European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1333

9.7.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/1333

tat-8 ta’ Lulju 2025

dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa lill-Forzi Armati tas-Senegal

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu prevenuti l-kunflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża.

(2)

Is-saħħa persistenti u dejjem tikber tal-organizzazzjonijiet estremisti vjolenti fis-Saħel ċentrali thedded l-istabbiltà tas-Senegal u tar-reġjun kollu tal-Afrika tal-Punent.

(3)

Fid-dawl tal-ambjent tas-sigurtà li qed jiddeterjora, it-tisħiħ tal-Forzi Armati tas-Senegal huwa element importanti biex jiġu appoġġati l-isforzi tas-Senegal kontra l-konsegwenzi tat-theddida terroristika li ġejja mis-Saħel, b’mod partikolari fil-fruntiera tas-Senegal mal-Mali. F’dak il-kuntest, u b’għarfien sħiħ tal-fatt li s-sitwazzjoni teħtieġ rispons integrat, l-iżgurar tal-paċi u s-sigurtà fit-tul fis-Senegal huwa prijorità ewlenija għall-Unjoni.

(4)

Fl-4 ta’ Novembru 2024, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà rċieva talba mis-Senegal biex l-Unjoni tgħin lill-Forzi Armati tas-Senegal fl-akkwist ta’ tagħmir u infrastruttura operazzjonali ewlenija biex jissaħħu l-kapaċitajiet operazzjonali tagħhom għall-fini tal-protezzjoni tal-fruntieri tal-art u l-ġlieda kontra l-gruppi mhux statali armati li qed jiddestabbilizzaw il-pajjiż u r-reġjun kollu tal-Afrika tal-Punent.

(5)

Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari l-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF.

(6)

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jissodisfa d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata

1.   B’dan qed tiġi stabbilita miżura ta’ assistenza għall-benefiċċju tas-Senegal (il-“benefiċjarju”) li għandha tiġi ffinanzjata taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta’ assistenza”).

2.   L-objettiv tal-miżura ta’ assistenza huwa li tappoġġa lill-Forzi Armati tas-Senegal fid-difiża tal-integrità territorjali tas-Senegal u l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili tiegħu kontra theddid intern u estern.

3.   Biex jinkiseb l-objettiv stipulat fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta’ tagħmir li ġejjin li mhumiex iddisinjati għall-forza letali, kif ukoll ix-xogħol infrastrutturali li ġej:

(a)

tagħmir għal sorveljanza u viżjoni ta’ binhar u billejl għal fuq l-art u x-xmajjar;

(b)

tagħmir għall-ġbir tal-intelligence;

(c)

tagħmir ta’ protezzjoni tal-forzi;

(d)

kostruzzjoni ta’ bażi max-xmara f’Foundiougne u f’Bakel;

(e)

kostruzzjoni ta’ korsa ta’ assalt fuq barra u korsa ta’ ostakli avvanzata għall-Akkademja Nazzjonali tal-Uffiċjali Mhux Ikkummissjonati f’Kaolack.

Il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja wkoll provvisti u servizzi relatati, inkluż taħriġ tekniku, fejn meħtieġ.

4.   Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun ta’ 36 xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 10 000 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF.

Artikolu 3

Arranġamenti mal-benefiċjarju

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti b’din id-Deċiżjoni, bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza.

2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

(a)

il-konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati tas-Senegal appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

(b)

l-użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti;

(c)

il-manutenzjoni suffiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-utilizzabbiltà u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(d)

li l-assi kollha pprovduti fil-qafas tal-miżura ta’ assistenza ma jintilfux jew ma jiġux trasferiti lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti.

3.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.

Artikolu 4

Implimentazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF, kif ukoll mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.

2.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-Deċiżjoni għandha ssir mill-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza permezz ta’ arranġament amministrattiv mal-Économat des Armées f’konformità mal-Artikolu 37 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

Artikolu 5

Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità mill-benefiċjarju mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji ta’ ksur tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ dan il-ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati tas-Senegal appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza.

2.   Il-kontroll ta’ wara t-trasport tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:

(a)

verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF għandhom jiġu ffirmati mill-forzi li jkunu l-utent aħħari malli jsir it-trasferiment tas-sjieda;

(b)

rappurtar, fejn il-benefiċjarju għandu jirrapporta kull sena dwar l-attivitajiet li jsiru bit-tagħmir, il-provvisti, is-servizzi u l-infrastruttura pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza u dwar l-inventarju ta’ oġġetti deżinjati sakemm dan ir-rappurtar ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS);

(c)

żjarat fuq il-post, fejn malli jintalab dan, il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu verifiki fuq il-post u awditi tal-EPF.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali malli titlesta l-miżura ta’ assistenza, biex jivvaluta jekk il-miżura ta’ assistenza tkunx ikkontribwiet għall-ksib tal-objettivi stipulati fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 6

Rappurtar

Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jibgħat lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.

Artikolu 7

Sospensjoni u tmiem

1.   Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza f’konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2.   Il-KPS jista’ jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

S. LOSE


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).

(2)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/944/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1333/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)