European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1073

4.6.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1073

tat-2 ta’ Ġunju 2025

dwar l-estensjoni tal-azzjoni meħuda mill-Aġenzija għall-Ambjent tal-Lussemburgu li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2025) 3310)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-6 ta’ Mejju 2024, l-Aġenzija għall-Ambjent tal-Lussemburgu (“l-awtorità kompetenti tal-Lussemburgu”) adottat deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 55(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li sat-2 ta’ Novembru 2024 tippermetti t-tqegħid fis-suq għall-utenti professjonali, u l-użu min-naħa tagħhom, tal-prodott bijoċidali Biobor JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru (“l-azzjoni”). F’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tieni subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Lussemburgu infurmat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni għaliha.

(2)

Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti tal-Lussemburgu, l-azzjoni kienet neċessarja sabiex titħares is-saħħa pubblika. Il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru hija kkawżata minn mikroorganiżmi, bħall-batterji, il-moffa u l-ħmira, li jikbru fl-ilma qiegħed u li jalimentaw ruħhom bl-idrokarburi tal-fjuwil fl-interfaċċa bejn il-fjuwil u l-ilma. Mingħajr trattament, il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru tista’ twassal għal ħsara fil-magna tal-inġenju tal-ajru, u tipperikola l-ajrunavigabbiltà tal-inġenju tal-ajru, u b’hekk tipperikola s-sikurezza tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ. Il-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika u, fejn tinstab tali kontaminazzjoni, it-trattament tagħha, huma għalhekk kruċjali sabiex jiġu evitati l-problemi operattivi fl-inġenji tal-ajru.

(3)

Il-Biobor JF fih it-2,2’-(1-metiltrimetilendiossi)bis-(4-metil-1,3,2-diossaborinan) (in-numru CAS 2665-13-6) u t-2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-diossaborinan) (in-numru CAS 14697-50-8) bħala sustanzi attivi. Il-Biobor JF huwa prodott bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6, (“preżervattivi għall-prodotti matul il-ħżin”), kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-2,2’-(1-metiltrimetilendiossi)bis-(4-metil-1,3,2-diossaborinan) u t-2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-diossaborinan) ma ġewx evalwati għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6. Billi dawk is-sustanzi mhumiex elenkati fost il-kombinamenti ta’ sustanzi/tipi ta’ prodotti inklużi fil-programm ta’ rieżami fis-17 ta’ Marzu 2022, kif stabbilit fl-Anness II tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2), huma mhumiex inklużi fil-programm ta’ ħidma tal-eżami sistematiku tas-sustanzi attivi eżistenti kollha li hemm fil-prodotti bijoċidali msemmija fir-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għalhekk, l-Artiklu 89 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 ma japplikax għal dawk is-sustanzi attivi u dawn għandhom jiġu vvalutati u approvati qabel ma l-prodotti bijoċidali li jkunu fihom ikunu jistgħu jiġu awtorizzati wkoll fil-livell nazzjonali.

(4)

Fit-18 ta’ Novembru 2024, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti tal-Lussemburgu biex tippermetti l-estensjoni tal-azzjoni f’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba motivata saret abbażi ta’ tħassib li s-sikurezza tat-trasport tal-ajru tista’ tkompli tiġi pperikolata mill-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru u abbażi tal-argument li l-Biobor JF huwa essenzjali biex tiġi kkontrollata din il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika.

(5)

Skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-Lussemburgu, l-uniku prodott bijoċidali alternattiv rakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni tal-inġenju tal-ajru għat-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika, jiġifieri, Kathon™ FP 1.5, ġie rtirat mis-suq f’Marzu tal-2020 minħabba anomaliji severi fl-imġiba tal-magni tal-inġenji tal-ajru li kienu osservati wara t-trattament tal-magni tal-inġenji tal-ajru b’dak il-prodott. Għalhekk, il-Biobor JF huwa l-uniku prodott disponibbli għal dak l-użu rrakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni tal-inġenji tal-ajru.

(6)

Kif indikat mill-awtorità kompetenti tal-Lussemburgu, it-trattament mekkaniku tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru mhux dejjem ikun possibbli u l-proċeduri rrakkomandati mill-manifatturi tal-magni tal-inġenji tal-ajru jeħtieġu t-trattament bi prodott bijoċidali anki meta jkun possibbli t-tindif mekkaniku. Barra minn hekk, it-trattament mekkaniku jesponi lill-ħaddiema għall-gassijiet tossiċi u għalhekk jenħtieġ li jkun evitat.

(7)

Skont l-informazzjoni disponibbli mogħtija lill-Kummissjoni, il-manifattur tal-Biobor JF ħa passi għall-awtorizzazzjoni tal-prodott. Applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li fih il-Biobor JF hija mistennija li tiġi ppreżentata sa nofs l-2025. L-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u l-awtorizzazzjoni tal-prodott bijoċidali jikkostitwixxu soluzzjoni permanenti għall-futur, iżda jkun meħtieġ ammont sinifikanti ta’ żmien għat-tlestija tal-proċeduri ta’ approvazzjoni u awtorizzazzjoni.

(8)

In-nuqqas ta’ kontroll tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru jista’ jipperikola s-sikurezza tat-trasport bl-ajru, u dak il-periklu ma jistax jiġi kkontrollat biżżejjed bl-użu ta’ prodott bijoċidali ieħor jew b’mezzi oħra. Għalhekk jixraq li l-awtorità kompetenti tal-Lussemburgu testendi l-azzjoni.

(9)

Peress li l-azzjoni skadiet fl-2 ta’ Novembru 2024, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika b’mod retroattiv.

(10)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Aġenzija għall-Ambjent tal-Lussemburgu tista’ testendi sas-7 ta’ Mejju 2026 l-azzjoni biex tippermetti t-tqegħid fis-suq għall-utenti professjonali, u l-użu min-naħa tagħhom, tal-prodott bijoċidali BIOBOR JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Aġenzija għall-Ambjent tal-Lussemburgu.

Għandha tapplika mit-3 ta’ Novembru 2024.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Kummissjoni

Olivér VÁRHELYI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/1062/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1073/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)