European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1201

11.7.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1201

tat-12 ta’ Ġunju 2025

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2025/530 fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħu

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(1) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ghana dwar l-infurzar tal-liġi għall-foresta, il-governanza, u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam fil-Komunità (2) (“il-Ftehim”) ġie rratifikat mill-Partijiet u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/530 (3) jinkludi r-Repubblika tal-Ghana u d-Diviżjoni tal-Iżvilupp tal-Industrija tal-Injam tagħha fil-lista fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2173/2005, u l-lista ta’ prodotti koperti mill-iskema ta’ liċenzjar FLEGT fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament. Ir-Regolament Delegat (UE) 2025/530 għandu jibda japplika fit-8 ta’ Lulju 2025.

(3)

Il-Ghana mhux se tibda toħroġ il-liċenzji FLEGT qabel it-30 ta’ Ġunju 2025. Meta jitqies li l-iskedi standard tat-tbaħħir bejn il-Ghana u l-Unjoni huma bejn ġimagħtejn u tmien ġimgħat bħala medja, hemm riskju sinifikanti li l-vjeġġi tal-injam li jaslu fl-Unjoni fit-8 ta’ Lulju 2025 jew aktar tard jistgħu ma jkunux koperti minn liċenzja FLEGT peress li jistgħu jkunu ntbagħtu qabel ma l-Ghana tibda toħroġ il-liċenzji FLEGT.

(4)

Fid-dawl tal-Artikolu 12 tal-Ftehim u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 2173/2005, id-data tal-bidu tal-iskema tal-liċenzjar FLEGT għandha tiġi stabbilita bl-għan li jiġu akkomodati l-iskedi ta’ żmien tat-tbaħħir bejn il-Ghana u l-Unjoni. B’hekk tiġi żgurata l-konformità mal-Ftehim u r-Regolament (KE) Nru 2173/2005 u biex jiġi evitat it-tfixkil tal-ktajjen tal-provvista tal-injam u d-devjazzjonijiet possibbli tal-kummerċ tal-injam lejn swieq mhux tal-Unjoni li jkunu ta’ detriment għall-provvista tal-Unjoni. Barra minn hekk, it-tfixkil fil-kummerċ jimmina l-kredibbiltà tal-Ftehim bħala strument li jiffaċilita l-kummerċ u jkollu impatt negattiv fuq l-operaturi ekonomiċi kemm fil-Ghana kif ukoll fl-Unjoni.

(5)

Għalhekk, id-data meta għandu jibda japplika r-Regolament Delegat (UE) 2025/530 għandha tiġi adattata, sabiex ikun hemm biżżejjed żmien biex il-vjeġġi li jitilqu mill-Ghana qabel it-30 ta’ Ġunju jaslu fl-Unjoni mingħajr l-obbligu li jkunu koperti b’liċenzja FLEGT.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2025/530 jiġi emendat kif xieraq.

(7)

Sabiex jiġi limitat it-tfixkil fil-kummerċ, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li jibda japplika mit-8 ta’ Lulju 2025,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/530, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandu japplika mit-8 ta’ Ottubru 2025.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-8 ta’ Lulju 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/2173/oj.

(2)  Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ghana dwar l-infurzar tal-liġi għall-foresta, il-governanza, u l-kummerċ ta’ prodotti tal-injam fil-Komunità (ĠU L 70, 19.3.2010, p. 3).

(3)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/530 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jemenda l-Annessi I u III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 wara Ftehim ta’ Sħubija Volontarju mar-Repubblika tal-Ghana — skema għal ta’ liċenzjar għall-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija, u Kummerċ fis-Settur tal-Forestrija (FLEGT) għall-importazzjonijiet ta’ injam lejn l-Unjoni Ewropea (ĠU L, 2025/530, 20.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/530/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1201/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)