|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1205 |
20.6.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1205
tad-19 ta’ Ġunju 2025
li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-proċedura għall-inklużjoni ta’ Stati Membri addizzjonali fis-sħubija għas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013, u (UE) Nru 377/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 58(8) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) 2021/696, kwalunkwe Stat Membru jista’ jipparteċipa fis-sħubija tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (SST, Space Surveillance and Tracking) dment li jissodisfa l-kriterji stabbiliti f’dak l-Artikolu. |
|
(2) |
Ir-regoli u l-proċeduri dwar il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fis-subkomponent tal-SST, l-istabbiliment tas-sħubija tal-SST u l-iżvilupp ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni inizjali huma stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1245 (2). Ħmistax-il Stat Membru nstabu konformi mal-kriterji għall-parteċipazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/696 kif ukoll mal-kundizzjonijiet individwali u kollettivi stabbiliti fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1245. Dawk l-Istati Membri ħatru entitajiet nazzjonali kostitwenti li, kollettivament, jikkostitwixxu s-sħubija tal-SST, u ffirmaw, fil-11 ta’ Novembru 2022, il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (il-“Ftehim ta’ Sħubija tal-SST”), li jistabbilixxi r-regoli u l-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni tagħhom. Fil-11 ta’ Lulju 2023 huma ffirmaw ukoll Arranġamenti ta’ Implimentazzjoni mal-Front Desk tal-SST marbuta mal-kooperazzjoni fis-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju (l-“Arranġamenti ta’ Implimentazzjoni”) u, fit-13 ta’ Lulju 2023, iffirmaw il-Ftehim dwar id-drittijiet u l-obbligi fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (il-“Ftehim dwar id-DPI”). |
|
(3) |
Kien hemm Stati Membri oħra li esprimew interess li jipparteċipaw fis-sħubija tal-SST. Għalhekk, fl-10 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni talbet lill-kumitat tal-Programm fil-konfigurazzjoni tal-Għarfien tas-Sitwazzjoni fl-Ispazju (SSA, Space Situational Awareness) biex jgħarraf dwar l-interess tagħhom li jipparteċipaw fis-sħubija tal-SST sad-9 ta’ Diċembru 2024. Bosta minn dawk l-Istati Membri ddikjaraw l-interess tagħhom li jipparteċipaw fis-sħubija tal-SST. |
|
(4) |
Sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw Stati Membri oħra fis-sħubija tal-SST, jeħtieġ li jiġu stabbiliti aktar regoli għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet tagħhom u għall-verifika tal-konformità tagħhom mal-kriterji għall-parteċipazzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/696 kif speċifikat mill-kundizzjonijiet individwali stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1245. Sabiex jippreparaw l-applikazzjoni tagħhom u jiżguraw li l-kontribuzzjoni tagħhom għas-sħubija tal-SST tagħti biżżejjed kas tal-kisbiet li saru s’issa mis-sħubija tal-SST u tibni fuqhom, jenħtieġ li dawk l-Istati Membri l-oħra jkollhom aċċess għall-ftehimiet u l-arranġamenti eżistenti u, jekk meħtieġ, għal kwalunkwe dokument ieħor li huwa aċċessibbli għall-membri tas-sħubija tal-SST. |
|
(5) |
Meta l-Istati Membri jipproponu sensuri għas-sħubija tal-SST, jenħtieġ li jkun hemm studju tal-arkitettura, kif imsemmi fil-kundizzjonijiet kollettivi stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1245, li juri l-valur miżjud ta’ dawk is-sensuri għas-sħubija eżistenti tal-SST. |
|
(6) |
Sabiex l-Istati Membri applikanti jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-Ftehim ta’ Għotja li jmiss, li għandu jiġi konkluż bejn is-sħubija tal-SST u l-Kummissjoni qabel il-pubblikazzjoni tal-għotja li jmiss bejn ir-raba’ trimestru tal-2025 u l-ewwel trimestru tal-2026, jenħtieġ li tingħata skadenza biex l-Istati Membri applikanti jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat tal-Programm fil-konfigurazzjoni tal-SSA msemmi fl-Artikolu 107(1) tar-Regolament (UE) 2021/696. |
|
(8) |
Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun biex ikun hemm biżżejjed żmien biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet u jitħejja l-Ftehim ta’ Għotja li jmiss bil-ħsieb li jiġi żgurat il-forniment mingħajr interruzzjoni tas-servizzi tal-SST tal-UE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-proċedura għall-parteċipazzjoni ta’ Stati Membri addizzjonali fis-sħubija tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (SST).
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
1. |
“Sħubija tal-SST” tfisser is-sħubija ta’ entitajiet nazzjonali kostitwenti maħtura li nħolqot mill-ftehim ta’ sħubija tal-SST imsemmi fl-Artikolu 58(2) tar-Regolament (UE) 2021/696; |
|
2. |
“Stati Membri parteċipanti” tfisser l-Istati Membri li jipparteċipaw fis-Sħubija tal-SST. |
Artikolu 3
Applikazzjoni
1. Stat Membru li ma jkunx Stat Membru parteċipanti jista’ japplika biex jipparteċipa fis-sħubija tal-SST billi jissottometti applikazzjoni individwali lill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafi minn 2 sa 6 (“l-Istat Membru applikant”).
Is-sħubija tal-SST għandha tagħti lill-Istati Membri li jkunu ddikjaraw l-interess tagħhom li jissieħbu fis-sħubija tal-SST aċċess għall-ftehimiet u l-arranġamenti eżistenti u, jekk ikun meħtieġ, għal kwalunkwe dokument ieħor li jkun aċċessibbli għall-membri tas-sħubija tal-SST.
2. Stat Membru applikant għandu jaħtar entità nazzjonali kostitwenti stabbilita fit-territorju tiegħu biex tirrappreżentah. L-entità għandha tkun awtorità pubblika ta’ Stat Membru jew korp iddelegat bl-eżerċizzju ta’ tali awtorità pubblika.
3. Stat Membru applikant għandu jissottometti applikazzjoni li jkun fiha dan li ġej:
|
(a) |
l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-entità nazzjonali kostitwenti maħtura f’konformità mal-paragrafu 2; |
|
(b) |
informazzjoni dwar is-sjieda ta’ sensuri adegwati tal-SST disponibbli għas-subkomponent tal-SST u r-riżorsi umani biex iħaddmuhom, jew ta’ kapaċitajiet adegwati ta’ analiżi operazzjonali u ta’ pproċessar tad-data ddisinjati speċifikament għall-SST u disponibbli għas-subkomponent tal-SST, jew dwar l-aċċess għalihom, u valutazzjoni inizjali tar-riskju għas-sigurtà ta’ kull sensur tal-SST u kapaċità tal-ipproċessar tad-data mwettqa u vvalidata mill-Istat Membru applikant li turi konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), tar-Regolament (UE) 2021/696 kif speċifikat mill-kundizzjonijiet individwali stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1245; |
|
(c) |
meta l-Istat Membru applikant jipproponi sensuri bħala parti mill-applikazzjoni tiegħu, studju tal-arkitettura kif imsemmi fil-kundizzjonijiet kollettivi, kif stabbilit fit-taqsima 2.2 tal-Anness III tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1245 li janalizza l-valur miżjud tas-sensuri proposti mill-Istat Membru applikant għas-sħubija tal-SST, imħejji mill-Istat Membru applikant u s-sħubija tal-SST. |
4. F’każijiet fejn applikazzjoni jkun fiha informazzjoni klassifikata għandha tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3). Stat Membru applikant ma għandux jinkludi f’applikazzjoni informazzjoni klassifikata li taqbeż il-klassifikazzjoni RESTREINT UE/EU RESTRICTED.
L-applikazzjonijiet għandhom jinkludu sommarju eżekuttiv li ma għandu jinkludi l-ebda informazzjoni klassifikata.
5. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi f’format elettroniku sa mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, sal-ħamsa ta’ wara nofsinhar, ħin ta’ Brussell, bl-email lil DEFIS-SST@ec.europa.eu. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, fuq talba motivata mill-Istat Membru applikant, il-Kummissjoni tista’ tagħti estensjoni ta’ dik l-iskadenza b’massimu ta’ 5 ijiem kalendarji.
6. Sett wieħed ta’ verżjoni stampata ta’ kull applikazzjoni għandu jintbagħat fl-indirizz li ġej malajr kemm jista’ jkun wara s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni f’konformità mal-paragrafu 5:
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
DĠ għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju |
|
Unità C.1 Konnettività Sigura u Sorveljanza Spazjali |
|
BREY 07/080 |
|
Avenue d’Auderghem 45 |
|
1049 Bruxelles/Brussel |
|
BELGIQUE/BELGIË |
Artikolu 4
Valutazzjoni tal-konformità
1. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni.
2. Matul il-valutazzjoni tal-applikazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tibgħat mistoqsijiet u kummenti dwar l-applikazzjoni lill-entità nazzjonali kostitwenti maħtura tal-Istat Membru applikanti msemmija fl-Artikolu 3(3), il-punt (a). L-Istat Membru applikanti għandu jwieġeb fi żmien 4 ġimgħat u, jekk xieraq, għandu jaġġorna l-applikazzjoni tiegħu.
3. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk:
|
(a) |
l-Istat Membru applikant ikun wera konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57(1), il-punti (a) u (b), tar-Regolament (UE) 2021/696 kif speċifikat mill-kundizzjonijiet individwali stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1245; |
|
(b) |
meta l-Istat Membru applikant jipproponi sensuri bħala parti mill-applikazzjoni tiegħu, is-sħubija tal-SST turi, bħala parti mill-istudju tal-arkitettura, li s-sensuri proposti mill-Istat Membru applikant iġibu valur miżjud lis-sħubija tal-SST. |
4. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru applikant, u lill-entitajiet nazzjonali kostitwenti maħtura mill-Istati Membri parteċipanti dwar l-eżitu tal-valutazzjoni tal-konformità.
Artikolu 5
Aċċettazzjoni finali
1. Ladarba l-Kummissjoni tkun qieset li l-applikazzjoni hija konformi mal-Artikolu 4, l-Istat Membru applikant għandu jibgħat lill-Kummissjoni l-kopji ffirmati tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-SST, tal-Ftehim dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Arranġamenti ta’ Implimentazzjoni mal-Front Desk tal-SST.
2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fis-sit web tagħha l-lista aġġornata tal-Istati Membri parteċipanti.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/696/oj.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1245 tal-15 ta’ Lulju 2022 li tistabbilixxi regoli u proċeduri għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fis-subkomponent SST, l-istabbiliment tas-Sħubija tal-SST u l-iżvilupp tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni inizjali (ĠU L 190, 19.7.2022, p. 166, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1245/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/488/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1205/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)