European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1327

8.7.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1327

tas-7 ta’ Lulju 2025

li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2059 fir-rigward tal-inklużjoni ta’ ward frisk fil-lista ta’ prodotti bażiċi mill-bqija tad-dinja

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1231 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2023 dwar regoli speċifiċi relatati mad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ ċerti kunsinni ta’ oġġetti bl-imnut, pjanti għat-tħawwil, patata taż-żrigħ, makkinarju u ċertu vetturi mħaddma għal skopijiet agrikoli jew ta’ forestrija, kif ukoll movimenti mhux kummerċjali ta’ ċerti annimali tad-dar lejn l-Irlanda ta’ Fuq (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4), il-punt (a), tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2023/1231 jistabbilixxi regoli speċifiċi li, fost l-oħrajn, huma relatati mad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ ċerti kunsinni ta’ oġġetti bl-imnut għall-introduzzjoni fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq għall-konsumatur finali, inklużi regoli speċifiċi għal kunsinni ta’ oġġetti bl-imnut mill-bqija tad-dinja.

(2)

B’mod aktar speċifiku, l-Artikolu 9(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/1231 jipprevedi li oġġetti bl-imnut mill-bqija tad-dinja li jikkonsistu minn prodotti bażiċi li joriġinaw mill-annimali jew mill-pjanti jew prodotti komposti soġġetti għar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali jew is-saħħa tal-pjanti msemmija fl-Artikolu 1(2), il-punti (d), (e) u (g), tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (“prodotti bażiċi mill-bqija tad-dinja”) jistgħu jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit u jiġu introdotti fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2023/1231 biss jekk ir-Renju Unit jipprovdi evidenza bil-miktub li l-kundizzjonijiet tal-importazzjoni u r-rekwiżiti tal-kontrolli uffiċjali previsti fir-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 (3), (UE) 2016/429 (4) u (UE) 2016/2031 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-Regolament (UE) 2017/625, u fl-atti tal-Kummissjoni adottati skont dawk ir-Regolamenti japplikaw għal dawk il-prodotti bażiċi skont il-liġi nazzjonali tar-Renju Unit, u jekk dawk il-kundizzjonijiet tal-importazzjoni u r-rekwiżiti tal-kontrolli uffiċjali jiġu implimentati b’mod effettiv mir-Renju Unit.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2059 (6) jistabbilixxi, fl-Anness tiegħu, il-lista ta’ prodotti bażiċi mill-bqija tad-dinja li jistgħu jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit u jiġu introdotti fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq, li bħalissa telenka merkanzija ta’ oriġini mill-annimali u mhux mill-annimali.

(4)

Permezz ta’ ittri datata l-11 ta’ Ottubru 2024 u t-28 ta’ April 2025, ir-Renju Unit ipprovda evidenza bil-miktub li l-kundizzjonijiet tal-importazzjoni u r-rekwiżiti tal-kontrolli uffiċjali stabbiliti fir-Regolamenti (UE) 2016/2031 u (UE) 2017/625 u fl-atti tal-Kummissjoni adottati skont dawk ir-Regolamenti u relatati mal-ward frisk mill pajjiżi terzi kollha, japplikaw skont il-liġi nazzjonali tiegħu, u dawk il-kundizzjonijiet tal-importazzjoni u r-rekwiżiti tal-kontrolli uffiċjali relatati mal-ward frisk jiġu implimentati b’mod effettiv mir-Renju Unit fis-26 ta’ April 2025. Għalhekk jixraq li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2059 jiġi emendat biex dawk l-oġġetti jiżdiedu mal-lista ta’ prodotti bażiċi mill-bqija tad-dinja.

(5)

Fl-interess taċ-ċertezza legali u biex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn għall-kummerċ, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza.

(6)

Peress li r-Renju Unit ipprovda l-evidenza bil-miktub li r-regoli dwar is-saħħa tal-pjanti msemmija fl-Artikolu 9(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/1231 huma implimentati effettivament mis-26 ta’ April 2025 għall-ward frisk, u biex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn għall-kummerċ, dan ir-Regolament jenħtieġ li għalhekk japplika b’mod retroattiv minn dik id-data.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2059 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-26 ta’ April 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 165, 29.6.2023, p. 103, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1231/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/625/oj).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali u derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1069/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2031/oj).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2059 tas-26 ta’ Settembru 2023 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1231 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-elenkar ta’ ċerti prodotti bażiċi mill-bqija tad-dinja li jistgħu jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq bħala oġġetti bl-imnut minn partijiet oħra tar-Renju Unit u jiġu introdotti fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 238, 27.9.2023, p. 103, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2059/oj).


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2059, il-prodott bażiku li ġej jiżdied mal-parti “Fjuri u blanzuni ta’ fjuri” tal-kategorija “Oġġetti mhux ta’ oriġini mill-annimali”:

“10

Ward frisk

0603 11 00

Ċertifikat fitosanitarju li jikkonforma mal-mudell stabbilit fl-Anness tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti

Il-pajjiżi terzi kollha.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1327/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)