European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1047

28.5.2025

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1047

tas-27 ta’ Mejju 2025

li jemenda r-Regolament (UE) 2023/1803 rigward l-Istandard Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju 9 u l-Istandard Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju 7

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabbiltà (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1803 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà u interpretazzjonijiet li kienu jeżistu fit-8 ta’ Settembru 2022.

(2)

Fit-30 ta’ Mejju 2024, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà ħareġ ċerti emendi għall-Istandard Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju 9 Strumenti Finanzjarji (“IFRS 9”) u l-Istandard Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju 7 Strumenti Finanzjarji: Divulgazzjonijiet (“IFRS 7”). L-objettiv ta’ dawn l-emendi kien li jindirizzaw xi wħud mis-sejbiet mir-rieżami ta’ wara l-implimentazzjoni tal-2022 tar-rekwiżiti ta’ klassifikazzjoni u kejl fl-IFRS 9 u li jwieġbu għat-talba tal-partijiet ikkonċernati lill-Kumitat tal-Interpretazzjonijiet tal-IFRS.

(3)

Dawn l-emendi jiċċaraw il-klassifikazzjoni tal-assi finanzjarji b’karatteristiċi ambjentali, soċjali u ta’ governanza (“ESG”) u karatteristiċi simili u s-saldu tal-obbligazzjonijiet permezz ta’ sistemi ta’ pagament elettroniku. Dawn l-emendi jimponu wkoll rekwiżiti ta’ divulgazzjoni biex tiżdied it-trasparenza għall-investituri fir-rigward tal-investimenti fi strumenti ta’ ekwità mkejla abbażi tal-valur ġust permezz ta’ introjtu komprensiv ieħor (“FVOCI”) u strumenti finanzjarji b’karatteristiċi kontinġenti, bħal karatteristiċi marbuta ma’ miri marbuta mal-ESG.

(4)

Dawn l-emendi jenħtieġ li jippromwovu self b’karatteristiċi marbuta mal-ESG peress li jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw jew kostijiet amortizzati jew FVOCI, skont il-mudell tan-negozju, fuq il-bażi li jissodisfaw it-test tal-Pagamenti Unikament tal-Kapital u tal-Imgħax (“SPPI”). B’dan il-mod, ir-rapportar finanzjarju jenħtieġ li jappoġġa miżuri ta’ tranżizzjoni ekonomika li javvanzaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

(5)

Wara konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rapportar Finanzjarju, l-EFRAG, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-emendi għall-IFRS 7 u l-IFRS 9 jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002. L-EFRAG ikkonkluda wkoll li l-benefiċċji ta’ dawn l-emendi huma akbar mill-kostijiet involuti.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/1803 jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabbiltà,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (UE) 2023/1803 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 9 Strumenti Finanzjarji huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(2)

IFRS 7 Strumenti Finanzjarji: Divulgazzjonijiet huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1, mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta’ Jannar 2026 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/1606/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1803 tat-13 ta’ Settembru 2023 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabbiltà f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 237, 26.9.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1803/oj).


ANNESS

EMENDI GĦALL-KLASSIFIKAZZJONI U L-KEJL TA’ STRUMENTI FINANZJARJI

Emendi għall-IFRS 7 u l-IFRS 9

Emendi għall-IFRS 9 Strumenti Finanzjarji

Jiżdiedu l-paragrafi 7.1.12–7.1.13 u 7.2.47–7.2.49 u l-intestatura qabel il-paragrafu 7.2.47.

7.1   DATA EFFETTIVA

...

7.1.12.

L-Emendi għall-Klassifikazzjoni u l-Kejl ta’ Strumenti Finanzjarji, li emendaw l-IFRS 9 u l-IFRS 7, maħruġa f’Mejju 2024, żiedu l-paragrafi 7.2.47–7.2.49, B3.1.2 A, B3.3.8–B3.3.10, B4.1.8 A, B4.1.10 A, B4.1.16 A u B4.1.20 A. Huma emendaw ukoll il-paragrafi B4.1.10, B4.1.13, B4.1.14, B4.1.16, B4.1.17, B4.1.20, B4.1.21 u B4.1.23. Entità għandha tapplika dawn l-emendi għall-perjodi ta’ rapportar annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2026 jew wara. Applikazzjoni aktar bikrija hija permessa.

7.1.13.

Jekk entità tagħżel li tapplika dawn l-emendi għal perjodu aktar bikri, hija għandha jew:

(a)

tapplika l-emendi kollha fl-istess ħin u tiddivulga dak il-fatt; jew

(b)

tapplika biss l-emendi għall-Gwida tal-Applikazzjoni għat-Taqsima 4.1 ta’ dan l-Istandard (Klassifikazzjoni ta’ assi finanzjarji) għal dak il-perjodu aktar bikri u tiddivulga dak il-fatt.

7.2   TRANŻIZZJONI

...

Tranżizzjoni għall-Emendi għall-Klassifikazzjoni u l-Kejl ta’ Strumenti Finanzjarji

7.2.47.

Entità għandha tapplika l-Emendi għall-Klassifikazzjoni u l-Kejl ta’ Strumenti Finanzjarji b’mod retrospettiv, f’konformità mal-IAS 8, ħlief kif speċifikat fil-paragrafi 7.2.48–7.2.49. Għall-finijiet tar-rekwiżiti f’dawn il-paragrafi, id-data tal-applikazzjoni inizjali hija l-bidu tal-perjodu ta’ rapportar annwali li fih entità tapplika l-emendi għall-ewwel darba.

7.2.48.

Entità mhijiex meħtieġa tiddikjara mill-ġdid perjodi preċedenti biex tirrifletti l-applikazzjoni ta’ dawn l-emendi. Entità tista’ tiddikjara mill-ġdid perjodi preċedenti jekk, u biss jekk, dan ikun possibbli li jsir mingħajr l-użu ta’ dak li sar magħruf wara. Jekk entità ma tiddikjarax mill-ġdid perjodi preċedenti, hija għandha tirrikonoxxi l-effett tal-applikazzjoni inizjali ta’ dawn l-emendi bħala aġġustament għall-bilanċ tal-ftuħ tal-assi finanzjarji u l-obbligazzjonijiet finanzjarji u l-effett kumulattiv, jekk ikun hemm, bħala aġġustament għall-bilanċ tal-ftuħ tal-qligħ imfaddal (jew komponent ieħor ta’ ekwità, kif xieraq) fid-data tal-applikazzjoni inizjali.

7.2.49.

Fid-data tal-applikazzjoni inizjali tal-emendi għall-Gwida tal-Applikazzjoni għat-Taqsima 4.1 ta’ dan l-Istandard (Klassifikazzjoni ta’ assi finanzjarji), entità għandha tiddivulga għal kull klassi ta’ assi finanzjarji li biddlet il-kategorija tal-kejl bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-emendi:

(a)

il-kategorija tal-kejl u l-ammont riportat iddeterminati immedjatament qabel ma ġew applikati l-emendi; kif ukoll

(b)

il-kategorija tal-kejl u l-ammont riportat iddeterminati immedjatament wara li ġew applikati l-emendi.

Appendiċi B

Gwida għall-applikazzjoni

Jiżdiedu l-paragrafi B3.1.2 A, B3.3.8 — B3.3.10, B4.1.8 A, B4.1.10 A, B4.1.16 A u B4.1.20 A u l-intestatura qabel il-paragrafu B3.1.2 A. Il-paragrafi B4.1.10, B4.1.13, B4.1.14, B4.1.16, B4.1.17, B4.1.20, B4.1.21 u B4.1.23 huma emendati. Il-paragrafi B4.1.7 A, B4.1.15 u B4.1.22 mhumiex emendati iżda huma inklużi għall-faċilità ta’ referenza.

RIKONOXXIMENT U RTIRAR TAR-RIKONOXXIMENT (KAPITOLU 3)

Rikonoxximent inizjali (Taqsima 3.1)

...

Data tar-rikonoxximent inizjali jew tal-irtirar tar-rikonoxximent

B3.1.2A

Sakemm ma japplikax il-paragrafu 3.1.2, entità għandha tirrikonoxxi assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja fid-data li fiha l-entità ssir parti għad-dispożizzjonijiet kuntrattwali tal-istrument (ara l-paragrafu 3.1.1). Assi finanzjarju jiġi rtirat mir-rikonoxximent fid-data li fiha jiskadu d-drittijiet kuntrattwali għall-flussi ta’ flus jew li l-assi jiġi ttrasferit (ara l-paragrafu 3.2.3). Sakemm entità ma tagħżilx li tapplika l-paragrafu B3.3.8, jiġi rtirat ir-rikonoxximent ta’ obbligazzjoni finanzjarja fid-data tas-saldu, li hija d-data li fiha l-obbligazzjoni tintemm minħabba li l-obbligu speċifikat fil-kuntratt jiġi rilaxxat jew ikkanċellat jew jiskadi (ara l-paragrafu 3.3.1) jew l-obbligazzjoni tikkwalifika b’mod ieħor għall-irtirar tar-rikonoxximent (ara l-paragrafu 3.3.2).

...

Irtirar tar-rikonoxximent ta’ obbligazzjonijiet finanzjarji (Taqsima 3.3)

...

B3.3.8

Minkejja r-rekwiżit fil-paragrafu B3.1.2 A li jiġi rtirat ir-rikonoxximent ta’ obbligazzjoni finanzjarja fid-data tas-saldu, meta tiġi saldata obbligazzjoni finanzjarja (jew parti minn obbligazzjoni finanzjarja) fi flus bl-użu ta’ sistema ta’ pagament elettroniku, entità tista’ tqis li l-obbligazzjoni finanzjarja (jew parti minnha) tiġi rilaxxata qabel id-data tas-saldu jekk, u biss jekk, l-entità tkun bdiet struzzjoni ta’ pagament bir-riżultat li:

(a)

l-entità ma jkollha l-ebda kapaċità prattika li tirtira, twaqqaf jew tikkanċella l-istruzzjoni ta’ pagament;

(b)

l-entità ma jkollha l-ebda kapaċità prattika li taċċessa l-flus li għandhom jintużaw għas-saldu bħala riżultat tal-istruzzjoni ta’ pagament; u

(c)

ir-riskju tas-saldu assoċjat mas-sistema ta’ pagament elettroniku huwa insinifikanti.

B3.3.9

Għall-fini tal-applikazzjoni tal-paragrafu B3.3.8 (c), ir-riskju tas-saldu assoċjat ma’ sistema ta’ pagament elettroniku jkun insinifikanti jekk il-karatteristiċi tiegħu jkunu tali li t-tlestija tal-istruzzjoni ta’ pagament issegwi proċess amministrattiv standard u jekk iż-żmien bejn l-issodisfar tal-kriterji fil-paragrafi B3.3.8 (a) u (b) u l-konsenja tal-flus lill-kontroparti jkun qasir. Madankollu, ir-riskju tas-saldu ma jkunx insinifikanti jekk it-tlestija tal-istruzzjoni ta’ pagament tkun soġġetta għall-kapaċità tal-entità li tikkonsenja l-flus fid-data tas-saldu.

B3.3.10

Entità li tagħżel li tapplika l-paragrafu B3.3.8 għas-saldu ta’ obbligazzjoni finanzjarja (jew parti minn obbligazzjoni finanzjarja) bl-użu ta’ sistema ta’ pagament elettroniku għandha tapplika dak il-paragrafu għas-saldi kollha magħmula permezz tal-istess sistema ta’ pagament elettroniku.

KLASSIFIKAZZJONI (KAPITOLU 4)

Klassifikazzjoni ta’ assi finanzjarji (Taqsima 4.1)

...

Flussi ta’ flus kuntrattwali li huma biss pagamenti ta’ kapital u mgħax fuq l-ammont ta’ kapital pendenti

...

B4.1.7A

Il-flussi ta’ flus kuntrattwali li huma biss pagamenti ta’ kapital u mgħax fuq l-ammont ta’ kapital pendenti huma konsistenti mal-arranġament ta’ għoti b’self bażiku. F’arranġament ta’ għoti b’self bażiku, il-korrispettiv għall-valur taż-żmien tal-flus (ara l-paragrafi B4.1.9 A–B4.1.9E) u r-riskju ta’ kreditu huma tipikament l-aktar elementi sinifikanti ta’ interess. Madankollu, f’arranġament bħal dan, l-interess jista’ jinkludi wkoll korrispettiv għal riskji oħrajn ta’ għoti b’self bażiku (pereżempju, riskju ta’ likwidità) u kostijiet (pereżempju, kostijiet amministrattivi) assoċjati maż-żamma tal-assi finanzjarju għal perjodu ta’ żmien partikulari. Barra minn hekk, l-interess jista’ jinkludi marġni ta’ profitt li jkun konsistenti ma’ arranġament ta’ għoti b’self bażiku. F’ċirkustanzi ekonomiċi estremi, l-interess jista’ jkun negattiv jekk, pereżempju, id-detentur ta’ assi finanzjarju jħallas espliċitament jew impliċitament għad-depożitu tal-flus tiegħu għal perjodu ta’ żmien partikulari (u dak il-ħlas jeċċedi l-korrispettiv li d-detentur jirċievi għall-valur taż-żmien tal-flus, għar-riskju ta’ kreditu u għal riskji u kostijiet oħrajn marbuta mal-għoti b’self bażiku). Madankollu, it-termini kuntrattwali li jintroduċu l-iskopertura għar-riskji jew il-volatilità fil-flussi ta’ flus kuntrattwali li mhijiex relatata ma’ arranġament ta’ għoti b’self bażiku, bħal skopertura għal bidliet fil-prezzijiet tal-ekwità jew fil-prezzijiet ta’ komodità, ma jagħtux lok għal flussi ta’ flus kuntrattwali li huma biss pagamenti ta’ kapital u mgħax fuq l-ammont ta’ kapital pendenti. Assi finanzjarju oriġinat jew mixtri jista’ jkun arranġament ta’ għoti b’self bażiku, irrispettivament minn jekk dan huwiex self fil-forma ġuridika tiegħu.

...

B4.1.8A

Fil-valutazzjoni ta’ jekk il-flussi ta’ flus kuntrattwali ta’ assi finanzjarju humiex konsistenti ma’ arranġament ta’ għoti b’self bażiku, entità jista’ jkollha tikkunsidra l-elementi differenti ta’ interess separatament. Il-valutazzjoni tal-interess tiffoka fuq dak li entità tkun qed tiġi kkumpensata għalih, aktar milli fuq kemm tirċievi kumpens entità. Madankollu, l-ammont ta’ kumpens li tirċievi entità jista’ jindika li l-entità qed tiġi kkumpensata għal xi ħaġa oħra għajr ir-riskji u l-kostijiet marbuta mal-għoti b’self bażiku. Il-flussi ta’ flus kuntrattwali jkunu inkonsistenti ma’ arranġament ta’ għoti b’self bażiku jekk ikunu indiċjati ma’ varjabbli li mhuwiex riskju jew kost marbut mal-għoti b’self bażiku (pereżempju, il-valur ta’ strumenti azzjonarji jew il-prezz ta’ komodità) jew jekk jirrappreżentaw sehem mid-dħul jew il-profitt tad-debitur, anki jekk tali termini kuntrattwali huma komuni fis-suq li fih topera l-entità.

...

Termini kuntrattwali li jbiddlu t-twaqqit jew l-ammont tal-flussi ta’ flus kuntrattwali

B4.1.10

Jekk assi finanzjarju jkun fih terminu kuntrattwali li jista’ jbiddel it-twaqqit jew l-ammont tal-flussi ta’ flus kuntrattwali (pereżempju, jekk ikun jista’ jsir prepagament tal-assi qabel tkun tista’ ssir estensjoni tal-maturità jew tat-terminu tiegħu), l-entità trid tiddetermina jekk il-flussi ta’ flus kuntrattwali li jistgħu jirriżultaw tul il-ħajja tal-istrument minħabba dak it-terminu kuntrattwali humiex biss pagamenti ta’ kapital u mgħax fuq l-ammont ta’ kapital pendenti. Sabiex tagħmel din id-determinazzjoni, l-entità trid tivvaluta l-flussi ta’ flus kuntrattwali li jistgħu jirriżultaw kemm qabel, kif ukoll wara, il-bidla fil-flussi ta’ flus kuntrattwali, irrispettivament mill-probabbiltà li l-bidla fil-flussi ta’ flus kuntrattwali sseħħ. L-entità jista’ jkollha bżonn tivvaluta wkoll in-natura ta’ kwalunkwe event kontinġenti (jiġifieri l-iskattatur) li jbiddel it-twaqqit jew l-ammont tal-flussi ta’ flus kuntrattwali. Filwaqt li n-natura tal-event kontinġenti minnha nnifisha mhijiex fattur determinanti fil-valutazzjoni ta’ jekk il-flussi ta’ flus kuntrattwali humiex biss pagamenti ta’ kapital u mgħax, din tista’ tkun indikatur. Pereżempju, qabbel strument finanzjarju ma’ rata tal-imgħax li hija risettjata għal rata ogħla jekk id-debitur jonqos milli jagħmel għadd partikulari ta’ pagamenti għal strument finanzjarju b’rata tal-imgħax li hija risettjata għal rata ogħla jekk indiċi tal-ekwità speċifikat jilħaq livell partikulari. Fil-każ tal-ewwel, huwa aktar probabbli li l-flussi ta’ flus kuntrattwali tul il-ħajja tal-istrument ikunu biss pagamenti ta’ kapital u mgħax fuq l-ammont ta’ kapital pendenti, minħabba r-relazzjoni bejn il-pagamenti li ma sarux u żieda fir-riskju ta’ kreditu. Fil-każ tal-ewwel, in-natura tal-event kontinġenti hija relatata direttament mal-bidliet fir-riskji u l-kostijiet marbuta mal-għoti b’self bażiku, u l-flussi tal-flus kuntrattwali jinbidlu fl-istess direzzjoni bħalhom. (Ara wkoll il-paragrafu B4.1.18.)

B4.1.10A

F’xi każijiet, karatteristika kontinġenti tagħti lok għal flussi ta’ flus kuntrattwali li jkunu konsistenti ma’ arranġament ta’ għoti b’self bażiku kemm qabel kif ukoll wara l-bidla fil-flussi tal-flus kuntrattwali, iżda n-natura tal-event kontinġenti minnha nnifisha ma tkunx direttament relatata mal-bidliet fir-riskji u l-kostijiet marbuta mal-għoti b’self bażiku. Pereżempju, ir-rata tal-imgħax fuq self tkun aġġustata b’ammont speċifikat jekk id-debitur jikseb tnaqqis speċifikat kuntrattwalment fl-emissjonijiet tal-karbonju. F’każ bħal dan, meta jiġi applikat il-paragrafu B4.1.10, l-assi finanzjarju jkollu flussi ta’ flus kuntrattwali li jkunu biss pagamenti ta’ kapital u imgħax fuq l-ammont ta’ kapital pendenti jekk, u biss jekk, fix-xenarji kollha kuntrattwalment possibbli, il-flussi ta’ flus kuntrattwali ma jkunux differenti b’mod sinifikanti mill-flussi ta’ flus kuntrattwali fuq strument finanzjarju b’termini kuntrattwali identiċi, iżda mingħajr tali karatteristika kontinġenti. F’xi ċirkostanzi, l-entità tista’ tkun kapaċi tagħmel dik id-determinazzjoni billi twettaq valutazzjoni kwalitattiva; iżda, f’ċirkostanzi oħrajn, jista’ jkun meħtieġ li titwettaq valutazzjoni kwantitattiva. Jekk ikun ċar, bi ftit jew ebda analiżi, li l-flussi ta’ flus kuntrattwali mhumiex differenti b’mod sinifikanti, entità ma għandhiex għalfejn twettaq valutazzjoni dettaljata.

...

B4.1.13

L-eżempji li ġejjin juru l-flussi ta’ flus kuntrattwali li huma biss pagamenti ta’ kapital u mgħax fuq l-ammont ta’ kapital pendenti. Din il-lista ta’ eżempji mhijiex eżawrjenti.

Strument

Analiżi

...

Strument EA

L-istrument EA huwa self b’rata tal-imgħax li tiġi aġġustata kull perjodu ta’ rapportar b’numru fiss ta’ punti bażi jekk id-debitur jikseb tnaqqis speċifikat kuntrattwalment fl-emissjonijiet tal-karbonju matul il-perjodu ta’ rapportar preċedenti.

L-aġġustamenti kumulattivi massimi possibbli ma jbiddlux b’mod sinifikanti r-rata tal-imgħax fuq is-self.

...

Il-flussi ta’ flus kuntrattwali huma biss pagamenti ta’ kapital u mgħax fuq l-ammont ta’ kapital pendenti.

L-entità tqis jekk il-flussi ta’ flus kuntrattwali li jistgħu jirriżultaw kemm qabel kif ukoll wara kull bidla fil-flussi ta’ flus kuntrattwali humiex biss pagamenti ta’ kapital u imgħax (ara l-paragrafu B4.1.10).

Jekk iseħħ l-event kontinġenti li tintlaħaq il-mira tal-emissjonijiet tal-karbonju, ir-rata tal-imgħax tiġi aġġustata b’għadd fiss ta’ punti bażi, li jirriżulta fi flussi ta’ flus kuntrattwali li jkunu konsistenti ma’ arranġament ta’ għoti b’self bażiku. Huwa biss minħabba li n-natura tal-event kontinġenti minnha nnifisha mhix direttament relatata mal-bidliet fir-riskji u l-kostijiet marbuta mal-għoti b’self bażiku li l-entità ma tistax tikkonkludi – mingħajr valutazzjoni ulterjuri – jekk il-flussi ta’ flus fuq l-assi finanzjarju humiex biss pagamenti ta’ kapital u imgħax.

Għalhekk, l-entità tivvaluta jekk, fix-xenarji kollha kuntrattwalment possibbli, il-flussi ta’ flus kuntrattwali ma jkunux differenti b’mod sinifikanti mill-flussi ta’ flus kuntrattwali fuq strument finanzjarju b’termini kuntrattwali identiċi, iżda mingħajr il-karatteristika kontinġenti marbuta mal-emissjonijiet tal-karbonju (ara l-paragrafu B4.1.10 A).

Minħabba li kwalunkwe aġġustament matul il-ħajja tal-istrument ma jirriżultax fi flussi ta’ flus kuntrattwali li huma differenti b’mod sinifikanti, l-entità tikkonkludi li s-self għandu flussi ta’ flus kuntrattwali li huma biss pagamenti ta’ kapital u mgħax fuq l-ammont ta’ kapital pendenti.

B4.1.14

L-eżempji li ġejjin juru l-flussi ta’ flus kuntrattwali li mhumiex biss pagamenti ta’ kapital u mgħax fuq l-ammont ta’ kapital pendenti. Din il-lista ta’ eżempji mhijiex eżawrjenti.

Strument

Analiżi

...

Strument I

L-istrument I huwa self b’rata tal-imgħax li tiġi aġġustata kull perjodu ta’ rapportar biex jiġu traċċati l-movimenti tal-indiċi tal-prezz tal-karbonju ddeterminat mis-suq matul il-perjodu ta’ rapportar preċedenti.

...

Il-flussi ta’ flus kuntrattwali mhumiex biss pagamenti ta’ kapital u mgħax fuq l-ammont ta’ kapital pendenti.

Il-flussi ta’ flus kuntrattwali huma indiċjati ma’ varjabbli (l-indiċi tal-prezz tal-karbonju), li mhuwiex riskju jew kost marbut mal-għoti b’self bażiku. Il-flussi ta’ flus kuntrattwali huma għalhekk inkonsistenti ma’ arranġament ta’ għoti b’self bażiku (ara l-paragrafu B4.1.8 A).

B4.1.15

F’xi każijiet, assi finanzjarju jista’ jkollu flussi ta’ flus kuntrattwali li huma deskritti bħala kapital u mgħax, iżda dawk il-flussi ta’ flus ma jirrappreżentawx il-pagament ta’ kapital u mgħax fuq l-ammont ta’ kapital pendenti kif deskritt fil-paragrafi 4.1.2(b), 4.1.2 A(b) u 4.1.3 ta’ dan l-Istandard.

B4.1.16

Dan jista’ jkun il-każ jekk l-assi finanzjarju jirrappreżenta investiment f’assi jew flussi ta’ flus partikulari u, b’hekk, il-flussi ta’ flus kuntrattwali ma jkunux biss pagamenti ta’ kapital u mgħax fuq l-ammont ta’ kapital pendenti. Pereżempju, jekk it-termini kuntrattwali jistipulaw li l-flussi ta’ flus tal-assi finanzjarju jiżdiedu hekk kif aktar karozzi jużaw pedaġġ tat-toroq partikulari, dawk il-flussi ta’ flus kuntrattwali jkunu inkonsistenti ma’ arranġament ta’ għoti b’self bażiku. B’riżultat ta’ dan, l-istrument ma jissodisfax il-kundizzjoni fil-paragrafi 4.1.2(b) u 4.1.2 A(b).

B4.1.16A

Is-sitwazzjoni deskritta fil-paragrafu B4.1.15 tista’ tirriżulta wkoll jekk assi finanzjarju jkollu karatteristiċi ta’ “nuqqas ta’ rikors”. Assi finanzjarju jkollu karatteristiċi ta’ nuqqas ta’ rikors jekk id-dritt aħħari ta’ entità li tirċievi flussi ta’ flus ikun kuntrattwalment limitat għall-flussi ta’ flus iġġenerati minn assi speċifikati. Fi kliem ieħor, l-entità hija primarjament esposta għar-riskju tal-prestazzjoni tal-assi speċifikati aktar milli għar-riskju ta’ kreditu tad-debitur. Pereżempju, id-dritt aħħari ta’ kreditur li jirċievi flussi ta’ flus jista’ jkun kuntrattwalment limitat għall-flussi ta’ flus iġġenerati minn assi speċifikati ta’ entità strutturata.

B4.1.17

Madankollu, il-fatt li assi finanzjarju jkollu karatteristiċi ta’ nuqqas ta’ rikors mhux bilfors, minnu nnifsu, jipprekludi lill-assi finanzjarju milli jissodisfa l-kundizzjoni fil-paragrafi 4.1.2(b) u 4.1.2 A(b). F’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-kreditur huwa meħtieġ jivvaluta (“iħares lejn”) ir-rabta bejn l-assi jew il-flussi ta’ flus sottostanti partikulari u l-flussi ta’ flus kuntrattwali tal-assi finanzjarju li jkun qed jiġi kklassifikat biex jiddetermina jekk dawk il-flussi ta’ flus kuntrattwali humiex pagamenti ta’ kapital u imgħax fuq l-ammont ta’ kapital pendenti. Entità għandha tikkunsidra wkoll kif din ir-rabta hija affettwata minn arranġamenti kuntrattwali oħra, bħal dejn subordinat jew strumenti ta’ ekwità maħruġa mid-debitur. Jekk it-termini tal-assi finanzjarju jagħtu lok għal kwalunkwe fluss ta’ flus ieħor jew jillimitaw il-flussi ta’ flus b’mod li jkun inkonsistenti mal-pagamenti li jirrappreżentaw il-kapital u l-imgħax, l-assi finanzjarju ma jissodisfax il-kundizzjoni fil-paragrafi 4.1.2(b) u 4.1.2 A(b). Jekk l-assi sottostanti humiex assi finanzjarji jew assi mhux finanzjarji minnu nnifsu ma jaffettwax din il-valutazzjoni.

...

Strumenti konnessi kuntrattwalment

B4.1.20

F’xi tipi ta’ tranżazzjonijiet b’karatteristiċi mhux ta’ rikors, emittent jista’ jipprijoritizza l-pagamenti lid-detenturi ta’ assi finanzjarji billi juża strumenti multipli konnessi kuntrattwalment (segmenti). Kull segment għandu klassifikazzjoni ta’ subordinazzjoni li tispeċifika l-ordni li fiha kwalunkwe fluss ta’ flus iġġenerat mill-emittent mill-ġabra sottostanti ta’ strumenti finanzjarji jiġi allokat għas-segment. Il-prijoritizzazzjoni tal-pagamenti lid-detenturi ta’ dawn is-segmenti hija stabbilita permezz ta’ struttura ta’ pagament kaskata li toħloq konċentrazzjonijiet ta’ riskju ta’ kreditu u tirriżulta f’allokazzjoni sproporzjonata ta’ nuqqasijiet ta’ flus mill-ġabra sottostanti bejn is-segmenti. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, id-detenturi ta’ segment ikollhom id-dritt għal pagamenti ta’ kapital u mgħax fuq l-ammont ta’ kapital pendenti biss jekk l-emittent jiġġenera biżżejjed flussi ta’ flus biex jissodisfa segmenti fi klassifikazzjoni ogħla. F’dawn it-tipi ta’ tranżazzjonijiet, id-detenturi ta’ segment japplikaw il-paragrafi B4.1.21–B4.1.26 minflok il-paragrafu B4.1.17.

B4.1.20A

Xi tranżazzjonijiet li jista’ jkun fihom strumenti ta’ dejn multipli u li jidhru li għandhom il-karatteristiċi deskritti fil-paragrafu B4.1.20 huma, fil-fatt, arranġamenti ta’ għoti b’self li huma strutturati biex jipprovdu protezzjoni ta’ kreditu msaħħa lil kreditur (jew grupp ta’ kredituri). Pereżempju, entità strutturata tista’ tiġi stabbilita biex iżżomm l-assi sottostanti li jiġġeneraw il-flussi ta’ flus biex iħallsu lura lill-kreditur. L-entità strutturata toħroġ strumenti ta’ dejn superjuri u subordinat. Il-kreditur iżomm l-istrument ta’ dejn superjuri u l-entità li tisponsorja l-entità strutturata li żżomm l-istrument ta’ dejn subordinat ma jkollha l-ebda kapaċità prattika li tbigħ l-istrument subordinat mingħajr ma l-istrument ta’ dejn superjuri jsir pagabbli. Id-detenturi ta’ tali strumenti ta’ dejn japplikaw il-paragrafi B4.1.7–B4.1.19 minflok il-paragrafi B4.1.21–B4.1.26.

B4.1.21

Fi tranżazzjonijiet li fihom strumenti konnessi kuntrattwalment, kif deskritt fil-paragrafu B4.1.20, segment ikollu karatteristiċi ta’ fluss ta’ flus li huma pagamenti ta’ kapital u mgħax fuq l-ammont ta’ kapital pendenti biss jekk:

(a)

...

B4.1.22

Entità trid tistħarreġ sakemm tkun tista’ tidentifika l-ġabra sottostanti ta’ strumenti li qegħdin joħolqu (minflok jgħaddu) l-flussi ta’ flus. Din hija l-ġabra sottostanti ta’ strumenti finanzjarji.

B4.1.23

Il-ġabra sottostanti jrid ikun fiha strument wieħed jew aktar li jkollhom flussi ta’ flus kuntrattwali li jkunu biss pagamenti ta’ kapital u mgħax fuq l-ammont ta’ kapital pendenti. Għall-finijiet ta’ din il-valutazzjoni, il-ġabra sottostanti tista’ tinkludi strumenti finanzjarji li mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ klassifikazzjoni (ara t-Taqsima 4.1) iżda li għandhom flussi ta’ flus kuntrattwali li huma ekwivalenti biss għal pagamenti ta’ kapital u mgħax fuq l-ammont ta’ kapital pendenti, pereżempju, xi riċevibbli ta’ lokazzjoni. Madankollu, riċevibbli ta’ lokazzjoni li huma soġġetti għal riskju ta’ valur residwu, jew li jinkludu pagamenti ta’ lokazzjoni varjabbli li huma indiċjati ma’ varjabbli li mhuwiex riskju jew kost marbut mal-għoti b’self bażiku (pereżempju, rata tal-kiri tas-suq), ma għandhomx flussi ta’ flus kuntrattwali li huma ekwivalenti biss għal pagamenti ta’ kapital u mgħax fuq l-ammont ta’ kapital pendenti.

Emendi għal-IFRS 7 Strumenti Finanzjarji: Divulgazzjonijiet

Jiżdiedu l-paragrafi 20B, 20C, 20D, 44LL u 44MM. Il-paragrafi 11 A u 11B huma emendati.

L-IMPORTANZA TA’ STRUMENTI FINANZJARJI GĦALL-POŻIZZJONI U R-RIŻULTATI FINANZJARJI

...

Rapport tal-pożizzjoni finanzjarja

...

Investimenti fi strumenti ta’ ekwità deżinjati fil-valur ġust permezz ta’ introjtu ieħor komprensiv

11A

Jekk entità tkun iddeżinjat investimenti fi strumenti ta’ ekwità li għandhom jitkejlu fil-valur ġust permezz ta’ introjtu ieħor komprensiv, kif inhu permess mill-paragrafu 5.7.5 tal-IFRS 9, din għandha tiddivulga għal kull klassi ta’ investiment:

(a)

...

(b)

...

(c)

il-valur ġust fi tmiem il-perjodu tar-rapportar.

(d)

...

(e)

...

(f)

il-qligħ jew it-telf fil-valur ġust ippreżentat f’introjtu ieħor komprensiv matul il-perjodu, li juri separatament il-qligħ jew it-telf fil-valur ġust relatat ma’ investimenti li għalihom ikun ġie rtirat ir-rikonoxximent matul il-perjodu tar-rapportar u l-qligħ jew it-telf fil-valur ġust relatat mal-investimenti miżmuma fi tmiem il-perjodu tar-rapportar.

11B

Jekk entità tirtira r-rikonoxximent tal-investimenti fi strumenti ta’ ekwità fil-valur ġust permezz ta’ introjtu ieħor komprensiv matul il-perjodu ta’ rapportar, din għandha tiddivulga:

(a)

...

(b)

...

(c)

...

(d)

kwalunkwe trasferiment tal-qligħ jew telf kumulattiv fl-ekwità matul il-perjodu ta’ rapportar relatat mal-investimenti li għalihom ikun ġie rtirat ir-rikonoxximent matul dak il-perjodu ta’ rapportar.

...

Rapport tal-introjtu komprensiv

Entrati ta’ introjtu, spiża, qligħ jew telf

...

20B

Entità għandha tiddivulga l-informazzjoni meħtieġa mill-paragrafu 20C skont il-klassi ta’ assi finanzjarji mkejla b’kost amortizzat jew valur ġust permezz ta’ introjtu ieħor komprensiv u skont il-klassi ta’ obbligazzjonijiet finanzjarji mkejla b’kost amortizzat. L-entità għandha tikkunsidra kemm dettall għandha tiddivulga, il-livell xieraq ta’ aggregazzjoni jew diżaggregazzjoni, u jekk l-utenti tar-rapporti finanzjarji jeħtiġux spjegazzjonijiet addizzjonali biex jevalwaw kwalunkwe informazzjoni kwantitattiva divulgata.

20C

Sabiex l-utenti tar-rapporti finanzjarji jkunu jistgħu jifhmu l-effett tat-termini kuntrattwali li jistgħu jibdlu l-ammont ta’ flussi ta’ flus kuntrattwali abbażi tal-okkorrenza (jew in-nuqqas ta’ okkorrenza) ta’ event kontinġenti li ma jkunx relatat direttament ma’ bidliet fir-riskji u l-kostijiet marbuta mal-għoti b’self bażiku (bħall-valur taż-żmien tal-flus jew ir-riskju ta’ kreditu), entità għandha tiddivulga:

(a)

deskrizzjoni kwalitattiva tan-natura tal-event kontinġenti;

(b)

informazzjoni kwantitattiva dwar il-bidliet possibbli fil-flussi ta’ flus kuntrattwali li jistgħu jirriżultaw minn dawk it-termini kuntrattwali (pereżempju, il-firxa ta’ bidliet possibbli); kif ukoll

(c)

il-valur riportat gross tal-assi finanzjarji u l-kost amortizzat tal-obbligazzjonijiet finanzjarji soġġetti għal dawk it-termini kuntrattwali.

20D

Pereżempju, entità għandha tiddivulga l-informazzjoni meħtieġa mill-paragrafu 20C għal klassi ta’ obbligazzjonijiet finanzjarji mkejla b’kost amortizzat li l-flussi tal-flus kuntrattwali tagħhom jinbidlu jekk l-entità tikseb tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju tagħha.

...

DATA EFFETTIVA U TRANŻIZZJONI

...

44LL

L-Emendi għall-Klassifikazzjoni u l-Kejl ta’ Strumenti Finanzjarji, maħruġa f’Mejju 2024, żiedu l-paragrafi 20B, 20C u 20D u emendaw il-paragrafi 11 A u 11B. Entità għandha tapplika dawn l-emendi meta tapplika l-emendi għall-IFRS 9 f’konformità mal-paragrafi 7.1.12–7.1.13 tal-IFRS 9. Jekk entità tagħżel li tapplika biss l-emendi għall-Gwida tal-Applikazzjoni għat-Taqsima 4.1 tal-IFRS 9 (Klassifikazzjoni ta’ assi finanzjarji) għal perjodu aktar bikri f’konformità mal-paragrafu 7.1.13 (b) tal-IFRS 9, l-entità għandha tapplika wkoll il-paragrafi 20B, 20C u 20D ta’ dan l-Istandard fl-istess ħin. Fi kwalunkwe każ, l-entità ma għandhiex għalfejn tipprovdi d-divulgazzjonijiet meħtieġa mill-emendi għal kwalunkwe perjodu ppreżentat qabel id-data tal-applikazzjoni inizjali tal-emendi tagħha.

44MM

Fil-perjodu tar-rapportar li fih entità tapplika għall-ewwel darba l-Emendi għall-Klassifikazzjoni u l-Kejl ta’ Strumenti Finanzjarji, l-entità mhijiex meħtieġa tiddivulga l-informazzjoni li altrimenti tkun meħtieġa mill-paragrafu 28(f) tal-IAS 8.

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1047/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)