European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1343

14.7.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1343

tal-11 ta’ Lulju 2025

li jagħti protezzjoni fl-Unjoni lill-indikazzjoni ġeografika “Gështenja e Malësisë së Madhe” irreġistrata fir-Reġistru Internazzjonali tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Att ta’ Ġinevra

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 5(1) u (2) tal-Att ta’ Ġinevra (2), l-Awtoritajiet Kompetenti ta’ kull Parti Kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra jistgħu jirreġistraw applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika mal-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, li jirreġistraha fir-Reġistru Internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Att ta’ Ġinevra. F’konformità mal-Artikolu 9 tal-Att ta’ Ġinevra, il-Partijiet Kontraenti l-oħra għandhom jipproteġu d-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati fis-sistema legali tagħhom stess soġġetti għal ċaħda, rinunzja, invalidazzjoni jew kanċellazzjoni.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 6(4) tal-Att ta’ Ġinevra, fl-1 ta’ Novembru 2024, il-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali nnotifika lill-Kummissjoni li l-isem “Gështenja e Malësisë së Madhe”, applikat mill-Albanija, ġie rreġistrat bħala indikazzjoni ġeografika fir-Reġistru Internazzjonali tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont l-Att ta’ Ġinevra.

(3)

Ir-reġistrazzjoni internazzjonali tal-indikazzjoni ġeografika “Gështenja e Malësisë së Madhe” ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3) skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1753, biex ikunu jistgħu jiġu ppreżentati oppożizzjonijiet possibbli.

(4)

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/1753, il-Kummissjoni vvalutat ir-reġistrazzjoni internazzjonali tal-indikazzjoni ġeografika “Gështenja e Malësisë së Madhe” skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu u kkonkludiet li dawn huma ssodisfati.

(5)

Billi l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda oppożizzjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2019/1753, jenħtieġ li l-isem “Gështenja e Malësisë së Madhe” jiġi protett fl-Unjoni, f’konformità mal-Att ta’ Ġinevra.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità għall-prodotti agrikoli, l-inbid u x-xorb spirituż skont ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-isem “Gështenja e Malësisë së Madhe”, irreġistrat bħala indikazzjoni ġeografika fir-Reġistru Internazzjonali, għandu jiġi protett fl-Unjoni.

L-isem imsemmi fl-ewwel paragrafu jidentifika prodott tat-tip “Qastan”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 271, 24.10.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1753/oj.

(2)  L-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU L 271, 24.10.2019, p. 15, ELI http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2019/1754/oj).

(3)   ĠU C, C/2024/7099, 25.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7099/oj.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1343/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)