European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1014

26.5.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1014

tas-16 ta’ Mejju 2025

li tagħti deroga lir-Renju ta’ Spanja minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Gżejjer Baleariċi

(notifikata bid-document C(2025) 3174)

(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 64 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 66 tagħha,

Billi:

1.   PROĊEDURA U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAD-DEĊIŻJONI

(1)

Fit-23 ta’ Novembru 2020, ir-Renju ta’ Spanja (“Spanja”) issottometta talba lill-Kummissjoni għal deroga (l-“Applikazzjoni”) għat-territorji mhux peniżolari tal-Gżejjer Kanarji, il-Gżejjer Baleariċi, Ceuta u Melilla (b’mod konġunt, “NPT”, non-peninsular territories) f’konformità mal-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 66 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

(2)

L-Applikazzjoni inizjalment talbet derogi mill-Artikolu 8 u mill-Artikolu 54 tad-Direttiva (UE) 2019/944 u mill-Artikoli 3, 6, 7(1), 8(1) u (4), 9, 10 u 11, mill-Artikoli 14 sa 17, mill-Artikoli 19 sa 27 u mill-Artikoli 35 sa 47 tar-Regolament (UE) 2019/943. Dik l-Applikazzjoni ma speċifikatx id-durata tad-deroga mitluba.

(3)

Fit-18 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni ppubblikat l-Applikazzjoni fuq is-sit web tagħha u stiednet lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati biex jipprovdu kummenti sat-30 ta’ April 2021.

(4)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand Spanja dwar l-Applikazzjoni fis-17 ta’ Awwissu 2021 u fis-16 ta’ Diċembru 2021. Spanja wieġbet fl-4 ta’ Ottubru 2021 u fis-17 ta’ Jannar 2022. Fl-aħħar sottomissjoni, Spanja mmodifikat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Applikazzjoni tagħha kif ġej:

—

it-talba għal deroga mill-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2019/944 ġiet irtirata għall-NPT kollha;

—

it-talba għal deroga mill-Artikolu 54 tad-Direttiva (UE) 2019/944 ġiet irtirata għall-Gżejjer Baleariċi u għal Ceuta;

—

Spanja inkludiet talba ġdida għal deroga mill-Artikolu 40(4) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944 għall-NPT kollha;

—

it-talba għal deroga mill-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, il-punti (d), (f), (g), (h), (i), (l), (m) u (q) tar-Regolament (UE) 2019/943 ġiet irtirata għall-NPT kollha;

—

Spanja rtirat ukoll it-talba għal deroga għall-NPT kollha mill-Artikolu 16(1) u (2), l-Artikolu 20(1) u (2); l-Artikolu 21(1) sa (6); l-Artikolu 22(1), ħlief għall-punti (f) u (h); l-Artikolu 22(4); u l-Artikoli 35 sa 47 tar-Regolament (UE) 2019/943;

—

Spanja stabbiliet durata limitata għad-deroga mitluba għall-Gżejjer Baleariċi u għal Ceuta sal-integrazzjoni effettiva ta’ dawn it-territorji mal-art kontinentali (mhux mistennija qabel l-2030).

(5)

Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkopri biss il-Gżejjer Baleariċi, peress li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-talba għal deroga sottomessa minn Spanja dwar l-NPT tal-Gżejjer Kanarji ġiet adottata fit-8 ta’ Diċembru 2023 (3) u t-talbiet għal deroga sottomessi minn Spanja dwar l-NPT ta’ Ceuta u Melilla se jiġu indirizzati f’deċiżjonijiet separati.

2.   IL-GŻEJJER BALEARIĊI

Is-sistema tal-elettriku u s-suq tal-elettriku fil-Gżejjer Baleariċi

(6)

Il-Gżejjer Baleariċi flimkien jiffurmaw sistema interkonnessa unika (Mallorca, Menorca, Ibiza u Formentera). Skont Spanja, il-Gżejjer Baleariċi kellhom konsum ta’ inqas minn 3 000 GWh fl-1996 (2 856 GWh, imkejla fil-metraġġ tal-klijenti). (4) Fl-2023, il-konsum annwali fil-Gżejjer Baleariċi kien ta’ 6 047 GWh, li minnhom 8,7 % (jiġifieri 526 GWh) kienu koperti permezz ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli. (5)

(7)

Il-Gżejjer Baleariċi kienu iżolati mis-sistema tal-elettriku kontinentali ta’ Spanja sal-2012. Storikament, il-Gżejjer Baleariċi kienu jinkludu żewġ sistemi elettriċi (“Mallorca-Menorca” u “Ibiza-Formentera”) b’kapaċitajiet ta’ 1,9 GW u 0,3 GW rispettivament. Fi tmiem is-sena 2012, kejbil ikkonnettja s-sistema tal-elettriku “Mallorca-Menorca” mas-sistema kontinentali ta’ Spanja permezz ta’ interkonnettur ta’ 400 MW, filwaqt li s-sistema tal-elettriku “Ibiza-Formentera” baqgħet iżolata. Minn Diċembru 2018, wara li beda jopera kejbil li jikkonnettja lil Mallorca ma’ Ibiza, il-kejbil ikkonnettja s-sistema tal-elettriku ta’ Mallorca-Menorca-Ibiza-Formentera li issa hija integrata mas-sistema kontinentali. (6) Fl-2023, il-kejbil kopra madwar 24 % tad-domanda elettrika tal-Gżejjer Baleariċi (7).

(8)

Abbażi tad-Digriet Ministerjali TEC/212/2019 tal-25 ta’ Frar 2019, il-pjan għan-network tat-trażmissjoni tal-elettriku 2021–2026 jipprevedi kejbil ieħor li jgħaqqad is-sistema tal-elettriku tal-Gżejjer Baleariċi ma’ Spanja kontinentali. Il-kejbil huwa mistenni li jkun operazzjonali sal-2030 (skont l-aħjar stima pprovduta minn Spanja, sal-2029) u li jkopri sa 65 % tal-provvista tal-elettriku tal-Gżejjer Baleariċi. (8)

(9)

Skont Spanja, f’Ġunju 2021, il-Gżejjer Baleariċi kellhom kapaċità ta’ ġenerazzjoni installata ta’ 1 999,4 MW, li minnhom 91 % (1 819 MW) jikkostitwixxu ġenerazzjoni termali (prinċipalment turbini tal-gass b’ċiklu kkombinat, wara l-għeluq ta’ żewġ impjanti tal-enerġija tal-faħam) u d-9 % li jifdal (180,4 MW) huma ġenerazzjoni rinnovabbli. F’dan il-kuntest, Spanja tispjega li r-rata aktar baxxa ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-NPT, meta mqabbla mal-art kontinentali ta’ Spanja, hija prinċipalment dovuta għall-ispazju ġeografiku limitat disponibbli għall-kapaċità ta’ ġenerazzjoni ġdida, il-ħtiġijiet ogħla għall-ġenerazzjoni li jista’ jsir id-dispaċċ tagħha u d-disponibbiltà limitata tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija.

(10)

Spanja tinnota li l-Gżejjer Baleariċi huma kkaratterizzati mid-daqs żgħir tas-suq tagħhom, li jżommhom milli jiksbu l-benefiċċji tal-ekonomiji ta’ skala preżenti fis-sistema tal-elettriku kontinentali. Spanja ssostni wkoll li s-sistema tal-Gżejjer Baleariċi tiffaċċja kostijiet ogħla tal-fjuwil. L-iżolament storiku tagħhom jirriżulta wkoll fi ħtieġa akbar għal kapaċità ta’ riżerva installata.

(11)

Spanja tinnota wkoll li kważi l-ġenerazzjoni termali kollha fil-Gżejjer Baleariċi hija direttament jew indirettament proprjetà ta’ Endesa S.A. B’hekk, anke jekk l-introduzzjoni dejjem tiżdied ta’ sorsi rinnovabbli qed tiffaċilita d-dħul ta’ impriżi kompetituri fil-Gżejjer Baleariċi, Endesa S.A. xorta se tibqa’ tipproduċi l-biċċa l-kbira tal-elettriku f’dan it-territorju mhux peniżolari.

(12)

Skont Spanja, dawk l-ispeċifiċitajiet tas-suq jimplikaw kostijiet ogħla tal-produzzjoni tal-elettriku meta mqabbla mal-parti kontinentali u nuqqas ta’ attraenza għal impriżi ġodda biex jidħlu fis-suq. B’riżultat ta’ dan, ma ġiet żviluppata l-ebda kompetizzjoni effettiva fil-Gżejjer Baleariċi.

(13)

Fid-dawl tal-problemi assoċjati man-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva u kostijiet għoljin, u minkejja l-miżuri nazzjonali adottati biex jippromwovu l-kompetizzjoni u jintroduċu inċentivi ekonomiċi biex jinkoraġġixxu l-effiċjenza operazzjonali tal-installazzjonijiet u jnaqqsu l-kostijiet tal-ġenerazzjoni, Spanja ssostni li ma kienx possibbli li jiġi stabbilit mekkaniżmu tas-suq li huwa identiku għal dak fis-seħħ fuq l-art kontinentali.

(14)

Spanja tispjega wkoll li l-elettriku ġġenerat fl-NPT kollha, inkluż fil-Gżejjer Baleariċi, huwa eskluż mis-sistema tal-offerti fis-suq kontinentali. Is-sistemi tal-elettriku tal-NPT jużaw mekkaniżmu ta’ preċedenza ekonomika għad-dispaċċ (9):

—

l-operatur tas-sistema jikklassifika l-impjanti tal-ġenerazzjoni f’ordni ta’ mertu ekonomiku abbażi ta’ kostijiet varjabbli sakemm tiġi koperta d-domanda, filwaqt li jitqiesu d-diffikultajiet tekniċi u r-riżervi meħtieġa biex tiġi ggarantita l-provvista tal-elettriku;

—

id-dispaċċ jinvolvi tbassir ta’ kull ġimgħa, ta’ kuljum, tal-istess ġurnata kif ukoll devjazzjonijiet f’ħin reali. Fis-sistema Balearika, id-dispaċċ iqis ukoll l-iskambju massimu tal-elettriku disponibbli permezz tal-interkonnessjoni mal-art kontinentali;

—

in-naħa tad-domanda (konsumaturi diretti u fornituri) tinnotifika lill-operatur tas-sistema dwar id-domanda fis-siegħa fis-sistemi tal-elettriku ta’ kull NPT;

—

wara d-dispaċċ ta’ kuljum, in-naħa tad-domanda tixtri l-enerġija bi prezz ekwivalenti għal dak tas-sistema tal-offerti fuq l-art kontinentali.

(15)

Skont Spanja, dan il-mekkaniżmu jqis il-kostijiet għoljin tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-ispeċifiċitajiet tat-NPT u għandu l-għan li jiżgura li l-konsumaturi u l-fornituri f’dawk it-territorji ma jkunux esposti għall-kost ogħla tal-produzzjoni tal-elettriku fl-NPT meta mqabbel ma’ Spanja kontinentali, u dan huwa bbażat fuq prinċipji ta’ solidarjetà interreġjonali.

(16)

Spanja tispjega wkoll li l-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-NPT tikkostitwixxi sistema ta’ remunerazzjoni regolata minflok sistema ta’ remunerazzjoni tas-suq u tiġi applikata f’kundizzjonijiet fejn suq bl-ingrossa ma setax jiffunzjona u fejn il-kostijiet, għal raġunijiet ġeografiċi u territorjali, huma ogħla mill-kostijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fi Spanja kontinentali.

(17)

Spanja tinnota li l-mekkaniżmu jiżgura li s-sistema tal-elettriku u l-baġit pubbliku jkopru l-kost żejjed li jirriżulta mid-differenza bejn il-kostijiet ogħla tal-ġenerazzjoni fl-NPT u l-prezz tal-elettriku ekwivalenti għal dak fl-art kontinentali, sabiex il-konsumaturi kollha jħallsu l-istess għall-elettriku, irrispettivament mis-sistema li jikkunsmawh fiha.

(18)

Skont Spanja, ir-regolamentazzjoni tal-attivitajiet tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-NPT hija simili għal dik fi Spanja kontinentali.

(19)

Fir-rigward tas-suq bl-imnut, Spanja tispjega li l-klijenti finali fl-NPT għandhom id-dritt li jagħżlu l-fornitur tagħhom bl-istess termini bħall-klijenti finali fi Spanja kontinentali. Bl-istess mod, il-kunċett ta’ konsumaturi vulnerabbli huwa definit għal Spanja kollha u, b’mod ġenerali, il-provvista hija organizzata b’mod uniformi fil-pajjiż kollu. F’dan ir-rigward, Spanja tinnota li ma hemm l-ebda differenza bejn is-swieq tal-bejgħ bl-imnut kontinentali u mhux kontinentali.

Ħarsa ġenerali lejn il-qafas legali għall-NPT

(20)

Spanja tispjega li l-Liġi 24/2013 tistabbilixxi li l-provvista tal-elettriku fl-NPT hija soġġetta għal regolament speċifiku. Hija tistabbilixxi wkoll li din l-attività tista’ tirċievi remunerazzjoni addizzjonali biex tkopri d-differenza bejn il-kostijiet biex jiġi ġġenerat l-elettriku fl-NPT u d-dħul mill-bejgħ tal-elettriku f’dawn it-territorji. Il-Liġi 24/2013 tipprevedi l-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati biex sistema iżolata ma tibqax titqies bħala tali, jiġifieri li l-kapaċità tal-konnessjoni tal-NPT mal-art kontinentali tippermettilhom jidħlu fis-suq tal-produzzjoni kontinentali u li jkunu fis-seħħ mekkaniżmi tas-suq biex jintegraw l-elettriku tagħhom.

(21)

Spanja tinnota li l-Liġi 17/2013 tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali għall-garanzija tal-provvista u għaż-żieda fil-kompetizzjoni fis-sistemi tal-elettriku fl-NPT. (10)

(22)

Spanja tindika li d-Digriet Reġju 738/2015 jirregola fid-dettall l-attività tal-produzzjoni tal-elettriku u l-proċedura tad-dispaċċ fis-sistemi tal-elettriku fl-NPT, kif ukoll l-iskema tar-remunerazzjoni ta’ din l-attività. L-iskema tar-remunerazzjoni hija bbażata fuq żewġ komponenti tar-remunerazzjoni: wieħed għall-investiment li sar u għal kostijiet fissi oħra, u l-ieħor għall-kostijiet varjabbli mġarrba matul l-operazzjoni. L-objettiv ta’ din ir-remunerazzjoni huwa li tkopri l-kostijiet żejda tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-NPT. Id-Digriet Reġju 738/2015 jiddefinixxi l-kost żejjed bħala d-differenza bejn il-kostijiet kollha tal-ġenerazzjoni u l-prezz imħallas fid-dispaċċ tal-elettriku ġestit mill-operatur tas-sistema.

(23)

Barra minn hekk, id-Digriet Reġju 738/2015 jintroduċi proċedura kompetittiva għall-għażla ta’ kapaċità ġodda u ta’ kapaċità li għandha tiġi rinnovata.

(24)

Il-Kummissjoni tinnota, f’dan ir-rigward, li l-mekkaniżmu tar-remunerazzjoni stabbilit fid-Digriet Reġju 738/2015 irċieva approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha “SA.42270 Spanja – Il-produzzjoni tal-elettriku fit-territorji mhux peniżolari Spanjoli”. (11)

3.   ID-DEROGI MITLUBA LI JIKKONĊERNAW IL-GŻEJJER BALEARIĊI

(25)

It-talba għal deroga sottomessa għall-Gżejjer Baleariċi hija bbażata fuq il-kwalifika tagħha bħala sistema konnessa żgħira skont l-Artikolu 2(43) tad-Direttiva (UE) 2019/944.

3.1.   Deroga skont l-Artikolu 66 tad-Direttiva (UE) 2019/944

(26)

Spanja titlob deroga mill-Artikolu 40(4) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944 fir-rigward tal-akkwist ta’ servizzi anċillari mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni (“TSO”, transmission system operator).

3.2.   Deroga skont l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943

(27)

Spanja titlob deroga għall-Gżejjer Baleariċi mid-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament (UE) 2019/943:

—

il-prinċipji tas-suq fl-Artikolu 3(1), il-punti (a), (b), (c), (e), (j), (k), (n), (o) u (p);

—

ir-regoli dwar in-negozjar tal-elettriku skont l-Artikolu 6, l-Artikoli 7(1), 8(1) u 8(4), l-Artikoli 9, 10, 11, 14, 15, 16 u 17;

—

ir-regoli dwar l-introjtu mill-konġestjoni stabbiliti fl-Artikolu 19;

—

l-Artikoli 14, 15, l-Artikolu 16(3) sa 16(13), l-Artikoli 17, 19, l-Artikoli 20(3) sa 20(8), 21(7) u 21(8), 22(1), il-punti (f) u (h), 22(2), 22(3) u 22(5), u 25(2) sa 25(4) għal kwalunkwe mekkaniżmu ta’ kapaċità ġdid ta’ appoġġ li jista’ jiġi stabbilit fil-futur;

—

l-Artikoli 14 sa 17, 19 sa 27, 35 sa 47 għall-mekkaniżmu eżistenti definit fid-Digriet Reġju 738/2015.

3.3.   Durata tad-derogi mitluba

(28)

Spanja tqis li l-integrazzjoni effettiva tal-NPT fis-suq tal-elettriku Iberiku tiddependi mill-eżistenza ta’ interkonnessjoni ma’ Spanja kontinentali.

(29)

Fir-rigward tal-Gżejjer Baleariċi, Spanja tispjega li d-derogi jenħtieġ li jdumu sal-integrazzjoni effettiva ta’ dan it-territorju fis-suq tal-elettriku kontinentali. Skont Spanja, l-integrazzjoni effettiva ma tinkludix biss l-ikkummissjonar tal-interkonnetturi l-ġodda, iżda wkoll il-ħin tal-ittestjar u l-iżviluppi regolatorji meħtieġa. Abbażi ta’ dan, Spanja titlob deroga mill-inqas sal-2030.

4.   KUMMENTI LI WASLU TUL IL-PERJODU TA’ KONSULTAZZJONI

(30)

Kif deskritt fil-premessa (3), il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika matul Marzu u April 2021.

(31)

Il-kummenti kollha sottomessi bi tweġiba għall-konsultazzjoni pubblika kienu jikkonċernaw id-deroga mitluba minn Spanja mill-Artikolu 54 tad-Direttiva (UE) 2019/944 dwar is-sjieda, l-amministrazzjoni u l-operazzjoni tal-faċilitajiet tal-ħżin mit-TSO. Kif deskritt fil-premessa (4), Spanja rtirat it-talba għal deroga mill-Artikolu 54 tad-Direttiva għall-Gżejjer Baleariċi.

5.   VALUTAZZJONI TAT-TALBA GĦAL DEROGA DWAR IL-GŻEJJER BALEARIĊI

5.1.   Sistema konnessa żgħira

(32)

Skont l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943, tista’ tingħata deroga mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 3 u 6, tal-Artikolu 7(1), tal-Artikolu 8(1) u (4), tal-Artikoli 9 sa 11, tal-Artikoli 14 sa 17, tal-Artikoli 19 sa 27, tal-Artikoli 35 sa 47 u tal-Artikolu 51 ta’ dak ir-Regolament f’żewġ każijiet:

(a)

għal sistemi iżolati żgħar u għal sistemi konnessi żgħar, jekk l-Istat(i) Membru/i jista’/jistgħu juri/u li hemm problemi sostanzjali għall-operazzjoni ta’ dawk is-sistemi. F’każ bħal dan, id-deroga trid tkun soġġetta għal kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni mas-suq intern tal-elettriku;

(b)

għar-reġjuni ultraperiferiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 349 tat-TFUE, jekk ma jistgħux jiġu interkonnessi fis-suq tal-Unjoni tal-enerġija għal raġunijiet fiżiċi evidenti.

(33)

F’konformità mal-Artikolu 66(1), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva (UE) 2019/944, tista’ tingħata deroga mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 7 u 8 u tal-Kapitoli IV, V u VI għal sistemi iżolati żgħar u għal sistemi konnessi żgħar, jekk l-Istat(i) Membru/i jista’/jistgħu juri/u li hemm problemi sostanzjali għall-operazzjoni ta’ dawk is-sistemi. L-Artikolu 66(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva (UE) 2019/944 jistabbilixxi li għar-reġjuni ultraperiferiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 349 tat-TFUE li ma jistgħux jiġu interkonnessi mas-swieq tal-elettriku tal-Unjoni, id-deroga trid tkun soġġetta għal kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jiżguraw li d-deroga ma tfixkilx it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli.

(34)

Kemm skont ir-Regolament (UE) 2019/943 kif ukoll skont id-Direttiva (UE) 2019/944, fil-każ ta’ sistemi konnessi żgħar, id-deroga trid tkun limitata fiż-żmien u soġġetta għal kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni mas-suq intern għall-elettriku. Barra minn hekk, id-deroga trid tiżgura li la tostakola u lanqas tfixkel it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija, l-elettromobbiltà u r-rispons għad-domanda.

(35)

L-Artikolu 2(43) tad-Direttiva (UE) 2019/944 jiddefinixxi “sistema konnessa żgħira” bħala “kwalunkwe sistema li kellha konsum ta’ anqas minn 3 000 GWh fis-sena 1996, fejn aktar minn 5 % tal-konsum annwali jinkiseb permezz ta’ interkonnessjoni ma’ sistemi oħra;”.

(36)

Fis-sottomissjoni tagħha, Spanja tispjega li l-Gżejjer Baleariċi (Mallorca, Menorca, Ibiza u Formentera) jikkonformaw ma’ sistema unika u interkonnessa b’konsum ta’ inqas minn 3 000 GWh fl-1996 (il-premessa 6). Madwar 25 % tad-domanda elettrika fil-Gżejjer Baleariċi hija koperta permezz tal-interkonnettur ma’ Spanja kontinentali.

(37)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn Spanja, u f’konformità mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ SA.42270 “Spanja – Il-produzzjoni tal-elettriku fit-territorji mhux peniżolari Spanjoli”, il-Gżejjer Baleariċi jikkwalifikaw bħala sistema konnessa żgħira skont it-tifsira tal-Artikolu 2(43) tad-Direttiva (UE) 2019/944.

5.2.   Problemi sostanzjali għall-operazzjoni tas-sistema

5.2.1.   It-tifsira ta’ “problemi sostanzjali għall-operazzjoni” tas-sistema

(38)

It-terminu “problemi sostanzjali” msemmi fl-Artikolu 64(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 66(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944 ma ġiex definit mil-leġiżlatur. Il-formulazzjoni miftuħa tippermetti lill-Kummissjoni tikkunsidra l-problemi potenzjali kollha relatati mas-sitwazzjoni partikolari ta’ sistemi żgħar, sakemm dawn ikunu sostanzjali u mhux biss marġinali. Tali problemi jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti skont il-partikolaritajiet ġeografiċi, il-produzzjoni u l-konsum tas-sistema inkwistjoni, iżda wkoll skont l-iżviluppi tekniċi (bħall-ħżin tal-elettriku u l-ġenerazzjoni żgħira).

(39)

F’deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, il-problemi li kellhom jiġu solvuti kienu relatati maż-żamma tal-koerenza soċjali u/jew kundizzjonijiet kompetittivi ugwali bejn l-art kontinentali u l-gżejjer f’sitwazzjoni fejn is-sigurtà tas-sistema fuq il-gżira kienet teħtieġ miżuri addizzjonali jew kienet timplika kostijiet ogħla b’mod sinifikanti fuq gżira meta mqabbla mal-art kontinentali. Għalhekk, “operazzjoni” ma tistax tinftiehem b’mod strett, bħala li tirrikjedi li mingħajr id-deroga, l-operazzjoni sigura tas-sistema ma tkunx possibbli. Minflok, “problemi” dejjem tqiesu li jinkludu wkoll problemi soċjoekonomiċi għall-utenti tas-sistema inkwistjoni (12).

(40)

Barra minn hekk, dawk il-problemi sostanzjali jeħtieġ li jseħħu għall-operazzjoni tas-sistemi iżolati żgħar jew tas-sistemi konnessi żgħar. Għalhekk, jidher diffiċli li wieħed jimmaġina ġustifikazzjoni li tkun ibbażata esklussivament fuq l-impatti li jseħħ barra mis-sistema, eż., l-impatti fuq l-iskemi nazzjonali ta’ sussidju. Dan ma jeskludix ir-rilevanza tal-impatti “indiretti” fuq l-operazzjoni sigura tas-sistema.

5.2.2.   Problemi sostanzjali ppreżentati minn Spanja fl-Applikazzjoni

(41)

Spanja tenfasizza diversi sfidi u problemi għall-operazzjoni tas-swieq u s-sistemi tal-elettriku fl-NPT, inkluż il-Gżejjer Baleariċi:

—

id-daqs żgħir tas-suq tal-NPT, li jżommhom milli jiksbu l-benefiċċji tal-ekonomiji ta’ skala preżenti fis-sistema tal-elettriku kontinentali;

—

il-kostijiet ogħla assoċjati mat-taħlita tal-fjuwil, li jirriżultaw f’kostijiet ogħla tal-elettriku, peress li l-biċċa l-kbira tal-ġenerazzjoni fl-NPT titħaddem bil-gass, bil-faħam jew bid-diżil;

—

il-kostijiet għoljin tal-investiment u tal-operazzjoni marbuta mal-impjanti tal-enerġija, derivati mill-iżolament ġeografiku li jirriżulta mill-grad baxx ta’ konnessjoni mal-kontinent u mid-daqs żgħir tas-sistemi;

—

il-ħtieġa akbar ta’ kapaċità ta’ riżerva installata bħala riżultat tal-iżolament ġeografiku, li tirriżulta mill-grad baxx ta’ konnessjoni tas-sistemi. B’mod partikolari, Spanja tispjega li l-NPT jeħtieġu livell ogħla ta’ riżerva ċirkolanti biex ikopru s-sigurtà tal-istandards tal-provvista. Tali standard tal-provvista huwa 40-70 % ogħla mill-kapaċità installata, meta mqabbel mal-10 % tal-art kontinentali. Dan iwassal biex l-impjanti tal-enerġija ma jintużawx għal ammont sinifikanti ta’ żmien, li jwassal għal interess baxx li jsir investiment f’kapaċità ġdida;

—

Ir-restrizzjonijiet ambjentali għal-lokalizzazzjoni ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni ġdida, kemm għall-faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni konvenzjonali kif ukoll għal dawk rinnovabbli;

—

l-istaġjonalità għolja tad-domanda, li hija marbuta b’mod qawwi mas-settur tat-turiżmu fil-Gżejjer Baleariċi;

—

il-kost assoċjat u l-investimenti meħtieġa biex jinbnew interkonnessjonijiet ġodda mal-art kontinentali, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom.

(42)

Skont Spanja, dawn l-isfidi u l-problemi jirriżultaw f’żewġ karatteristiċi ewlenin li jikkaratterizzaw l-NPT: kost ogħla tal-elettriku u nuqqas ta’ kompetizzjoni fil-ġenerazzjoni tal-elettriku.

(43)

Fir-rigward tal-kost għoli tal-produzzjoni tal-elettriku fl-NPT, Spanja tispjega li minħabba l-isfidi u l-problemi elenkati hawn fuq, il-kostijiet tal-ġenerazzjoni li jista’ jsir id-dispaċċ tagħha spiss jirduppjaw il-kostijiet tal-ġenerazzjoni li jista’ jsir id-dispaċċ tagħha fi Spanja kontinentali. Spanja targumenta li l-NPT, inkluż il-Gżejjer Baleariċi, jeħtieġ li jiġu esklużi mis-sistema tas-suq kontinentali sabiex il-konsumaturi tagħha jħallsu prezzijiet li huma simili għal dawk tal-art kontinentali. Spanja żżid li tkun meħtieġa valutazzjoni qabel l-integrazzjoni tal-NPT fis-suq tal-elettriku kontinentali, biex jiġi żgurat li l-kostijiet għoljin tal-ġenerazzjoni f’dawn it-territorji ma jfixklux il-prezzijiet marġinali tal-elettriku fis-suq tal-elettriku kontinentali.

(44)

Rigward in-nuqqas ta’ kompetizzjoni fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, Spanja tispjega li minħabba l-iżvilupp storiku tal-NPT u n-nuqqas ta’ attraenza tas-settur tal-enerġija f’dawn ir-reġjuni, grupp ta’ negozju wieħed tradizzjonalment wettaq il-funzjonijiet kollha tal-provvista tal-enerġija. Fir-rigward tal-Gżejjer Baleariċi, Spanja tinnota li Endesa S.A. għadha s-sid ta’ kważi 100 % tal-impjanti tal-ġenerazzjoni tal-fjuwils fossili, li huma s-sors ewlieni ta’ ġenerazzjoni fit-territorji inkwistjoni. B’riżultat ta’ dan, skont Spanja, il-Gżejjer Baleariċi għadhom ma jgħoddux b’kompetizzjoni effettiva fil-livell tal-ġenerazzjoni, u dan minkejja l-isforzi għall-promozzjoni tal-kompetizzjoni, li wasslu biex f’dan it-territorju jiddaħħlu ġeneraturi rinnovabbli alternattivi.

(45)

Spanja tenfasizza li, minħabba l-kostijiet ogħla tal-produzzjoni tal-elettriku u n-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva, l-integrazzjoni tal-NPT, inklużi l-Gżejjer Baleariċi fis-suq tal-elettriku kontinentali (u Ewropew) tirriżulta f’distorsjonijiet tas-suq, u li dan se jkun il-każ dment li l-interkonnessjonijiet ma’ Spanja kontinentali ma jkunux biżżejjed biex ikopru t-totalità tad-domanda lokali.

(46)

Barra minn hekk, Spanja tindika l-isfidi marbuta mal-użu tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-NPT, inkluż il-Gżejjer Baleariċi. Spanja tispjega li l-biċċa l-kbira tal-impjanti tal-enerġija rinnovabbli varjabbli fi gżira jipproduċu taħt l-istess kundizzjonijiet meteoroloġiċi, fenomenu magħruf bħala “korrelazzjoni”. B’riżultat ta’ dan, aktar ma tintuża ġenerazzjoni rinnovabbli fis-sistemi tal-gżejjer, aktar ikun diffiċli li wieħed jikkonforma mal-istandards tas-sigurtà tal-provvista. Skont Spanja, din is-sitwazzjoni tista’ tillimita l-ammont ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli użata fl-NPT.

5.2.3.   Valutazzjoni

(47)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-argumenti ta’ Spanja li, minħabba l-isfidi marbuta mal-operazzjoni tas-sistemi konnessi żgħar, il-livelli baxxi ħafna ta’ kompetizzjoni fis-segment tal-ġenerazzjoni fl-NPT, u l-livelli baxxi ta’ konnessjoni mas-suq kontinentali ta’ Spanja, il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ suq tal-elettriku bl-ingrossa liberalizzat bis-sħiħ fil-Gżejjer Baleariċi għadhom mhumiex preżenti.

(48)

Għalhekk, jidher plawżibbli li wieħed jassumi li mhuwiex possibbli li jitnieda suq bl-ingrossa li jiffunzjona fil-Gżejjer Baleariċi mingħajr intervent pubbliku, u li, bħala konsegwenza, għadd ta’ dispożizzjonijiet dwar is-swieq forward, ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar għalissa ma jistgħux jiġu implimentati fil-Gżejjer Baleariċi.

(49)

Il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-applikazzjoni sħiħa tar-Regolament (UE) 2019/943 u d-Direttiva (UE) 2019/944 għat-territorji soġġetti għal din it-talba għal deroga toħloq problemi sostanzjali għall-operazzjoni tas-sistemi fil-Gżejjer Baleariċi

(50)

Il-Kummissjoni tinnota, madankollu, li s-sitwazzjoni tal-Gżejjer Baleariċi se tinbidel hekk kif jinbnew u jsiru operazzjonali aktar interkonnessjonijiet ma’ Spanja kontinentali.

5.3.   Kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga

5.3.1.   L-Artikolu 40(4) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944

(51)

Skont Spanja, in-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva fil-qasam tal-ġenerazzjoni jipprevjeni l-istabbiliment ta’ swieq tal-elettriku mingħajr distorsjoni fl-NPT. B’mod partikolari, dan jipprevjeni l-istabbiliment u l-operazzjoni mill-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni ta’ suq tal-ibbilanċjar fil-Gżejjer Baleariċi, inkluż l-akkwist ta’ servizzi anċillari mhux tal-frekwenza bbażati fuq is-suq.

(52)

Il-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet fil-premessi (10) sa (13) bħalissa jipprevjenu l-istabbiliment ta’ suq tal-ibbilanċjar u l-akkwist ibbażat fuq is-suq ta’ servizzi anċillari mhux tal-frekwenza fil-Gżejjer Baleariċi. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li d-derogi mill-obbligi fl-Artikolu 40(4) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944 f’konformità mal-Artikolu 66 tad-Direttiva huma ġġustifikati.

5.3.2.   Il-Kapitolu II tar-Regolament (UE) 2019/943: Regoli ġenerali għas-suq tal-elettriku – l-Artikoli 3 u 6, l-Artikoli 7(1), 8(1) u (4), l-Artikoli 9, 10 u 11

5.3.2.1.   L-Applikazzjoni

(53)

Skont Spanja, in-nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva bejn il-ġeneraturi jipprevjeni l-istabbiliment ta’ swieq tal-elettriku mhux regolati. Id-deċiżjonijiet ta’ dispaċċ fl-NPT, inkluż il-Gżejjer Baleariċi, huma bbażati fuq kriterji tekniċi u ekonomiċi li għalihom mhux dejjem ikun possibbli li jiġu applikati r-regoli tas-suq. Barra minn hekk, Spanja tispjega li l-formazzjoni tal-prezzijiet fl-NPT mhijiex ibbażata fuq l-offerta u d-domanda f’dawk it-territorji, iżda fuq dik ta’ Spanja kontinentali, biex jiġi evitat li l-konsumaturi fl-NPTs iħallsu l-kostijiet żejda tal-produzzjoni tal-elettriku f’dawk it-territorji.

(54)

Għalhekk, Spanja titlob deroga mid-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, tar-Regolament (UE) 2019/943:

—

il-punti (a), (b), (o), (p), peress li skont Spanja l-prezzijiet fis-swieq inkwistjoni ma jistgħux jiġu ffurmati liberament abbażi tal-offerta u d-domanda, u ma hemm l-ebda suq forward li jopera f’dawn it-territorji. Spanja tinnota wkoll li l-kapaċità limitata ta’ interkonnessjoni bejn il-Gżejjer Baleariċi u l-art kontinentali ma tbiddilx din is-sitwazzjoni;

—

il-punt (c), peress li Spanja tqis li r-regoli tas-suq li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ ġenerazzjoni u ta’ domanda flessibbli jistgħu ma jkunux applikabbli fit-territorji;

—

il-punti (e) u (k), peress li skont Spanja l-ġeneraturi mhumiex responsabbli għall-bejgħ tal-elettriku li jipproduċu (minflok huwa l-kompitu tal-operatur tas-sistema li jiddeċiedi liema impjanti tal-enerġija jenħtieġ li jiġu dispaċċati) u ma jistgħux jissottomettu offerti aggregati;

—

il-punt (j), peress li Spanja tqis li l-istrateġija tal-ħżin f’dawn it-territorji tista’ tirrikjedi li l-ħżin tal-enerġija jkollu prijorità u ma jkunx fuq l-istess livell ma’ faċilitajiet oħra tal-ġenerazzjoni;

—

il-punt (n), li għalih Spanja tinnota li fil-prinċipju d-dħul u l-ħruġ tal-ġenerazzjoni tal-elettriku jistgħu jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tal-impriżi tal-vijabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-operazzjonijiet tagħhom, iżda li f’termini prattiċi l-kumpaniji tal-ġenerazzjoni ma jistgħux jipparteċipaw fis-sistema mingħajr ma jingħataw reġim ta’ pagament regolat li bih jistgħu jiġu koperti l-kostijiet tal-ġenerazzjoni.

(55)

Fir-rigward tal-Artikolu 6, l-Artikoli 7(1), 8(1) u (4), u l-Artikoli 9, 10 u 11, Spanja tenfasizza li għalkemm is-sistema tal-elettriku fl-NPT hija rregolata minn sistema tad-dispaċċ li topera b’mod simili għas-swieq tal-elettriku tal-Unjoni, pereżempju b’dispaċċi ta’ kuljum u tal-istess ġurnata, din tikkostitwixxi sistema regolata. Il-prezz tax-xiri huwa bbażat fuq il-prezz tal-art kontinentali u mhux fuq il-kostijiet rikonoxxuti mġarrba mill-ġeneraturi fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, inklużi s-servizzi tal-ibbilanċjar. Abbażi ta’ dan, Spanja titlob deroga mill-Artikolu 6, l-Artikoli 7(1), 8(1) u (4), u l-Artikoli 9, 10 u 11 tar-Regolament (UE) 2019/943, peress li ma hemm l-ebda suq tal-ibbilanċjar fl-NPT, inkluż il-Gżejjer Baleariċi, u lanqas ma hemm il-possibbiltà ta’ integrazzjoni mas-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata tal-Unjoni minħabba l-konnessjoni limitata tagħhom ma’ Spanja kontinentali.

(56)

Fir-rigward tal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(1) u (4) tar-Regolament (UE) 2019/943, Spanja tinnota li minħabba n-natura iżolata tal-NPT, id-dispaċċi jiġu operati indipendentement mis-swieq kontinentali u tal-Unjoni — apparti li l-prezz ta’ referenza għax-xiri tal-enerġija jkun ibbażat fuq il-prezz kontinentali — filwaqt li d-dispaċċi jkunu bbażati fuq skedi fis-siegħa.

(57)

Bl-istess mod, f’konformità ma’ dan ta’ hawn fuq, l-integrazzjoni tas-swieq forward, il-limiti tekniċi tal-offerti u l-valur tat-tagħbija mitlufa msemmi fl-Artikoli 9 sa 11 tar-Regolament (UE) 2019/943 huma kkunsidrati minn Spanja bħala li ma japplikawx għad-dispaċċi fl-NPT.

5.3.2.2.   Valutazzjoni

(58)

Fir-rigward tat-talba għal deroga mill-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, tar-Regolament (UE) 2019/943, il-Kummissjoni tqis li:

—

ir-raġunijiet stabbiliti fil-premessi (10) sa (13) bħalissa jimplikaw li l-prezzijiet tal-elettriku fil-Gżejjer Baleariċi ma jiġux iffurmati skont approċċ ibbażat fuq is-suq iżda permezz ta’ mekkaniżmu regolat speċjali li permezz tiegħu l-operatur tas-sistema jwettaq id-dispaċċ tal-ġenerazzjoni għal kull wieħed mill-NPT, u hija ġġustifikata deroga mill-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, il-punti (a), (b), (e), (k), tar-Regolament (UE) 2019/943;

—

ir-raġunijiet stabbiliti fil-premessi (10) sa (13) bħalissa jimplikaw li ma hemm l-ebda suq forward fil-Gżejjer Baleariċi u d-dispaċċ tal-operatur tas-sistema jinvolvi tbassir ta’ kull ġimgħa, ta’ kuljum, tal-istess ġurnata kif ukoll devjazzjonijiet f’ħin reali, u deroga mill-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, il-punti (o) u (p), tar-Regolament (UE) 2019/943 hija ġġustifikata wkoll;

—

filwaqt li jiġi rikonoxxut li s-sistema regolata attwali u l-karatteristiċi partikolari tal-Gżejjer Baleariċi jistgħu jagħmluha aktar diffiċli li jseħħ l-iżvilupp ta’ ġenerazzjoni aktar flessibbli, ġenerazzjoni b’livell baxx ta’ karbonju u domanda aktar flessibbli, l-applikazzjoni tar-regoli tas-suq għadha meħtieġa biex tinċentiva l-iżvilupp tagħhom sa fejn ikun possibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li deroga mill-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2019/943 mhijiex iġġustifikata;

—

l-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, il-punt (j), tar-Regolament (UE) 2019/943 ma jipprevjenix l-għoti ta’ prijorità lil proġetti tal-ħżin tal-enerġija fil-Gżejjer Baleariċi, jekk pereżempju, dawk il-proġetti jitqiesu bħala l-aħjar għażla biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista fil-Gżejjer Baleariċi. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li deroga mill-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, il-punt (j), tar-Regolament (UE) 2019/943 mhijiex iġġustifikata;

—

fir-rigward tal-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, il-punt (n), tar-Regolament (UE) 2019/943, id-dħul jew il-ħruġ ta’ impriża fis-suq għall-ġenerazzjoni tal-elettriku jenħtieġ li jiddependi fuq il-valutazzjoni tal-vijabbiltà ekonomika u finanzjarja ta’ dik l-impriża, filwaqt li titqies il-possibbiltà li tirċievi r-remunerazzjoni regolata msemmija fil-premessi (16) u (17). Għalhekk, deroga mill-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, il-punt (n), tar-Regolament (UE) 2019/943 ma hijiex iġġustifikata għall-Gżejjer Baleariċi.

(59)

Fir-rigward tad-deroga mitluba mill-Artikolu 6, mill-Artikoli 7(1) u 8(1) u (4), mill-Artikoli 9, 10, 11 tar-Regolament (UE) 2019/943, dawk id-dispożizzjonijiet jirreferu għar-rekwiżiti rigward is-swieq forward ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar. Abbażi tal-informazzjoni sottomessa minn Spanja, jidher li dawk is-swieq ma jistgħux jiġu implimentati b’mod effettiv fil-Gżejjer Baleariċi (il-premessi 10 sa 13), meta jitqiesu l-partikolaritajiet tas-sistemi tal-elettriku f’dan it-territorju. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li deroga minn dawk id-dispożizzjonijiet hija ġġustifikata.

5.3.3.   Il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2019/943: Aċċess għan-network u ġestjoni tal-konġestjoni - l-Artikoli 14 sa 17 u l-Artikolu 19

5.3.3.1.   L-Applikazzjoni

(60)

Spanja tispjega li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 14 sa 16 u l-Artikolu 19 ma jistgħux jiġu applikati fl-NPTs, minħabba li t-TSO jwettaq id-dispaċċ tal-ġenerazzjoni għal kull waħda mis-sistemi tal-elettriku f’dawn it-territorji u dawk is-sistemi ma jikkostitwux żoni tal-offerti interkonnessi separati. Dawk id-dispaċċi jqisu l-enerġija ttrasferita permezz tal-konnessjonijiet bejn Spanja kontinentali u l-Gżejjer Baleariċi. Fil-każ ta’ konġestjoni f’dawk il-konnessjonijiet, it-TSO jorganizza mill-ġdid id-dispaċċ tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni disponibbli, filwaqt li jqis prinċipalment il-kriterji tekniċi, biex jiżgura l-provvista. Spanja tispjega wkoll li peress li l-NPT ma jikkostitwux żoni tal-offerti separati, ma hemmx suq tal-kapaċità transżonali assoċjat u għalhekk ma jiġi ġġenerat l-ebda introjtu mill-konġestjoni.

5.3.3.2.   Valutazzjoni

(61)

Id-derogi mill-Artikoli 7(1) u 8(1) tar-Regolament (UE) 2019/943 għandhom l-effett li ma jinkludux is-sistemi tal-elettriku fil-Gżejjer Baleariċi fis-swieq integrati ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata. Għalhekk, xi wħud mid-dispożizzjonijiet relatati mal-funzjonament ta’ dawk is-swieq neċessarjament mhux se japplikaw għall-Gżejjer Baleariċi.

(62)

L-Artikoli 14 sa 17 u l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2019/943 huma relatati maż-żoni tal-offerti u mal-ġestjoni tal-kapaċità u l-konġestjonijiet bejn iż-żoni tal-offerti. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li għalkemm bħalissa l-Gżejjer Baleariċi jikkostitwixxu żona tal-offerti unika flimkien ma’ Spanja kontinentali u l-NPTs l-oħra, fil-futur, bl-applikazzjoni tal-Artikoli 14 u 15, is-sitwazzjoni tista’ tinbidel. Għall-kuntrarju, id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 16(3) sa (13) u l-Artikoli 17 u 19 de facto ma japplikawx għall-Gżejjer Baleariċi dment li dan it-territorju li ma jikkostitwix żona tal-offerti separata. Minn dan isegwi li deroga mir-rekwiżiti fl-Artikoli 14 u 15, fl-Artikolu 16(3) sa (13), fl-Artikoli 17 u 19 tar-Regolament (UE) 2019/943 mhijiex iġġustifikata.

(63)

L-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/943, li fihom prinċipji ġenerali dwar il-ġestjoni tal-konġestjoni japplikaw għall-Gżejjer Baleariċi minħabba li dawk il-prinċipji jipprovdu garanziji lill-parteċipanti fis-suq li t-TSO għandu jindirizza l-problemi ta’ konġestjoni b’soluzzjonijiet mhux diskriminatorji bbażati fuq is-suq u juża proċeduri ta’ tnaqqis tat-tranżazzjonijiet biss f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li deroga mill-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/943 mhijiex iġġustifikata.

5.3.4.   Il-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2019/943: Adegwatezza tar-riżorsi – l-Artikoli 20(3) sa (8), l-Artikolu 21(7) u (8), l-Artikolu 22(1), il-punti (f) u (h), l-Artikolu 22(2), (3) u (5), u l-Artikolu 25(2) sa (4)

5.3.4.1.   L-Applikazzjoni

(64)

Spanja tispjega li, minħabba l-iżolament ġeografiku tal-NPT li jirriżulta mill-grad baxx ta’ konnessjoni jew min-nuqqas ta’ konnessjoni mal-art kontinentali, il-valutazzjonijiet tal-adegwatezza tar-riżorsi mwettqa mill-operatur tas-sistema għal kull wieħed mill-NPT huma indipendenti, u mhumiex integrati fil-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi jew fil-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi ta’ Spanja kontinentali. Għalhekk, Spanja tqis li wħud mid-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu IV mhumiex applikabbli għall-NPT. Madankollu, Spanja tenfasizza li r-regoli nazzjonali attwali għandhom l-għan, sa fejn ikun possibbli, li jipprevedu trattament ugwali bejn l-NPT u s-suq tal-art kontinentali, pereżempju, fir-rigward tal-livelli ta’ sigurtà tal-provvista jew il-metodoloġija għat-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-adegwatezza tar-riżorsi.

(65)

Spanja targumenta li l-adegwatezza fl-NPT hija żgurata mill-mekkaniżmu speċifiku għall-allokazzjoni ta’ kapaċità ġdida stabbilit fid-Digriet Reġju 738/2015 kif deskritt fil-premessi (22) sa (24). Spanja tqis li dan il-mekkaniżmu jenħtieġ li jinżamm minħabba n-natura unika tal-NPT, u għalhekk titlob deroga mill-Artikoli 20(3) sa (8), mill-Artikolu 21(7) u (8), mill-Artikolu 22(1), il-punti (f) u (h), mill-Artikolu 22(2), (3) u (5), u mill-Artikolu 25(2) sa (4).

(66)

Spanja targumenta li l-valutazzjonijiet tal-adegwatezza tar-riżorsi fl-NPT jikkonformaw mal-prinċipji inklużi fl-Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/943. Spanja tispjega wkoll li fejn jiġi identifikat tħassib dwar l-adegwatezza, dak jiġi indirizzat b’sejħa għal proċedura kompetittiva tal-offerti (kif stabbilit fid-Digriet Reġju 738/2015) flimkien mal-valutazzjoni tal-irkantijiet tal-kapaċità ta’ oriġini rinnovabbli. Dawn huma proċeduri li għalihom, skont Spanja, ir-rekwiżiti fl-Artikolu 20(3) sa (8) tar-Regolament (UE) 2019/943 ma jistgħux jiġu applikati.

(67)

Spanja tispjega li d-dispożizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 21(7) u (8) tar-Regolament (UE) 2019/943 mhumiex kompatibbli mal-mekkaniżmu stabbilit fid-Digriet Reġju 738/2015. Madankollu, hija tiddikjara li għal kwalunkwe mekkaniżmu ta’ kapaċità ġdid futur se japplikaw ir-rekwiżiti fl-Artikolu 21(7) u (8) tar-Regolament.

(68)

Spanja tinnota li l-mekkaniżmu stabbilit fid-Digriet Reġju 738/2015 huwa wkoll inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament (UE) 2019/943:

—

l-Artikolu 22(1), il-punt (f), li jistabbilixxi li r-remunerazzjoni trid tiġi ddeterminata permezz ta’ proċess kompetittiv, minħabba li skont Spanja r-remunerazzjoni fil-mekkaniżmu eżistenti mhijiex ibbażata fuq proċess kompetittiv, iżda fuq installazzjoni ta’ parametru referenzjarju biex tinċentiva l-effiċjenza;

—

l-Artikolu 22(1), il-punt (h), li jistabbilixxi li l-mekkaniżmi ta’ kapaċità jridu jkunu miftuħa għall-parteċipazzjoni tar-riżorsi kollha li jistgħu jipprovdu l-prestazzjoni teknika meħtieġa, minħabba li skont Spanja l-mekkaniżmu jiġi applikat biss għall-installazzjonijiet li jista’ jsir id-dispaċċ tagħhom;

—

l-Artikolu 22(2), li jistabbilixxi lista ta’ karatteristiċi tat-tfassil li r-riżervi strateġiċi jridu jikkonformaw magħhom, peress li skont Spanja jagħmel referenza għal swieq tal-ibbilanċjar li ma jeżistux fl-NPT;

—

l-Artikolu 22(3), li jistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali għall-mekkaniżmi tal-kapaċità għajr ir-riżervi strateġiċi, peress li skont Spanja l-mekkaniżmu eżistenti ma jikkonformax ma’ dawk ir-rekwiżiti: jiġifieri r-retribuzzjoni ma jkollhiex tendenza lejn żero meta l-livell ta’ kapaċità pprovdut ikun adegwat, ir-retribuzzjoni ma tkunx marbuta biss mal-kapaċità, u l-obbligi tal-kapaċità ma jkunux trasferibbli;

—

l-Artikolu 22(4), li jinkorpora rekwiżiti fir-rigward tal-limitu tal-emissjonijiet tas-CO2 fuq il-mekkaniżmi ta’ kapaċità, peress li skont Spanja, il-mekkaniżmu attwali ma jinkludi l-ebda rekwiżit ta’ din in-natura, iżda jippermetti li jiġu stabbiliti limitazzjonijiet tekniċi;

—

l-Artikolu 22(5), li jirrikjedi l-adattament tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità li japplikaw fl-4 ta’ Lulju 2019.

(69)

Spanja tispjega li l-istandards tal-affidabbiltà għat-territorji mhux peniżolari mhumiex allinjati mar-rekwiżiti fl-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2019/943, peress li ma jqisux il-kost ta’ entrata ġdida. Spanja żżid li anke kieku l-istandards kienu l-istess, dawn setgħu jevolvu għal valuri aktar stretti b’pass differenti, u abbażi ta’ dan titlob deroga mill-Artikolu 25(2) sa (4) tar-Regolament (UE) 2019/943.

5.3.4.2.   Valutazzjoni

(70)

L-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2019/943 jindirizza l-adegwatezza tar-riżorsi fis-suq intern tal-elettriku u jistabbilixxi obbligi għall-Istati Membri dwar kif jimmonitorjaw l-adegwatezza tar-riżorsi u l-azzjoni li għandha tittieħed meta jiġi identifikat tħassib dwar l-adegwatezza tar-riżorsi, jiġifieri billi jiġi żviluppat pjan ta’ implimentazzjoni bl-għan li jitneħħew id-distorsjonijiet regolatorji, jiġi żgurat l-akkwist tal-ibbilanċjar ibbażat fuq is-suq, jew jitneħħew il-prezzijiet regolati, fost l-oħrajn. Il-Kummissjoni tinnota li, bħala parti mill-proċess tal-għajnuna mill-Istat, Spanja diġà żviluppat u ssottomettiet lill-Kummissjoni pjan ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 20(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2019/943. F’konformità mal-Artikolu 20(5) tar-Regolament (UE) 2019/943, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni dwar il-pjan ta’ implimentazzjoni Spanjol fit-13 ta’ Marzu 2024. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li deroga mill-Artikolu 20(3) sa (8) tar-Regolament (UE) 2019/943 mhijiex iġġustifikata.

(71)

L-Artikolu 21(7) tar-Regolament (UE) 2019/943 tħassar bir-Regolament (UE) 2024/1747 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Għalhekk, ma għadux japplika għall-NPT. Fir-rigward tat-talba għal deroga mill-Artikolu 21(8) (14) tar-Regolament (UE) 2019/943, il-Kummissjoni tinnota li filwaqt li din id-dispożizzjoni ma għadhiex tispeċifika li l-mekkaniżmi ta’ kapaċità jridu jkunu temporanji, hija tistabbilixxi li l-mekkaniżmi ta’ kapaċità għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni għal mhux aktar minn 10 snin. Barra minn hekk, ma huwiex possibbli li tiġi prevista l-evoluzzjoni tas-sistema tal-elettriku tal-Gżejjer Baleariċi matul iż-żmien. Għaldaqstant, id-durata tal-mekkaniżmu regolat tar-remunerazzjoni stabbilit fid-Digriet Reġju 738/2015 jenħtieġ li tkun limitata għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2025 kif approvat fil-każ tal-Gżejjer Baleariċi skont id-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-każ SA. 42270.

(72)

L-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2019/943 jistabbilixxi l-prinċipji tat-tfassil applikabbli għall-mekkaniżmi ta’ kapaċità. Il-Kummissjoni tqis li deroga mill-Artikolu 22(1), il-punti (f) u (h), tar-Regolament (UE) 2019/943 applikabbli wara d-data tal-iskadenza tal-mekkaniżmu regolat tar-remunerazzjoni stabbilit skont id-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-każ SA. 42270 ixxekkel it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija, l-elettromobbiltà u r-rispons għad-domanda, peress li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jippermettu l-parteċipazzjoni mit-teknoloġiji kollha fuq bażi kompetittiva. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li deroga mill-Artikolu 22(1), il-punti (f) u (h) mhijiex iġġustifikata. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-impenji u għall-kuntratti konklużi fir-rigward tal-Gżejjer Baleariċi skont il-mekkaniżmu tar-remunerazzjoni stabbilit fid-Digriet Reġju 738/2015 kif approvat skont id-deċiżjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat fil-każ SA. 42270.

(73)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn Spanja (il-premessa 68), il-Kummissjoni tqis li deroga mir-rekwiżiti fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) 2019/943 hija ġġustifikata minħabba li r-rekwiżiti speċifiċi tat-tfassil għar-riżervi strateġiċi huma intrinsikament marbuta mal-istabbiliment ta’ suq tal-ibbilanċjar li jiffunzjona tajjeb. Min-naħa l-oħra, deroga mill-Artikolu 22(3) tar-Regolament (UE) 2019/943 mhijiex ġustifikata minħabba li r-rekwiżiti speċifiċi tat-tfassil għall-mekkaniżmi ta’ kapaċità huma maħsuba biex japplikaw b’mod indipendenti minn suq tal-ibbilanċjar żviluppat biżżejjed.

(74)

Fir-rigward tat-talba għal deroga mill-Artikolu 22(5) tar-Regolament (UE) 2019/943, il-Kummissjoni tqis li deroga mhijiex iġġustifikata minħabba li l-Artikolu 22(5) ta’ dak ir-Regolament mhuwiex applikabbli għall-mekkaniżmi ta’ kapaċità approvati wara l-4 ta’ Lulju 2019.

(75)

Fir-rigward tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) 2019/943 li jistabbilixxi r-rekwiżiti fir-rigward tal-limitu tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-mekkaniżmi ta’ kapaċità, il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżiti fir-rigward tal-limitu tal-emissjonijiet tas-CO2 mhumiex applikabbli għall-mekkaniżmu regolat tar-remunerazzjoni attwali approvat skont id-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-każ SA. 42270, fid-dawl tad-daqs żgħir tas-sistemi tal-elettriku tal-Gżejjer Baleariċi, ir-restrizzjonijiet marbuta mal-ksib tal-permessi ambjentali meħtieġa għal kapaċità ta’ ġenerazzjoni ġdida, u l-ħtieġa akbar ta’ ġenerazzjoni li jista’ jsir id-dispaċċ tagħha biex tiġi żgurata l-integrazzjoni ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-Gżejjer Baleariċi u tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista. Il-Kummissjoni tqis li deroga mill-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) 2019/943 applikabbli wara d-data tal-iskadenza tal-mekkaniżmu regolat tar-remunerazzjoni stabbilit skont id-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-każ SA. 42270 ixxekkel it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija, l-elettromobbiltà u r-rispons għad-domanda, peress li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jippermettu l-parteċipazzjoni mit-teknoloġiji kollha fuq bażi kompetittiva. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li deroga mill-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) 2019/943 mhijiex iġġustifikata. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-impenji u għall-kuntratti konklużi fir-rigward tal-Gżejjer Baleariċi skont il-mekkaniżmu tar-remunerazzjoni stabbilit fid-Digriet Reġju 738/2015 kif approvat skont id-deċiżjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat fil-każ SA. 42270.

(76)

Fil-fehma tal-Kummissjoni, abbażi tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn Spanja (ara l-premessa 69), deroga mill-Artikolu 25(2) sa 25(4) tar-Regolament (UE) 2019/943 għall-operazzjoni tas-sistemi tal-elettriku fil-Gżejjer Baleariċi mhijiex ġustifikata. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-impenji u għall-kuntratti konklużi fir-rigward tal-Gżejjer Baleariċi skont il-mekkaniżmu tar-remunerazzjoni stabbilit fid-Digriet Reġju 738/2015 kif approvat skont id-deċiżjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat fil-każ SA. 42270.

5.3.5.   Deroga mill-Artikoli 14 sa 17, 19 sa 27 u 35 sa 47 tar-Regolament (UE) 2019/943 għall-mekkaniżmu stabbilit fid-Digriet Reġju 738/2015

(77)

Fl-Applikazzjoni tagħha, kif emendata mit-tieni sett ta’ kjarifiki mibgħuta minn Spanja fis-17 ta’ Jannar 2022, Spanja ddikjarat li għall-mekkaniżmu eżistenti fid-Digriet Reġju 738/2015 hija meħtieġa deroga mill-Artikoli 14 sa 17, 19 sa 27, 35 sa 47 tar-Regolament (UE) 2019/943. Il-Kummissjoni tqis li deroga abbundanti bħal din mhijiex meħtieġa biex tiżgura l-applikazzjoni tiegħu. Il-fehma tal-Kummissjoni hija li d-derogi ddikjarati fit-taqsimiet ta’ hawn fuq biss huma ġġustifikati.

5.4.   L-ebda xkiel għat-tranżizzjoni lejn enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà, ħżin tal-enerġija, elettromobbiltà u rispons għad-domanda

(78)

Skont l-Artikolu 64(1), il-ħames subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/943 u l-Artikolu 66(2) tad-Direttiva (UE) 2019/944, deċiżjoni ta’ deroga trid tiżgura li ma xxekkilx it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija, l-elettromobbiltà u r-rispons għad-domanda.

(79)

Fir-rigward tat-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, aktar flessibbiltà (inkluż ir-rispons tad-domanda) u l-ħżin tal-enerġija, ta’ min jinnota li s-swieq forward, ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar li jiffunzjonaw tajjeb, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/943 u d-Direttiva (UE) 2019/944, jenħtieġ li jipprovdu s-sinjali meħtieġa tad-dispaċċ u tal-investiment biex jiġi massimizzat l-iżvilupp potenzjali ta’ dawk it-teknoloġiji. Pereżempju, l-iżvilupp tar-rispons tad-domanda li jista’ jiġi attivat f’perjodi meta s-sistemi tal-elettriku tal-Gżejjer Baleariċi jkunu taħt stress jinkiseb fil-prinċipju aktar faċilment f’sistema fejn il-prezzijiet tad-domanda jirriflettu s-sitwazzjoni fis-siegħa tal-ġenerazzjoni fil-Gżejjer Baleariċi, minflok dik tal-ġenerazzjoni tal-art kontinentali. Dan ma jipprevjenix awtomatikament l-iżviluppi tar-rispons tad-domanda jew forom oħra ta’ flessibbiltà fl-ambjent regolatorju attwali. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li d-deċiżjoni ta’ deroga jista’ jkollha impatt negattiv fuq tali żviluppi potenzjali.

(80)

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943 ma jirrikjedix li d-deċiżjonijiet ta’ deroga jimmassimizzaw il-potenzjal għall-flessibbiltà jew għall-ħżin tal-enerġija. Deroga skont l-Artikolu 64 ta’ dak ir-Regolament għandha biss l-għan li tiżgura li “ma tfixkilx” tali tranżizzjoni. Fi kliem ieħor, id-deroga ma għandhiex tipprevjeni żviluppi li, mingħajr id-deroga, iseħħu b’mod naturali. Huwa improbabbli li, fin-nuqqas tad-deroga, jiżviluppaw swieq forward, ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u tal-ibbilanċjar li jiffunzjonaw tajjeb f’kull waħda mis-sistemi tal-elettriku fil-Gżejjer Baleariċi. Dan huwa minħabba l-isfidi marbuta mal-operazzjoni tal-NPT, il-livelli baxxi ħafna ta’ kompetizzjoni fil-qasam tal-ġenerazzjoni, u l-grad baxx ta’ konnessjoni mas-suq tal-art kontinentali deskritt fit-taqsima 2. Madankollu, jeħtieġ li jiġi żgurat li ladarba jkunu ġew stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp tas-swieq bl-ingrossa li jiffunzjonaw, id-derogi jitneħħew gradwalment. Din hija r-raġuni għaliex f’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni qed tistabbilixxi perjodu ta’ deroga limitat u kundizzjonijiet stretti għal estensjoni tad-deroga, kif stabbilit fit-taqsima 5.5 hawn taħt.

(81)

Id-deroga ma tidhirx li għandha impatt notevoli fuq l-elettromobbiltà.

5.5.   Durata tad-deroga u kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni mas-suq intern tal-elettriku

(82)

L-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943 kif ukoll l-Artikolu 66 tad-Direttiva (UE) 2019/944, jistabbilixxu b’mod espliċitu, fir-rigward tas-sistemi konnessi żgħar, li d-deroga trid tkun limitata fiż-żmien u li trid tikun soġġetta għal kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni u l-integrazzjoni mas-suq intern għall-elettriku.

(83)

Ir-Regolament (UE) 2019/943 u d-Direttiva (UE) 2019/944 jipprevedu limitazzjoni obbligatorja għal diversi skopijiet. L-ewwel u qabel kollox, huma jassumu li l-qafas regolatorju ġenerali jista’ jiġi applikat għas-sitwazzjonijiet kollha fis-suq intern, u li tali applikazzjoni ġenerali hija ta’ benefiċċju għas-soċjetà. Filwaqt li l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/943 jirrikonoxxi li jistgħu jkunu meħtieġa derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi, dawn id-derogi huma suxxettibbli li jżidu l-kumplessità tas-sistema ġenerali u jistgħu jikkostitwixxu ostakli għall-integrazzjoni tas-suq anke f’żoni ġirien. Barra minn hekk, il-ġustifikazzjoni tad-deroga hi ġeneralment ibbażata fuq il-qafas tekniku u regolatorju ta’ dak iż-żmien, u fuq topoloġija partikolari tan-network. Dawn is-sitwazzjonijiet kollha żgur li se jinbidlu. Fl-aħħar nett, hu importanti għall-parteċipanti fis-suq li jkunu jistgħu jbassru bidliet regolatorji kmieni biżżejjed. Għalhekk, id-derogi kollha jeħtieġ li jkunu limitati fiż-żmien.

(84)

Il-kejbils il-ġodda li jżidu l-konnessjoni bejn il-Gżejjer Baleariċi u Spanja kontinentali mistennija jibdew joperaw sa tmiem l-2030. Ladarba dawn il-kejbils jibdew joperaw, il-qafas regolatorju applikabbli għal dan it-territorju jenħtieġ li jiġi emendat, dan it-territorju jenħtieġ li jiġi inkorporat fis-suq tal-elettriku kontinentali u d-derogi mitluba jenħtieġ li jitneħħew gradwalment. Spanja targumenta li ladarba l-kejbils jiġu kkummissjonati, se jkun meħtieġ żmien addizzjonali biex dawn it-territorji jiġu inkorporati fir-regoli tas-suq kontinentali, u biex isiru l-bidliet regolatorji u l-ittestjar meħtieġa. Wara dan, Spanja titlob id-derogi għall-Gżejjer Baleariċi sa mill-inqas l-2030.

(85)

Fid-dawl tar-raġunijiet imressqa minn Spanja, il-Kummissjoni tqis li huwa proporzjonat li tagħti d-derogi għall-Gżejjer Baleariċi sa 12-il xahar wara l-jum li fih jibda jopera l-kejbil il-ġdid.

(86)

Sabiex tiġi żgurata t-tneħħija gradwali f’waqtha tad-derogi mitluba, sa 6 xhur wara l-jum li fih jiġu kkummissjonati l-kejbils il-ġodda bejn il-Gżejjer Baleariċi u Spanja kontinentali, Spanja trid tipprovdi lill-Kummissjoni pjan ċar li jagħti d-dettalji dwar il-bidliet regolatorji u l-bidliet fis-sistema kollha meħtieġa biex il-Gżejjer Baleariċi jiġu inkorporati fis-suq tal-elettriku kontinentali. Il-pjan huwa li jiġu identifikati b’mod ċar l-azzjonijiet differenti meħtieġa u li tiġi inkluża skeda taż-żmien li tidentifika l-aktar stadji importanti notevoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Qed tingħata deroga lir-Renju ta’ Spanja mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu, il-punti (a), (b), (e), (k), (o) u (p), tal-Artikolu 6, tal-Artikoli 7(1) u 8(1) u (4), tal-Artikoli 9, 10, 11, tal-Artikoli 22(2) tar-Regolament (UE) 2019/943 u tal-Artikolu 40(4) sa (7) tad-Direttiva (UE) 2019/944 fir-rigward tal-Gżejjer Baleariċi.

Artikolu 2

Id-deroga mogħtija skont l-Artikolu 1 għandha tapplika sa 12-il xahar wara l-jum li fih jibda jopera l-kejbil tal-elettriku l-ġdid, ta’ interkonnessjoni bejn il-Gżejjer Baleariċi u Spanja kontinentali.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kummissjoni

Dan JØRGENSEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54 ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/943/oj.

(2)   ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/944/oj.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/560 tat-8 ta’ Diċembru 2023 li tagħti deroga lir-Renju ta’ Spanja minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Gżejjer Kanarji (ĠU L, 2024/560, 15.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/560/oj).

(4)  Ara l-illustrazzjoni A1.1 fl-Anness I tal-Informe del Sistema Eléctrico español ta’ Red Eléctrica tal-1997: PORTADA.eps (Convertido)-1 (ree.es).

(5)  Ara Evolución demanda | Informes del sistema.

(6)  Id-Digriet Ministerjali TEC/1172/2018, tal-5 ta’ Novembru, li jiddefinixxi mill-ġdid is-sistemi tal-elettriku iżolati tat-territorju mhux peniżolari tal-Gżejjer Baleariċi: Orden TEC/1172/2018, de 5 de noviembre, por la que se redefinen los sistemas eléctricos aislados del territorio no peninsular de las Illes Balears y se modifica la metodología de cálculo del precio de adquisición de la demanda y del precio de venta de la energía en el despacho de producción de los territorios no peninsulares. (boe.es).

(7)  Ara Evolución demanda | Informes del sistema.

(8)  Ara l-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima aġġornat finali ta’ Spanja għall-2021–2030, 211d83b7-b6d9-4bb8-b084-4a3bfb4cad3e_en.

(9)  Il-qafas huwa stabbilit fid-Digriet Reġju 738/2015 tal-31 ta’ Lulju 2015 (Real Decreto 738/2015, de 31 de julio, por el que se regula la actividad de producción de energía eléctrica y el procedimiento de despacho en los sistemas eléctricos de los territorios no peninsulares) (id-“Digriet Reġju 738/2015”).

(10)  Ley 17/2013, de 29 de octubre, para la garantía del suministro e incremento de la competencia en los sistemas eléctricos insulares y extrapeninsulares.

(11)  Id-Deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2020, SA.42270 (2016/NN) — Spanja – Il-produzzjoni tal-elettriku fit-territorji mhux peniżolari Spanjoli, C(2020) 3401.

(12)  Ara pereżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Awwissu 2014 li tagħti deroga lir-Repubblika Ellenika minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/72/KE li tirreferi għall-kostijiet ogħla tal-produzzjoni tal-elettriku fil-gżejjer filwaqt li l-prezzijiet huma skont il-liġi daqs dawk fuq l-art kontinentali.

(13)  Ir-Regolament (UE) 2024/1747 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 fir-rigward tat-titjib tat-tfassil tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni (ĠU L, 2024/1747, 26.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1747/oj).

(14)  Kif emendat bir-Regolament (UE) 2024/1747.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1014/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)