|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1182 |
18.6.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1182
tas-17 ta’ Ġunju 2025
li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ir-rigradazzjoni tal-indiċijiet armonizzati għall-perjodu komuni ta’ referenza tal-indiċi tal-2025 skont ir-Regolament (UE) 2016/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2016/792 jistabbilixxi qafas komuni għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-indiċijiet armonizzati li ġejjin: l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP), l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur b’rati tat-taxxa kostanti (HICP-CT), l-indiċi tal-prezzijiet tal-akkomodazzjonijiet okkupati mis-sid (OOH) u l-indiċi tal-prezzijiet tad-djar (HPI). |
|
(2) |
L-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) 2016/792 jistabbilixxi s-sena 2015 bħala l-perjodu komuni ta’ referenza tal-indiċi għall-indiċijiet armonizzati. L-Artikolu 5(6) ta’ dak ir-Regolament jispeċifika li l-indiċijiet armonizzati u s-subindiċijiet tagħhom għandhom jiġu rigradati għal perjodu komuni ta’ referenza tal-indiċi ġdid kull 10 snin wara l-aħħar rigradazzjoni, li tibda mill-2015. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu definiti r-regoli dettaljati għal dik ir-rigradazzjoni. |
|
(3) |
Ir-rigradazzjoni tad-data diġà trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat) teħtieġ id-diviżjoni tas-serje kronoloġika sħiħa ta’ indiċijiet armonizzati u s-subindiċijiet tagħhom li jikkorrispondu għall-perjodu komuni ta’ referenza tal-indiċi preċedenti b’fattur ta’ rigradazzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkalkulaw il-fatturi ta’ rigradazzjoni u jibagħtuhom lill-Kummissjoni (Eurostat), u jenħtieġ li din tirrigrada s-serje kronoloġika eżistenti. |
|
(4) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/3159 (2) introduċa bidliet fil-kompilazzjoni tal-HICP u tal-HICP-CT rigward ir-rigradazzjoni tal-konsum u l-inklużjoni tal-logħob tal-azzard li japplikaw għat-trażmissjoni ta’ dawn l-indiċijiet lill-Kummissjoni (Eurostat) mix-xahar ta’ referenza ta’ Jannar 2026. Għal raġunijiet ta’ kosteffettività u biex jiġi żgurat li dawn il-bidliet ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri, ikun xieraq li dan ir-Regolament jiġi applikat simultanjament mal-bidliet introdotti mir-Regolament Delegat (UE) 2024/3159. |
|
(5) |
Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Perjodu komuni ta’ referenza tal-indiċi l-ġdid
1. Il-perjodu komuni ta’ referenza tal-indiċi l-ġdid għall-indiċijiet armonizzati msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2016/792 u s-subindiċijiet tagħhom għandu jkun l-2025.
2. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-perjodu komuni ta’ referenza tal-indiċi l-ġdid għall-indiċijiet u s-subindiċijiet armonizzati, inkluż kwalunkwe reviżjoni tad-data, trażmessi lill-Kummissjoni (Eurostat):
|
(a) |
għall-indiċijiet ta’ kull xahar, li jibdew bl-indiċi għal Jannar 2026 u lilhinn; |
|
(b) |
għall-indiċijiet trimestrali, li jibdew bl-indiċi għall-ewwel trimestru tal-2026 u lilhinn. |
Artikolu 2
Rigradazzjoni tal-indiċijiet armonizzati diġà trażmessi lill-Kummissjoni (Eurostat)
1. L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw il-fatturi ta’ rigradazzjoni bi preċiżjoni ta’ mill-inqas sitt pożizzjonijiet deċimali għal kull wieħed mill-indiċijiet armonizzati u s-subindiċijiet tagħhom skont il-formula li ġejja:
|
(a) |
għall-indiċijiet ta’ kull xahar
|
|
(b) |
għall-indiċijiet trimestrali
|
fejn:
|
|
|
|
|
|
2. Is-serje kronoloġika sħiħa tal-indiċijiet armonizzati u s-subindiċijiet tagħhom, inkluż kwalunkwe data riveduta, għandha tiġi rigradata għall-perjodu komuni ta’ referenza tal-indiċi l-ġdid bl-użu tal-fatturi ta’ rigradazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
3. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu l-fatturi ta’ rigradazzjoni kkalkulati lill-Kummissjoni (Eurostat):
|
(a) |
mhux aktar tard mill-21 ta’ Jannar 2026, għall-indiċijiet ta’ kull xahar; |
|
(b) |
mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2026, għall-indiċijiet trimestrali. |
4. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tuża l-fatturi ta’ rigradazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 biex tirrigrada s-serje kronoloġika sħiħa tal-indiċijiet armonizzati u s-subindiċijiet tagħhom trażmessi preċedentement mill-Istati Membri.
5. Fil-każ ta’ reviżjoni tal-indiċijiet u s-subindiċijiet armonizzati għal kwalunkwe perjodu ta’ referenza tas-sena 2025 li sseħħ wara d-dati indikati fil-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) il-fatturi ta’ rigradazzjoni aġġornati flimkien mas-serje kronoloġika sħiħa riveduta abbażi ta’ 2025 = 100 mingħajr dewmien mhux ġustifikat.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 135, 24.5.2016, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/792/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/3159 tat-2 ta’ Settembru 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tad-djar, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-konsum u l-inklużjoni tal-logħob tal-azzard, (ĠU L, 2024/3159, 20.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/3159/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1182/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)