European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1184

16.7.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1184

tal-10 ta’ Ġunju 2025

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 biex l-Alġerija, l-Angola, il-Kosta tal-Avorju, il-Kenja, il-Laos, il-Libanu, Monaco, in-Namibja, in-Nepal u l-Venezwela jiżdiedu mal-lista ta’ pajjiżi terzi b’riskju għoli li pprovdew impenn politiku ta’ livell għoli bil-miktub biex jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati u żviluppaw pjan ta’ azzjoni mal-FATF, u biex Barbados, Ġibiltà, il-Ġamajka, il-Panama, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda jitneħħew minn dik il-lista

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 9(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Unjoni hija obbligata li tipproteġi b’mod effettiv l-integrità u l-funzjonament xieraq tas-sistema finanzjarja tagħha u tas-suq intern mill-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849 jirrikjedi li l-Kummissjoni tidentifika pajjiżi terzi li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT) u b’hekk joħolqu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni (“pajjiżi terzi b’riskju għoli”).

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 (2) jidentifika l-pajjiżi terzi b’riskju kbir u li għandhom nuqqasijiet strateġiċi.

(3)

Fil-kunsiderazzjoni tal-livell għoli ta’ integrazzjoni tas-sistema finanzjarja internazzjonali, ir-rabta stretta tal-operaturi tas-suq, il-volum għoli ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera lejn jew mill-Unjoni, u l-livell ta’ ftuħ tas-suq, kwalunkwe theddida tal-AML/CFT fuq is-sistema finanzjarja internazzjonali hija wkoll theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

(4)

Kif meħtieġ mill-Artikolu 9(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849, il-Kummissjoni qieset l-informazzjoni disponibbli reċentement, b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet pubbliċi reċenti tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force - FATF), il-lista tal-FATF ta’ “Ġuriżdizzjonijiet soġġetti għal Monitoraġġ Imsaħħaħ”, u r-rapporti tal-FATF tal-Grupp ta’ Analiżi tal-Kooperazzjoni Internazzjonali fir-rigward tar-riskji ppreżentati minn pajjiżi terzi individwali.

(5)

Mill-aħħar emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, l-FATF aġġornat il-lista tagħha ta’ “Ġuriżdizzjonijiet soġġetti għal Monitoraġġ Imsaħħaħ”. Fil-laqgħat plenarji tagħha fi Frar, Ġunju u Ottubru 2024 u fi Frar 2025, il-FATF żiedet l-Alġerija, l-Angola, il-Côte d’Ivoire, il-Kenja, il-Laos, il-Libanu, Monaco, in-Namibja, in-Nepal u l-Venezwela ma’ dik il-lista, u neħħiet lil Barbados, Ġibiltà, Ġamajka, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda minn dik il-lista.

(6)

L-Alġerija għamlet impenn politiku ta’ livell għoli f’Ottubru 2024 biex taħdem mal-FATF u mat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq (Middle East and North Africa Financial Action Task Force - MENAFATF), li hija l-korp reġjonali tat-tip tal-FATF tagħha (FATF-style regional body - FSRB), biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha. Mill-adozzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni reċiproka (mutual evaluation report - MER) tagħha f’Mejju 2023, l-Alġerija għamlet progress fuq ħafna mill-azzjonijiet rakkomandati fil-MER inkluż billi segwiet b’mod aktar effettiv l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-ħasil tal-flus (money laundering - ML). L-Alġerija ser tkompli taħdem mal-FATF biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tagħha billi: ittejjeb is-superviżjoni bbażata fuq ir-riskju, speċjalment għal setturi b’riskju ogħla, inkluż permezz tal-adozzjoni ta’ proċeduri ġodda, valutazzjonijiet tar-riskju, manwali u linji gwida ta’ superviżjoni, kif ukoll twettaq spezzjonijiet u tapplika sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi; tiżviluppa qafas effettiv għall-informazzjoni bażika u dik dwar is-sjieda benefiċjarja; issaħħaħ ir-reġim tagħha ta’ rappurtar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi (suspicious transaction reports - STR); tistabbilixxi qafas legali u istituzzjonali effettiv għal sanzjonijiet finanzjarji mmirati (targeted financial sanctions - TFS) għall-finanzjament tat-terroriżmu (terrorism financing - TF); kif ukoll timplimenta approċċ abbażi tar-riskju għas-sorveljanza tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ (non-profit organisations - NPOs), mingħajr ma tfixkel jew tiskoraġġixxi l-attività leġittima. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamlet l-Alġerija s’issa, u jiġu inkoraġġiti aktar sforzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Alġerija għadha ma indirizzatx bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex hija tiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li l-Alġerija titqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli.

(7)

L-Angola għamlet impenn politiku ta’ livell għoli f’Ottubru 2024 biex taħdem mal-FATF u mall-Grupp kontra l-ħasil tal-flus tal-Lvant u n-Nofsinhar tal-Afrika (Eastern and Southern Africa Anti-Money Laundering Group - ESAAMLG), li huwa l-FSRB tagħha, biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha. Mill-adozzjoni tal-MER tagħha f’Ġunju 2023, l-Angola għamlet progress f’xi wħud mill-azzjonijiet rakkomandati fl-MER inkluż bit-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni nazzjonali, il-kooperazzjoni internazzjonali u l-użu tal-intelligence finanzjarja mill-awtoritajiet kompetenti. L-Angola ser tkompli taħdem mal-FATF biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tal-FATF tagħha billi: issaħħaħ il-fehim tagħha tar-riskji tal-ML/TF; ittejjeb is-superviżjoni abbażi tar-riskju ta’ entitajiet bankarji mhux finanzjarji u ta’ negozji u professjonijiet mhux finanzjarji deżinjati (designated non-financial businesses and professions - DNFBPs); tara li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess adegwat, preċiż u f’waqtu għall-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u li l-ksur tal-obbligi jiġi indirizzat b’mod adegwat; tagħti xhieda ta’ żieda fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-ħasil tal-flus; tagħti xhieda tal-kapaċità li jiġi identifikat, investigat u mħarrek it-TF; u turi li għandha proċess effettiv għall-implimentazzjoni tat-TFS mingħajr dewmien. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamlet l-Angola s’issa, u jiġu inkoraġġiti aktar sforzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Angola għadha ma indirizzatx bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex hija tiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li l-Angola titqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli.

(8)

F’Ottubru 2024 il-Kosta ta’ Avorju ħadet impenn politiku ta’ livell għoli biex taħdem mal-FATF u mal-Grupp Intergovernimentali ta’ Azzjoni kontra l-Ħasil tal-Flus fl-Afrika tal-Punent (Groupe Intergouvernemental d’Action contre le Blanchiment d’Argent en Afrique de l’Ouest - GIABA), li huwa l-FSRB tagħha, biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha. Mill-adozzjoni tal-MER tagħha f’Ġunju 2023, il-Kosta tal-Avorju għamlet progress fuq ħafna mill-azzjonijiet rakkomandati fl-MER inkluż billi saħħet il-qafas legali tagħha tal-AML/CFT permezz ta’ diversi emendi leġiżlattivi u regolatorji importanti, aġġornat l-analiżi tal-ML/TF billi abbozzat rapporti tipoloġiċi dwar l-ogħla reati predikati tar-riskju, saħħet ir-riżorsi umani u tekniċi tal-unità tal-intelligence finanzjarja (financial intelligence unit - FIU) u tal-prosekuturi, u operazzjonalizzat l-aġenzija inkarigata mill-ġestjoni tal-assi sekwestrati u kkonfiskati. Il-Kosta tal-Avorju ser tkompli taħdem mal-FATF biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tal-FATF tagħha billi: issaħħaħ l-użu tagħha tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-ML/TF; ittejjeb l-implimentazzjoni tas-superviżjoni bbażata fuq ir-riskju tal-istituzzjonijiet finanzjarji u n-negozji u l-professjonijiet mhux finanzjarji deżinjati u t-twettiq ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni biex tittejjeb il-konformità; ittejjeb il-verifika u l-aċċess għall-informazzjoni bażika u dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ persuni ġuridiċi u l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet f’każ ta’ ksur; issaħħaħ l-użu tal-intelligence finanzjarja mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u t-titjib tad-disseminazzjoni mill-FIU; tagħti xhieda ta’ żieda sostnuta fl-għadd ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ta’ ML/TF ta’ tipi differenti f’konformità mal-profil tar-riskju tal-pajjiż; u ssaħħaħ il-qafas tat-TFS. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamlet il-Kosta tal-Avorju s’issa, u jiġu inkoraġġiti aktar sforzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Kosta tal-Avorju għadha ma indirizzatx bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex hija tiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li l-Kosta tal-Avorju titqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli.

(9)

Il-Kenja għamlet impenn politiku ta’ livell għoli fi Frar 2024 biex taħdem mal-FATF u mall-Grupp kontra l-ħasil tal-flus tal-Lvant u n-Nofsinhar tal-Afrika (Eastern and Southern Africa Anti-Money Laundering Group - ESAAMLG), li huwa l-FSRB tagħha, biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Kenja ħadet passi biex ittejjeb ir-reġim tal-AML/CFT tagħha, inkluż billi lestiet valutazzjoni tar-riskju tat-TF u billi ġabet il-qafas tat-TFS tagħha relatat mal-finanzjament tal-proliferazzjoni f’konformità. Il-Kenja se tkompli taħdem biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tagħha tal-FATF biex tindirizza n-nuqqasijiet strateġiċi tagħha, inkluż billi: tippreżenta r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali tal-ML/TF tagħha u valutazzjonijiet tar-riskju oħrajn b’mod konsistenti lill-awtoritajiet kompetenti u lis-settur privat u taġġorna l-istrateġiji nazzjonali tal-AML/CFT; ittejjeb tas-superviżjoni tal-AML/CFT abbażi tar-riskju tal-istituzzjonijiet finanzjarji (financial institutions - FIs) u d-DNFBPs u tadotta qafas legali għal-liċenzjar u s-superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi tal-assi virtwali; issaħħaħ il-fehim tal-miżuri preventivi mill-FIs u d-DNFBPs, inkluż biex tiżdied il-preżentazzjoni tal-STR u tiġi implimentata t-TFS mingħajr dewmien; taħtar awtorità għar-regolamentazzjoni tat-trusts u l-ġbir ta’ informazzjoni preċiża u aġġornata dwar is-sjieda benefiċjarja u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ rimedju għall-ksur tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ trasparenza għall-persuni u l-arranġamenti ġuridiċi; ittejjeb l-użu u l-kwalità tal-prodotti tal-intelligence finanzjarja; iżżid l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-ML u tat-TF f’konformità mar-riskji; iġġib il-qafas tat-TFS konformi mar-Rakkomandazzjoni 6 tal-FATF u tara li jkun hemm implimentazzjoni effettiva tagħha; u tirrevedi l-qafas għar-regolamentazzjoni u s-sorveljanza tal-NPO biex jiġi żgurat li l-miżuri ta’ mitigazzjoni jkunu bbażati fuq ir-riskju u ma jfixklux jew jiskoraġġixxu l-attività leġittima tal-NPO. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamlet il-Kenja s’issa, u jiġu inkoraġġiti aktar sforzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Kenja għadha ma indirizzatx bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex hija tiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li l-Kenja titqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli.

(10)

Il-Laos għamel impenn politiku ta’ livell għoli fi Frar 2025 biex jaħdem mal-FATF u mal-Grupp tal-Asja/il-Paċifiku kontra l-Ħasil tal-Flus (Asia/Pacific Group on Money Laundering - APG), li huwa l-FSRB tiegħu, biex isaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tiegħu. Mill-adozzjoni tal-MER tiegħu f’Awwissu 2023, il-Laos għamel progress f’xi wħud mill-azzjonijiet rakkomandati fl-MER inkluż biż-żieda fir-riżorsi tal-FIU u l-eliminazzjoni tal-ishma tal-portaturi. Il-Laos se jkompli taħdem mal-FATF biex jimplimenta l-pjan ta’ azzjoni tal-FATF tiegħu billi: issaħħaħ il-fehim tagħha tar-riskji tal-ML/TF; itejjeb is-superviżjoni abbażata tar-riskju tal-każinojiet, tal-banek u tal-entitajiet ta’ rapportar f’Żoni Ekonomiċi Speċjali, inklużi permezz ta’ kontrolli xierqa; itejjeb il-kwalità u l-kwantità tal-analiżi tal-intelligence finanzjarja u t-tixrid spontanju lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi; jara li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jirċievu taħriġ u gwida dwar il-ħasil tal-flus; jagħti xhieda ta’ żieda fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-ML f’konformità mal-profil tar-riskju tal-Laos, b’enfasi fuq reati b’element transnazzjonali li jeħtieġu kooperazzjoni internazzjonali; jiżviluppa politika nazzjonali ta’ konfiska konsistenti mar-riskji tal-ML/TF tiegħu; jagħti xhieda li l-awtoritajiet kompetenti rilevanti qed jieħdu miżuri biex jidentifikaw, jissekwestraw u, fejn applikabbli, jikkonfiskaw ir-rikavat u l-mezzi strumentali tal-kriminalità f’konformità mal-profil tar-riskju; jimmonitorja l-konformità tal-FI u tad-DNFBPs mat-TFS mal-obbligi tal-finanzjament tal-proliferazzjoni (proliferation financing - PF); kif ukoll jindirizza n-nuqqasijiet ta’ konformità teknika fir-Rakkomandazzjonijiet 5, 6, 7 u 10 tal-FATF. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamel il-Laos s’issa, u jiġu inkoraġġiti aktar sforzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Laos għadu ma indirizzax bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex huwa jiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li l-Laos jitqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli.

(11)

Il-Libanu għamel impenn politiku ta’ livell għoli f’Ottubru 2024 biex jaħdem mal-FATF u mat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja għal-Lvant Nofsani u t-Tramuntana tal-Afrika (Middle East and North Africa Financial Action Task Force - MENAFATF), li huwa l-FSRB tiegħu, biex isaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha. Mill-adozzjoni tal-MER tiegħu f’Mejju 2023, il-Libanu għamel progress fuq diversi azzjonijiet rakkomandati fl-MER u applika miżuri għas-settur finanzjarju tiegħu, inkluż permezz tal-ħruġ ta’ ċirkolari għall-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji biex jistabbilixxi dipartiment iddedikat għall-ġlieda kontra t-tixħim u r-reati relatati mal-korruzzjoni u gwida dwar persuni politikament esposti, filwaqt li ħa miżuri kontra attività finanzjarja mhux liċenzjata. Il-Libanu ser ikompli jaħdem mal-FATF biex jimplimenta l-pjan ta’ azzjoni tal-FATF tiegħu billi: Jevalwa r-riskji speċifiċi ta’ ML/TF identifikati fl-MER u jara li jkun hemm fis-seħħ politiki u miżuri biex jittaffew dawk ir-riskji; isaħħaħ il-mekkaniżmi biex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni f’waqtha u effettiva tat-talbiet għal assistenza legali reċiproka, l-estradizzjoni u l-irkupru tal-assi; isaħħaħ il-fehim tar-riskju tad-DNFBPs u japplika sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tal-obbligi tal-AML/CFT; jara li l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tkun aġġornata u li jkun hemm fis-seħħ sanzjonijiet adegwati u miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju għall-persuni ġuridiċi; isaħħaħ l-użu mill-awtoritajiet kompetenti tal-prodotti tal-FIU u tal-intelligence finanzjarja; jagħti xhieda ta’ żieda sostnuta fl-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u s-sentenzi tal-qorti għat-tipi ta’ ML f’konformità mar-riskju; itejjeb l-approċċ tiegħu għall-irkupru tal-assi u jidentifika u jissekwestra movimenti transfruntiera illeċiti ta’ muniti u metalli u ħaġar prezzjużi; iwettaq investigazzjonijiet tat-TF u jaqsam l-informazzjoni relatata ma’ dawn l-investigazzjonijiet ma’ sħab barranin kif mitlub fl-MER; isaħħaħ l-implimentazzjoni tat-TFS mingħajr dewmien, b’mod partikolari fid-DNFBPs u ċerti istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji; kif ukoll jagħmel monitoraġġ immirat u abbażi tar-riskju tal-NPOs ta’ riskju għoli, mingħajr tfixkil jew skoraġġiment tal-attivitajiet leġittimi NPO. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamel il-Libanu s’issa, minkejja ċ-ċirkostanzi preżenti li joffru sfida, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Libanu għadu ma indirizzax bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex huwa jiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li l-Libanu jitqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli.

(12)

F’Ġunju 2024, Monaco għamel impenn politiku ta’ livell għoli lill-FATF u lill-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Evalwazzjoni ta’ Miżuri Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu tal-Kunsill tal-Ewropa (MONEYVAL), li hija l-FSRB tiegħu, biex isaħħaħ l-effettività tar-reġim AML/CFT tiegħu. Mill-adozzjoni tal-MER tiegħu f’Diċembru 2022, Monaco għamel progress sinifikanti f’diversi azzjonijiet rakkomandati fl-MER, inkluż billi stabbilixxa superviżur ġdid ikkombinat tal-FIU u tal-AML/CFT, saħħaħ l-approċċ tiegħu għad-detezzjoni u l-investigazzjoni tat-TF, implimenta t-TFS u wettaq superviżjoni bbażata fuq ir-riskju tal-NPOs. Monaco se jkompli jaħdem mal-FATF biex jimplimenta l-pjan ta’ azzjoni tiegħu billi: isaħħaħ il-fehim tar-riskju fir-rigward tal-ML u tal-frodi tat-taxxa fuq l-introjtu mwettqa barra mill-pajjiż; jagħti xhieda ta’ żieda sostnuta f’talbiet ħerġin biex jiġi identifikat u mfittex il-qbid ta’ assi kriminali barra mill-pajjiż; isaħħaħ l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet għall-ksur tal-AML/CFT u l-ksur tar-rekwiżiti bażiċi u tas-sjieda benefiċjarja; ilesti l-programm ta’ riżorsi tiegħu għall-FIU tiegħu u jsaħħaħ il-kwalità u l-puntwalità tar-rapportar tal-STR; isaħħaħ l-effiċjenza ġudizzjarja, inkluż permezz ta’ żieda fir-riżorsi għall-imħallfin u l-prosekuturi investigattivi u japplika sanzjonijiet effettivi, dissważivi u proporzjonati għall-ML; kif ukoll jara li jkun hemm żieda fil-qbid ta’ proprjetà suspettata li tirriżulta minn attivitajiet kriminali. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamel Monaco s’issa, u jiġu inkoraġġiti aktar sforzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li Monaco għadu ma indirizzax bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex huwa jiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li Monaco jitqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli.

(13)

In-Namibia għamlet impenn politiku ta’ livell għoli fi Frar 2024 biex taħdem mal-FATF u mal-ESAAMLG, li huwa l-FSRB tagħha, biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha. Minn dak iż-żmien ’l hawn, in-Namibja ħadet passi biex ittejjeb ir-reġim tal-AML/CFT tagħha, inkluż billi saħħet ir-riżorsi tal-FIU iddedikati kemm għar-responsabbiltajiet ta’ superviżjoni tagħha kif ukoll għall-analiżi operazzjonali u strateġika, u żiedet ir-riżorsi finanzjarji u umani tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi (law enforcement agencies - LEAs) iddedikati għat-TF. In-Namibja se tkompli taħdem biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tagħha tal-FATF biex tindirizza n-nuqqasijiet strateġiċi tagħha, inkluż billi: issaħħaħ is-superviżjoni tagħha bbażata fuq ir-riskju tal-AML/CFT permezz tat-twettiq ta’ spezzjonijiet mhux fuq il-post u fuq il-post imsaħħa permezz ta’ għodod superviżorji ta’ valutazzjoni tar-riskju u bl-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tal-obbligi tal-AML/CFT; issaħħaħ il-miżuri preventivi permezz ta’ spezzjonijiet u sensibilizzazzjoni biex jiġi żgurat li l-FIs u d-DNFBPs japplikaw miżuri msaħħa ta’ diliġenza dovuta kif ukoll obbligi tat-TFS relatati mat-TF u mal-PF mingħajr dewmien; iżżid il-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja ta’ persuni u arranġamenti ġuridiċi, u l-applikazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ rimedju jew sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi kontra ksur tal-konformità mal-obbligi tas-sjieda benefiċjarja; ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-FIU u l-LEAs biex jissaħħu l-użu u l-integrazzjoni tal-intelligence finanzjarja fl-investigazzjonijiet; issaħħaħ il-kapaċitajiet operazzjonali tal-awtoritajiet involuti fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-ML billi dawn l-awtoritajiet jiġu pprovduti b’riżorsi adegwati u taħriġ immirat; kif ukoll tagħti xhieda tal-kapaċitajiet tal-LEAs li jinvestigaw każijiet ta’ ML/TF u jagħmlu prosekuzzjoni b’mod effettiv tagħhom. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamlet in-Namibia s’issa, u jiġu inkoraġġiti aktar sforzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li n-Namibia għadha ma indirizzatx bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex hija tiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li n-Namibja titqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli.

(14)

In-Nepal għamel impenn politiku ta’ livell għoli fi Frar 2025 biex jaħdem mal-FATF u mal-APG li huwa l-FSRB tiegħu, biex isaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tiegħu. Mill-adozzjoni tal-MER tiegħu f’Awwissu 2023, in-Nepal għamel progress f’xi wħud mill-azzjonijiet rakkomandati fl-MER inkluż razzjonalizzazzjoni tat-talbiet ta’ MLA u żieda fil-kapaċitajiet tal-FIU. In-Nepal se jkompli jaħdem mal-FATF biex jimplimenta l-pjan ta’ azzjoni tal-FATF tiegħu billi: itejjeb il-fehim tiegħu tar-riskji ewlenin tal-ML/TF; itejjeb is-superviżjoni abbażi tar-riskju tal-banek kummerċjali, il-kooperattivi b’riskju ogħla, il-każinojiet, in-negozjanti ta’ metalli u ħaġar prezzjużi, u s-settur tal-proprjetà immobbli; jagħti xhieda li qiegħed jidentifika u jissanzjona servizzi ta’ trasferiment ta’ flus jew ta’ valur/fornituri ta’ servizzi hundi materjalment sinifikanti, mingħajr ma tiġi mfixkla l-inklużjoni finanzjarja; iżid il-kapaċità u l-koordinazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu investigazzjonijiet tal-ML; jagħti xhieda ta’ żieda fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tal-ML; jagħti xhieda li qiegħed jieħu miżuri biex jidentifika, jittraċċa, jirrestrinġi, jissekwestra u, fejn applikabbli, jikkonfiska r-rikavat u l-mezzi strumentali tal-kriminalità f’konformità mal-profil tar-riskju; kif ukoll jindirizza n-nuqqasijiet ta’ konformità teknika fir-reġim ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati tiegħu għal TF u PF. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamel in-Nepal s’issa, u jiġu inkoraġġiti aktar sforzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li n-Nepal għadu ma indirizzax bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex hija tiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li n-Nepal jitqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli.

(15)

Il-Venezwela għamlet impenn politiku ta’ livell għoli fi Frar 2024 biex taħdem mal-FATF u mat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja għall-Karibew (Caribbean Financial Action Task Force - CFATF), li huwa l-FSRB tagħha, biex issaħħaħ l-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tagħha. Il-Venezwela se tkompli taħdem biex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tagħha tal-FATF biex tindirizza n-nuqqasijiet strateġiċi tagħha, inkluż billi: issaħħaħ il-fehim tagħha tar-riskji tal-ML/TF, inkluż fir-rigward tat-TF u tal-persuni u l-arranġamenti ġuridiċi; tara li l-firxa sħiħa ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u DNFBPs ikunu soġġetti għal miżuri tal-AML/CFT u superviżjoni bbażata fuq ir-riskju; tara li informazzjoni adegwata, preċiża u aġġornata dwar is-sjieda benefiċjarja tkun aċċessibbli fil-ħin; issaħħaħ ir-riżorsi tal-FIU u ttejjeb l-użu mill-awtoritajiet kompetenti tal-intelligence finanzjarja; issaħħaħ l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ML u t-TF; tara li tieħu miżuri għall-prevenzjoni tal-abbuż tal-NPOs għat-TF li jkunu mmirati, proporzjonati u abbażi tar-riskju u ma jkunux ifixklu jew jiskoraġġixxu attivitajiet leġittimi fis-settur tan-NPO; kif ukoll li timplimenta TFS relatati ma’ TF u PF mingħajr dewmien. Filwaqt li huma rikonoxxuti u milqugħa l-impenn u l-progress li għamlet il-Venezwela s’issa, u jiġu inkoraġġiti aktar sforzi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Venezwela għadha ma indirizzatx bis-sħiħ it-tħassib li wassal biex hija tiżdied mal-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet taħt Monitoraġġ Miżjud”. Jenħtieġ għalhekk li l-Venezwela titqies bħala pajjiż terz b’riskju għoli.

(16)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-Alġerija, l-Angola, il-Kosta tal-Avorju, il-Kenja, il-Laos, il-Libanu, Monaco, in-Namibja, in-Nepal u l-Venezwela għandhom jiġu identifikati bħala pajjiżi terzi b’riskju għoli. Għalhekk, jenħtieġ li l-Alġerija, l-Angola, il-Kosta tal-Avorju, il-Kenja, il-Laos, il-Libanu, Monaco, in-Namibja, in-Nepal u l-Venezwela jiżdiedu mat-tabella fil-punt I tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675.

(17)

Il-Kummissjoni rrieżaminat il-progress li sar mill-Barbados, Ġibiltà, il-Ġamajka, il-Panama, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda fl-indirizzar tan-nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi AML/CFT rispettivi tagħhom. Dawk il-ġuriżdizzjonijiet li ġew identifikati bħala pajjiżi terzi b’riskju għoli fir-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 tneħħew mil-lista tal-FATF ta’ “Ġurisdizzjonijiet soġġetti għal Monitoraġġ Miżjud” f’Ottubru 2023 (il-Panama), fi Frar 2024 (Barbados, Ġibiltà, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda), f’Ġunju 2024 (il-Ġamajka), f’Ottubru 2024 (is-Senegal) u fi Frar 2025 (il-Filippini).

(18)

L-FATF laqgħet b’mod pożittiv il-progress sinifikanti li sar mill-Barbados, Ġibiltà (3), il-Ġamajka, il-Panama, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda fit-titjib tar-reġimi tagħhom ta’ AML/CFT. L-FATF innotat ukoll li dawk il-ġurisdizzjonijiet stabbilew oqfsa legali u regolatorji biex jissodisfaw l-impenji fil-pjanijiet ta’ azzjoni rispettivi tagħhom dwar in-nuqqasijiet strateġiċi identifikati mill-FATF. Għaldaqstant, Barbados, Ġibiltà, il-Ġamakja, il-Panama, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda ma għadhomx soġġetti għall-proċess ta’ monitoraġġ tal-FATF fl-ambitu tal-proċess ta’ konformità globali tagħha dwar l-AML/CFT u se jkomplu jaħdmu mal-korpi reġjonali tat-tip FATF tagħhom biex ikomplu jsaħħu r-reġimi tal-AML/CFT tagħhom.

(19)

Barbados, Ġibiltà, il-Ġamajka, il-Panama, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda saħħew l-effettività tar-reġimi tal-AML/CFT tagħhom u indirizzaw in-nuqqasijiet tekniċi biex jissodisfaw l-impenji fil-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom dwar in-nuqqasijiet strateġiċi identifikati mill-FATF. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tikkonkludi li Barbados, Ġibiltà, il-Ġamajka, il-Panama, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda ma għadx għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi AML/CFT tagħhom. Għalhekk jixraq li Barbados, Ġibiltà, il-Ġamajka, il-Panama, il-Filippini, is-Senegal, l-Uganda u l-Emirati Għarab Magħquda jitneħħew mit-tabella fil-punt I tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675.

(20)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1675, fil-punt I, it-tabella hija sostitwita bit-tabella fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/849/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta’ Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b’riskju kbir b’nuqqasijiet strateġiċi (ĠU L 254, 20.9.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/1675/oj).

(3)  Bla ħsara għall-pożizzjoni legali tar-Renju ta’ Spanja fir-rigward tas-sovranità u l-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ Ġibiltà.


ANNESS

“Nru

Pajjiż terz b’riskju kbir

1

L-Afganistan

2

L-Alġerija

3

L-Angola

4

Il-Burkina Faso

5

Il-Kamerun

6

Il-Kosta tal-Avorju

7

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

8

Il-Haiti

9

Il-Kenja

10

Il-Laos

11

Il-Libanu

12

Il-Mali

13

Monaco

14

Il-Mozambique

15

Il-Myanmar

16

In-Namibja

17

In-Nepal

18

In-Niġerja

19

L-Afrika t’Isfel

20

Is-Sudan t’Isfel

21

Is-Sirja

22

It-Tanzanija

23

Trinidad u Tobago

24

Vanuatu

25

Il-Venezwela

26

Il-Vjetnam

27

Il-Jemen.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1184/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)