European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1111

28.5.2025

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1111

tat-28 ta’ Mejju 2025

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2020/1998 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/1998 tas-7 ta' Diċembru 2020 dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-7 ta' Diċembru 2020, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2020/1998.

(2)

Fit-8 ta' Diċembru 2020, permezz tad-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha affermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom lejn il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Ir-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet tal-UE b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem jenfasizza d-determinazzjoni tal-Unjoni li ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-indirizzar ta' ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Ir-realizzazzjoni tat-tgawdija effettiva tad-drittijiet tal-bniedem għal kull persuna hija għan strateġiku tal-Unjoni. Ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem huwa valur fundamentali tal-Unjoni u tal-politika estera u ta' sigurtà komuni tagħha.

(3)

F'Marzu 2025, mewġa ta' vjolenza fir-reġjun kostali tas-Sirja ħolqot għadd kbir ta' vittmi, inkluż ħafna persuni ċivili. Fil-11 ta' Marzu 2025, ir-Rappreżentant Għoli ħarġet dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni li fiha l-Unjoni kkundannat id-delitti orribbli mwettqa kontra persuni ċivili fil-kuntest ta’ dik il-vjolenza, inkluż qtil arbitrarju.

(4)

F'dak il-kuntest, jenħtieġ li żewġ persuni u tliet entitajiet jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi stipulati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/1998.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2020/1998 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/1998 huwa emendat f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. SZŁAPKA


(1)   ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1998/oj.


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2020/1998 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“119.

Muhammad Hussein AL-JASIM

magħruf ukoll bħala Abu AMSHA, Muhammad Husayn AL-JASIM, Muhammad AL-JASSIM BIN HUSSEIN, Mohamed ALJASEM

محمد حسين الجاسم

أبو عمشة

محمد حسين الجاسم

محمد الجاسم بن حسين

محمد الجاسم

(Ortografija Għarbija)

Pożizzjoni(jiet):

Data tat-twelid: 1985

Post tat-twelid: Al-Jawsa, Hama Governorate, Syria

Nazzjonalità: Sirjana

Sess: raġel

Entitajiet assoċjati:

Il-Brigata Sultan Sulaiman Shah

Muhammad Hussein al-Jasim huwa l-fundatur u l-mexxej tal-Brigata Sultan Sulaiman Shah, milizzja armata Sirjana attiva fil-gwerra ċivili Sirjana.

F'Marzu 2025, il-Brigata Sultan Sulaiman Shah, taħt il-kmand ta' Muhammad Hussein al-Jasim, ħadet sehem fil-vjolenza fir-reġjun kostali tas-Sirja, billi qiegħdet fil-mira persuni ċivili u speċjalment il-komunità Alawita, inkluż billi wetqet qtil arbitrarju ta' persuni ċivili.

Muhammad Hussein Al-Jasim huwa għalhekk responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja, inkluż qtil arbitrarju.

28.5.2025

120.

Sayf Boulad ABU BAKR

magħrufa wkoll bħala Sayf BALUD, Saif ABU BAKR, Seyf Ebu BEKIR, Seyf EBUBEKIR

سيف بولاد أبو بكر

سيف بولاد

سيف أبو بكر

(Ortografija Għarbija)

Pożizzjoni(jiet):

Data tat-twelid: 1987-1988

Post tat-twelid: Bza'ah, al-Bab District, Syria

Nazzjonalità: Sirjana

Sess: raġel

Entitajiet assoċjati: Diviżjoni Hamza

Sayf Boulad Abu Bakr huwa l-mexxej tad-Diviżjoni Hamza, milizzja armata maħluqa fl-2016 u li topera fis-Sirja.

Matul il-gwerra ċivili Sirjana, id-Diviżjoni Hamza, taħt il-kmand ta' Sayf Boulad Abu Bakr, kienet responsabbli għal bosta atti ta' tortura fiċ-ċentri ta' detenzjoni ta' dak l-grupp, għal estorsjoni u għal spostament furzat ta' persuni ċivili, speċjalment fir-reġjuni ta' Afrin u Aleppo.

F'Marzu 2025, id-Diviżjoni Hamza, taħt il-kmandta’ Sayf Boulad Abu Bakr , ħadet sehem fil-vjolenza fir-reġjun kostali tas-Sirja, billi qiegħdet fil-mira persuni ċivili u speċjalment il-komunità Alawita, inkluż billi wetqet tortura u qtil arbitrarju ta' persuni ċivili.

Sayf Boulad Abu Bakr huwa għalhekk responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja, inkluż tortura u qtil arbitrarju ta' persuni ċivili.

28.5.2025”;

(2)

l-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi taħt l-intestatura “B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“34.

Sultan Sulaiman Shah Brigade

magħrufa wkoll bħala Suleiman Shah Brigade

فرقة السلطان سليمان شاه

(Ortografija Għarbija)

Individwu/i assoċjati: Muhammad Hussein al-Jasim

Il-Brigata Sultan Sulaiman Shah hija milizzja armata maħluqa fl-2016, attiva fil-gwerra ċivili Sirjana. Twaqqfet fl-2016 f'Jarabulus minn Muhammad Hussein al-Jasim, magħruf ukoll bħala Abu Amsha u ssostni li għandha aktar minn 2 000 ġellied, prinċipalment Turkmeni.

F'Marzu 2025, il-Brigata Sultan Sulaiman Shah, ħadet sehem fil-vjolenza fir-reġjun kostali tas-Sirja, billi qiegħdet fil-mira persuni ċivili u speċjalment il-komunità Alawita, inkluż billi wetqet qtil arbitrarju ta' persuni ċivili.

Il-Brigata Sultan Sulaiman Shah hija għalhekk responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja, inkluż qtil arbitrarju ta' persuni ċivili.

28.5.2025

35.

The Hamza Division

فرقة الحمزة

(Ortografija Għarbija)

Individwu/i assoċjati: Sayf Boulad Abu Bakr

Id-Diviżjoni Hamza hija milizzja armata maħluqa fl-2016 u li topera fis-Sirja. Matul il-gwerra ċivili Sirjana, id-Diviżjoni Hamza kienet responsabbli għal bosta atti ta' tortura fiċ-ċentri ta' detenzjoni tagħha, għal estorsjoni u għal spostament furzat ta' persuni ċivili, speċjalment fir-reġjun ta' Afrin u Aleppo.

F'Marzu 2025, id-Diviżjoni Hamza, taħt il-kmand ta' Sayf Boulad Abu Bakr, ħadet sehem fil-vjolenza fir-reġjun kostali tas-Sirja, billi qiegħdet fil-mira persuni ċivili u speċjalment il-komunità Alawita, inkluż billi wetqet qtil arbitrarju ta' persuni ċivili.

Id-Diviżjoni Hamza hija għalhekk responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja, inkluż tortura u qtil arbitrarju.

28.5.2025

36.

The Sultan Murad Division

فرقة السلطان مراد

(Ortografija Għarbija)

 

Id-Diviżjoni Sultan Murad hija milizzja armata stabbilita fl-2013 u li operat matul il-Gwerra Ċivili Sirjana. Id-Diviżjoni Sultan Murad hija affiljata mal-Armata Nazzjonali Sirjana (SNA) u tiddikjara li għandha bejn 5 000 u 10 000 ġellied.

Qabel il-waqgħa tar-reġim tal-President al-Assad, id-Diviżjoni Sultan Murad ipparteċipat f'operazzjonijiet immirati kontra l-komunità Kurda tas-Sirja u l-Forzi Demokratiċi Sirjani, bl-użu ta' tortura, detenzjonijiet arbitrarji, għajbien furzat u trattament ħażin tal-priġunieri. Id-Diviżjoni Sultan Murad ipparteċipat ukoll f'operazzjonijiet militari barra mis-Sirja, inkluż fil-Libja, fir-reġjun ta' -Nagorno-Karabakh u fin-Niġer.

F'Marzu 2025, id-Diviżjoni Sultan Murad, ħadet sehem fil-vjolenza fir-reġjun kostali tas-Sirja, billi qiegħdet fil-mira persuni ċivili u speċjalment il-komunità Alawita, inkluż billi wetqet trattament inuman u qtil arbitrarju ta' persuni ċivili.

Id-Diviżjoni Sultan Murad hija għalhekk responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja, inkluż tortura, trattament inuman u qtil arbitrarju ta' persuni ċivili.

28.5.2025”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1111/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)