European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1077

4.6.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1077

tat-2 ta’ Ġunju 2025

dwar l-estensjoni tal-azzjoni meħuda mill-Ministeru għas-Saħħa tar-Repubblika Ċeka li tippermetti l-introduzzjoni fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Tandem f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2025) 3307)

(It-test biċ-Ċek biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-5 ta’ Awwissu 2024, il-Ministeru għas-Saħħa tar-Repubblika Ċeka (“l-awtorità kompetenti taċ-Ċekja”) adotta, f’konformità mal-Artikolu 55(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, deċiżjoni li tippermetti, mill-1 ta’ Ottubru 2024 sat-30 ta’ Marzu 2025, l-introduzzjoni fis-suq u l-użu minn professjonisti mħarrġa tal-prodott bijoċidali Tandem biex tiġi kkontrollata l-infestazzjoni tal-baqq fid-dormitorji tal-Amministrazzjoni tal-Faċilitajiet tas-Servizz tal-Università Teknika Ċeka (CTU, Czech Technical University) ta’ Strahov (“l-azzjoni”). F’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tieni subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti taċ-Ċekja għarrfet lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni għaliha.

(2)

Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti taċ-Ċekja, l-azzjoni kienet meħtieġa sabiex titħares is-saħħa pubblika. L-użu tal-prodott bijoċidali Tandem kien meħtieġ biex tiġi kkontrollata l-infestazzjoni severa tal-baqq fid-dormitorji tal-Amministrazzjoni tal-Faċilitajiet tas-Servizz tas-CTU ta’ Strahov. Il-baqq jista’ jikkawża diversi problemi dermatoloġiċi, inklużi reazzjonijiet allerġiċi severi u, skont l-awtorità kompetenti taċ-Ċekja, infestazzjoni severa tal-baqq tista’ saħansitra tikkawża problemi ta’ saħħa mentali. Barra minn hekk, l-awtorità kompetenti taċ-Ċekja għarrfet li l-infestazzjoni jeħtieġ li tiġi kkontrollata biex jiġi evitat it-tixrid tal-baqq barra d-dormitorji tal-Amministrazzjoni tal-Faċilitajiet tas-Servizz tas-CTU ta’ Strahov, ikkawżat minn studenti li jiċċaqilqu minn post għall-ieħor bl-oġġetti personali tagħhom, li possibbilment jistgħu jkunu infestati.

(3)

Skont l-awtorità kompetenti taċ-Ċekja, l-użu tal-prodotti bijoċidali disponibbli fis-suq fiċ-Ċekja wera li huwa ineffettiv biex jikkontrolla l-infestazzjoni tal-baqq li kienet ilha preżenti fid-dormitorji tal-Amministrazzjoni tal-Faċilitajiet tas-Servizz tas-CTU ta’ Strahov għal diversi snin. Minħabba s-severità tal-infestazzjoni fl-2024, kien meħtieġ l-użu ta’ prodott alternattiv. L-użu ta’ Tandem wera li huwa effettiv biex inaqqas is-severità tal-infestazzjoni.

(4)

Il-prodott bijoċidali Tandem huwa prodott bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 (insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta’ artropodi oħra), kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Tandem fih it-tijametossam u l-lambda ċjalotrina bħala sustanzi attivi u huwa maħsub għall-użu minn professjonisti mħarrġa biss. L-approvazzjoni tat-tijametossam għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 skadiet fil-31 ta’ Jannar 2025, filwaqt li l-lambda ċjalotrina hija approvata għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18. Tandem ma ġiex awtorizzat fiċ-Ċekja. F’konformità mal-permess temporanju mogħti mill-awtorità kompetenti taċ-Ċekja, Tandem jista’ jintuża biss minn kumpanija speċifika (EKOSAN servis s.r.o.) u biss fil-binjiet tad-dormitorji tal-Amministrazzjoni tal-Faċilitajiet tas-Servizz tas-CTU ta’ Strahov.

(5)

Fl-10 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti taċ-Ċekja biex tippermetti l-estensjoni tal-azzjoni f’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba motivata kienet tinkludi l-istess informazzjoni diġà pprovduta meta ttieħdet l-azzjoni u kienet ibbażata fuq tħassib li l-waqfien mill-użu ta’ Tandem, f’sitwazzjoni fejn l-infestazzjoni tal-baqq għadha ma ġietx eradikata kompletament, ikun jikkostitwixxi theddida għas-saħħa pubblika, minħabba li s-saħħa tal-istudenti tista’ tiġi pperikolata u jista’ jkun hemm it-tixrid tal-baqq barra mill-binjiet tad-dormitorji. Il-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni inkluża fit-talba motivata.

(6)

In-nuqqas ta’ kontroll xieraq tal-infestazzjoni tal-baqq fid-dormitorji tal-Amministrazzjoni tal-Faċilitajiet tas-Servizz tas-CTU ta’ Strahov jista’ jipperikola s-saħħa pubblika u dak il-periklu ma jistax jiġi kkontrollat b’mod adegwat bl-użu ta’ prodott bijoċidali ieħor jew b’mezzi oħra. Għalhekk jixraq li l-awtorità kompetenti taċ-Ċekja titħalla testendi l-azzjoni għal perjodu ta’ 550 jum.

(7)

Peress li l-azzjoni skadiet fit-30 ta’ Marzu 2025, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika b’mod retroattiv.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ministeru għas-Saħħa tar-Repubblika Ċeka jista’ jestendi sat-2 ta’ Ottubru 2026 l-azzjoni li tippermetti l-introduzzjoni fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Tandem biex tiġi kkontrollata l-infestazzjoni tal-baqq fid-dormitorji tal-Amministrazzjoni tal-Faċilitajiet tas-Servizz tas-CTU ta’ Strahov, dment li jiżgura li l-prodott jintuża biss mill-operatur iddeterminat fil-permess temporanju, minn professjonisti mħarrġa u fil-binjiet iddeterminati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ministeru għas-Saħħa tar-Repubblika Ċeka.

Għandha tapplika mill-31 ta’ Marzu 2025.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Kummissjoni

Olivér VÁRHELYI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1077/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)