European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1351

21.7.2025

DEĊIŻJONI Nru 1/2025 TAL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-UKRAJNA FIL-KONFIGURAZZJONI TAL-KUMMERĊ

tat-13 ta’ Marzu 2025

li timmodifika l-Parti A tal-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra [2025/1351]

IL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI FIL-KONĠURAZZJONI TAL-KUMMERĊ (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat għall-Kummerċ”),

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 465(3) tiegħu u l-Artikolu 11 tal-Anness XVII tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017.

(2)

L-Artikolu 1(2), il-punt (d), tal-Ftehim jipprevedi li l-għan tal-Ftehim huwa, fost oħrajn, li jappoġġa l-isforzi tal-Ukrajna biex titlesta t-tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq li tiffunzjona permezz ta’, fost oħrajn, l-approssimazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjoni tagħha ma’ dik tal-Unjoni.

(3)

Fl-Artikolu 124 tal-Ftehim, il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Ukrajna ma’ dik tal-Unjoni fis-settur tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni. L-Ukrajna impenjat ruħha li tiżgura li l-liġijiet eżistenti u l-leġiżlazzjoni futura tagħha jkunu kompatibbli mal-acquis tal-Unjoni. Tali approssimazzjoni hija prevista li gradwalment testendi għall-elementi kollha tal-acquis tal-Unjoni msemmija fl-Appendiċijiet XVII-2 sa XVII-5 tal-Anness XVII tal-Ftehim u jenħtieġ li, ladarba jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għaliha, twassal għall-integrazzjoni gradwali tal-Ukrajna fis-suq intern tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz tal-għoti reċiproku tat-trattament tas-suq intern f’konformità mal-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(4)

L-Ukrajna talbet aktar integrazzjoni fir-rigward tar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli fl-Unjoni, b’mod partikolari t-trattament tas-suq intern għall-fini tar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

(5)

Sabiex tkun tista’ ssir it-tranżizzjoni gradwali tal-Ukrajna lejn il-promulgazzjoni sħiħa u l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet applikabbli għas-settur tat-telekomunikazzjoni, b’mod partikolari dawk dwar ir-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli, id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ (2) ikkomplementat l-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim mal-atti rilevanti tal-Unjoni relatati mar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

(6)

Skont l-Artikolu 4(2) tal-Anness XVII tal-Ftehim, fis-7 ta’ Novembru 2024, l-Ukrajna nnotifikat lill-Unjoni li qieset li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għall-promulgazzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-Unjoni fir-rigward tar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli u talbet lill-Unjoni twettaq valutazzjoni komprensiva fis-settur tar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

(7)

Abbażi tal-valutazzjonijiet u l-monitoraġġ regolari skont l-Appendiċi XVII-6 tal-Anness XVII tal-Ftehim u l-valutazzjoni li għaddejja skont l-Artikolu 4(2) tal-Anness XVII tal-Fethim u filwaqt li jitqies l-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja li għaddejja kontra l-Ukrajna, huwa xieraq li jiġu introdotti ċerti adattamenti speċifiċi addizzjonali għall-Parti A tal-Appendiċi XVII-3 tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(8)

Fid-dawl tad-diffikultajiet partikolari li qed tiffaċċja l-Ukrajna, bħala riżultat tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja li għaddejja, huwa xieraq li l-Ukrajna tingħata żmien addizzjonali biex timplimenta bis-sħiħ l-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 30(6) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), mingħajr ma tiġi posposta l-possibbiltà ta’ deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ biex jingħata trattament tas-suq intern għar-roaming skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(9)

L-adattamenti għall-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 30(6) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 jipprovdu skadenza speċifika li fiha l-Ukrajna jeħtieġ li tieħu azzjoni ulterjuri bil-ħsieb li tissodisfa bis-sħiħ l-obbligi tagħha fir-rigward tal-approssimazzjoni regolatorja. Jenħtieġ li jiġi ċċarat li, fil-każ li jingħata trattament tas-suq intern skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim għar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli, l-Artikolu 5(4) sa (6) tal-Anness XVII tal-Ftehim japplika mutatis mutandis għall-adattamenti speċifiċi għall-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 30(6) tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

(10)

Ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/1972, tar-Regolament (UE) 2022/612 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), tar-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 (6) u tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654 (7) mhumiex rilevanti għall-fini tal-obbligi tal-Ukrajna fir-rigward tal-approssimazzjoni regolatorja fis-sottosettur tas-servizzi tar-roaming. Biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, huwa xieraq li jiġi speċifikat liema dispożizzjonijiet fl-Appendiċi XVII-3 tal-Anness XVII tal-Ftehim huma rilevanti f’dan ir-rigward. Dan isir mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Ukrajna li timplimenta bis-sħiħ id-Direttiva (UE) 2018/1972 għall-fini ta’ deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ biex jingħata trattament tas-suq intern għas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(11)

Id-data ta’ maturità għall-implimentazzjoni mill-Ukrajna tad-Direttiva (UE) 2018/1972 skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2024. Għalhekk, jeħtieġ li tiġi stabbilita skeda ta’ żmien ġdida bil-ħsieb taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-Ukrajna.

(12)

Ladarba l-Ukrajna tingħata trattament tas-suq intern għas-servizzi tar-roaming, it-tariffi medji tar-roaming bl-ingrossa stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/612 u r-rati ta’ terminazzjoni stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2021/654 jistgħu jkunu soġġetti għal emendi. Biex tiġi żgurata r-reċiproċità fir-rigward tal-livell tat-tariffi medji tar-roaming bl-ingrossa jew tar-rati ta’ terminazzjoni applikabbli bejn l-impriżi matul il-perjodu meħtieġ biex l-Ukrajna tittrasponi u timplimenta kwalunkwe emenda fl-ordni legali tagħha, jeħtieġ li jiġu pprovduti regoli speċifiċi għad-data tal-applikabbiltà tar-regoli għat-tariffi medji tar-roaming bl-ingrossa u għar-rati ta’ terminazzjoni emendati.

(13)

L-approċċ adottat mill-Ukrajna fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Unjoni msemmija fil-Parti A tal-Appendiċi XVII-3 tal-Anness XVII tal-Ftehim, wassal għal ċerti diskrepanzi testwali bejn dawk ir-Regolamenti tal-Unjoni u l-atti li jinkorporawhom fl-ordni legali tal-Ukrajna. Huwa b’hekk meħtieġ li jiġi previst li, f’każ ta’ kunflitt, it-test ta’ dawk ir-Regolamenti tal-Unjoni jipprevali fuq it-test ta’ kwalunkwe att li jinkorporahom fl-ordni legali tal-Ukrajna,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Parti A tal-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra huwa b’dan modifikat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tfasslet bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża, Taljana, Ungeriża u Ukrena, b’kull test ikun ugwalment awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell u Kiev, it-13 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

Il-President

Léon DELVAUX

Is-Segretarji

Fredrik BECKVID TRANCHELL

Oleksandra NECHYPORENKO


(1)   ĠU UE L 161, 29.5.2014, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/295/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ tal-24 ta’ April 2023 li timmodifika l-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra [2023/930] (ĠU UE L 123, 8.5.2023, p. 38, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/930/oj).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU UE L 321, 17.12.2018, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/612/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2022/612 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar ir-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU UE L 115, 13.4.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/612/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (ĠU UE L 321, 17.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1971/oj).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 tal-15 ta’ Diċembru 2016 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta’ politika tal-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandu jressaq fornitur tar-roaming għall-finijiet ta’ dik il-valutazzjoni (ĠU UE L 344, 17.12.2016, p. 46, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/2286/oj).

(7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni u rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni (ĠU UE L 137, 22.4.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/654/oj).


ANNESS

Il-Parti A tal-Appendiċi XVII-3 tal-Anness XVII tal-Ftehim hija sostitwita bit-test li ġej:

“A.   Politika Ewropea ġenerali dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

teħid ta’ miżuri leġiżlattivi, tekniċi u organizzattivi xierqa u proporzjonati, filwaqt li jitqies il-qafas tal-miżuri ppreżentati fi “Iċ-ċibersigurtà tan-networks tal-5G: Sett ta’ għodod tal-UE ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji” ippubblikat wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/534 (2), f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġestjoni xierqa tar-riskji li jinħolqu għas-sigurtà tan-networks u tas-servizzi.

Mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Ukrajna li timplimenta d-Direttiva (UE) 2018/1972 bis-sħiħ u b’mod komplut għall-fini ta’ deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ biex jingħata trattament tas-suq intern għas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII, għall-fini ta’ deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ biex jingħata trattament tas-suq intern għar-roaming skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII:

(1)

fir-rigward tal-indipendenza politika u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Ukrajna, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 għandu jiġi implimentat bis-sħiħ fi żmien ħames snin mid-data speċifikata f’deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ għall-għoti ta’ trattament tas-suq intern għar-roaming skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII. B’mod partikolari, għandhom jiġu adottati miżuri mmirati lejn l-abolizzjoni tal-obbligu li atti legali regolatorji tal-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna jgħaddu mill-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-istat mill-Ministeru għall-Ġustizzja tal-Ukrajna. Dan l-adattament huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Ukrajna li timplimenta r-rekwiżiti l-oħra kollha stabbiliti fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(2)

fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ terminazzjoni tal-mandat tal-membri tal-kulleġġ tal-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 għandu jiġi implimentat bis-sħiħ fi żmien ħames snin mid-data speċifikata f’deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ għall-għoti ta’ trattament tas-suq intern għar-roaming skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII;

(3).

fir-rigward tas-setgħa tal-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna li tieħu miżuri interim urġenti biex tirrimedja s-sitwazzjoni qabel ma tasal għal deċiżjoni finali, meta jkollha evidenza ta’ ksur tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ġenerali, l-Artikolu 30(6) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 għandu jiġi implimentat bis-sħiħ fi żmien ħames snin mid-data speċifikata f’deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ għall-għoti ta’ trattament tas-suq intern għar-roaming skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII. Dan l-adattament huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Ukrajna li timplimenta r-rekwiżiti l-oħra kollha stabbiliti fl-Artikolu 30(6) tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

Fil-każ li l-għoti reċiproku ta’ trattament tas-suq intern skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim għar-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli jiġi qabel l-iskadenza tal-iskadenzi stabbiliti fil-punti (1) sa (3) hawn fuq, japplika mutatis mutandis l-Artikolu 5(4) sa (6) tad-Dirttiva (UE) 2018/1972.

Mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Ukrajna li timplimenta bis-sħiħ id-Direttiva (UE) 2018/1972 għall-fini ta’ deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ biex jingħata trattament tas-suq intern għas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII, għall-fini ta’ deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ biex jingħata trattament tas-suq intern għar-roaming skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII, jeħtieġ li jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-Direttiva (UE) 2018/1972:

Artikolu 1 - Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u għanijiet

Artikolu 2 - Definizzjonijiet: il-punti (1) u (2), (4) sa (11), (13) sa (16), (22), (27) sa (34), (36), u (38) sa (40)

Artikolu 3 - Objettivi ġenerali

Artikolu 5 - Awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet kompetenti oħra

Artikolu 6 - L-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u ta’ awtoritajiet kompetenti oħra

Artikolu 7 - Ħatra u tneħħija ta’ membri tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali

Artikolu 8 - Indipendenza politika u responsabbiltà tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali

Artikolu 9 - Kapaċità regolatorja tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali

Artikolu 10 - Parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fil-BEREC

Artikolu 11 - Kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali

Artikolu 12 - Awtorizzazzjoni ġenerali ta’ networks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi

Artikolu 13 - Kondizzjonijiet stipulati mal-awtorizzazzjoni ġenerali u mad-drittijiet ta’ użu għall-ispektrum tar-radju u għal riżorsi ta’ numerazzjoni, u obbligi speċifiċi, ħlief kull referenza għad-drittijiet tal-użu tal-ispektrum tar-radju u r-riżorsi ta’ numerazzjoni u l-kontroreferenzi għall-Artikolu 45, l-Artikolu 51, l-Artikolu 62, l-Artikolu 68, l-Artikolu 83, u l-Artikolu 94

Artikolu 14 - Dikjarazzjonijiet biex jeħfief l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ installazzjoni tal-faċilitajiet u tad-drittijiet ta’ interkonnessjoni

Artikolu 15 - Lista minima tad-drittijiet derivanti mill-awtorizzazzjoni ġenerali

Artikolu 16 - Ħlasijiet amministrattivi

Artikolu 17 - Separazzjoni fil-kontabbiltà u rapporti finanzjarji

Artikolu 18 - Emendar tad-drittijiet u l-obbligi, ħlief kull referenza għad-drittijiet tal-użu tal-ispektrum tar-radju, ir-riżorsi ta’ numerazzjoni u għall-installazzjoni tal-faċilitajiet

Artikolu 19 - Limitazzjoni jew irtirar tad-drittijiet, ħlief kull referenza għad-drittijiet tal-użu tal-ispektrum tar-radju, ir-riżorsi ta’ numerazzjoni u għall-installazzjoni tal-faċilitajiet

Artikolu 20 - Rekwiżit ta’ informazzjoni lill-impriżi

Artikolu 21 - Informazzjoni meħtieġa fir-rigward tal-awtorizzazzjoni ġenerali, id-drittijiet tal-użu u l-obbligi speċifiċi, ħlief kull referenza għad-drittijiet tal-użu u l-obbligi speċifiċi u l-kontroreferenzi għall-Artikolu 13(2), l-Artikolu 22, u l-Anness I, il-partijiet D u E

Artikolu 23 - Mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni u trasparenza, ħlief il-paragrafu (2) u l-kontroreferenzi għall-Artikolu 32(10), u l-Artikolu 45(4) u (5)

Artikolu 24 - Konsultazzjoni mal-partijiet konċernati

Artikolu 25 - Riżoluzzjoni ta’ tilwim barra mill-qorti

Artikolu 26 - Riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn impriżi

Artikolu 27 - Riżoluzzjoni ta’tilwim transfruntier, il-paragrafi (1) u (2), u l-paragrafi (4) sa (6)

Artikolu 29 - Penali, il-paragrafu (1)

Artikolu 30 - Konformità mal-kondizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ġenerali jew tad-drittijiet ta’ użu għall-ispektrum tar-radju u tar-riżorsi ta’ numerazzjoni u konformità ma’ obbligi speċifiċi, ħlief kull referenza għad-drittijiet tal-użu tal-ispektrum tar-radju u r-riżorsi ta’ numerazzjoni u l-kontroreferenzi għall-Artikolu 4, l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 45(1), l-Artikolu 47, l-Artikolu 67, u l-Artikolu 69

Artikolu 31 - Dritt ta’ appell

Artikolu 59 - Qafas ġenerali għall-aċċess u l-interkonnessjoni

Artikolu 60 - Drittijiet u obbligi ta’ impriżi, il-paragrafi (1) u (2)

Artikolu 61 - Setgħat u responsabbiltajiet tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet kompetenti oħra fir-rigward ta’ aċċess u interkonnessjoni, il-paragrafu (1), il-paragrafu (2), il-punti (a) sa (c), il-paragrafi (3), (5), u (6)

Artikolu 75 - Ir-rati ta’ terminazzjoni, il-paragrafi (2) u (3)

Artikolu 93 - Riżorsi ta’ numerazzjoni, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (5)

Artikolu 97 - L-aċċess għan-numri u għas-servizzi

Artikolu 99 - Nondiskriminazzjoni

Artikolu 100 - Salvagwardja tad-drittijiet fundamentali

Artikolu 108 - Id-disponibbiltà tas-servizzi

Artikolu 111 - Aċċess u għażla ekwivalenti għall-utenti finali b’diżabbiltà

Artikolu 120 - Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni

Artikolu 122 - Proċeduri ta’ reviżjoni, it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-paragrafu (1)

Anness I - Lista ta’ kondizzjonijiet li jistgħu jiġu stipulati ma’ awtorizzazzjonijiet ġenerali, id-drittijiet ta’ użu għall-ispektrum tar-radju u d-drittijiet ta’ użu għal riżorsi ta’ numerazzjoni, il-partijiet A sa C

Anness III - Kriterji għad-determinazzjoni ta’ rati bl-ingrossa ta’ terminazzjoni bil-vuċi.

Skeda ta’ żmien: mingħajr preġudizzju għall-iskadenzi speċifiċi relatati mad-dispożizzjonijiet rilevanti għat-trattament tas-suq intern għar-roaming, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/1972 għandhom jiġu implimentati sal-31 ta’ Diċembru 2028.

Ir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3)

l-implimentazzjoni tal-Artikoli 2 sa 6 tar-Regolament (UE) 2015/2120.

Skeda ta’ żmien: id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2015/2120 għandhom jiġu implimentati sal-31 ta’ Diċembru 2025.

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE (4)

monitoraġġ ta’ kompetizzjoni leali fis-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, b’mod partikolari rigward prezzijiet orjentati lejn l-ispejjeż għas-servizzi.

Id-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5)

Skeda ta’ żmien: id-dispożizzjonijiet tal-atti ta’ hawn fuq għandhom jiġu implimentati fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6)

Id-Direttiva 2000/31/KE tkopri s-servizzi kollha tas-soċjetà tal-informazzjoni, kemm minn negozju għal negozju kif ukoll min-negozju għall-konsumatur, jiġifieri kwalunkwe servizz li normalment jiġi fornut għal remunerazzjoni, mill-bogħod, permezz ta’ mezzi elettroniċi u fuq talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizz.

Skeda ta’ żmien: id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31/KE għandhom jiġu implimentati fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Id-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7)

Skeda ta’ żmien: id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/61/UE għandhom jiġu implimentati sal-31 ta’ Diċembru 2021.

Ir-Regolament (UE) 2022/612 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8)

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/612 għandhom jinqraw bl-adattamenti li ġejjin: l-Artikolu 1(4) jirreferi għar-rati tal-kambju ta’ referenza ppubblikati mill-Bank Ċentrali Ewropew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Sakemm il-Bank Ċentrali Ewropew ma jippubblikax ir-rati tal-kambju għall-hryvnia Ukrena, ir-rati tal-kambju bejn l-euro u l-hryvnia Ukrena ppubblikati mill-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna għandhom jintużaw għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 1(4). Il-perjodi ta’ referenza u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(4) jibqgħu l-istess.

L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha bl-eċċezzjoni ta’:

Artikolu 1 - Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni, il-paragrafu (5)

Artikolu 3 - Aċċess għar-roaming bl-ingrossa, il-paragrafu (8)

Artikolu 4 - Forniment ta’ servizzi tar-roaming bl-imnut regolati, il-paragrafu (3)

Artikolu 7 – Implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-politika ta’ użu ġust u tas-sostenibbiltà, il-paragrafi (1) sa (3) u (5). L-eċċezzjoni fir-rigward tal-Artikolu 7(1) sa (3) hija mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Ukrajna li timplimenta l-atti ta’ implimentazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi tal-politika ta’ użu ġust, il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-forniment ta’ servizzi tar-roaming bl-imnut bi prezzijiet domestiċi u l-applikazzjoni li għandha tiġi ppreżentata minn fornitur tar-roaming għall-fini tal-valutazzjoni tas-sostenibbiltà

Artikolu 8 - Applikazzjoni eċċezzjonali ta’ tariffi supplimentari bl-imnut għall-konsum ta’ servizzi tar-roaming bl-imnut regolati u l-forniment ta’ tariffi alternattivi, il-paragrafu (6)

L-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 16 – Bażijiet tad-data għall-meded tan-numri għas-servizzi ta’ valur miżjud u mezzi ta’ aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza,

Artikolu 20 - Proċedura ta’ kumitat

Artikolu 21 - Rieżami

Artikolu 23 - Revoka

F’każ li t-tariffa bl-ingrossa medja stabbilita fl-Artikolu 9(1), l-Artikolu 10(1), jew l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2022/612 tiġi emendata wara deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ biex jingħata trattament tas-suq intern għar-roaming skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII, l-applikazzjoni obbligatorja tagħha għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim tibda fl-istess data għaż-żewġ Partijiet. Din hija jew id-data tad-dħul fis-seħħ tal-emenda rilevanti tar-Regolament (UE) 2022/612 jew id-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni kompletament konformi tal-Ukrajna li timplimenta l-emenda rilevanti tar-Regolament (UE) 2022/612, wara l-konferma tagħha mill-valutazzjoni skont l-Artikolu 5(4) tal-Anness XVII, skont liema data tkun l-aħħar, jew data tad-dħul fis-seħħ oħra miftiehma miż-żewġ Partijiet biex jiġi evitat l-effett tal-applikazzjoni retroattiva. Sa dik id-data, it-tariffi li qabel kienu regolati jibqgħu applikabbli għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(2) tal-Anness XVII, fil-każ ta’ diskrepanzi bejn it-test tar-Regolament (UE) 2022/612 u kwalunkwe att li jinkorporah fl-ordni legali tal-Ukrajna, għandu jipprevali t-test tar-Regolament (UE) 2022/612.

Skeda ta’ żmien: id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/612 għandhom jiġu implimentati fi żmien 12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ (9) (id-“Deċiżjoni Nru 1/2023”).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 (10)

L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha bl-eċċezzjoni ta’:

Artikolu 12 - Ir-rieżami.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(2) tal-Anness XVII, fil-każ ta’ diskrepanzi bejn it-test tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2286 u kwalunkwe att li jinkorporah fl-ordni legali tal-Ukrajna, għandu jipprevali t-test tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2286.

Skeda ta’ żmien: id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2286 għandhom jiġu implimentati fi żmien 12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/2023.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654 (11)

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2021/654 għandhom, jinqraw bl-adattament li ġej: l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(3) jirreferi għar-rati tal-kambju ta’ referenza ppubblikati mill-Bank Ċentrali Ewropew f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Sakemm il-Bank Ċentrali Ewropew ma jippubblikax ir-rati tal-kambju għall-hryvnia Ukrena, ir-rati tal-kambju bejn l-euro u l-hryvnia Ukrena ppubblikati mill-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna għandhom jintużaw għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(3). Il-perjodi ta’ referenza u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(3) jibqgħu l-istess.

F’każ li kwalunkwe rata ta’ terminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1) jew fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/654 tiġi emendata wara deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ biex jingħata trattament tas-suq intern għar-roaming skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII, l-applikazzjoni obbligatorja tagħha għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim tibda fl-istess data għaż-żewġ Partijiet. Din hija jew id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ kwalunkwe emenda tar-Regolament Delegat (UE) 2021/654 jew id-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni kompletament konformi tal-Ukrajna li timplimenta l-emenda rielvanti tar-Regolament Delegat (UE) 2021/654, wara l-konferma tagħha mill-valutazzjoni skont l-Artikolu 5(4) tal-Anness XVII, skont liema data tkun l-aħħar, jew data tad-dħul fis-seħħ oħra miftiehma miż-żewġ Partijiet biex jiġi evitat l-effett tal-applikazzjoni retroattiva. S dik id-data, ir-rati ta’ terminazzjoni li qabel kienu regolati jibqgħu applikabbli għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(2) tal-Anness XVII, fil-każ ta’ diskrepanzi bejn it-test tar-Regolament Delegat (UE) 2021/654 u kwalunkwe att li jinkorporah fl-ordni legali tal-Ukrajna, għandu jipprevali t-test tar-Regolament Delegat (UE) 2021/654.

Skeda ta’ żmien: id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2021/654 għandhom jiġu implimentati qabel dawk tar-Regolament (UE) 2022/612 u fi żmien 11-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/2023, bl-eċċezzjonijiet li ġejjin:

Artikolu 1(2)

Fir-rigward ta’ telefonati nazzjonali li joriġinaw mill-Ukrajna b’numri Ukreni u li jintemmu fiha, l-Artikolu 1(3) għandu jsir applikabbli fi żmien tliet snin mid-data speċifikata f’deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ biex jingħata trattament tas-suq intern għar-roaming skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII

L-Artikolu 1(4) għandu jiġi implimentat qabel deċiżjoni eventwali mill-Kumitat għall-Kummerċ biex jingħata trattament tas-suq intern għas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII

Artikolu 4(2) sa (5)

Artikolu 5(2).

Ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12)

L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

Artikolu 3 - Objettivi tal-BEREC, il-paragrafu (5)

Artikolu 4 - Kompiti regolatorji tal-BEREC, il-paragrafu (4)

Artikolu 7 - Il-kompożizzjoni tal-Bord tar-Regolaturi, il-paragrafi (1) sa (3)

Artikolu 8 - L-indipendenza tal-Bord tar-Regolaturi

Artikolu 11 - Laqgħat tal-Bord tar-Regolaturi, il-paragrafu (5)

Artikolu 12 - Regoli tal-votazzjoni tal-Bord tar-Regolaturi, il-paragrafu (2)

Artikolu 15 - Kompożizzjoni tal-Bord Maniġerjali, il-paragrafi (1) sa (3)

Artikolu 18 - Laqgħat tal-Bord Maniġerjali, il-paragrafu (5)

Artikolu 38 - Kunfidenzjalità, il-paragrafu (2)

Artikolu 40 - Skambju ta’ informazzjoni, il-paragrafi (1), (2), (4), u (5)

Artikolu 42 - Dikjarazzjonijiet ta’ interessi, il-paragrafi (1) u (2).

L-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna bir-responsabbiltà primarja li tissorvelja l-operat ta’ kuljum tas-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħidma tal-Bord tar-Regolaturi tal-BEREC, il-gruppi ta’ ħidma tal-BEREC u l-Bord Maniġerjali tal-Uffiċċju tal-BEREC. L-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi bħal dawk tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE, ħlief għad-dritt tal-vot u għall-Presidenza tal-Bord tar-Regolaturi u tal-Bord Maniġerjali.

Fid-dawl ta’ dan, l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna għandha tkun rappreżentata f’livell xieraq f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1971. Skont ir-regoli rilevanti tar-Regolament (UE) 2018/1971, il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC għandhom, skont il-każ, jassistu lill-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna fit-twettiq tal-kompiti tagħha.

L-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna għandha tqis bis-sħiħ kwalunkwe linja gwida, opinjoni, rakkomandazzjoni, pożizzjoni komuni u l-aħjar prattiki adottati mill-BEREC bl-għan li tiżgura l-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi. Għall-fini ta’ trattament tas-suq intern għar-roaming skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII, l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna għandha tqis bis-sħiħ kwalunkwe linja gwida adottata mill-BEREC bl-għan li tiżgura l-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju dwar ir-roaming u għandha tipprovdi raġunijiet meta tiddevja minn tali linja gwida.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(2) tal-Anness XVII, fil-każ ta’ diskrepanzi bejn it-test tar-Regolament (UE) 2018/1971 u l-att(i) li jinkorporah fl-ordni legali tal-Ukrajna, għandu jipprevali t-test tar-Regolament (UE) 2018/1971.

Skeda ta’ żmien: id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1971 għandhom jiġu implimentati fi żmien 12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/2023.”.


(1)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU UE L 321, 17.12.2018, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/1972/oj).

(2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/534 tas-26 ta’ Marzu 2019 Ċibersigurtà ta’ networks 5G (C/2019/2335) (ĠU UE L 88, 29.3.2019, p. 42, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2019/534/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u tariffi bl-imnut għal komunikazzjonijiet intra-UE regolati u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 (ĠU UE L 310, 26.11.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/2120/oj).

(4)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE tas-16 ta’ Settembru 2002 dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU KE L 249, 17.9.2002, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/77/oj).

(5)  Id-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kundizzjonali (ĠU KE L 320, 28.11.1998, p. 54, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/84/oj).

(6)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU KE L 178, 17.7.2000, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/31/oj).

(7)  Id-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ networks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja (ĠU UE L 155, 23.5.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/61/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2022/612 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar ir-roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU UE L 115, 13.4.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/612/oj).

(9)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ tal-24 ta’ April 2023 li timmodifika l-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra [2023/930] (ĠU UE L 123, 8.5.2023, p. 38, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/930/oj).

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 tal-15 ta’ Diċembru 2016 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta’ politika tal-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandu jressaq fornitur tar-roaming għall-finijiet ta’ dik il-valutazzjoni (ĠU UE L 344, 17.12.2016, p. 46, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/2286/oj).

(11)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/654 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni u rata massima unika għat-terminazzjoni ta’ telefonati fissi madwar l-Unjoni (ĠU UE L 137, 22.4.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/654/oj).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (ĠU UE L 321, 17.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1971/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1351/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)