|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1239 |
1.7.2025 |
DEĊIŻJONI NRU 1/2025 TAL-KUMITAT DWAR IL-KOOPERAZZJONI DOGANALI BEJN L-UE U T-TURKIJA
tal-24 ta’ April 2025
dwar l-użu taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku [2025/1239]
IL-KUMITAT DWAR IL-KOOPERAZZJONI DOGANALI,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali tal-Unjoni Doganali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(6) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Fil-bidu tal-2020, il-pajjiżi sħab tal-UE li kellhom ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Unjoni ġew ikkonfrontati bl-impossibbiltà li jipprovdu ċ-ċertifikati tal-moviment f’forma xierqa, jiġifieri fil-format korrett tal-karta, iffirmati bl-idejn u ttimbrati b’linka friska, meta jitqies li, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, f’għadd ta’ pajjiżi l-kuntatti bejn l-awtoritajiet doganali tal-pajjiżi sħab tal-UE u l-operaturi ekonomiċi ġew sospiżi. Għalhekk, tqies xieraq li jiġu adottati miżuri eċċezzjonali applikabbli fuq bażi reċiproka, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-kummerċ preferenzjali. |
|
(2) |
L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi sħab tal-UE ġew mistiedna jaċċettaw iċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku, b’firma, timbru jew cachet diġitali tal-awtoritajiet kompetenti, jew fil-forma ta’ kopja taċ-ċertifikat oriġinali, maħruġ jew f’forma stampata jew elettronika, jiġifieri kopja skennjata jew waħda disponibbli online. |
|
(3) |
Il-miżuri kienu applikabbli wkoll għaċ-ċertifikati tal-moviment A.TR għall-fini taċ-ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija fl-Unjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija. Din il-prattika kienet ibbażata fuq il-flessibbiltà prevista fl-Artikolu 10, il-paragrafu 1 tad-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali tas-26 ta’ Lulju 2006 (2) (“id-Deċiżjoni Nru 1/2006”). Skont dik id-dispożizzjoni, iċ-ċertifikati tal-moviment A.TR għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet doganali tal-Istat importatur f’konformità mal-proċeduri applikabbli f’dak l-Istat. |
|
(4) |
Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li wasslu għall-adozzjoni tal-miżuri flessibbli ma baqgħux jitqiesu rilevanti, u għalhekk ġie deċiż li dawk il-miżuri ma jibqgħux japplikaw mill-1 ta’ Mejju 2024. |
|
(5) |
L-Unjoni u t-Turkija rrikonoxxew li l-esperjenza tal-kummerċ skont il-miżuri eċċezzjonali adottati minħabba l-pandemija tal-COVID-19 kienet pożittiva u qiesu li kien xieraq li jitkomplew il-prattiki tajba introdotti fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali matul il-pandemija sabiex l-operaturi ekonomiċi jibbenefikaw mid-diġitalizzazzjoni taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR. |
|
(6) |
Is-sistema mfassla u żviluppata għall-ħruġ elettroniku taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR toffri l-possibbiltà għall-awtoritajiet doganali li jivverifikaw l-awtentiċità taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR minnufih, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni Nru 1/2006 dwar il-proċeduri għall-verifiki sussegwenti. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-kontrolli tal-awtentiċità. L-istess funzjonalità jenħtieġ li tiġi attivata ladarba tiġi stabbilita sistema ta’ diġitalizzazzjoni taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR għall-ħruġ elettroniku ta’ tali ċertifikati fl-Unjoni. |
|
(7) |
Fil-kuntest tal-kummerċ preferenzjali fiż-żona Pan-Ewro-Mediterranja (PEM), li tinkludi kemm l-UE kif ukoll it-Turkija, il-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji adotta id-Deċiżjoni Nru 1/2024 (3) dwar l-użu taċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 u EUR-MED maħruġa b’mod elettroniku. |
|
(8) |
Għal prattika armonizzata dwar l-użu taċ-ċertifikati tal-moviment u wara li jitqiesu l-Artikolu 9 u l-Anness II tad-Deċiżjoni Nru 1/2006, huwa xieraq li ċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku skont il-qafas tal-Unjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija, jkunu aċċettati mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-UE u tat-Turkija. |
|
(9) |
Mit-8 ta’ Lulju 2024, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-UE u t-Turkija bdew jaċċettaw ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi prevista l-applikazzjoni retroattiva tal-użu taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku mit-8 ta’ Lulju 2024, biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-prattiki tajba introdotti matul il-pandemija tal-COVID-19 minn dik id-data, mingħajr preġudizzju għall-azzjonijiet meħuda mill-amministrazzjonijiet doganali taż-żewġ partijiet matul il-perjodu interim mill-1 ta’ Mejju 2024 sat-8 ta’ Lulju 2024, u mingħajr ma jaffettwaw id-drittijiet mogħtija lill-individwi matul dak il-perjodu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-UE u tat-Turkija għandhom jaċċettaw iċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku meta jiġu ppreżentati mal-importazzjoni, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
(a) |
il-mudell li jinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali jintuża bħala l-bażi għaċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku; |
|
(b) |
l-awtoritajiet doganali tal-Istat esportatur jipprevedu sistema online bbażata fuq l-internet biex tiġi vverifikata l-awtentiċità taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku; |
|
(c) |
iċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku jkollhom numru tas-serje uniku u, jekk ikunu disponibbli, karatteristiċi tas-sigurtà li bihom jistgħu jiġu identifikati. |
2. L-Unjoni u t-Turkija jistgħu jiddeċiedu li jissospendu l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tal-moviment A.TR maħruġa b’mod elettroniku meta l-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1 ma jkunux issodisfati, u għandhom jinnotifikaw lil xulxin b’dan minn qabel. Iż-żewġ partijiet għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni tan-notifiki skont il-proċeduri tagħhom stess, filwaqt li jindikaw id-data tal-bidu tas-sospensjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Għandha tapplika mit-8 ta’ Lulju 2024.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ April 2025.
Għall-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Doganali
Il-President
M. PETSCHKE
(1) ĠU L 35, 13.2.1996, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1995/1(5)/oj.
(2) Id-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kumitat ta’ Kooperazzjoni Doganali KE-Turkija tas-26 ta’ Settembru 2006 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija (ĠU L 265, 26.9.2006, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/646/oj).
(3) Id-Deċiżjoni Nru 1/2024 tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-Regoli Preferenzjali tal-Oriġini Pan-Ewro-Mediterranji tat-12 ta’ Diċembru 2024 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-użu taċ-ċertifikati tal-moviment maħruġa b’mod elettroniku fil-qafas ta’ dik il-Konvenzjoni applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2025 (ĠU L 2025/16, 9.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/16/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1239/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)