European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1416

10.11.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1416

tal-11 ta’ Lulju 2025

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2023/2772 fir-rigward tal-posponiment tad-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni għal ċerti impriżi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 29b(1), l-ewwel subparagrafu tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emendat id-Direttiva 2013/34/UE biex tintroduċi f’dik id-Direttiva ċerti rekwiżiti addizzjonali ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà.

(2)

L-Appendiċi C tal-ESRS 1 (European Sustainability Reporting Standards) fl-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2772 (3) jippermetti lil ċerti impriżi jħallu barra mir-rapportar tagħhom ċerta informazzjoni dwar is-sostenibbiltà għall-ewwel sena, jew snin, tat-tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

(3)

Fis-26 ta’ Frar 2025, il-Kummissjoni adottat il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/43/KE, 2013/34/UE, (UE) 2022/2464 u (UE) 2024/1760 fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar u ta’ diliġenza dovuta korporattivi dwar is-sostenibbiltà (4) (“il-Pakkett ta’ Simplifikazzjoni Omnibus”), li tipproponi, fost l-oħrajn, għadd ta’ emendi tar-rekwiżiti tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà introdotti mid-Direttiva (UE) 2022/2464. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tipproponi li tnaqqas l-għadd ta’ impriżi soġġetti għal dawk ir-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà. Skont il-Proposta tal-Kummissjoni, impriżi kbar biss b’aktar minn 1 000 impjegat jibqgħu soġġetti għar-rekwiżit li jirrapportaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà. Bħala parti minn dak il-Pakkett ta’ Simplifikazzjoni Omnibus, il-Kummissjoni pproponiet ukoll li temenda l-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2022/2464 biex tiddifferixxi d-dati minn meta l-Istati Membri jridu japplikaw ir-rekwiżiti ta’ rapportar għal dawk l-impriżi li jkollhom jirrapportaw għall-ewwel darba għas-snin finanzjarji 2025 u 2026 (il-Proposta “stop-the-clock”). Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw dik il-Proposta “stop-the-clock” mingħajr modifiki sostanzjali bħad-Direttiva (UE) 2025/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ April 2025. Madankollu, sabiex ma jiġix ippreġudikat l-eżitu tal-proċedura leġiżlattiva dwar il-Proposta tal-Kummissjoni biex jiġu emendati r-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu liema impriżi se jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ rapportar fil-futur, id-Direttiva (UE) 2025/794 ma ddifferietx id-dati minn meta l-Istati Membri jridu japplikaw ir-rekwiżiti ta’ rapportar għall-impriżi li jridu jirrapportaw għall-ewwel darba fir-rigward tas-sena finanzjarja 2024.

(4)

Skont l-iskeda ta’ żmien eżistenti tal-Appendiċi C tal-ESRS 1 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2772, l-impriżi li jeħtieġ li jirrapportaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà diġà fir-rigward tas-sena finanzjarja 2024 se jkunu soġġetti għal introduzzjoni gradwali ulterjuri ta’ diversi rekwiżiti ta’ rapportar fir-rigward tas-snin finanzjarji 2025 u 2026. Barra minn hekk, l-impriżi b’aktar minn 750 impjegat mhux se jibbenefikaw mill-istess dispożizzjonijiet ta’ introduzzjoni gradwali bħal impriżi oħra li huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà. Ma jkunx raġonevoli li l-impriżi jintalbu jikkonformaw ma’ rekwiżiti ta’ rapportar addizzjonali ġaladarba l-Kummissjoni għamlet Proposta biex tiżgura li dawk l-impriżi sussegwentement ma jkollhom għalfejn jirrapportaw ebda informazzjoni. Barra minn hekk, ikun kontra l-objettiv tat-tnaqqis tal-piż tal-Pakkett ta’ Simplifikazzjoni Omnibus li l-impriżi b’aktar minn 750 impjegat ma jitħallewx jibbenefikaw mill-istess dispożizzjonijiet ta’ introduzzjoni gradwali bħal impriżi oħra li huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà, speċjalment għal dawk ir-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà li huma l-aktar diffikultużi għall-impriżi, jiġifieri l-istandards topiċi ESRS E4 (Bijodiversità u ekosistemi), ESRS S2 (Ħaddiema fil-katina tal-valur), ESRS S3 (Komunitajiet affettwati) u ESRS S4 (Konsumaturi u utenti finali) li huma stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2772.

(5)

Skont l-ESRS 2, il-paragrafu 17, tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2772, impriża jew grupp b’massimu ta’ 750 impjegat li juża l-eżenzjonijiet temporanji f’konformità mal-Appendiċi C tal-ESRS 1 għal standard topiku komplut xorta waħda jrid jirrapporta ċertu informazzjoni fil-qosor dwar is-suġġett ikkonċernat jekk dik l-impriża jew il-grupp ikun ikkonkluda li s-suġġett inkwistjoni huwa materjali. Jekk l-eżenzjonijiet temporanji stabbiliti fl-Appendiċi C tal-ESRS 1 għal standard topiku komplut jenħtieġ li jkunu applikabbli wkoll minn impriżi b’aktar minn 750 impjegat, ikun meħtieġ — għal raġunijiet ta’ konsistenza — li tintalab l-applikazzjoni tal-ESRS 2, il-paragrafu 17, minn kwalunkwe impriża li tuża l-eżenzjonijiet temporanji f’konformità mal-Appendiċi C tal-ESRS, inklużi l-impriżi jew il-gruppi b’aktar minn 750 impjegat li jridu jirrapportaw mis-sena finanzjarja 2024.

(6)

Għalhekk, huwa meħtieġ li tiġi adattata l-iskeda ta’ żmien tal-introduzzjoni gradwali tal-Appendiċi C tal-ESRS 1 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2772, u li jiġi emendat il-paragrafu 17 tal-ESRS 2 ta’ dak ir-Regolament Delegat, skont dan.

(7)

Sabiex l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dak l-adattament mill-aktar fis possibbli, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(8)

Fit-30 ta’ April 2025, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri dwar dan l-abbozz ta’ att delegat waqt laqgħa konġunta tal-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Finanzi Sostenibbli u l-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità, f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 49(3b), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2013/34/UE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2772

L-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2772 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika fir-rigward tas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2025 jew wara.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/34/oj.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2013/34/UE, fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2464/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2772 tal-31 ta’ Lulju 2023 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà (ĠU L, 2023/2772, 22.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2772/oj).

(4)  Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/43/KE, 2013/34/UE, (UE) 2022/2464 u (UE) 2024/1760 fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar u ta’ diliġenza dovuta korporattivi dwar is-sostenibbiltà (COM (2025) 81 final).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2025/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ April 2025 li temenda d-Direttivi (UE) 2022/2464 u (UE) 2024/1760 fir-rigward tad-dati minn meta l-Istati Membri għandhom japplikaw ċerti rekwiżiti ta’ rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà u ta’ diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva (ĠU L, 2025/794, 16.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/794/oj).


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2023/2772 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-ESRS 1, Appendiċi C, “Lista ta’ Rekwiżiti ta’ Divulgazzjoni introdotti gradwalment”, hija sostitwita b’dan li ġej:

“Appendiċi C

Lista ta’ Rekwiżiti ta’ Divulgazzjoni introdotti gradwalment

Dan l-appendiċi huwa parti integrali mill-ESRS 1 u għandu l-istess awtorità bħall-partijiet l-oħra tal-Istandard.

ESRS

Rekwiżit ta’ Divulgazzjoni

Isem sħiħ tar-Rekwiżit ta’ Divulgazzjoni

Data ta’ introduzzjoni gradwali jew effettiva (inkluża l-ewwel sena)

ESRS 2

SBM-1

L-istrateġija, il-mudell tan-negozju u l-katina tal-valur

L-impriża għandha tirrapporta l-informazzjoni preskritta mill-ESRS 2 SBM-1 il-paragrafu 40(b) (diżaggregazzjoni tad-dħul totali skont is-settur sinifikanti tal-ESRS) u 40(c) (lista ta’ setturi sinifikanti addizzjonali tal-ESRS) mid-data tal-applikazzjoni speċifikata f’Att Delegat tal-Kummissjoni li għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 29b(1) it-tielet subparagrafu, il-punt (ii), tad-Direttiva 2013/34/UE.

ESRS 2

SBM-3

L-impatti, ir-riskji u l-opportunitajiet materjali u l-interazzjoni tagħhom mal-istrateġija u mal-mudell tan-negozju

L-impriża tista’ tħalli barra l-informazzjoni preskritta mill-paragrafu 48(e) tal-ESRS 2 SBM-3 (effetti finanzjarji antiċipati) għall-ewwel sena tat-tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha. Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza, l-impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u t-tielet subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2464 jistgħu jħallu barra l-informazzjoni preskritta mill-ESRS 2 SBM-3 il-paragrafu 48(e) (effetti finanzjarji antiċipati) għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

L-impriża tista’ tikkonforma mal-ESRS 2 SBM-3 il-paragrafu 48(e) billi tirrapporta biss divulgazzjonijiet kwalitattivi għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha, jekk ma jkunx prattikabbli li jitħejjew divulgazzjonijiet kwantitattivi.

ESRS E1

E1-6

L-Ambiti Grossi 1, 2, 3 u l-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra

L-impriżi jew il-gruppi li fid-dati tal-karta tal-bilanċ tagħhom ma jaqbżux l-għadd medju ta’ 750 impjegat matul is-sena finanzjarja (fuq bażi konsolidata fejn applikabbli) jistgħu jħallu barra l-punti tad-data dwar l-emissjonijiet tal-ambitu 3 u l-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra għall-ewwel sena ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom. Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza, l-impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u t-tielet subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2464 li fid-dati tal-karta bilanċjali tagħhom ma jaqbżux l-għadd medju ta’ 750 impjegat matul is-sena finanzjarja (fuq bażi konsolidata fejn applikabbli) jistgħu jħallu barra l-punti tad-data dwar l-emissjonijiet tal-ambitu 3 u l-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

ESRS E1

E1-9

Effetti finanzjarji antiċipati minn riskji fiżiċi u ta’ tranżizzjoni materjali u opportunitajiet potenzjali relatati mal-klima

L-impriża tista’ tħalli barra l-informazzjoni prestabbilita mill-ESRS E1-9 għall-ewwel sena ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha. Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza, l-impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u t-tielet subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2464 jistgħu jħallu barra l-informazzjoni preskritta mill-ESRS E1-9 għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

L-impriża tista’ tikkonforma mal-ESRS E1-9 billi tirrapporta biss divulgazzjonijiet kwalitattivi għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha, jekk ma jkunx prattikabbli li jitħejjew divulgazzjonijiet kwantitattivi.

ESRS E2

E2-6

Effetti finanzjarji antiċipati minn riskji u opportunitajiet relatati mat-tniġġis

L-impriża tista’ tħalli barra l-informazzjoni prestabbilita mill-ESRS E2-6 għall-ewwel sena ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha. Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza, l-impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u t-tielet subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2464 jistgħu jħallu barra l-informazzjoni preskritta mill-ESRS E2-6 għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

Ħlief għall-informazzjoni preskritta mill-paragrafu 40(b) dwar in-nefqiet operattivi u kapitali li seħħew fil-perjodu ta’ rapportar flimkien ma’ inċidenti u depożiti kbar, l-impriża tista’ tikkonforma mal-ESRS E2-6 billi tirrapporta biss divulgazzjonijiet kwalitattivi, għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha.

ESRS E3

E3-5

Effetti finanzjarji antiċipati minn riskji u opportunitajiet relatati mal-ilma u r-riżorsi tal-baħar

L-impriża tista’ tħalli barra l-informazzjoni prestabbilita mill-ESRS E3-5 għall-ewwel sena ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha. Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza, l-impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u t-tielet subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2464 jistgħu jħallu barra l-informazzjoni preskritta mill-ESRS E3-5 għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

L-impriża tista’ tikkonforma mal-ESRS E3-5 billi tirrapporta biss divulgazzjonijiet kwalitattivi, għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha.

ESRS E4

Ir-rekwiżiti kollha ta’ divulgazzjoni

Ir-rekwiżiti kollha ta’ divulgazzjoni

L-impriżi jew il-gruppi li fid-dati tal-karta bilanċjali tagħhom ma jaqbżux l-għadd medju ta’ 750 impjegat matul is-sena finanzjarja (fuq bażi konsolidata fejn applikabbli) jistgħu jħallu barra l-informazzjoni speċifikata fir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-ESRS E4 għall-ewwel sentejn ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom. Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza, l-impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u t-tielet subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2464 jistgħu jħallu barra l-informazzjoni speċifikata fir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-ESRS E4 għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

ESRS E4

E4-6

Effetti finanzjarji antiċipati minn riskji u opportunitajiet relatati mal-bijodiversità u mal-ekosistema

L-impriża tista’ tħalli barra l-informazzjoni prestabbilita mill-ESRS E4-6 għall-ewwel sena ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha.

L-impriża tista’ tikkonforma mal-ESRS E4-6 billi tirrapporta biss divulgazzjonijiet kwalitattivi, għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha.

ESRS E5

E5-6

L-effetti finanzjarji antiċipati mir-riskji u l-opportunitajiet relatati mal-użu tar-riżorsi u mal-ekonomija ċirkolari

L-impriża tista’ tħalli barra l-informazzjoni prestabbilita mill-ESRS E5-6 għall-ewwel sena ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha. Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza, l-impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u t-tielet subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2464 jistgħu jħallu barra l-informazzjoni preskritta mill-ESRS E5-6 għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

L-impriża tista’ tikkonforma mal-ESRS E5-6 billi tirrapporta biss divulgazzjonijiet kwalitattivi, għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha.

ESRS S1

Ir-rekwiżiti kollha ta’ divulgazzjoni

Ir-rekwiżiti kollha ta’ divulgazzjoni

L-impriżi jew il-gruppi li fid-dati tal-karta bilanċjali tagħhom ma jaqbżux l-għadd medju ta’ 750 impjegat matul is-sena finanzjarja (fuq bażi konsolidata fejn applikabbli) jistgħu jħallu barra l-informazzjoni speċifikata fir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-ESRS S1 għall-ewwel sena ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom. Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza, l-impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u t-tielet subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2464 li fid-dati tal-karta bilanċjali tagħhom ma jaqbżux l-għadd medju ta’ 750 impjegat matul is-sena finanzjarja (fuq bażi konsolidata, fejn applikabbli) jistgħu jħallu barra l-informazzjoni speċifikata fir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-ESRS S1 għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

ESRS S1

S1-7

Karatteristiċi tal-ħaddiema mhux impjegati fil-forza tax-xogħol tal-impriża stess

L-impriża tista’ tħalli barra r-rapportar għall-punti ta’ data kollha f’dan ir-Rekwiżit ta’ Divulgazzjoni għall-ewwel sena tat-tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha. Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza, l-impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u t-tielet subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2464 jistgħu jħallu barra r-rapportar għall-punti ta’ data kollha f’dan ir-Rekwiżit ta’ Divulgazzjoni għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

ESRS S1

S1-8

Kopertura tan-negozjar kollettiv u djalogu soċjali

L-impriża tista’ tħalli barra dan ir-Rekwiżit ta’ Divulgazzjoni fir-rigward tal-impjegati tagħha stess f’pajjiżi mhux fiż-ŻEE għall-ewwel sena ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha. Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza, l-impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u t-tielet subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2464 jistgħu jħallu barra dan ir-Rekwiżit ta’ Divulgazzjoni fir-rigward tal-impjegati tagħhom stess f’pajjiżi mhux fiż-ŻEE għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

ESRS S1

S1-11

Protezzjoni soċjali

L-impriża tista’ tħalli barra l-informazzjoni prestabbilita mill-ESRS S1-11 għall-ewwel sena ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha. Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza, l-impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u t-tielet subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2464 jistgħu jħallu barra l-informazzjoni preskritta mill-ESRS S1-11 għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

ESRS S1

S1-12

Persuni b’diżabilità

L-impriża tista’ tħalli barra l-informazzjoni prestabbilita mill-ESRS S1-12 għall-ewwel sena ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha. Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza, l-impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u t-tielet subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2464 jistgħu jħallu barra l-informazzjoni preskritta mill-ESRS S1-12 għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

ESRS S1

S1-13

Taħriġ u żvilupp tal-ħiliet

L-impriża tista’ tħalli barra l-informazzjoni prestabbilita mill-ESRS S1-13 għall-ewwel sena ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha. Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza, l-impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u t-tielet subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2464 jistgħu jħallu barra l-informazzjoni preskritta mill-ESRS S1-13 għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

ESRS S1

S1-14

Saħħa u sikurezza

L-impriża tista’ tħalli barra l-punti ta’ data dwar każijiet ta’ mard relatat max-xogħol u dwar l-għadd ta’ jiem mitlufa minħabba korrimenti, aċċidenti, fatalitajiet u mard relatat max-xogħol għall-ewwel sena ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha. Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza, l-impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u t-tielet subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2464 jistgħu jħallu l-punti ta’ data dwar każijiet ta’ mard relatat max-xogħol u dwar l-għadd ta’ jiem mitlufa minħabba korrimenti, aċċidenti, fatalitajiet u mard relatat max-xogħol għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

ESRS S1

S1-14

Saħħa u sikurezza

L-impriża tista’ tħalli barra r-rapportar dwar dawk li mhumiex impjegati għall-ewwel sena ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha. Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza, l-impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u t-tielet subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2464 jistgħu jħallu barra r-rapportar dwar dawk li mhumiex impjegati għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

ESRS S1

S1-15

Bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

L-impriża tista’ tħalli barra l-informazzjoni prestabbilita mill-ESRS S1-15 għall-ewwel sena ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħha. Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza, l-impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u t-tielet subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2464 jistgħu jħallu barra l-informazzjoni preskritta mill-ESRS S1-15 għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

ESRS S2

Ir-rekwiżiti kollha ta’ divulgazzjoni

Ir-rekwiżiti kollha ta’ divulgazzjoni

L-impriżi jew il-gruppi li fid-dati tal-karta bilanċjali tagħhom ma jaqbżux l-għadd medju ta’ 750 impjegat matul is-sena finanzjarja (fuq bażi konsolidata fejn applikabbli) jistgħu jħallu barra l-informazzjoni speċifikata fir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-ESRS S2 għall-ewwel sentejn ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom. Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza, l-impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u t-tielet subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2464 jistgħu jħallu barra l-informazzjoni speċifikata fir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-ESRS S2 għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

ESRS S3

Ir-rekwiżiti kollha ta’ divulgazzjoni

Ir-rekwiżiti kollha ta’ divulgazzjoni

L-impriżi jew il-gruppi li fid-dati tal-karta bilanċjali tagħhom ma jaqbżux l-għadd medju ta’ 750 impjegat matul is-sena finanzjarja (fuq bażi konsolidata fejn applikabbli) jistgħu jħallu barra l-informazzjoni speċifikata fir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-ESRS S3 għall-ewwel sentejn ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom. Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza, l-impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u t-tielet subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2464 jistgħu jħallu barra l-informazzjoni speċifikata fir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-ESRS S3 għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

ESRS S4

Ir-rekwiżiti kollha ta’ divulgazzjoni

Ir-rekwiżiti kollha ta’ divulgazzjoni

L-impriżi jew il-gruppi li fid-dati tal-karta bilanċjali tagħhom ma jaqbżux l-għadd medju ta’ 750 impjegat matul is-sena finanzjarja (fuq bażi konsolidata fejn applikabbli) jistgħu jħallu barra l-informazzjoni speċifikata fir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-ESRS S4 għall-ewwel sentejn ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom. Permezz ta’ deroga mill-ewwel sentenza, l-impriżi kif imsemmija fl-Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u t-tielet subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva (UE) 2022/2464 jistgħu jħallu barra l-informazzjoni speċifikata fir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-ESRS S4 għall-ewwel 3 snin ta’ tħejjija tad-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom.

(2)

fl-ESRS 2, it-Taqsima 17, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Jekk impriża jew grupp iħallu barra l-informazzjoni meħtieġa mill-ESRS E4, ESRS S1, ESRS S2, ESRS S3 jew ESRS S4 skont ir-ringieli tal-Appendiċi C tal-ESRS 1 li jindikaw “Ir-rekwiżiti kollha ta’ divulgazzjoni” fil-kolonna “Isem sħiħ tar-Rekwiżit ta’ Divulgazzjoni”, huma għandhom madankollu jiddivulgaw jekk is-suġġetti ta’ sostenibbiltà koperti rispettivament mill-ESRS E4, ESRS S1, ESRS S2, ESRS S3 u ESRS S4 ġewx ivvalutati bħala materjali bħala riżultat tal-valutazzjoni tal-materjalità tal-impriża. Barra minn hekk, jekk wieħed jew aktar minn dawn is-suġġetti jkun ġie vvalutat bħala materjali, l-impriża għandha, għal kull suġġett materjali:”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1416/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)