European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1232

20.6.2025

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA 1/2025 TAL-UNJONI U TAR-RENJU UNIT FIL-KUNSILL TA’ SĦUBIJA STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MIN-NAĦA L-WAĦDA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA

tad-19 ta' Ġunju 2025

L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, bħala parti minn sħubija ekonomika ambizzjuża, wiesgħa u bilanċjata li tipproduċi benefiċċji reċiproċi.

F’dan il-kuntest, u meta jitqiesu l-objettivi tat-Tieni Parti, l-Ewwel Intestatura, it-Titolu VIII dwar l-enerġija tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (“it-Titolu VIII”), li għandhom jiffaċilitaw il-kummerċ u l-investiment bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit fl-oqsma tal-enerġija u l-materja prima, u jappoġġjaw, fuq bażi kontinwa, is-sigurtà tal-provvista u s-sostenibbiltà ambjentali, b’mod partikolari biex jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima f’dawk l-oqsma, l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jikkondividu l-fehim politiku li dawk l-objettivi għandhom jiġu segwiti fuq bażi kontinwa u li jkun xieraq li tiġi estiża l-applikazzjoni tat-Titolu VIII.

Dan jista’ jsir permezz ta’ deċiżjonijiet suċċessivi li jsiru skont l-Artikolu 331(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni.


ELI: http://data.europa.eu/eli/declar/2025/1232/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)