|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1044 |
6.8.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1044
tat-23 ta’ Mejju 2025
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli u proċeduri dettaljati dwar l-aċċettazzjoni ta’ liċenzji u ċertifikati tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru maħruġa minn pajjiżi terzi
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 68(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-disponibbiltà tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru fl-Unjoni, kif ukoll il-flessibbiltà limitata fl-użu tar-riżorsi disponibbli tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru ġew identifikati bħala fatturi li jillimitaw il-kapaċità tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u b’hekk iwasslu għal dewmien fit-traffiku tal-ajru fl-Unjoni. |
|
(2) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/340 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi b’rabta mal-liċenzji u ċ-ċertifikati tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru (“ATCO”). Madankollu, dak ir-Regolament ma jipprevedix l-aċċettazzjoni ta’ liċenzji u ċertifikati ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru ta’ pajjiżi terzi. |
|
(3) |
Biex tiġi ssodisfata d-domanda eżistenti u dejjem akbar għal kapaċità tal-ATCO fl-Unjoni, kemm fir-rigward tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru operazzjonali kif ukoll tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru fil-kapaċità ta’ għalliema u assessuri prattiċi għat-taħriġ tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, l-awtoritajiet nazzjonali jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċettaw liċenzji, ċertifikati u dokumentazzjoni rilevanti oħra li jiċċertifikaw il-konformità mar-regoli tal-avjazzjoni ċivili, li jkunu nħarġu f’konformità mal-liġi ta’ pajjiż terz. L-aċċettazzjoni ta’ dawk id-dokumenti hi maħsuba biex ikunu jistgħu jinħarġu liċenzji ta’ studenti kontrolluri tat-traffiku tal-ajru jew biex l-organizzazzjonijiet tat-taħriġ tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru ċċertifikati biex jipprovdu taħriġ inizjali jkunu jistgħu jingħataw struzzjoni u valutazzjoni. |
|
(4) |
Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura livell ekwivalenti tas-sikurezza għal dak previst fir-Regolamenti (UE) 2018/1139 u (UE) 2015/340. |
|
(5) |
Dan ir-Regolament jipprovdi l-possibbiltà ta’ perjodi tat-taħriġ iqsar qabel il-ħruġ ta’ liċenzja ta’ student kontrollur tat-traffiku tal-ajru tal-Unjoni, u l-possibbiltà ta’ allokazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali għat-twettiq tat-taħriġ inizjali. Bis-saħħa tiegħu, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru jkunu jistgħu jagħżlu li jżidu l-kapaċità tal-forniment tas-servizz tagħhom aktar malajr, fejn ikun hemm bżonn. |
|
(6) |
F’konformità mal-Artikolu 68(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139, meta jkunu ġew konklużi ftehimiet internazzjonali dwar is-suġġett ta’ dan ir-Regolament bejn l-Unjoni u pajjiż terz, dawk il-ftehimiet jipprevalu; fil-każijiet l-oħra kollha japplika dan ir-Regolament, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli u proċeduri dettaljati għall-aċċettazzjoni ta’ liċenzji u ċertifikati ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, inkluż klassifikazzjonijiet u approvazzjonijiet assoċjati maħruġa f’konformità mal-liġijiet ta’ pajjiż terz.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“applikant” tfisser detentur ta’ ċertifikat, liċenzja jew dokument ieħor, maħruġ f’konformità mal-liġijiet ta’ pajjiż terz, li jkun qed japplika biex tinħareġ liċenzja ta’ student kontrollur tat-traffiku tal-ajru f’konformità ma’ dan ir-Regolament jew għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikat għall-fini tal-għoti ta’ struzzjonijiet u valutazzjoni; |
|
(2) |
“ċertifikat” tfisser dokument maħruġ skont il-liġijiet ta’ pajjiż terz, li jiċċertifika l-konformità mar-regoli tal-avjazzjoni ċivili; |
|
(3) |
“kreditu” tfisser ir-rikonoxximent mill-awtorità kompetenti tat-taħriġ imwettaq mid-detentur ta’ liċenzja ta’ kontrollur tat-traffiku tal-ajru maħruġa f’konformità mal-liġijiet ta’ pajjiż terz għall-fini tal-applikazzjoni biex tinħareġ liċenzja ta’ student kontrollur tat-traffiku tal-ajru f’konformità ma’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 3
Aċċettazzjoni ta’ liċenzji u ċertifikati ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru ta’ pajjiżi terzi
Mingħajr preġudizzju għall-ftehimiet internazzjonali konklużi bejn l-Unjoni u pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 68(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2018/1139, l-Istati Membri jistgħu:
|
(a) |
joħorġu liċenzji ta’ studenti kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament; |
|
(b) |
jaċċettaw liċenzji ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru u klassifikazzjonijiet, privileġġi jew ċertifikati assoċjati, f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 4
Ħruġ tal-liċenzji
1. L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ toħroġ liċenzji ta’ studenti kontrolluri tat-traffiku tal-ajru f’konformità mal-punt ATCO.B.001 tal-Anness I (il-Parti ATCO), is-Subparti B, tar-Regolament (UE) 2015/340, abbażi ta’ ċertifikati maħruġa f’konformità mal-liġijiet ta’ pajjiż terz, diment li l-applikant ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
(a) |
ikun għalaq it-18-il sena; |
|
(b) |
juri konformità mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fis-Subparti D, it-Taqsimiet 1 sa 4 tal-Anness I (il-Parti ATCO) tar-Regolament (UE) 2015/340; |
|
(c) |
ikollu ċertifikat mediku validu maħruġ f’konformità mal-Anness IV (il-Parti ATCO.MED) tar-Regolament (UE) 2015/340; |
|
(d) |
juri livell adegwat ta’ profiċjenza fil-lingwa f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fis-Subparti B, il-punti ATCO.B.030 sa ATCO.B.040, tal-Anness I (il-Parti ATCO) tar-Regolament (UE) 2015/340. |
2. Id-detentur ta’ liċenzja ta’ kontrollur tat-traffiku tal-ajru maħruġa f’konformità mal-liġijiet ta’ pajjiż terz, jista’ japplika għall-ħruġ ta’ liċenzja ta’ student kontrollur tat-traffiku tal-ajru mal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru wara li jkun kiseb rakkomandazzjoni mingħand organizzazzjoni tat-taħriġ li tkun tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III (il-Parti ATCO.OR) tar-Regolament (UE) 2015/340 u li tkun iċċertifikata biex tipprovdi taħriġ inizjali għall-fini tal-ħruġ ta’ liċenzji ta’ studenti kontrolluri tat-traffiku tal-ajru f’konformità ma’ dak ir-Regolament.
3. Meta, wara talba mingħand l-applikant, l-organizzazzjoni tat-taħriġ toħroġ rakkomandazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, dik ir-rakkomandazzjoni għandu jkun fiha dan kollu li ġej:
|
(a) |
deskrizzjoni tal-ambitu tal-privileġġi tal-liċenzja ta’ kontrollur tat-traffiku tal-ajru ta’ pajjiż terz, imsemmi fil-paragrafu 2; |
|
(b) |
indikazzjoni għal liema rekwiżiti tal-Anness I (il-Parti ATCO) tar-Regolament (UE) 2015/340 għandu jingħata kreditu; |
|
(c) |
deskrizzjoni tat-taħriġ addizzjonali, inkluż l-eżamijiet u l-assessjar meħtieġa, li jkun għamel l-applikant; |
|
(d) |
dikjarazzjoni li tikkonferma li l-konformità tal-applikant mar-rekwiżiti tat-taħriġ, tal-eżaminazzjoni u tal-assessjar deskritti fir-rakkomandazzjoni tista’ titqies ekwivalenti għat-tlestija b’suċċess tat-taħriġ inizjali meħtieġ skont ir-Regolament (UE) 2015/340 għall-fini tal-ħruġ ta’ liċenzja ta’ student kontrollur tat-traffiku tal-ajru; |
|
(e) |
kopji ta’ kull dokumentazzjoni ta’ sostenn rilevanti, inkluż kopji tar-rekwiżiti u l-proċeduri rilevanti tal-pajjiż terz, li juru kif l-organizzazzjoni tat-taħriġ tkun stabbiliet l-elementi elenkati fil-punti (a) sa (d) ta’ dan is-subparagrafu. |
It-taħriġ addizzjonali msemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c), inkluż l-eżamijiet u l-assessjar meħtieġa, għandhom isiru minn organizzazzjoni tat-taħriġ li tkun tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III (il-Parti ATCO.OR) tar-Regolament (UE) 2015/340 u li tkun iċċertifikata biex tipprovdi taħriġ inizjali għall-fini tal-ħruġ ta’ liċenzji ta’ studenti kontrolluri tat-traffiku tal-ajru f’konformità ma’ dak ir-Regolament.
4. Għall-fini tal-ħruġ ta’ liċenzji ta’ studenti kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, kull kreditu mogħti mill-awtorità kompetenti għandu jqis ir-rakkomandazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.
Artikolu 5
Aċċettazzjoni taċ-ċertifikati
1. L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ taċċetta liċenzji ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru u klassifikazzjonijiet, approvazzjonijiet jew ċertifikati assoċjati maħruġa f’konformità mal-liġijiet ta’ pajjiż terz għall-fini ta’ għoti ta’ struzzjoni u valutazzjoni, diment li l-applikant ikun jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
ikollu liċenzja ta’ kontrollur tat-traffiku tal-ajru maħruġa minn pajjiż terz f’konformità mal-Anness 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmata fis-7 ta’ Diċembru 1944 f’Chicago (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) bi klassifikazzjoni u, jekk applikabbli, b’approvazzjoni tal-klassifikazzjoni li tkun tikkorrispondi għal dik li għaliha huma awtorizzati jagħtu struzzjonijiet jew jivvalutaw; |
|
(b) |
juri lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/340 li kiseb taħriġ u rnexxielu jgħaddi minn eżamijiet u assessjar ekwivalenti għal dawk meħtieġa mis-Subparti D, it-Taqsima 5, tal-Anness I (il-Parti ATCO) ta’ dak ir-Regolament. |
2. Il-privileġġi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu limitati għall-għoti ta’ struzzjoni u valutazzjoni għall-organizzazzjonijiet tat-taħriġ tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru ċċertifikati biex jipprovdu taħriġ inizjali.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1139/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/340 tal-20 ta’ Frar 2015 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati maċ-ċertifikati u l-liċenzji tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 805/2011 (ĠU L 63, 6.3.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/340/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1044/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)