|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1084 |
3.6.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1084
tat-2 ta’Ġunju 2025
li jdaħħal isem fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi — “Странджански билков чай / Strandzhanski bilkov chay” (DOP)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(3)(a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li ħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, dan tal-aħħar jibqa’ applikabbli għall-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel li waslu għand il-Kummissjoni u li ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qabel it-13 ta’ Mejju 2024. Fis-7 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni rċeviet l-applikazzjoni tal-Bulgarija għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Странджански билков чай / Strandzhanski bilkov chay” bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni mill-Bulgarija għar-reġistrazzjoni tal-isem “Странджански билков чай / Strandzhanski bilkov chay” bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3) fit-13 ta’ Frar 2024. |
|
(3) |
Fl-10 ta’ Mejju 2024 il-Kummissjoni rċeviet dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni mill-Greċja. L-opponent ġibed l-attenzjoni għall-informazzjoni li tinsab fid-dokument uniku li tiddikjara li l-prodott indikat bħala “Странджански билков чай / Strandzhanski bilkov chay” jinkiseb mill-weraq u mill-fjuri tal-pjanta bl-isem botaniku Sideritis syriaca, tal-familja Lamiaceae, imkabbra fil-massif tal-muntanji ta’ Strandzha. Il-Greċja sostniet li kien hemm bidliet fin-nomenklatura tal-ispeċijiet u, b’riżultat ta’ dan, il-Bulgarija użat ir-referenza skorretta għall-ispeċi Sideritis, li tista’ twassal għal konfużjoni ma’ prodotti derivati minn kultura ta’ Sideritis syriaca, subspeċi Syriaca kkultivata fi Kreta. Fid-dawl ta’ informazzjoni allegatament skorretta fid-dokument uniku u fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ “Странджански билков чай / Strandzhanski bilkov chay”, l-opponent iddikjara nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5 u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
|
(4) |
Wara li ddeterminat l-ammissibbiltà tagħha, fl-10 ta’ Lulju 2024 il-Kummissjoni stiednet lill-Bulgarija u lill-Greċja biex jidħlu f’konsultazzjonijiet xierqa biex jilħqu ftehim f’konformità mal-Artikolu 51(3), l-ewwel paragrafu tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Fil-15 ta’ Ottubru 2024, wara talba tal-Bulgarija, il-Kummissjoni estendiet l-iskadenza għall-konsultazzjonijiet bi 3 xhur skont l-Artikolu 51(3), it-tielet paragrafu tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
|
(5) |
Il-Bulgarija u l-Greċja laħqu ftehim sal-iskadenza preskritta. Dan ġie nnotifikat lill-Kummissjoni fis-16 ta’ Jannar 2025. B’riżultat ta’ dan, saru żewġ korrezzjonijiet tekniċi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott u fid-dokument uniku ta’ “Страндманскммилкоммаto/Strandzhanski bilkov chay”. L-ewwel nett, ir-referenzi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott u fid-dokument uniku ta’ “pjanta tal-ispeċi Sideritis syriaca” ġew sostitwiti bi “pjanta tal-ġeneru Sideritis”. It-tieni, is-sentenza li ġejja: “L-ispeċi hija inkluża fil-lista ħamra nazzjonali tal-Bulgarija (volum 1), fil-kategorija ta’ speċijiet f’periklu kritiku fost 112-il speċi oħra ta’ pjanti fil-muntanji Strandzha” tħassret fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni eżaminat il-ftehim u l-emendi għad-dokument uniku u għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott li jirriżultaw mill-ftehim. Hija qieset dawn l-emendi bħala mhux sostanzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 51(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, peress li huma intenzjonati biss biex jiċċaraw in-nomenklatura tassonomika. Għalhekk, mhuwiex meħtieġ li jerġa’ jsir skrutinju kif previst fl-Artikolu 51(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
|
(7) |
F’konformità mal-Artikolu 52(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li jiġi ppubblikat id-dokument uniku emendat, bir-referenza għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott. |
|
(8) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi rreġistrat l-isem “Странджански билков чай / Strandzhanski bilkov chay”, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
B’dan, l-isem “Странджански билков чай / Strandzhanski bilkov chay” (DOP) huwa rreġistrat fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi.
Artikolu 2
Id-dokument uniku konsolidat huwa stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1151/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
(3) ĠU C, C/2024/1480, 13.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1480/oj.
ANNESS
DOKUMENT UNIKU
“Странджански билков чай / Strandzhanski bilkov chay”
Nru tal-UE: PDO-BG-02851 – 7.6.2022
DOP (X) IĠP ()
1. Isem/Ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]
“Странджански билков чай / Strandzhanski bilkov chay”
2. Stat Membru jew Pajjiż Terz
Il-Bulgarija
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott [bħal fl-Anness XI]
Klassi 1.8. Prodotti oħrajn elenkati fl-Anness I tat-Trattat (ħwawar eċċ.)
Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
12 — ŻRIERAGĦ U FROTT ŻEJTNIN; ĦBUB, ŻRIERAGĦ U FROTT MIXXELLANJI; PJANTI INDUSTRIJALI JEW MEDIĊINALI; TIBEN U FORAĠĠ
1211 — Pjanti u partijiet tagħhom (inklużi żerriegħa u frott), ta’ kwalità użata l-aktar fil-fwejjaħ, fil-farmaċija jew għal għanijiet ta’ insettiċidi, funġiċidi jew għal għanijiet simili oħrajn, friski jew imnixxfin, maqtugħin jew le, misħuqin jew trab
1211 90 — Oħrajn
1211 90 86 — Oħrajn
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Is-“Странджански билков чай / Strandzhanski bilkov chay” huwa tip ta’ te li jinkiseb mill-weraq u l-fjuri tal-pjanta tal-ġeneru Sideritis, tal-familja Lamiaceae, imkabbra fil-massif tal-muntanji ta’ Strandzha. Hija kkultivata minn nebbieta prodotti fil-Park tan-Natura ta’ Strandzha.
Il-ħxejjex jikbru fi gruppi forma ta’ koppla li jespandu b’mod kostanti wara l-ewwel sena ta’ tħawwil u jiżviluppaw sistemi ta’ għeruq għamla ta’ siġar. Il-weraq u z-zkuk tal-fjuri jikbru mill-formazzjonijiet tal-għeruq fil-livell tal-art. Il-gruppi jikbru sa dijametru ta’ 100 cm u aktar, u sa għoli ta’ 30–35 cm. Huma magħmulin minn massimu ta’ 120 zokk tal-fjuri, li jikbru u jiffjorixxu minn Mejju sa Ottubru. Iz-zkuk tal-fjuri jikbru mill-formazzjonijiet fil-livell tal-art li minnhom joħorġu l-friegħi, b’7–9 cm bejniethom. Għandhom żewġ jew erba’ werqiet ellitiċi f’pożizzjonijiet simetriċi. Fil-parti ta’ fuq taz-zkuk tal-fjuri hemm il-weraq forma ta’ qlub. Dan huwa l-post fuq il-pjanta fejn jinsabu l-fjuri. Iz-zkuk tal-fjuri tal-pjanti kkultivati għandhom tul ta’ 5–25 cm, u jkunu ftit itwal fejn ix-xita hija frekwenti. Il-weraq u z-zkuk tal-fjuri huma rotob u jintlewew, iżda meta mnixxfa fid-dell ikunu aktar ħoxnin u sodi.
Il-weraq u z-zkuk tal-pjanta huma ta’ kulur aħdar fl-abjad, b’xagħar griż jew abjad fin. Kull inflorexxenza hija ffurmata minn fjuri sofor ċari u minn bejn 8 u 12-il żerriegħa sewda fina.
Parametri kimiċi: l-analiżijiet fitokimiċi juru l-preżenza ta’ varjetà wiesgħa ta’ sustanzi bijoattivi. Mit-33 kompost fenoliku identifikat, pereżempju, il-kwantità fil-kampjuni tal-pjanta tal-ġeneru Sideritis mir-reġjun tal-fjuri ta’ Strandzha hija pjuttost għolja: 16,65–18 mg/g ta’ ekwivalenti ta’ aċidu kafejku (CAE) tal-fenoliċi totali, u 2,79–5,73 mg/g ta’ flavonojdi RE fil-pjanti kkultivati.
Il-pjanta tat-te mnixxfa għandha kontenut ta’ ndewwa ta’ mhux aktar minn 9–10 %. Il-kulur tagħha huwa ta’ intensità medja: 12–18-il unità EBC (skont il-Konvenzjoni Ewropea tal-Birreriji).
Il-weraq u l-fjuri tal-pjanta jitgħallew biex jiġi ppreparat it-te li jinxtorob. Għandu ħlewwa ħafifa mingħajr ma jiżdied l-għasel jew iz-zokkor. It-te huwa ta’ lewn isfar sa aħmar safrani, b’riħa sottili ta’ aromi li jgħaqqdu b’mod delikat il-fjuri tat-tilju u l-ħabaq, in-nagħniegħ, il-melissa u l-frott imqadded. L-aroma speċifika hija persistenti. Toħroġ ċara meta l-ħaxixa aromatika tinxtorob, kif ukoll meta din tinħasad u titnixxef. L-aroma tiġi ppreservata fl-imballaġġ meta l-ħaxixa aromatika tinħażen kif suppost f’kundizzjonijiet xotti u mudlama.
L-attività antiossidanti tat-te bħala xarba ma tkunx anqas minn 1 990 mmol/l.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-prattiki kollha tal-kultivazzjoni qabel il-ħsad huma kompletament manwali u jsiru fiż-żona ġeografika.
Fażi 1. Il-produzzjoni tan-nebbieta għall-kultivazzjoni tal-ħaxixa aromatika
Fażi 2. It-tkabbir tal-pjanta
Fażi 3. Il-qtugħ u t-tnixxif taz-zkuk tal-fjuri
Fażi 4. Il-ħruġ mill-apparat tat-tnixxif u l-imballaġġ.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.
Il-produtturi jippakkjaw il-prodott imnixxef in situ bl-użu ta’ diversi tipi ta’ imballaġġ: pereżempju, kaxxi tal-kartun ta’ 40/30/13 cm; boroż tal-karti b’piż nett ta’ 250 g għal kull unità — għal konservazzjoni itwal u pproċessar ulterjuri fi prodotti oħra; envelops tal-karta bajda b’daqs minimu ta’ 16/22 cm, u b’kapaċità ta’ 25–50 g; u tipi oħra ta’ imballaġġ skont kif meħtieġ.
Il-prodotti lesti jintgħażlu skont id-daqs u l-iskop. Iz-zkuk iridu jaslu għand il-konsumaturi intatti. Ladarba z-zkuk jinqasmu, l-aroma tfuħ speċifika tkun aktar qawwija. L-imballaġġ in situ fl-azjenda immedjatament wara l-ħruġ mill-apparat tat-tnixxif huwa mod aħjar kif jiġi żgurat li z-zkuk bil-fjuri jibqgħu intatti. Dan jipproteġi wkoll il-proprjetajiet u l-karatteristiċi organolettiċi.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Minbarra r-rekwiżiti standard, it-tikketta tinkludi l-logo tal-produttur bin-numru tar-reġistrazzjoni u bin-numru tal-lott. Fin-nofs hemm il-formolazzjoni tal-kliem ewlenija “Странджански билков чай” [Strandzhanski bilkov chay]. Fuqha jew taħtha hemm il-kliem “Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta”. It-tikketti jitqiegħdu fin-nofs tal-għatu, fuq iż-żewġ naħat tal-borża. Huma żgħar jew kbar skont l-imballaġġ.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika ta’ Strandzha tinkludi l-irħula fil-ħames muniċipalitajiet kollha: Malko Tarnovo, Primorsko, Sozopol, Sredets u Tsarevo. Il-kultivazzjoni għandha ssir biss fuq art b’esponiment u b’tipi ta’ ħamrija adattati (ħamrija alkalina, li jista’ jkollha fiha wkoll blat kalkarju) kemm jista’ jkun qrib tal-karatteristiċi tal-fjuri taż-żoni nattivi tal-pjanta tal-ġeneru Sideritis.
5. Rabta maż-żona ġeografika
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika
Il-klima speċifika u l-pożizzjoni ġeografika tal-massif tal-muntanji ta’ Strandzha huma r-raġuni għaliex, fiż-żona ġeografika, ġew ippreservati għadd kbir ta’ speċijiet relitti Terzjarji u dawn issopravivew wara żmien is-silġ. Uħud huma endemiċi fir-reġjun, bħall-mirtilli u l-għeneb tal-muntanja, il-ballut ta’ Strandzha, is-sapunarha ta’ Strandzha u 53 speċi oħra ta’ pjanti. Fost dawn hemm il-pjanta tal-ġeneru Sideritis, li minnha jinkiseb is-“Странджански билков чай / Strandzhanski bilkov chay”. Din tikber fuq ħamrija partikolari taż-żona ġeografika. Il-ġlata tal-ħarifa u tal-bidu tar-rebbiegħa, u anki l-iffriżar aħrax iżda li ma jdumx, jagħmlu inqas ħsara speċifikament lill-pjanti tat-te kkultivati. Għandhom proprjetajiet ta’ sopravivenza u riġenerazzjoni konsiderevolment aktar evidenti. F’jiem xotti tas-sajf, in-nida u ċ-ċpar ta’ filgħodu jevaporaw malajr, anki b’livelli baxxi ta’ xemx. Huma wkoll fattur favorevoli. Permezz taz-zkuk bix-xagħar u l-faxxina żviluppata sew tagħhom, il-pjanti jassorbu biss l-umdità utli, u jibdlu l-kuluri tagħhom għal aħdar skur jew isfar ċar.
Fil-pjanta jiġu ssintetizzati aktar minn 20 sustanza bijoattiva. Flimkien mal-aroma speċifika, dawn huma dovuti għall-karatteristiċi morfoloġiċi tal-pjanta u għall-fatturi abijotiċi u bijotiċi li ġejjin:
|
1) |
Il-kontenut minerali u batteriku tal-ħamrija karstika maħlula taż-żona. |
|
2) |
L-ogħla livell ta’ xemx fiż-żona ġeografika huwa ta’ > 1 500 kW/m2 fis-sena (medja nazzjonali ta’ 1 110–1 420 kW/m2). Matul is-sena, ix-xemx tiġi paċuta minn żiffiet sħan u nedjin mil-Lvant u mix-Xlokk, u mir-riħ min-Nofsinhar u mil-Lbiċ tradizzjonalment magħruf bħala r-“Riħ Abjad”, li jiffiltra minn ġol-foresti ta’ Strandzha. Dawn il-kundizzjonijiet klimatiċi naturali, kif ukoll il-perjodi qosra ta’ xita fil-ħarifa sħuna u x-xitwa moderata, jippermettu fotosintesi fit-tul u jagħtu stabbiltà lill-ispeċijiet. |
|
3) |
In-nixfa karatteristika tar-reġjun, speċifikament fil-perjodu meta z-zkuk tal-fjuri jiffjorixxu u jimmaturaw, f’Mejju u f’Ottubru. Dan huwa fattur li jiffavorixxi s-sintetizzazzjoni tas-sustanzi aromatiċi. |
|
4) |
L-għadd kbir ta’ pollinaturi naturali fil-pjantaġġuni, fosthom tużżani ta’ speċijiet selvaġġi ta’ naħal, musbieħ il-lejl, ħanfus eċċ., jgħinu fid-dakkir inkroċjat. B’mod speċifiku, huma l-insetti li jtiru li jġorru t-trab tad-dakra minn fjura għal fjura huma u jieklu u jiffertilizzaw iż-żrieragħ. Dan jagħti lill-ispeċi nisel aktar vigoruż u reżistenza ġenetika. Huwa għalhekk li l-kombinament tal-produzzjoni tal-ħxejjex aromatiċi mal-kolonji tan-naħal, id-dwieli u għelejjel oħra hija prattika agroambjentali ppreferuta fost il-produtturi lokali. |
5.2. Fatturi umani
L-isforz tal-bniedem fl-applikazzjoni tal-prattika tajba evidenti għall-kultivazzjoni tal-pjanta f’kundizzjonijiet qrib ħafna tal-ambjent naturali tagħha huwa fattur ta’ importanza essenzjali għall-konservazzjoni u r-riproduzzjoni tal-pjanta. Dawn il-prattiki jikkonsistu fl-għażla tal-art u tal-ħamrija (alkalina) l-aktar adattati li jiġu ttrattati b’aktar ġir fejn meħtieġ. Huwa importanti wkoll li jiġu prodotti u mħawla nebbieta ta’ kwalità, u li jintgħażlu żrieragħ għaż-żrigħ dirett fi rqajja’ u f’ringieli ppreparati. Barra minn hekk, regolarment jitneħħa l-ħaxix ħażin mit-trofof tal-veġetazzjoni u l-ispazju bejn ir-ringieli jinħarat. Iz-zkuk bil-fjuri jinqatgħu bl-idejn kull ġimgħa, ladarba n-nida tkun evaporat u jkunu ffjorixxew kompletament (minn Ġunju sa Ottubru). Il-qsim tagħhom f’punt speċifiku bejn iż-żewġ weraq u z-zkuk tal-fjuri iżgħar li jiżviluppaw minnhom jinvolvi ħila speċjali. Huwa biss bis-swaba’ tagħhom li l-produtturi esperjenzati jħossu l-fraġiltà taz-zkuk u l-maturità tagħhom. Dan huwa meta l-fjuri fin-nodi kupulati fin-naħa ta’ fuq jinfetħu kompletament u l-ponot tagħhom ikollhom dehra tonda. L-imqassijiet ma humiex xierqa għall-qtugħ peress li l-użu tagħhom ikun ifisser li jinqatgħu zkuk li ma jkunux immaturaw biżżejjed, li jwassal għal karatteristiċi organolettiċi inferjuri. Hija wkoll prattika tajba li jintużaw kmamar tat-tnixxif solari jew elettriċi. Il-prodott ippreparat jiġi imballat fi żmien xieraq, wara bejn jum u 5 ijiem, b’kontenut ta’ ndewwa residwa ta’ mhux aktar minn 9–10 %. Jinħażen f’kundizzjonijiet xotti u mudlama. Meta jiġu esposti għad-dawl, iz-zkuk jitilfu l-kulur tagħhom u l-kwalità tagħhom tiddeterjora.
L-isforzi kollha tal-bniedem fil-kultivazzjoni tal-ħaxixa aromatika jikkontribwixxu għat-tkabbir fiżjoloġiku aħjar u itwal tagħha, kif ukoll għal rendiment ogħla u sinteżi aktar fit-tul tas-sustanzi bijoattivi. Dan jirriżulta wkoll f’valuri ogħla għall-pjanti kkultivati.
5.3. Karatteristiċi tal-prodott
Is-“Странджански билков чай / Strandzhanski bilkov chay” għandu karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi speċifiċi. Il-parametri kimiċi juru li l-perċentwal ta’ sustanzi bijoattivi huwa ogħla fil-pjanti kkultivati milli f’dawk li jikbru fis-selvaġġ.
F’termini spettrofotometriċi, il-kulur tiegħu huwa ta’ intensità medja: 12–18-il unità EBC (skont il-Konvenzjoni Ewropea tal-Birreriji).
Il-ħaxixa aromatika għandha attività antiossidanti għolja, li hija preżenti wkoll meta tinxtorob bħala te.
Meta jiġi kkultivat, is-“Странджански билков чай / Strandzhanski bilkov chay” għandu aroma ħafna aktar qawwija minn ħxejjex aromatiċi simili oħra, u t-te għandu togħma aktar ħafifa u mimlija. Dan għaliex tikber f’altitudni aktar baxxa (sa 450 m) u jissintetizza d-dawl tax-xemx u s-sħana fi kwantitajiet akbar u għal aktar żmien.
5.4. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott
Strandzha, iż-żona ġeografika li fiha titkabbar il-pjanta tal-ġeneru Sideritis, hija kkaratterizzata minn temperaturi moderati matul is-sena kollha. L-ogħla livelli ta’ xemx huma bbilanċjati matul is-sena kollha minn żiffiet sħan u nedjin mill-baħar. Il-ħamrija alkalina fi Strandzha tgħin fil-kultivazzjoni ta’ din il-ħaxixa aromatika. Il-ħamrija jista’ jkun fiha blat kalkarju rikk fil-minerali, u bil-mod tassorbi u tirrilaxxa s-sħana mix-xemx u żżomm l-umdità. Il-ġlata fil-bidu tar-rebbiegħa u tard fil-ħarifa, kif ukoll in-nida u ċ-ċpar ta’ filgħodu fil-jiem xotti tas-sajf, jikkontribwixxu għall-vijabbiltà u għas-sostenibbiltà. In-nixfa f’din iż-żona ġeografika sseħħ matul il-perjodu meta l-pjanta tkun qed tiffjorixxi, utirriżulta fl-akkumulazzjoni ta’ sustanzi aromatiċi. It-taħlita ta’ dawn il-kundizzjonijiet agroklimatiċi hija essenzjali għas-sintetizzazzjoni ta’ aktar minn 20 sustanza bijoloġikament attiva fil-pjanta. B’riżultat ta’ dan, hemm valuri ogħla fl-attività antiossidanti tat-te.
Il-ħiliet tal-bniedem fil-kultivazzjoni tal-ħaxixa aromatika jikkontribwixxu wkoll għal sinteżi aktar fit-tul tas-sustanzi bijoattivi, li tirriżulta f’valuri ogħla fil-pjanti kkultivati. Fil-qtugħ bl-idejn tal-pjanta, huma involuti prattika tajba u ħiliet stabbiliti, u wieħed irid iħoss biex jara l-fraġiltà u l-maturità taz-zkuk. B’riżultat ta’ dan, it-te għandu proprjetajiet organolettiċi aħjar. It-te magħmul mill-pjanta kkultivata tal-ġeneru Sideritis għandu aroma aktar qawwija u togħma aktar ħafifa.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1084/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)