European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1202

20.6.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1202

tad-19 ta’ Ġunju 2025

li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/558 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ grafit artifiċjali fi blokok jew ċilindri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament AD bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri eżistenti

(1)

Fit-8 ta’ April 2022, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/558 (2), il-Kummissjoni Ewropea imponiet dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit (“GES”, graphite electrode systems) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) wara investigazzjoni anti-dumping (“l-investigazzjoni anti-dumping oriġinali”). Il-miżuri ħadu l-forma ta’ dazju ad valorem li jvarja bejn 23,0 % u 74,9 % (“il-miżuri oriġinali”).

1.2.   Talba

(2)

Fl-4 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament AD bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ GES li joriġinaw mir-RPĊ u biex tagħmel l-importazzjonijiet ta’ grafit artifiċjali fi blokok jew ċilindri li joriġinaw mir-RPĊ soġġetti għar-reġistrazzjoni. Din it-talba tressqet mill-European Carbon and Graphite Association (“ECGA”) (“l-applikant”).

(3)

It-talba kien fiha biżżejjed evidenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni li bdew wara li ġew imposti l-miżuri oriġinali. It-talba pprovdiet evidenza li l-esportazzjonijiet ta’ GES mir-RPĊ ġew sostitwiti, sa ċertu punt, mill-esportazzjonijiet ta’ grafit artifiċjali. Din il-bidla dehret li ġejja minn prattika, jiġifieri l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ jew ta’ tlestija ta’ parts Ċiniżi fl-Unjoni u l-bejgħ sussegwenti tal-prodotti simili kompluti fis-suq tal-Unjoni li għalihom ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti ħlief l-impożizzjoni tad-dazju. L-evidenza wriet li dawn l-operazzjonijiet żdiedu sostanzjalment mill-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping, jew eżatt qabel, li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali. It-talba kien fiha wkoll biżżejjed evidenza li turi li l-parts mir-RPĊ kienu jikkostitwixxu aktar minn 60 % tal-valur totali tal-parts tal-prodott finali u l-valur miżjud mal-parts miġjuba matul l-operazzjoni ta’ tlestija kien inqas minn 25 % tal-kost tal-manifattura.

(4)

Barra minn hekk, l-evidenza wriet li kien hemm dumping u li l-effetti rimedjali tal-miżuri anti-dumping oriġinali kienu qed jiġu mminati kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll ta’ prezzijiet.

1.3.   Prodott ikkonċernat u prodott taħt investigazzjoni

(5)

Il-prodott ikkonċernat miċ-ċirkomvenzjoni possibbli huwa l-elettrodi tal-grafit tat-tip użat għall-fran elettriċi, b’densità apparenti ta’ 1,5 g/cm3 jew aktar u b’reżistenza elettrika ta’ 7,0 μ.Ω.m jew inqas, kemm jekk mgħammra bi bżieżel kif ukoll jekk le, b’dijametru nominali ta’ aktar minn 350 mm, ikklassifikati fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/558 taħt il-kodiċi NM ex 8545 11 00 (il-kodiċijiet TARIC 8545 11 00 10 u 8545 11 00 15) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat” jew “GES”). Dan huwa l-prodott li għalih japplikaw il-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa.

(6)

Il-prodott taħt investigazzjoni għal ċirkomvenzjoni possibbli huwa grafit artifiċjali fi blokok jew ċilindri b’densità apparenti ta’ 1,5 g/cm3 jew aktar u b’reżistenza elettrika ta’ 7,0 μ.Ω.m jew inqas, b’dijametru nominali ta’ aktar minn 350 mm, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 3801 10 00 u ex 3801 90 00 (kodiċi(jiet) TARIC 3801 10 00 15 u 3801 90 00 80) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott taħt investigazzjoni” jew “grafit artifiċjali”).

(7)

L-investigazzjoni wriet li l-GES prodott fl-Unjoni mill-grafit artifiċjali Ċiniż għandu l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi bħall-GES li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Għalhekk, dawn jitqiesu bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) u tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament AD bażiku.

1.4.   Bidu

(8)

Il-Kummissjoni, wara li ddeterminat li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament AD bażiku, u informat lill-Istati Membri b’dan, bdiet investigazzjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2686 fit-18 ta’ Ottubru 2024 (3) (ir-“Regolament tal-bidu”) u għamlet l-importazzjonijiet tal-grafit artifiċjali soġġetti għar-reġistrazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament AD bażiku.

1.5.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu ta’ rapportar

(9)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2024 (il-“perjodu ta’ investigazzjoni”). Inġabret data biex il-perjodu ta’ investigazzjoni jinvestiga, fost l-oħrajn, l-allegata bidla fix-xejra tal-kummerċ wara l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali, u l-eżistenza ta’ prattika, proċess jew ħidma li għaliha ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti ħlief l-impożizzjoni tad-dazju. Inġabret data aktar dettaljata għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2024 (“il-perjodu ta’ rapportar”) sabiex jiġi eżaminat jekk l-importazzjonijiet kinux qed jimminaw l-effett rimedjali tal-miżuri fis-seħħ f’termini ta’ prezzijiet u/jew il-kwantitajiet u l-eżistenza ta’ dumping.

1.6.   Investigazzjoni

(10)

Il-Kummissjoni informat uffiċjalment lill-awtoritajiet taċ-Ċina, lill-produtturi esportaturi magħrufa f’dak il-pajjiż, lill-industrija tal-Unjoni u lill-importaturi magħrufa fl-Unjoni dwar il-bidu tal-investigazzjoni.

(11)

Il-formoli tat-talbiet għal eżenzjoni għall-importaturi fl-Unjoni u l-kwestjonarji għall-produtturi/esportaturi fiċ-Ċina kienu disponibbli fis-sit web tad-DĠ TRADE.

(12)

Importatur wieħed biss, jiġifieri JAP INDUSTRIES s.r.o. (“JAP”), ressaq talba għal eżenzjoni, li mbagħad ġiet ivverifikata matul żjara fil-bini tagħhom.

(13)

Produttur Ċiniż wieħed biss, jiġifieri Fangda Carbon New Material Co., Ltd., ippreżenta tweġiba għall-kwestjonarju. Il-Kummissjoni użat l-informazzjoni ppreżentata b’mod partikolari biex tagħmel kontroverifika tal-flussi kummerċjali miċ-Ċina.

(14)

Is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu kwestjonarju lill-European Carbon and Graphite Association, fejn talbu informazzjoni rigward it-total tal-produzzjoni, it-total tal-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, it-total tal-bejgħ, il-bejgħ ristrett, l-użu ristrett, u l-esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni. L-applikant, il-European Carbon and Graphite Association, ippreżenta tweġiba għall-kwestjonarju makro.

(15)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu ta’ żmien stabbilit fir-Regolament tal-bidu. Il-partijiet kollha ġew informati li n-nuqqas ta’ sottomissjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha jew is-sottomissjoni ta’ informazzjoni mhux kompluta, falza jew qarrieqa tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament AD bażiku u għal sejbiet li jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli.

(16)

Fil-5 ta’ Novembru 2024 saret seduta ta’ smigħ ma’ JAP.

2.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

2.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(17)

F’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament AD bażiku, l-elementi li ġejjin jenħtieġ li jiġu analizzati wara xulxin sabiex tiġi vvalutata ċ-ċirkomvenzjoni possibbli:

(a)

jekk kienx hemm tibdil fix-xejra tal-kummerċ bejn iċ-Ċina u l-Unjoni;

(b)

jekk din il-bidla nibtitx minn xi prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti ħlief l-impożizzjoni tad-dazju;

(c)

jekk kienx hemm evidenza ta’ dannu jew jekk l-effetti rimedjali tal-miżuri antidumping fis-seħħ kinux qed jiġu mminati f’termini tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet tal-prodott taħt investigazzjoni; u

(d)

jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valuri normali li kienu stabbiliti preċedentement għall-prodott ikkonċernat.

(18)

Minħabba li l-evidenza pprovduta mill-applikanti fit-talba indikat li kienu qed isiru operazzjonijiet ta’ assemblaġġ jew ta’ tlestija fl-Unjoni, il-Kummissjoni analizzat speċifikament jekk il-kriterji stipulati fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament AD bażiku ġewx issodisfati, b’mod partikolari:

(a)

jekk l-operazzjoni ta’ assemblaġġ bdietx jew żdiditx sostanzjalment minn meta, jew eżatt qabel, il-bidu tal-investigazzjoni antidumping u jekk il-parts ikkonċernati kinux mill-pajjiż soġġett għall-miżuri; u

(b)

jekk il-parts kinux jikkostitwixxu 60 % jew aktar tal-valur totali tal-parts tal-prodott assemblat u jekk il-valur miżjud tal-parts miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ tlestija, kienx akbar minn 25 % tal-kost tal-manifattura; u

(c)

jekk l-effetti rimedjali tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ kinux qegħdin jiġu mminati f’termini tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet tal-prodott taħt investigazzjoni, u jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodotti simili jew bħalhom.

2.2.   Riżultati tal-investigazzjoni

2.2.1.   Livell ta’ kooperazzjoni

(19)

Kif innotat fil-premessa (12), importatur wieħed biss tal-grafit artifiċjali fl-Unjoni pprovda talba għal eżenzjoni u kkoopera matul l-investigazzjoni. L-importazzjonijiet ta’ din il-kumpanija ammontaw għal 4,8 % (4) tat-total tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ grafit artifiċjali mir-RPĊ matul il-perjodu ta’ rapportar, li jikkostitwixxi livell baxx ta’ kooperazzjoni. Minħabba l-livell baxx ta’ kooperazzjoni, is-sejbiet kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament AD bażiku.

2.2.2   Bidla fix-xejra tal-kummerċ

(20)

It-Tabella 1 ta’ hawn taħt turi l-iżvilupp tal-importazzjonijiet ta’ GES mill-RPĊ lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

Tabella 1

Importazzjonijiet ta’ GES lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni  (5) (tunnellati)

 

2021

2022

2023

PR

Iċ-Ċina

25 199

23 965

15 760

16 541

Indiċi (bażi = 2021)

100

95

63

66

Pajjiżi terzi oħra

15 108

13 212

10 158

11 639

Indiċi (bażi = 2021)

100

87

67

77

Total tal-importazzjonijiet

40 307

37 177

25 918

28 180

Sehem tal-importazzjonijiet miċ-Ċina bħala % tat-total tal-importazzjonijiet

63

64

61

59

Sehem tal-importazzjonijiet miċ-Ċina bħala % tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

167

181

155

142

Sors:

il-Eurostat.

(21)

It-Tabella 1 turi li l-volum tal-importazzjonijiet ta’ GES mir-RPĊ naqas minn 25 199 tunnellata fl-2021 għal 16 541 tunnellata fil-perjodu ta’ rapportar. Il-volum tal-importazzjonijiet naqas b’37 % mill-2021 sal-2023, segwit minn żieda ta’ 3 % mill-2023 sal-perjodu ta’ rapportar. Għaldaqstant, fil-perjodu ta’ investigazzjoni, il-volum tal-importazzjonijiet ta’ GES mir-RPĊ naqas b’34 %. Dan it-tnaqqis ħabat fi żmien l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali f’April 2022. Is-sehem tal-importazzjonijiet mir-RPĊ naqas ukoll meta mqabbel jew mat-total tal-importazzjonijiet (minn 63 % għal 59 % bejn l-2021 u l-perjodu ta’ rapportar) jew ma’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra (minn 167 % għal 142 %).

(22)

It-Tabella 2 turi l-iżvilupp tal-importazzjonijiet ta’ grafit artifiċjali mir-RPĊ lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

Tabella 2

Importazzjonijiet ta’ grafit artifiċjali lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni  (6) (tunnellati)

 

2021

2022

2023

PR

Iċ-Ċina

80 039

114 625

132 978

118 884

indiċi (bażi = 2021)

100

143

166

149

Sors:

il-Eurostat.

(23)

L-input primarju għall-produzzjoni ta’ GES huwa l-grafit artifiċjali. It-Tabella 2 turi li l-importazzjonijiet ta’ grafit artifiċjali mir-RPĊ lejn l-Unjoni żdiedu minn 80 039 tunnellata fl-2021 għal 118 884 tunnellata fil-perjodu ta’ rapportar. Mill-2021 sal-2022, l-importazzjonijiet żdiedu b’43 %, u laħqu 114 625 tunnellata. Din ix-xejra ’l fuq kompliet fl-2023, bl-importazzjonijiet jilħqu l-quċċata bl-ammont ta’ 132 978 tunnellata. Mill-2023 sal-perjodu ta’ rapportar, il-volumi tal-importazzjonijiet naqsu għal 118 884 tunnellata. B’mod ġenerali, il-volum tal-importazzjonijiet ta’ grafit artifiċjali mir-RPĊ żdied b’49 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(24)

Il-kodiċijiet NM 3801 10 00 u 3801 90 00 , fejn il-grafit artifiċjali huwa kklassifikat, jinkludu wkoll prodotti oħra. B’mod partikolari, dawn jinkludu materjali użati fil-produzzjoni tal-batteriji.

(25)

Jeżistu differenzi bejn il-forom tal-grafit artifiċjali użati għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit u dawk użati għal applikazzjonijiet oħra, b’mod partikolari l-produzzjoni tal-batteriji. L-istruttura u l-forma tal-grafit artifiċjali użati għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit huma blokok jew ċilindri iebsa, għall-kuntrarju ta’ forom ta’ trab jew pastes użati għal applikazzjonijiet oħra. Barra minn hekk, id-daqs ta’ blokka ta’ grafit artifiċjali jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għad-daqs ta’ elettrodu tal-grafit. Kif deskritt fit-Taqsima 1.3 ta’ hawn fuq, mid-definizzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni, kif stabbilit fit-Taqsima 1.3. ta’ hawn fuq, jirriżulta li l-investigazzjoni hija limitata għal grafit artifiċjali li jintuża għall-produzzjoni ta’ elettrodi tal-grafit.

(26)

L-applikant irrapporta li l-kodiċijiet applikabbli bi 8 ċifri u b’10 ċifri tan-Nomenklatura Magħquda (NM) tal-importazzjonijiet lejn il-Polonja u l-Ungerija apparentement ikopru wkoll ċerti materjali użati fil-produzzjoni tal-batteriji. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni analizzat id-data dwar l-importazzjoni minbarra l-importazzjonijiet lejn il-Polonja u l-Ungerija, l-Istati Membri l-aktar responsabbli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti taħt l-istess kodiċi NM destinati għall-produzzjoni tal-batteriji f’dawn l-aħħar snin.

Tabella 3

Importazzjonijiet ta’ grafit artifiċjali lejn l-Unjoni minbarra l-Polonja u l-Ungerija fil-perjodu ta’ investigazzjoni  (7) (tunnellati)

 

2021

2022

2023

PR

Iċ-Ċina

27 862

49 624

43 723

40 250

Indiċi (bażi = 2021)

100

178

157

144

Sors:

il-Eurostat.

(27)

It-Tabella 3 turi li l-volum tal-importazzjonijiet ta’ grafit artifiċjali mir-RPĊ lejn l-Unjoni, minbarra l-Polonja u l-Ungerija, żdied minn 27 862 tunnellata fl-2021 għal 40 250 tunnellata fil-perjodu ta’ rapportar. L-importazzjonijiet żdiedu bi 78 % mill-2021 sal-2022, segwiti minn tnaqqis għal 43 723 tunnellata fl-2023, li mbagħad komplew jonqsu għal 40 250 tunnellata fil-perjodu ta’ rapportar. B’mod ġenerali, l-importazzjonijiet żdiedu b’44 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Din iż-żieda kkoinċidiet mal-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali f’April 2022.

(28)

It-tnaqqis fl-esportazzjonijiet ta’ GES mir-RPĊ lejn l-Unjoni kif muri fit-Tabella 1, flimkien maż-żieda sinifikanti fl-esportazzjonijiet ta’ grafit artifiċjali mir-RPĊ lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni, kif muri fit-Tabella 2 u fit-Tabella 3, li tindika sostituzzjoni (ara l-Premessa 33), ikkostitwew bidla fix-xejra tal-kummerċ skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament AD bażiku.

2.2.3.   Prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti ħlief l-impożizzjoni tad-dazju

(29)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament AD bażiku jitlob li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ tirriżulta minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti ħlief l-impożizzjoni tad-dazju. Il-prattika, il-proċess jew il-ħidma jinkludu, fost l-oħrajn, l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ta’ parts jew operazzjonijiet ta’ tlestija f’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament AD bażiku.

(30)

Il-grafit artifiċjali jitqies bħala prodott semilest, li jiġi pproċessat ulterjorment f’oġġetti lesti bħall-GES. Dan l-ipproċessar ulterjuri ta’ grafit artifiċjali f’GES jaqa’ taħt il-kunċett ta’ operazzjoni ta’ tlestija skont it-tifsira tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament AD bażiku.

(31)

L-investigazzjoni żvelat li l-grafit artifiċjali ġie importat mir-RPĊ lejn l-Unjoni, biex jiġi pproċessat ulterjorment f’GES. L-investigazzjoni stabbiliet ukoll li l-grafit artifiċjali mir-RPĊ kien jikkostitwixxi aktar minn 60 % tal-valur totali tal-parts ta’ GES (95 % sa 100 %) u li l-valur miżjud fl-operazzjoni ta’ pproċessar ulterjuri kien ferm aktar baxx minn 25 % tal-kost tal-manifattura (8) (1 % sa 10 %).

(32)

L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda ġustifikazzjoni ekonomika għall-bidla fix-xejra tal-kummerċ deskritta fit-Taqsima 2.2.2 għajr il-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping oriġinali u l-impożizzjoni sussegwenti tal-miżuri oriġinali.

(33)

Għalhekk, ir-rekwiżiti tal-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament AD bażiku ġew issodisfati.

2.2.4.   Imminar tal-effetti rimedjali tad-dazju

(34)

F’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament AD bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni lejn l-Unjoni, kemm f’termini ta’ kwantitajiet kif ukoll ta’ prezzijiet, imminawx l-effetti rimedjali tal-miżuri attwalment fis-seħħ.

(35)

Fir-rigward tal-kwantitajiet, l-importazzjonijiet ta’ grafit artifiċjali, mir-RPĊ lejn l-Unjoni, li kienu jiġu pproċessati ulterjorment f’GES, irrappreżentaw madwar 28 % tal-konsum tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ rapportar. Il-konsum ta’ GES fl-Unjoni kien stmat għal 142 817 tunnellata (9). Il-volum tal-importazzjonijiet kien għalhekk meqjus sinifikanti.

(36)

Fir-rigward tal-prezzijiet, il-Kummissjoni qabblet il-prezz medju mhux dannuż ta’ GES, kif stabbilit fl-investigazzjoni anti-dumping oriġinali aġġustat għall-inflazzjoni abbażi tal-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur tal-Bank Ċentrali Ewropew (10), mal-prezzijiet tal-esportazzjoni medji ponderati tas-CIF tal-grafit artifiċjali iddeterminati abbażi tal-istatistika tal-Eurostat, aġġustati kif xieraq għat-trasformazzjoni. Dan it-tqabbil tal-prezzijiet wera li l-importazzjonijiet miċ-Ċina waqqgħu l-prezzijiet tal-Unjoni b’aktar minn 170 %.

(37)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-effett rimedjali tal-miżuri fis-seħħ kien qed jiġi mminat kemm f’termini ta’ kwantitajiet kif ukoll ta’ prezzijiet.

2.2.5.   Evidenza ta’ dumping

(38)

F’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament AD bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valuri normali stabbiliti minn qabel għall-prodott simili.

(39)

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet medji tal-esportazzjoni ta’ GES matul il-perjodu ta’ rapportar, abbażi tal-istatistika tal-Eurostat dwar l-importazzjoni tal-grafit artifiċjali, minbarra l-importazzjonijiet lejn il-Polonja u l-Ungerija, u aġġustati għall-kost tal-ipproċessar ulterjuri f’GES, mal-valur normali stabbilit għaċ-Ċina fl-investigazzjoni anti-dumping oriġinali (11), aġġustat għall-inflazzjoni. Skont il-metodoloġija stabbilita fit-talba, il-Kummissjoni użat iż-żieda fir-rata tal-inflazzjoni fil-Messiku (12), il-pajjiż rappreżentattiv fl-investigazzjoni oriġinali, bħala referenza.

(40)

It-tqabbil tal-prezzijiet tal-esportazzjoni u l-valuri normali ddeterminati minn qabel fl-investigazzjoni anti-dumping oriġinali għall-prodott simili, u stabbiliti kif deskritt fil-premessa (39), wara aġġustamenti, wera evidenza ta’ dumping matul il-perjodu ta’ rapportar, skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament AD bażiku.

3.   MIŻURI

(41)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li kienet qed issir ċirkomvenzjoni tad-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ GES li joriġinaw mir-RPĊ permezz ta’ importazzjonijiet ta’ grafit artifiċjali.

(42)

Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament AD bażiku, il-miżuri anti-dumping fis-seħħ jenħtieġ li jiġu estiżi għall-importazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni tal-prodott taħt investigazzjoni.

(43)

Skont l-Artikolu 13(1), it-tieni paragrafu tar-Regolament AD bażiku, jenħtieġ li l-miżura li għandha tiġi estiża tkun dik stabbilita fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/558 għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”, li hija dazju antidumping definittiv ta’ 74,9 % applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju doganali.

(44)

Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament AD bażiku, li jistipula li kwalunkwe miżura estiża jenħtieġ li tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni taħt reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tal-bidu, għandhom jinġabru dazji fuq dawk l-importazzjonijiet irreġistrati tal-prodott taħt investigazzjoni f’konformità mas-sejbiet li saru f’din l-investigazzjoni.

4.   TALBIET GĦAL EŻENZJONI

(45)

Importatur wieħed tal-grafit artifiċjali talab eżenzjoni mill-estensjoni tal-miżuri.

(46)

F’konformità mal-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 13(2) tar-Regolament AD bażiku, il-Kummissjoni analizzat jekk l-applikant kienx involut fil-prattika ta’ ċirkomvenzjoni stabbilita f’dan il-każ.

(47)

B’mod speċifiku, it-tqabbil tal-valuri normali stabbiliti kif spjegat fil-premessa (39) u l-prezzijiet ta’ JAP Industries fl-Unjoni ma żvelaw l-ebda evidenza ta’ dumping matul il-perjodu ta’ rapportar. Barra minn hekk, l-investigazzjoni żvelat li l-bejgħ ta’ GES minn JAP Industries fl-Unjoni naqas sostanzjalment matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, il-prezzijiet ta’ JAP Industries kienu ferm ogħla meta mqabbla mal-prezzijiet Ċiniżi, anke wara li tqiesu d-dazji anti-dumping imposti fuq il-GES Ċiniżi. Konsegwentement, instab li JAP ma pparteċipax fil-prattika ta’

(48)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-talba għal eżenzjoni, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament AD bażiku, jenħtieġ li tingħata lil JAP.

5.   DIVULGAZZJONI

(49)

Fil-25 ta’ April 2025, il-Kummissjoni ddivulgat lill-partijiet interessati kollha l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet ta’ hawn fuq u stednithom jikkummentaw.

(50)

Wara d-divulgazzjoni, produttur esportatur Ċiniż, Fangda Carbon New Material Co., Ltd., sostna li jenħtieġ li d-dazji estiżi ma jiġux stabbiliti bir-rata residwa. Huwa argumenta li minflok, jenħtieġ li r-rati jirriflettu dawk stabbiliti matul l-investigazzjoni oriġinali, u li l-importazzjonijiet tal-kumpaniji li kkooperaw fl-investigazzjoni inizjali u li rċevew rati individwali jew medji ponderati jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-istess livell rispettiv ta’ dazji, u mhux id-dazju residwu applikabbli għal kumpaniji oħra.

(51)

Il-Kummissjoni ma qablitx. L-Artikolu 13(1), it-tieni paragrafu tar-Regolament AD bażiku jippermetti lill-Kummissjoni testendi d-dazji għal livell li ma jaqbiżx id-dazju anti-dumping residwu impost f’konformità mal-Artikolu 9(5). Il-partijiet interessati f’dan il-każ ma ppreżentaw l-ebda argument validu għaliex, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi d-dazju applikabbli f’livell aktar baxx mid-dazju residwu. Għalhekk, il-Kummissjoni aġixxiet f’konformità mal-qafas legali applikabbli. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(52)

B’mod simili, Fangda Carbon sostna li l-Kummissjoni ma ssostanzjatx b’mod adegwat id-determinazzjoni tagħha tal-valur miżjud. Huwa sostna wkoll li l-Kummissjoni naqset milli tiċċara jekk prodotti li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni, iżda li jaqgħu taħt kodiċijiet NM simili, ġewx inklużi fit-tqabbil tal-prezzijiet, u jekk id-data dwar l-importazzjoni miċ-Ċina lejn l-Ungerija u l-Polonja kinitx eskluża mill-valutazzjoni.

(53)

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur normali, il-Kummissjoni stabbiliet li l-valur miżjud mal-parts miġjuba permezz ta’ pproċessar ulterjuri kien ferm inqas minn 25 %. Din il-konklużjoni, kif spjegat fit-Taqsima 2.2.3, kienet ibbażata fuq data ppreżentata fl-ilment u kkonfermata minn data vverifikata ppreżentata mill-kumpanija li qed titlob l-eżenzjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(54)

Fir-rigward tal-prodotti inklużi fit-tqabbil tal-prezzijiet u l-kunsiderazzjoni tal-importazzjonijiet lejn l-Ungerija u l-Polonja, fit-Taqsima 2.2.2, il-Kummissjoni spjegat il-metodoloġija biex il-prodott taħt investigazzjoni jiġi iżolat minn prodotti oħra li jenħtieġ li jiġu esklużi abbażi tal-informazzjoni disponibbli. Il-Kummissjoni enfasizzat speċifikament id-distinzjoni bejn il-forom ta’ grafit artifiċjali użati fil-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit u dawk maħsuba għal applikazzjonijiet oħra. Il-premessi minn (26) sa (28) u l-premessa (39) spjegaw ukoll li l-importazzjonijiet tal-grafit artifiċjali lejn dawn iż-żewġ pajjiżi ġew esklużi mill-analiżi.

(55)

Wara d-divulgazzjoni, l-applikant ma qabilx mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ dumping fil-prezzijiet tal-bejgħ ta’ JAP matul il-perjodu ta’ rapportar u sostna li l-Kummissjoni naqset milli tispeċifika l-bażi legali li skontha ngħatat l-eżenzjoni.

(56)

Il-Kummissjoni nnotat li kienet ivvalutat bir-reqqa l-informazzjoni mitluba minn JAP Industries u ppreżentata minnu. It-tqabbil tal-valuri normali stabbiliti kif spjegat fil-premessa (39) u l-prezzijiet ta’ JAP Industries fl-Unjoni ma żvelaw l-ebda evidenza ta’ dumping matul il-perjodu ta’ rapportar. Għalhekk, abbażi ta’ data vverifikata speċifika għall-kumpanija, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ dumping. Peress li l-eżistenza tad-dumping hija kundizzjoni meħtieġa biex tiġi stabbilita ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament AD bażiku, il-Kummissjoni ddeterminat li ma kienet seħħet l-ebda ċirkomvenzjoni u għalhekk tat l-eżenzjoni mitluba. B’kuntrast ma’ dan, l-allegazzjonijiet tal-applikant ta’ dumping attribwiti lil JAP instabu nieqsa minn bażi fattwali. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(57)

L-applikant talab ukoll li, jekk tingħata eżenzjoni lil JAP Industries, jenħtieġ li jiġu implimentati salvagwardji xierqa biex jittaffew ir-riskji potenzjali li jirriżultaw minn bidliet fl-imġiba tas-suq tal-Industriji tal-JAP fis-suq tal-Unjoni. Dawn ir-riskji jinkludu, fost l-oħrajn, li jsir mezz għall-importazzjonijiet tal-grafit artifiċjali maħsub għall-bejgħ mill-ġdid lil kumpaniji oħra tal-ipproċessar fl-Unjoni, jew l-involviment fi prattiki ta’ dumping.

(58)

Fir-rigward tar-riskju li l-kumpanija ssir mezz ta’ ċirkomvenzjoni, il-Kummissjoni qieset li l-eżenzjoni lill-kumpanija ngħatat abbażi tal-fatt li l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ jew ta’ tlestija tagħha stess fl-Unjoni ma kinux jikkostitwixxu ċirkomvenzjoni. Konsegwentement, il-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni jenħtieġ li jiżguraw li l-grafit artifiċjali importat mill-parti eżentata fil-fatt jintuża fl-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ tal-parti eżentata, u ma jinbiegħx mill-ġdid lil partijiet oħra fl-Unjoni. Fil-fatt, din il-possibbiltà tal-aħħar tirrendi l-miżuri ineffettivi. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li huwa xieraq li l-grafit artifiċjali importat mill-kumpanija eżentata jenħtieġ li jintuża biss fl-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ tal-parti eżentata, riesportat, jew meqrud, u li ksur ta’ dawn l-obbligi, bħall-bejgħ mill-ġdid ta’ dawk l-importazzjonijiet lil partijiet oħra fl-Unjoni, jenħtieġ li jippermetti revoka tal-eżenzjoni.

(59)

Fir-rigward ta’ involviment potenzjali f’dumping jew, b’mod aktar wiesa’, prattiki ta’ ċirkomvenzjoni, dan jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ rieżami tal-miżuri, dment li jkun hemm biżżejjed evidenza biex jinbeda tali rieżami.

(60)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/558 fuq l-importazzjonijiet ta’ elettrodi tal-grafit tat-tip użat għall-fran elettriċi, b’densità apparenti ta’ 1,5 g/cm3 jew aktar u b’reżistenza elettrika ta’ 7,0 μ.Ω.m jew inqas, kemm jekk mgħammra bi bżieżel kif ukoll jekk le, b’dijametru nominali ta’ aktar minn 350 mm, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8545 11 00 (kodiċijiet TARIC 8545 11 00 10 u 8545 11 00 15), u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, huwa b’dan estiż għall-importazzjonijiet ta’ grafit artifiċjali fi blokok jew ċilindri b’densità apparenti ta’ 1,5 g/cm3 jew aktar u b’reżistenza elettrika ta’ 7,0 μ.Ω.m jew inqas b’dijametru nominali ta’ aktar minn 350 mm, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 3801 10 00 u ex 3801 90 00 (kodiċijiet TARIC 3801 10 00 15 u 3801 90 00 80), u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, bl-eżenzjoni tal-importazzjonijiet ta’ grafit artifiċjali fi blokok jew ċilindri b’densità apparenti ta’ 1,5 g/cm3 jew aktar u b’reżistenza elettrika ta’ 7,0 μ.Ω.m jew inqas b’dijametru nominali ta’ aktar minn 350 mm, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 3801 10 00 u ex 3801 90 00 (il-kodiċijiet TARIC 3801 10 00 15 u 3801 90 00 80) importati mill-kumpanija elenkata hawn taħt:

Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

JAP INDUSTRIES s.r.o.

89MJ

2.   Id-dazju estiż huwa d-dazju anti-dumping ta’ 74,9 % applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” fir-RPĊ (il-kodiċi addizzjonali TARIC C999).

3.   Id-dazju estiż bil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina rreġistrati f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2686, bl-eċċezzjoni tal-importazzjonijiet ta’ grafit artifiċjali fi blokok jew ċilindri b’densità apparenti ta’ 1,5 g/cm3 jew aktar u b’reżistenza elettrika ta’ 7,0 μ.Ω.m jew inqas b’dijametru nominali ta’ aktar minn 350 mm, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 3801 10 00 u ex 3801 90 00 (kodiċijiet TARIC 3801 10 00 15 u 3801 90 00 80) importati mill-kumpanija elenkata fil-paragrafu 1.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-awtoritajiet doganali huma ordnati biex ma jkomplux bir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2686 li b’dan huwa mħassar.

Artikolu 3

L-importazzjonijiet ta’ parts li ġew eżentati mid-dazju estiż skont l-Artikolu 1 għandhom jew jintużaw fl-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ tal-parti eżentata, jinqerdu jew jiġu esportati mill-ġdid. Fil-każ ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni, l-eżenzjoni għandha tiġi revokata f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

Artikolu 4

1.   It-talbiet għal eżenzjoni mid-dazju estiżi permezz tal-Artikolu 1 għandhom isiru bil-miktub b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jiġu ffirmati minn persuna awtorizzata biex tirrappreżenta lill-entità li titlob l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate G Office:

CHAR 04/39

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

2.   F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza l-eżenzjoni tal-importazzjonijiet minn kumpaniji li ma jwettqux ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/558, mid-dazju estiż bl-Artikolu 1.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/558 tas-6 ta’ April 2022 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 108, 7.4.2022, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/558/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2686 tas-17 ta’ Ottubru 2024 li jniedi investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/558 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafita li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina permezz ta’ importazzjonijiet ta’ grafit artifiċjali fi blokok jew ċilindri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L, 2024/2686, 18.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2686/oj).

(4)  Abbażi tal-importazzjonijiet ta’ grafit artifiċjali stmati li għandhom jintużaw għall-produzzjoni ta’ GES kif stabbilit fil-premessa (29) u fit-Tabella 3.

(5)  Kodiċijiet TARIC 8545 11 00 10 u 8545 11 00 15.

(6)  Kodiċijiet NM 3801 10 00 u 3801 90 00.

(7)  Kodiċijiet NM 3801 10 00 u 3801 90 00.

(8)  Abbażi tad-data pprovduta fit-talba u kkonfermata mid-data pprovduta mill-JAP.

(9)  Iċ-ċifri tal-konsum kienu bbażati fuq l-importazzjonijiet ta’ GES, il-bejgħ ta’ GES tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni kif irrapportat fil-kwestjonarju makro u l-importazzjonijiet tal-grafit artifiċjali stmati li jintużaw għall-produzzjoni ta’ GES kif stabbilit fil-premessa (29) u fit-Tabella 3.

(10)   https://data.ecb.europa.eu/data/data-categories.

(11)  Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/558.

(12)   https://www.worldbank.org/en/research/brief/inflation-database.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1202/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)