiet kompetenti jkunu involuti fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà;

(d)

jiżguraw, jekk id-data personali tiġi pproċessata f’ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, li tali pproċessar ikun f’konformità sħiħa mal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u li jintlaħaq qbil mal-awtoritajiet rilevanti tal-protezzjoni tad-data, imsemmija fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2024/903, dwar l-involviment mistenni tagħhom fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà u l-proġetti tiegħu;

(e)

jaderixxu mal-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju, kif imsemmi fl-Artikolu 12;

(f)

jirrapportaw regolarment dwar it-tagħlimiet fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, kif speċifikat fl-Artikolu 13;

(g)

jiżguraw it-trattament legali ta’ data personali pproċessata fil-proġetti kif speċifikat fl-Artikolu 15(3).

2.   Il-parteċipanti jistgħu joħorġu mill-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà bil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14.

Artikolu 12

Ġestjoni tar-riskju

1.   Il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jistabbilixxu l-proċess ta’ ġestjoni tar-riskju għall-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà li jkopri l-proċess ta’ ġestjoni tar-riskju msemmi fl-Artikolu 12(3), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2024/903. Il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jiddefinixxu, jimplimentaw u jimmonitorjaw l-objettivi ġenerali tal-ġestjoni tar-riskju għall-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, inklużi standards speċifiċi tal-ġestjoni tar-riskju applikabbli għall-proġetti kollha fihom, b’kunsiderazzjoni xierqa ta’ kwalunkwe rekwiżit obbligatorju tal-ġestjoni tar-riskju skont liġi applikabbli oħra. Il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jiżguraw komunikazzjoni effettiva dwar il-ġestjoni tar-riskju bejn il-parteċipanti, l-awtoritajiet kompetenti, u partijiet ikkonċernati oħra.

2.   Il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jiżviluppaw pjan ta’ ġestjoni tar-riskju speċifiku għal kull proġett li jsegwi l-proċess ta’ ġestjoni tar-riskju msemmi fil-paragrafu 1.

3.   Il-koordinaturi tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jaħtru wieħed minn fosthom bħala maniġer tar-riskju għal kull proġett. Il-maniġer tar-riskju għandu jiżgura li l-proġett jikkonforma mal-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju speċifiku msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Meta jiġu identifikati riskji, il-maniġer tar-riskju għandu jiżgura li jittieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa.

4.   Fil-każ li ma tkunx tista’ ssir mitigazzjoni tar-riskju xierqa, il-maniġer tar-riskju jista’ jissospendi temporanjament kwalunkwe proġett jew involviment ta’ parteċipant fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà bħala salvagwardja immedjata. Il-maniġer tar-riskju għandu jinforma minnufih lill-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja u lill-awtoritajiet rilevanti. Il-punt uniku ta’ kuntatt għandu jirrapporta din is-sospensjoni temporanja lill-Kummissjoni.

5.   Il-maniġer tar-riskju għandu jżomm rekords tal-attivitajiet ta’ ġestjoni tar-riskju għall-proġetti rispettivi u jagħmel dawk ir-rekords disponibbli għal rieżami mill-koordinaturi kollha tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja u mill-Kummissjoni.

Artikolu 13

Obbligi ta’ rapportar

1.   Il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu għar-rapportar perjodiku li jkopri mill-inqas is-suġġetti msemmija fl-Artikolu 12(8) tar-Regolament (UE) 2024/903. Fil-każ tal-ipproċessar ta’ data personali fil-proġetti, ir-rapportar għandu jinkludi metrika li tivvaluta l-effettività tas-soluzzjoni innovattiva ta’ interoperabbiltà f’data personali kwalifikanti, flimkien mal-akkuratezza u l-ġustizzja tal-output u l-użabbiltà tar-riżultati prodotti mis-soluzzjoni għall-awtoritajiet rilevanti.

2.   Il-mekkaniżmu għandu jinkludi l-ġbir ta’ data mill-proġetti kollha fuq bażi kontinwa li tiżgura li l-progress jiġi traċċat, li r-riskji jiġu ġestiti, u li tinżamm il-konformità mal-objettivi u mar-rekwiżiti legali tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà. Il-mekkaniżmu għandu jkopri r-rapportar dwar it-tagħlimiet mid-djalogu mar-regolaturi.

3.   Il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jissottomettu r-rapporti perjodiċi lill-Kummissjoni u lill-Bord għal Ewropa Interoperabbli msemmi fl-Artikolu 12(8) tar-Regolament (UE) 2024/903 mill-inqas darba kull sitt xhur mid-data tal-istabbiliment tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà.

4.   Ir-rapporti kollha għandhom jiġu ppubblikati fil-portal Ewropa Interoperabbli. Ir-rapporti ma għandux ikun fihom informazzjoni kunfidenzjali.

Artikolu 14

Ħruġ ta’ parteċipanti

1.   Jekk parteċipant ikun irid joħroġ mill-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà qabel it-terminazzjoni tal-proġett li l-parteċipant ikun involut fih, kif imsemmi fl-Artikolu 15, jew qabel it-terminazzjoni tal-kompitu assenjat fil-pjan speċifiku, il-parteċipant għandu jipprovdi spjegazzjoni dettaljata lill-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja u lill-Kummissjoni tar-raġunijiet għall-ħruġ.

2.   Il-parteċipanti li joħorġu minn ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà għandu jkollhom l-obbligi li ġejjin:

(a)

jiffinalizzaw kwalunkwe rekwiżit pendenti marbut mal-monitoraġġ u r-rapportar tal-attività tagħhom;

(b)

jiżguraw li d-data miġbura u kwalunkwe soluzzjoni ta’ interoperabbiltà żviluppata matul il-perjodu sakemm idum jopera l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jiġu ġestiti f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, u mal-kundizzjonijiet għall-ammissjoni fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, kif definit mill-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja; kif ukoll

(c)

jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jimmitigaw ir-riskji potenzjali għas-suċċess tal-proġett ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà u għas-servizzi pubbliċi u t-twettiq tagħhom marbuta mal-ħruġ tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà u l-proġetti speċifiċi tiegħu.

3.   Wara li parteċipant joħroġ minn ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jivvalutaw il-miżuri meħtieġa fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 9.

Artikolu 15

Terminazzjoni ta’ proġett

1.   Il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jitterminaw proġett fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

il-proġett ikun issodisfa l-objettivi qabel ma jintlaħaq il-perjodu massimu ta’ operat;

(b)

ir-regolaturi involuti fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jew awtoritajiet kompetenti oħra jkunu talbu t-terminazzjoni tal-proġett u ma tkun possibbli l-ebda mitigazzjoni;

(c)

il-finanzjament meħtieġ biex jitkomplew l-attivitajiet ma jkunx disponibbli;

(d)

il-proġett ma jibqax jissodisfa l-kriterji minimi f’termini ta’ skop u parteċipazzjoni stabbiliti fil-pjan speċifiku tiegħu u ma tkun possibbli l-ebda mitigazzjoni.

2.   F’każ li l-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja jippjanaw li jtemmu proġett qabel id-data tat-tmiem skedata inizjalment, il-koordinaturi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom jinformaw lill-parteċipanti kollha fi żmien xieraq.

3.   Id-data personali li ġiet ipproċessata b’mod eċċezzjonali sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ proġett ma għandhiex tintuża bħala data operattiva barra mill-proġetti, sakemm ma jkunx hemm bażi legali xierqa li tawtorizza bidla fl-iskop.

4.   Fi żmien tliet xhur wara t-terminazzjoni tal-proġetti, il-koordinaturi tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja għandhom:

(a)

jippubblikaw, fuq il-portal Ewropa Interoperabbli jew portal, katalgu jew repożitorju konness mal-portal Ewropa Interoperabbli, is-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà u l-materjali relatati żviluppati matul il-proġett, inklużi d-dokumentazzjoni, rekord tal-verżjonijiet, il-kodiċi tas-sors dokumentat u r-referenzi għall-istandards miftuħa jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi użati, jekk tali soluzzjonijiet u materjal ikunu konformi mal-kriterji ta’ kwalità applikabbli għall-Portal Ewropa Interoperabbli;

(b)

meta s-soluzzjonijiet jinħarġu bħala sors miftuħ, jużaw l-EUPL jew liċenzja xierqa oħra ta’ sors miftuħ;

(c)

jindikaw b’mod ċar jekk ċerti restrizzjonijiet tal-kondiviżjoni japplikawx minħabba:

id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali miżmuma minn partijiet terzi;

il-protezzjoni ta’ infrastruttura kritika sensittiva;

il-protezzjoni tal-interessi tad-difiża, jew tas-sigurtà pubblika.

KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/903, 22.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/903/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 300/2008, (UE) Nru 167/2013, (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1139 u (UE) 2019/2144 u d-Direttivi 2014/90/UE, (UE) 2016/797 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) (ĠU L, 2024/1689, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1689/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (ĠU L, 2024/1735, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1735/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ANNESS

Lista ta’ kontroll ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà (imsemmija fl-Artikolu 2(2), il-punt (a))

Nru.

Kriterji

Deskrizzjoni

Deskrizzjoni

1

Il-parteċipanti ġew speċifikati b’mod adegwat

Jekk jogħġbok niżżel l-isem u l-informazzjoni ta’ kuntatt ta’ kull entità pubblika parteċipanti li se tkun involuta fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà.

Speċifika r-rwol deżinjat ta’ kull entità pubblika fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà (koordinatur tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja, osservatur, jew regolatur).

Jekk jogħġbok speċifika l-punt uniku ta’ kuntatt.

Jekk jogħġbok agħti l-informazzjoni meħtieġa.

Żomm f’moħħok li l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jrid jinħoloq minn mill-inqas tliet koordinaturi regolatorji tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja, korpi tas-settur pubbliku u/jew entitajiet tal-Unjoni.

2

Kamp ta’ applikazzjoni, objettivi u riżultati tanġibbli ġew speċifikati b’mod adegwat

Kamp ta’ applikazzjoni:

il-leġiżlazzjoni u s-settur(i) koperti mill-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà;

jekk mhux il-kamp ta’ applikazzjoni mifrux mal-UE kollha, ir-reġjun transfruntier kopert mill-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà;

il-perjodu kemm idum jopera l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà;

jekk jogħġbok uri r-rabtiet ma’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja eżistenti, jekk hemm.

Objettivi:

niżżel l-objettivi tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà;

speċifika kif l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jikkontribwixxi għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2024/903 b’mod effettiv.

Riżultati tanġibbli:

identifika b’mod ċar il-kwistjonijiet regolatorji speċifiċi li għandhom jiġu ċċarati bl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà;

speċifika liema soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà għandhom jiġu żviluppati, imħarrġa, ittestjati jew ivvalidati bil-kontribut tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà;

speċifika l-għadd u l-perjodu ta’ żmien tal-proġetti li huma previsti fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju tal-interoperabbiltà;

agħti abbozz ta’ pjan speċifiku għal mill-inqas proġett wieħed.

Jekk jogħġbok agħti l-informazzjoni meħtieġa.

3

Il-governanza ġiet speċifikata b’mod adegwat

Jekk jogħġbok spjega kif se jopera l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà:

agħti dettalji dwar arranġamenti ċari u trasparenti għall-kollaborazzjoni bejn il-parteċipanti, l-awtoritajiet regolatorji, u kwalunkwe attur ieħor involut fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà u l-proġetti tiegħu, u

iddeskrivi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-parteċipanti kollha li jidħlu jew joħorġu mill-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà.

Jekk jogħġbok speċifika liema tip ta’ atturi oħra huma eliġibbli li jissieħbu fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, f’liema stadju ta’ kemm idum għaddej l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà u taħt liema kundizzjonijiet.

Jekk jogħġbok kun speċifiku dwar l-involviment tal-atturi b’kapaċità superviżorja jew konsultattiva, bħall-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data, il-korpi superviżorji reġjonali jew lokali, u awtoritajiet regolatorji rilevanti oħra.

Jekk jogħġbok speċifika jekk huwiex previst l-involviment ta’ atturi oħra tal-GovTech.

Jekk jogħġbok agħti l-informazzjoni meħtieġa.

Id-deskrizzjoni għandha turi li r-regolaturi rilevanti u partijiet ikkonċernati oħra ġew identifikati u kkunsidrati b’mod ċar, u, fejn applikabbli, tinkludi evidenza li huma lesti jipparteċipaw fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà.

4

Il-ġestjoni tar-riskju ġiet speċifikata b’mod adegwat

Jekk jogħġbok niżżel ir-riskji potenzjali inizjali identifikati għall-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà.

Jekk jogħġbok niżżel l-objettivi tal-ġestjoni tar-riskju għall-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà, inkluż l-istandards speċifiċi tal-ġestjoni tar-riskju applikabbli għall-proġetti kollha fih.

Jekk jogħġbok agħti l-informazzjoni meħtieġa.

5

Ir-rekwiżiti ta’ evalwazzjoni u rapportar ġew speċifikati b’mod adegwat

Jekk jogħġbok speċifika meta r-rapporti perjodiċi u r-rapport finali se jkunu disponibbli.

Jekk jogħġbok speċifika s-suġġetti li għandhom jiġu koperti mir-rapport.

Jekk jogħġbok agħti l-informazzjoni meħtieġa.

Żomm f’moħħok: il-mekkaniżmu għandu jinkludi l-ġbir ta’ data minn proġetti individwali fuq bażi kontinwa li tiżgura li l-progress jiġi traċċat, li r-riskji jiġu ġestiti, u li tinżamm il-konformità mal-objettivi u mar-rekwiżiti legali tal-qafas.

6

L-ipproċessar ulterjuri tad-data personali ġie speċifikat b’mod adegwat

Jekk l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà jippermetti li jinħolqu proġetti li jinvolvu pproċessar ulterjuri ta’ data personali, jekk jogħġbok ikkonferma li l-awtoritajiet superviżorji kompetenti għall-protezzjoni tad-data huma involuti b’mod adegwat.

Jekk jogħġbok speċifika l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 11(4), it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) 2024/903:

f’każ li l-ipproċessar ulterjuri jaqa’ taħt id-Direttiva (UE) 2016/680, il-bażi legali tal-ipproċessar ulterjuri skont il-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni;

ir-raġuni għall-ħtieġa tal-ipproċessar ulterjuri tad-data personali fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà;

l-iskop konkret tal-ipproċessar ulterjuri tad-data personali;

l-atturi involuti u r-rwoli tagħhom;

il-kategoriji ta’ data personali maħsuba li tiġi pproċessata aktar fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja tal-interoperabbiltà;

il-perjodu ta’ żamma previst għad-data personali, filwaqt li jiġi żgurat li d-data ma tinżammx għal aktar żmien milli meħtieġ għall-finijiet speċifikati.

Jekk jogħġbok stabbilixxi kif se jiġi żgurat l-allinjament tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(6) ta’ dak ir-Regolament.

Jekk jogħġbok agħti l-informazzjoni meħtieġa.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1420/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)