European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1219

19.6.2025

Traduzzjoni

Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trasparenza f’Arbitraġġ ibbażat fuq Trattat bejn l-Investituri u l-Istat

IL-PARTIJIET GĦAL DIN IL-KONVENZJONI,

JIRRIKONOXXU l-valur tal-arbitraġġ bħala metodu ta’ soluzzjoni tat-tilwim li jista’ jinqala’ fil-kuntest ta’ relazzjonijiet internazzjonali, u l-użu estensiv u fuq firxa wiesgħa tal-arbitraġġ għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istat,

JIRRIKONOXXU WKOLL il-ħtieġa għal dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza fis-soluzzjoni tat-tilwim ibbażat fuq Trattat bejn l-investituri u l-Istat biex jiġi kkunsidrat l-interess pubbliku involut f’tali arbitraġġ,

JEMMNU li r-Regoli ta’ Trasparenza f’Arbitraġġ ibbażat fuq Trattat bejn l-Investituri u l-Istat, adottati mill-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Kummerċ Internazzjonali fil-11 ta’ Lulju 2013 (“Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza”), b’effett mill-1 ta’ April 2014, jikkontribwixxu b’mod sinifikanti lejn l-istabbiliment ta’ qafas legali armonizzat għal soluzzjoni ġusta u effiċjenti tat-tilwim dwar investiment internazzjonali,

JINNUTAW l-għadd kbir ta’ trattati li jipprovdu għall-protezzjoni tal-investimenti jew l-investituri diġà fis-seħħ, u l-importanza prattika tal-promozzjoni tal-applikazzjoni tar-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza f’arbitraġġ skont dawk it-trattati dwar l-investiment li huma diġà konklużi,

JINNUTAW UKOLL l-Artikolu 1(2) u (9) tar-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din il-Konvenzjoni tapplika għal arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat jew organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li jsir abbażi ta’ trattat tal-investiment konkluż qabel l-1 ta’ April 2014 (“arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat”).

2.   It-terminu “trattat ta’ investiment” ifisser trattat bilaterali jew multilaterali, inkluż kwalunkwe trattat magħruf b’mod komuni bħala ftehim ta’ kummerċ ħieles, ftehim ta’ integrazzjoni ekonomika, qafas ta’ kummerċ u investiment jew ftehim ta’ kooperazzjoni, jew trattat bilaterali ta’ investiment, li fih dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ta’ investimenti jew investituri u dritt għall-investituri biex jirrikorru għall-arbitraġġ kontra partijiet kontraenti għal dak it-trattat ta’ investiment.

Artikolu 2

Applikazzjoni tar-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza

1.   Ir-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza għandhom japplikaw għal kwalunkwe arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat, kemm jekk mibdi taħt ir-Regoli UNCITRAL tal-Arbitraġġ, fejn il-konvenut ikun Parti li ma jkunx għamel riżerva rilevanti skont l-Artikolu 3(1)(a) jew (b), u r-rikorrent ikun Stat li huwa Parti li ma jkunx għamel riżerva rilevanti skont l-Artikolu 3(1)(a).

2.   Meta r-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza ma japplikawx skont il-paragrafu 1, ir-Regoli tal-UNCITRAL dwar it-Trasparenza għandhom japplikaw għal arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat, kemm jekk mibdi skont ir-Regoli UNCITRAL tal-arbitraġġ, fejn il-konvenut ikun Parti li ma jkunx għamel riżerva rilevanti għal dak l-arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat skont l-Artikolu 3(1), u r-rikorrent jaqbel mal-applikazzjoni tar-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza.

3.   Meta r-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza japplikaw skont il-paragrafu 1 jew 2, għandha tapplika l-verżjoni l-aktar riċenti ta’ dawk ir-Regoli li l-konvenut ma jkunx għamel riżerva għalihom skont l-Artikolu 3(2).

4.   L-aħħar sentenza tal-Artikolu 1(7) tar-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza ma għandhiex tapplika għal arbitraġġi bejn l-investituri u l-Istat skont il-paragrafu 1.

5.   Il-Partijiet għal din il-Konvenzjoni jaqblu li rikorrent ma jistax jinvoka dispożizzjoni tan-nazzjon l-aktar iffavorit biex ifittex li japplika, jew jevita l-applikazzjoni ta’, ir-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza skont din il-Konvenzjoni.

Artikolu 3

Riżervi

1.   Parti tista’ tiddikjara li:

(a)

Ma għandhiex tapplika din il-Konvenzjoni għal arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat skont trattat speċifiku ta’ investiment, identifikat bit-titolu u l-isem tal-partijiet kontraenti għal dak it-trattat ta’ investiment;

(b)

L-Artikolu 2(1) u (2) ma għandhomx japplika għal arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat li jsir bl-użu ta’ sett speċifiku ta’ regoli jew proċeduri ta’ arbitraġġ minbarra r-Regoli UNCITRAL tal-Arbitraġġ, u li hija konvenut fihom;

(c)

L-Artikolu 2(2) ma għandux japplika f’arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat li hija konvenut fih.

2.   F’każ ta’ reviżjoni tar-Regoli UNCITRAL dwar it-Trasparenza, Parti tista’, fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni ta’ tali reviżjoni, tiddikjara li hija ma għandhiex tapplika dik il-verżjoni riveduta tar-Regoli.

3.   Il-Partijiet jistgħu jagħmlu riżervi multipli fi strument uniku. F’tali strument, kull dikjarazzjoni magħmula:

(a)

Fir-rigward ta’ trattat ta’ investiment speċifiku skont il-paragrafu (1)(a);

(b)

Fir-rigward ta’ sett speċifiku ta’ regoli jew proċeduri ta’ arbitraġġ skont il-paragrafu (1)(b);

(c)

Skont il-paragrafu (1)(c); jew

(d)

Skont il-paragrafu (2);

tikkostitwixxi riżerva separata li tista’ tiġi rtirata separatament skont l-Artikolu 4(6).

4.   L-ebda riżerva ma hi permessa ħlief dawk espressament awtorizzati f’dan l-Artikolu.

Artikolu 4

Formulazzjoni tar-riżervi

1.   Ir-riżervi jistgħu jsiru minn Parti fi kwalunkwe ħin, ħlief għal riżerva skont l-Artikolu 3(2).

2.   Ir-riżervi magħmula fil-mument tal-iffirmar għandhom ikunu soġġetti għal konferma mar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni. Tali riżervi għandhom isiru effettivi simultanjament mad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni fir-rigward tal-Parti kkonċernata.

3.   Ir-riżervi magħmula fil-ħin tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni jew l-adeżjoni għalihom għandhom isiru effettivi simultanjament mad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni fir-rigward tal-Parti kkonċernata.

4.   Ħlief għal riżerva magħmula minn Parti skont l-Artikolu 3(2), li għandha ssir effettiva minnufih malli tiġi ddepożitata, riżerva ddepożitata wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għal dik il-Parti għandha ssir effettiva tnax-il xahar wara d-data tad-depożitu tagħha.

5.   Ir-riżervi u l-konfermi tagħhom għandhom jiġu ddepożitati għand id-depożitarju.

6.   Kull Parti li tagħmel riżerva skont din il-Konvenzjoni tista’ tirtiraha fi kwalunkwe ħin. Dan l-irtirar jiġi ddepożitat għand id-depożitarju u għandu jsir effettiv mad-depożitu.

Artikolu 5

Applikazzjoni għal arbitraġġ bejn l-investituri u l-istat

Din il-Konvenzjoni u kwalunkwe riżerva, jew l-irtirar ta’ riżerva, għandha tapplika biss għal arbitraġġi bejn l-investituri u l-Istat li jkunu bdew wara d-data meta l-Konvenzjoni, ir-riżerva, jew l-irtirar ta’ riżerva, tidħol fis-seħħ jew issir effettiva fir-rigward ta’ kull Parti kkonċernata.

Artikolu 6

Depożitorju

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti huwa b’dan innominat bħala d-depożitarju ta’ din il-Konvenzjoni.

Artikolu 7

Firma, ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni, adeżjoni

1.   Din il-Konvenzjoni hija miftuħa għall-iffirmar f’Port Louis, il-Mawrizju, fis-17 ta’ Marzu 2015, u wara fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York minn kwalunkwe (a) Stat; jew (b) organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li hija kostitwita minn Stati u hija parti kontraenti għal trattat ta’ investiment.

2.   Din il-Konvenzjoni hija soġġetta għar-ratifika, għall-aċċettazzjoni jew għall-approvazzjoni tal-firmatarji għal din il-Konvenzjoni.

3.   Din il-Konvenzjoni hija miftuħa għall-adeżjoni mill-Istati kollha jew mill-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali msemmija fil-paragrafu 1 li mhumiex firmatarji mid-data li hija miftuħa għall-iffirmar.

4.   L-istrumenti tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni għandhom jiġu ddepożitati mad-depożitarju.

Artikolu 8

Parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika

1.   Meta tkun qed tiddepożita strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika għandha tinforma lid-depożitarju ta’ trattat ta’ investiment speċifiku li hija parti kontraenti fih, identifikat bit-titolu u l-isem tal-partijiet kontraenti għal dak it-trattat ta’ investiment.

2.   Meta l-għadd ta’ Partijiet ikun rilevanti f’din il-Konvenzjoni, organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika ma tgħoddx bħala Parti flimkien mal-Istati Membri tagħha li jkunu Partijiet.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

1.   Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ sitt xhur wara d-data tad-depożitu tat-tielet strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni.

2.   Meta Stat jew organizzazzjoni ta’ integrazzjoni reġjonali ekonomika li jirratifikaw, jaċċettaw, japprovaw jew jaderixxu ma’ din il-Konvenzjoni wara d-depożitu tat-tielet strument tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ fir-rigward ta’ dak l-Istat jew organizzazzjoni ta’ integrazzjoni reġjonali ekonomika sitt xhur wara d-data tad-depożitu tal-istrument tagħhom tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni.

Artikolu 10

Emendar

1.   Kwalunkwe Parti tista’ tipproponi emenda għal din il-Konvenzjoni billi tibgħatha lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Hekk kif isir dan is-Segretarju-Ġenerali għandu jikkomunika l-emenda proposta lill-Partijiet għal din il-Konvenzjoni, b’talba li dawn jindikaw jekk humiex favur konferenza tal-Partijiet bl-iskop li jikkunsidraw u jivvutaw dwar il-proposta. F’każ li, fi żmien erba’ xhur mid-data ta’ tali komunikazzjoni, mill-inqas terz tal-Istati Partijiet ikunu favur tali konferenza, is-Segretarju-Ġenerali għandu jsejjaħ il-konferenza taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti.

2.   Il-Konferenza tal-Partijiet tagħmel kull sforz biex jintlaħaq kunsens dwar kull emenda. Jekk l-isforzi kollha għall-kunsens ikunu eżawriti u ma jintlaħaq ebda kunsens, l-emenda għandha, bħala l-aħħar rimedju, teħtieġ għall-adozzjoni tagħha maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet preżenti u li jivvutaw waqt il-konferenza.

3.   Emenda adottata għandha tiġi ppreżentata mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Partijiet kollha għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni.

4.   Emenda adottata tidħol fis-seħħ sitt xhur wara d-data tad-depożitu tat-tielet strument tar-ratifika, tal-aċċettazzjoni jew tal-approvazzjoni. Meta emenda tidħol fis-seħħ, din għandha tkun vinkolanti fuq dawk il-Partijiet li esprimew approvazzjoni li jkunu marbuta biha.

5.   Meta Stat jew organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika jirratifikaw, jaċċettaw jew japprovaw emenda li tkun diġà daħlet fis-seħħ, l-emenda tidħol fis-seħħ fir-rigward ta’ dak l-Istat jew dik l-organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika sitt xhur wara d-data tad-depożitu tal-istrument tagħhom tar-ratifika, tal-aċċettazzjoni jew tal-approvazzjoni.

6.   Kwalunkwe Stat jew organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li jsiru Parti mill-Konvenzjoni wara d-dħul fis-seħħ tal-emenda għandhom jitqiesu bħala Parti mill-Konvenzjoni kif emendata.

Artikolu 11

Denunzja ta’ din il-Konvenzjoni

1.   Parti tista’ tiddenunzja din il-Konvenzjoni fi kwalunkwe ħin permezz ta’ notifika formali indirizzata lid-depożitarju. Id-denunzja għandha ssir effettiva tnax-il xahar wara li n-notifika tkun riċevuta mid-depożitarju.

2.   Din il-Konvenzjoni għandha tkompli tapplika għal arbitraġġi bejn l-investituri u l-Istat li bdew qabel ma d-denunzja tieħu effett.

MAGĦMUL f’kopja waħda oriġinali, fejn it-testi bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol huma ugwalment awtentiċi.

B’XHIEDA TA’ DAN il-plenipotenzjarji hawn taħt iffirmati, li huma debitament awtorizzati għal dan il-għan mill-Gvernijiet rispettivi tagħhom, iffirmaw din il-Konvenzjoni.


ELI: http://data.europa.eu/eli/agree/2025/1219/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)