|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1411 |
29.10.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1411
tas-16 ta’ Lulju 2025
li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ammont tat-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-ammont tat-tariffa li għandha titħallas mill-applikanti għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) huwa speċifikat fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/2511 (2) jistabbilixxi mekkaniżmi li permezz tagħhom il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ħtieġa tal-aġġustament ta’ dik it-tariffa. |
|
(2) |
F’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2024/2511, il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ fatturi li x’aktarx jirriżultaw f’żieda sinifikanti jew persistenti fil-kostijiet tal-operat u tal-manutenzjoni tas-sistema tal-ETIAS, lil hinn minn dawk antiċipati meta ġie adottat ir-Regolament (UE) 2018/1240. L-ewwel nett, mill-2016 ir-rata tal-inflazzjoni kumulattiva fl-Unjoni żdiedet bi 30,12 %. It-tieni, f’dawn l-aħħar snin l-għadd ta’ vjaġġaturi eżentati mill-viża li jidħlu fl-Unjoni żdied b’mod sinifikanti u mistenni li jkompli jiżdied fil-futur qrib. Fl-aħħar nett, ġew implimentati funzjonalitajiet addizzjonali tal-ETIAS għall-funzjonament tal-ETIAS, li ma kinux antiċipati meta ġie adottat ir-Regolament (EU) 2018/1240. |
|
(3) |
Huwa meħtieġ li t-tariffa tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS tiġi allinjata ma’ dawk ta’ sistemi komparabbli biex jiġu żgurati parità kompetittiva u kundizzjonijiet ekwi ma’ programmi oħra ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar madwar id-dinja. |
|
(4) |
Għaldaqstant huwa meħtieġ li t-tariffa għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS tiżdied. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/1240 jiġi emendat skont dan. |
|
(6) |
Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3)u tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (4). |
|
(7) |
Ġaladarba dak ir-Regolament (UE) 2018/1240 jimxi fuq il-passi tal-acquis ta’ Schengen, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka nnotifikat l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1240 fil-liġi nazzjonali tagħha. Għalhekk id-Danimarka hija marbuta b’dan ir-Regolament. |
|
(8) |
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li l-Irlanda ma hijiex qiegħda tieħu sehem fihom, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (5). Għalhekk l-Irlanda ma hijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. |
|
(9) |
Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (6), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (7). |
|
(10) |
Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (9). |
|
(11) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (10), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/350/UE (11). |
|
(12) |
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jimxi fuq il-passi tal-acquis ta’ Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, jew huwa relatat miegħu b’xi mod ieħor, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2018/1240, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. L-applikant għandu jħallas tariffa ta’ EUR 20 għal kull applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1240/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/2511 tat-2 ta’ Mejju 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ żidiet fl-ispejjeż tal-operat u l-manutenzjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) bil-għan li jinbidel l-ammont tat-tariffa tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar (ĠU L, 2024/2511, 25.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/2511/oj).
(3) Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/38/oj).
(4) ĠU C 384I, 12.11.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/withd_2019(3)/oj.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/192/oj.
(6) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1999/439(1)/oj.
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/437/oj).
(8) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2008/178(1)/oj.
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/146/oj).
(10) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2011/350/oj.
(11) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/350/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1411/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)