European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/998

23.5.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/998

tat-22 ta’ Mejju 2025

li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-bis(N-ċikloeżil-diażenju-diossi)-ram (Cu-HDO) għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

Billi:

(1)

Il-bis(N-ċikloeżil-diażenju-diossi)-ram (Cu-HDO) ġie approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 89/2014 (2), soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dak ir-Regolament.

(2)

L-approvazzjoni tas-Cu-HDO għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 (“l-approvazzjoni”) se tiskadi fil-31 ta’ Awwissu 2025. Fid-19 ta’ Frar 2024, ġiet ippreżentata applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni (“l-applikazzjoni”).

(3)

Fit-28 ta’ Mejju 2024, l-awtorità kompetenti li tevalwa tal-Awstrija għarrfet lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti li tevalwa trid twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha.

(4)

L-awtorità kompetenti li tevalwa tista’, skont il-każ, teżiġi li l-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jaqbeż il-180 jum b’kollox, sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal minħabba n-natura tad-data rikjesta jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

(5)

Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti li tevalwa, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi trid tħejji u tippreżenta opinjoni lill-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(6)

Għaldaqstant, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni aktarx tiskadi qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk, jixraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta għal perjodu twil biżżejjed biex l-applikazzjoni tkun tista’ tiġi eżaminata. Wara li tqiesu l-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti li tevalwa, għat-tħejjija u għall-preżentazzjoni mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tal-opinjoni tagħha u ż-żmien meħtieġ biex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk iġġeddidx l-approvazzjoni, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għad-29 ta’ Frar 2028.

(7)

Wara l-posponiment tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, is-Cu-HDO jibqa’ approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 89/2014,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-data tal-iskadenza tal-bis(N-ċikloeżil-diażenju-diossi)-ram (Cu-HDO) għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8, stabbilita fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 89/2014, hija posposta għad-29 ta’ Frar 2028.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 89/2014 tal-31 ta’ Jannar 2014 li japprova l-bis(N-ċikloeżil-diażenju-diossi)-ram (Cu-HDO) bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 8 (ĠU L 32, 1.2.2014, p. 6; ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/89/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/998/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)