|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1229 |
20.6.2025 |
DEĊIŻJONI Nru 1/2025 TAL-KUNSILL TAS-SĦUBIJA STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, MIN-NAĦA WAĦDA, U R-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ, MIN-NAĦA L-OĦRA
tat-18 ta' Ġunju 2025
li tagħti l-interpretazzjoni tal-Artikolu 508(2)(d) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra [2025/1229]
IL-KUNSILL TA’ SĦUBIJA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 519(b) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-perjodu ta’ aġġustament previst fl-Anness 38 tal-Ftehim, li matulu kull Parti tagħti lill-bastimenti tal-Parti l-oħra aċċess sħiħ għall-ilmijiet tagħha biex jistadu, jintemm fit-30 ta’ Ġunju 2026. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 500(1) tal-Ftehim, li japplika wara t-30 ta’ Ġunju 2026, kull Parti għandha tagħti lill-bastimenti tal-Parti l-oħra aċċess għas-sajd fl-ilmijiet tagħha fis-subżoni rilevanti tal-ICES għas-sena rilevanti f’livell u skont il-kundizzjonijiet determinati fil-konsultazzjonijiet annwali, dment li jkun intlaħaq qbil dwar it-TACs. |
|
(3) |
Il-partijiet jixtiequ jipprovdu aċċess sħiħ pluriennali għall-ilmijiet għas-sajd għal perjodu ta’ żmien speċifikat wara Ġunju 2026. |
|
(4) |
L-Artikolu 508(2)(b) flimkien mal-Artikolu 508(1)(l) tal-Ftehim jagħti s-setgħa lill-Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd li jadotta deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp ta’ linji gwida biex tiġi appoġġata l-applikazzjoni prattika tal-Artikolu 500 tal-Ftehim. Barra minn hekk, l-Artikolu 508(2)(d) tal-Ftehim jagħti s-setgħa lil dan il-Kumitat li jadotta deċiżjonijiet fir-rigward ta’ kwalunkwe aspett ieħor ta’ kooperazzjoni fil-ġestjoni sostenibbli tas-sajd. |
|
(5) |
F’dan il-kuntest, huwa xieraq li tinħareġ interpretazzjoni tal-Artikolu 508(2)(d) tal-Ftehim biex tiġi ċċarata l-bażi li fuqha l-Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd jista’ jadotta din id-Deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-terminu “kooperazzjoni fil-ġestjoni sostenibbli tas-sajd” fl-Artikolu 508(2)(d) tal-Ftehim għandu jiġi interpretat, għall-fini biss ta’ dik id-dispożizzjoni, li jinkludi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kumitat Speċjalizzat għas-Sajd biex jingħata aċċess sħiħ pluriennali għall-ilmijiet għas-sajd għal perjodu ta’ żmien speċifikat li għall-finijiet tal-Artikolu 500(1) u (4) tal-Ftehim għandu jitqies bħala l-eżitu maqbul tal-konsultazzjonijiet annwali (inkluż fil-każ ta’ aċċess skont l-Artikolu 500(5) tal-Ftehim f’każ li t-TACs proviżorji jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 499 tal-Ftehim).
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell u Londra, it-18 ta’ Ġunju 2025.
Għall-Kunsill ta’ Sħubija
Il-Kopresidenti
Maroš ŠEFČOVIČ
Nick THOMAS-SYMONDS
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1229/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)