European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1393

21.8.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1393

tat-8 ta’ Lulju 2025

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2025/1184 biex jintroduċi klawżola ta’ rieżami

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tagħha,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni adottat Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1184 (2) biex temenda l-lista ta’ pajjiżi terzi b’riskju kbir stabbilita fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 (3). Dan l-att emendatorju segwa r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force, FATF), li jistabbilixxi l-istandards internazzjonali.

(2)

Pajjiżi li mhumiex identifikati pubblikament bħala soġġetti għal sejħiet għal azzjoni jew monitoraġġ akbar mill-FATF xorta jistgħu jkunu ta’ theddida għall-integrità tas-sistema finanzjarja tal-UE. Meta s-sħubija ta’ tali pajjiżi fl-FATF tiġi sospiża minħabba ksur serju tal-prinċipji ewlenin li l-FATF hija mibnija fuqhom, it-theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni x’aktarx tiżdied. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu azzjoni deċiżiva biex tippreserva l-integrità tas-sistema finanzjarja tal-UE u tlesti valutazzjoni awtonoma ta’ jekk tali pajjiżi humiex pajjiżi terzi b’riskju kbir kif imsemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849. Fl-isfond tas-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, importanti li l-Kummissjoni taġixxi malajr. Għalhekk xieraq li jiġi previst obbligu għall-Kummissjoni li tikkonkludi tali valutazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2025. Biex jiġi kkomplementat l-approċċ segwit mir-Regolament Delegat (UE) 2025/1184, jenħtieġ li tali obbligu jiġi introdott f’dak ir-Regolament.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2025/1184 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fir-Regolament Delegat (UE) 2025/1184 jiddaħħal l-Artikolu 1a.

“Artikolu 1a

Sal-31 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi r-rieżami ta’ pajjiżi terzi li mhumiex identifikati bħala suġġetti għal sejħiet għal azzjoni jew monitoraġġ akbar mill-FATF, iżda li s-sħubija tagħhom fl-FATF ġiet sospiża, biex tivvaluta jekk temendax l-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 kif xieraq.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/849/oj.

(2)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1184 tal-10 ta’ Ġunju 2025 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 biex l-Alġerija, l-Angola, il-Kosta tal-Avorju, il-Kenja, il-Laos, il-Libanu, Monaco, in-Namibja, in-Nepal u l-Venezwela jiżdiedu mal-lista ta’ pajjiżi terzi b’riskju għoli li pprovdew impenn politiku ta’ livell għoli bil-miktub biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u żviluppaw pjan ta’ azzjoni mal-FATF, u biex Barbados, Ġibiltà, il-Ġamajka, il-Panama, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda jitneħħew minn dik il-lista (ĠU L, 2025/1184, 16.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1184/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b’riskju kbir b’nuqqasijiet strateġiċi (ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/1675/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1393/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)