European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/965

20.5.2025

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/965

tal-20 ta’ Mejju 2025

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2024/2642 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/2642 tat-8 ta' Ottubru 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-8 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2024/2642.

(2)

L-Unjoni tibqa' soda fil-kundanna tagħha tal-attivitajiet malinni tar-Russja diretti kontra l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha, organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi.

(3)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li jiżdiedu 21 persuna fiżika u sitt persuni ġuridiċi mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/2642.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2024/2642 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/2642 huwa emendat f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L, 2024/2642, 9.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2642/oj


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/2642 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-entrati li ġejjin jiżdiedu taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”:

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

Data tal-elenkar

“17.

Alik Yuryevich KHUCHBAROV

Alik Yuryevich HUCHBAROV

Alik HUTŠBAROV

(bir-Russu: Алик Юрьевич ХУЧБАРОВ)

Funzjoni: operattiv tal-GRU

Data tat-twelid: 12.11.1992

Ċittadinanza: Russa, Estonjana

Sess: raġel

Numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa: 601515903509

Alik Khuchbarov kien responsabbli għall-ippjanar u t-tħejjija ta' operazzjoni fl-Estonja, li ġabet ħsara lill-proprjetà ta' personaġġi pubbliċi li tkellmu kontra l-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, kif ukoll vandaliżmu fuq monumenti relatati mat-Tieni Gwerra Dinjija. Huwa u jagħmel dan, aġixxa taħt id-direzzjoni, fl-interessi u fuq it-talba tal-aġenzija tal-intelligence barranija militari (GRU) tar-Russja biex jimpjega awturi biex iwettqu l-attakki. L-attakki kienu mmirati lejn vetturi tal-Ministru għall-Intern tal-Estonja kif ukoll tal-kap editur ta' gazzetta bil-lingwa Russa. Is-servizzi tas-sigurtà tal-Estonja waqqfu attakki ulterjuri mmirati lejn personaġġi pubbliċi oħra. Barra minn hekk, diversi monumenti ta' tifkira fl-Estonja ġew vandalizzati, b'żebgħa mitfugħa u swastiki mpinġija fuqhom. L-għan tal-operazzjoni kien li toħloq biża', paniku u tensjoni fis-soċjetà Estonjana, u li tintimida lill-persuni li kkritikaw l-azzjonijiet u l-politiki tar-Russja. Għaldaqstant, Alik Khuchbarov huwa responsabbli għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fi Stat Membru bl-ippjanar u t-tmexxija ta' atti ta' vjolenza, inkluż attivitajiet biex isikktu, jintimidaw, jisfurzaw, jew iwettqu tpattija kontra persuni li jikkritikaw l-azzjonijiet jew il-politika tal-Federazzjoni Russa.

20.5.2025

18.

Ilya Sergeevich BOCHAROV

Ilja BOTŠAROV

(bir-Russu: Илья Сергеевич БОЧАРОВ)

Funzjoni: operattiv tal-GRU

Data tat-twelid: 29.6.1991

Ċittadinanza: Russa

Numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa: 561410364291

Ilya Bocharov kien responsabbli għall-ippjanar u t-tħejjija ta' operazzjoni fl-Estonja, li ġabet ħsara lill-proprjetà ta' personaġġi pubbliċi li tkellmu kontra l-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, kif ukoll vandaliżmu fuq monumenti relatati mat-Tieni Gwerra Dinjija. Huwa u jagħmel dan, aġixxa taħt id-direzzjoni, fl-interessi u fuq it-talba tal-aġenzija tal-intelligence barranija militari (GRU) tar-Russja biex jimpjega awturi biex iwettqu l-attakki. L-attakki kienu mmirati lejn vetturi tal-Ministru għall-Intern tal-Estonja kif ukoll tal-kap editur ta' gazzetta bil-lingwa Russa. Is-servizzi tas-sigurtà tal-Estonja waqqfu attakki ulterjuri mmirati lejn personaġġi pubbliċi oħra. Barra minn hekk, diversi monumenti ta' tifkira fl-Estonja ġew vandalizzati, b'żebgħa mitfugħa u swastiki mpinġija fuqhom. L-għan tal-operazzjoni kien li toħloq biża', paniku u tensjoni fis-soċjetà Estonjana, u li tintimida lill-persuni li kkritikaw l-azzjonijiet u l-politiki tar-Russja. Għalhekk, Ilya Bocharov huwa responsabbli għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fi Stat Membru bl-ippjanar u t-tmexxija ta' atti ta' vjolenza, inkluż attivitajiet biex isikktu, jintimidaw, jisfurzaw jew iwettqu tpattija kontra persuni li jikkritikaw l-azzjonijiet jew il-politiki tal-Federazzjoni Russa.

20.5.2025

19.

Elena KOLBASNIKOVA

(bir-Russu: Елена КОЛБАСНИКОВА)

Ċittadinanza: Ukrena, Russa

Data tat-twelid: 20.3.1975

Post tat-twelid: Dnipro, USSR (issa Ukraine)

Elena Kolbasnikova hija ċittadina Russa b'rabtiet mill-qrib mar-Rossotrudnitschestwo, entità tal-istat Russu, u hija appoġġata finanzjarjament minnha. Kolbasnikova ħolqot strutturi politiċi mal-lemin estrem politiku antidemokratiku tal-Ġermanja b'appoġġ għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Ġiet ikkundannata għal diskors ta' mibegħda f'qorti tal-aħħar istanza wara li dgħajfet is-sovranità tal-Ukrajna u ddenunzjat l-istituzzjonijiet pubbliċi tal-Ġermanja. Għadhom għaddejjin investigazzjonijiet kriminali dwar l-appoġġ tagħha għas-separatisti fid-Donbas permezz ta' tagħmir militari, ġbir ta' fondi u għoti ta' għajnuna lill-gruppi separatisti. Barra minn hekk, Kolbasnikova ħeġġet vjolenza li twettqet minn żewġha kontra dimostranti, u organizzat carcades biex tintimida minorenni Ukreni li kienu qed ifittxu rifuġju fil-Ġermanja.

B'hekk hija tappoġġa azzjonijiet mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jimminaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà ta' Stat Membru u ta' pajjiż terz permezz ta' attivitajiet maħsuba biex idgħajfu l-proċess politiku demokratiku fil-Ġermanja. Hija tappoġġa wkoll azzjonijiet mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu s-sigurtà ta' pajjiż terz (l-Ukrajna), billi tinstiga jew tiffaċilita kunflitt armat, permezz tal-appoġġ għal movimenti separatisti fl-Ukrajna.

Elena Kolbasnikova hija assoċjata ma' Rostislav Teslyuk, li huwa suġġett għal miżuri restrittivi.

20.5.2025

20.

Hüseyin DOGRU

Indirizz: Kavacık Mahallesi, Fatih Sultan Mehmet Caddesi, Tonoglu Block No.: 3, Beykoz, Istanbul, Turkey

Ċittadinanza: Torka

Hüseyin Doğru hu l-fundatur u rappreżentant ta' AFA Medya A.Ş. li hija kumpanija tal-media bbażata f'Istanbul. AFA Medya A.Ş. topera ‘RED’, li tikkonsisti f’diversi pjattaformi tal-midja, u ligħandha rabtiet finanzjarji u organizzattivi mill-qrib ma' entitajiet u atturi ta' propaganda tal-istat Russi, u rabtiet strutturali fil-fond, inkluż interkonnessjonijiet bejn membri tal-persunal individwali u rotazzjoni tagħhom ma' organizzazzjonijiet tal-media tal-istat Russi.

RED użat il-pjattaformi tagħha tal-media – spiss taħt l-isem ‘redstreamnet’ jew ‘thered.stream’ – biex ixerred sistematikament informazzjoni falza dwar suġġetti politikament kontroversjali bl-għan li toħloq inkwiet etniku, politiku u reliġjuż fost l-udjenza tagħha predominantement Ġermaniża, inkluż billi xxandar in-narrattivi ta' gruppi terroristiċi Iżlamiċi radikali bħall-Ħamas.

Waqt okkupazzjoni vjolenti ta' università Ġermaniża bi protesta kontra Iżrael, membri tal-persunal ta' RED ikkoordinaw mal-parteċipanti f'dan l-irvell biex ixandru xbihat tal-vandaliżmu tagħhom - li kienu jinkludu simboli tal-Ħamas - bl-użu tal-kanali online tagħhom, u b'hekk ipprovdewlhom pjattaforma esklużiva tal-media.

Għaldaqstant, Hüseyin Doğru jappoġġa permezz ta' AFA Medya azzjonijiet mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Unjoni u fi Stat Membru inkluż billi indirettament jappoġġa u jiffaċiliilta dimostrazzjonijiet vjolenti u jieħu sehem f'manipulazzjoni ta' informazzjoni kkoordinata.

20.5.2025

21.

Yulia Sergeevna PROKHOROVA

(bir-Russu: Юлия Сергеевна ПРОХОРОВА)

Ċittadinanza: Russa

Data tat-twelid: 18.2.1992

Indirizz: Russia, United Arab Emirates.

Qabel Landshut, Bavaria, Germany

Yulia Prokhorova hija ċittadina Russa. Kienet residenti l-Ġermanja sal-2024. Hija ssostni kampanja fuq il-media soċjali fejn ħeġġet il-ħela intenzjonali tal-enerġija fil-Ġermanja, biex tipprova tappoġġa l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja. B'mod parallel, xerrdet miżinformazzjoni fil-media tal-istat Russi dwar il-provvista tal-enerġija, l-istat tad-dritt, u r-refuġjati Ukreni fil-Ġermanja.

Barra minn hekk, Yulia Prokhorova intimidat refuġjati Ukreni fl-Ewropa permezz ta' attakki pubbliċi u forom oħra ta' fastidju, li rrekordjat u xerrdet fuq l-internet.

B'hekk, Yulia Prokhorova tappoġġa azzjonijiet u politika tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni jew fi Stat Membru bl-użu ta' manipulazzjoni ta' informazzjoni u interferenza kkoordinati u billi indirettament tappoġġa azzjonijiet immirati kontra attivitajiet ekonomiċi u servizzi ta' interess pubbliku.

20.5.2025

22.

Rostislav TESLYUK

(bir-Russu: Ростислав ТЕСЛЮК)

magħruf ukoll bħala

Max SCHLUND

(bir-Russu: Макс ШЛУНД)

Ċittadinanza: Russa

Data tat-twelid: 23.4.1982

Post tat-twelid: Moscow

Sess: raġel

Rostislav Teslyuk huwa ċittadin Russu b'rabtiet mill-qrib mar-Rossotrudnitschestwo, entità tal-istat Russu, u appoġġat finanzjarjament minnha. Rostislav Teslyuk ħoloq strutturi politiċi mal-lemin estrem politiku antidemokratiku tal-Ġermanja b'appoġġ għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Għadhom għaddejjin investigazzjonijiet kriminali dwar l-appoġġ tiegħu għas-separatisti fid-Donbas permezz ta' tagħmir militari. Rostislav Teslyuk wettaq atti vjolenti kontra dimostranti u organizza carcades biex jintimida minorenni Ukreni li kienu qed ifittxu rifuġju fil-Ġermanja.

B'hekk huwa jappoġġa azzjonijiet mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jimminaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà ta' Stat Membru u ta' pajjiż terz permezz ta' attivitajiet maħsuba biex idgħajfu l-proċess politiku demokratiku fil-Ġermanja u jiddestabbilizzaw l-Ukrajna, inkluż kampanji ta' ġbir ta' fondi għal gruppi separatisti u l-għoti ta' għajnuna lilhom. Huwa responsabbli wkoll għal azzjonijiet mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li jdgħajfu s-sigurtà ta' pajjiż terz (l-Ukrajna) billi jinstiga jew jiffaċilita kunflitt armat, permezz tal-appoġġ tiegħu għal movimenti separatisti fl-Ukrajna.

Rostislav Teslyuk huwa assoċjat ma' Elena Kolbasnikova, li hija suġġetta għal miżuri restrittivi.

20.5.2025

23.

Alina LIPP

Funzjoni: korrispondent tal-gwerra

Data tat-twelid: 17.9.1993

Post tat-twelid: Hamburg

Ċittadinanza: Ġermaniża

Sess: mara

Alina Lipp tmexxi l-blog ‘Neues aus Russland’, li fiha xxerred sistematikament miżinformazzjoni dwar il-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, u tiddeleġittimizza l-gvern Ukren, speċjalment bil-ħsieb li timmanipula s-sentiment pubbliku Ġermaniż fir-rigward tal-appoġġ għall-Ukrajna.

Barra minn hekk, qed tuża r-rwol tagħha bħala korrispondent tal-gwerra mal-forzi armati Russi fil-Lvant tal-Ukrajna biex ixxerred propaganda tal-gwerra Russa. Tidher regolarment fi spettakli ta' intratteniment tat-truppi u ta' propaganda fuq il-kanal televiżiv militari Russu Zvezda.

B'hekk, Alina Lipp timplimenta u tappoġġa azzjonijiet mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu s-sigurtà u l-istabbiltà fl-Unjoni u f'pajjiż terz bl-użu ta' manipulazzjoni ta' informazzjoni u interferenza kkoordinati, u billi tisfrutta konflitt armat f'pajjiż terz.

20.5.2025

24.

Viktor Volodymyrovych MEDVEDCHUK

(bir-Russu: Виктор Владимирович МЕДВЕДЧУК)

Funzjoni: Politiku, negozjant, de facto sid tal-media

Data tat-twelid: 7.8.1954

Post tat-twelid: Pochet, Krasnoyarskyi Krai, Russian SFSR, USSR

Ċittadinanza: Russa

Sess: raġel

Indirizz: Moscow

Identità tat-taxxa Ukrena (Код ДРФО): 1994214296 (void)

Viktor Medvedchuk huwa eks politiku u negozjant Ukren, li kien il-promotur ewlieni ta' politika favur ir-Russja fl-Ukrajna u li ppromwova politika u azzjonijiet maħsuba biex inawru l-kredibbiltà u l-leġittimità tal-Gvern tal-Ukrajna. Viktor Medvedchuk għandu rabtiet personali mill-qrib, u huwa assoċjat, mal-President tal-Federazzjoni Russa, Vladimir Putin.

Permezz tal-assoċjati tiegħu, inkluż Artem Marchevskyi, Viktor Medvedchuk ikkontrolla aġenziji tax-xandir Ukreni u użahom biex ixerred propaganda favur ir-Russja fl-Ukrajna u lil hinn minnha. Wara l-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, Viktor Medvedchuk xerred narrattivi ta' propaganda Russa dwar il-gwerra, li dgħajfu s-sovranità tal-Ukrajna. Għal dak l-għan, f'April 2023, Victor Medvedchuk waqqaf moviment politiku fir-Russju msejjaħ ‘Anthea Ukraine’ (‘Ukrajna Oħra’).

Mal-assoċjati u l-entitajiet assoċjati tiegħu, inkluż Artem Marchevskyi u l-istazzjon tax-xandir Voice of Europe, u f'koordinazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Russi, Viktor Medvedchuk kompla jiffinanzja u jwettaq operazzjonijiet ta' influwenza mmirati lejn partiti politiċi u politiċi individwali fl-Ewropa. Dawk l-attivitajiet kellhom l-għan li jappoġġaw l-interessi tal-politika barranija tal-Federazzjoni Russa u jifirxu l-influwenza tagħha, inkluż qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2024. Dawk l-attivitajiet kienu jinkludu l-għoti ta' riżorsi finanzjarji lil atturi politiċi individwali fl-Ewropa, inkluż kandidati magħżula fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, u għal kooperazzjoni ma' ġurnalisti. Viktor Medvedchuk mexxa u żamm kontroll fuq l-attivitajiet malinni ta' Artem Marchevskyi u l-Voice of Europe, bl-użu tat-tmexxija de facto tal-Voice of Europe minn Artem Marchevskyi.

Għaldaqstant, Viktor Medvedchuk huwa responsabbli għall-implimentazzjoni, l-appoġġ jew il-kisba ta' benefiċċju minn azzjonijiet jew politika tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija u l-istabbiltà fl-Unjoni u f'pajjiż terz, u li jdgħajfu s-sovranità jew l-indipendenza ta' diversi Stati Membri tagħha u tal-Ukrajna, permezz tal-ippjanar, it-tmexxija, it-twettiq jew faċilitazzjoni b'xi mod ieħor tal-ostruzzjoni jew l-imminar tal-proċess politiku demokratiku, inkluż l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2024, u bl-ippjanar, it-tmexxija u t-twettiq ta' manipulazzjoni ta' informazzjoni u interferenza kkoordinati.

20.5.2025

25.

Artem Pavlovich MARCHEVSKYI

Artem Pavlovich MARCHEVSKIJ

Artem Pavlovich MARCHEVSKIY

Artěm Pavlovič MARČEVSKIJ

Артем Павлович МАРЧЕВСЬКИЙ

Артем Павлович МАРЧЕВСКИЙ

Funzjoni: Politiku, produttur tax-xandir, propagandist

Data tat-twelid: 5.7.1988

Post tat-twelid: Kyiv, Ukrainian SFSR, USSR

Ċittadinanza: Ukrena, Iżraeljana

Sess: raġel

Indirizz: Hovorčovická 1079, 250 65 Líbeznice, Czech Republic

Identità tat-taxxa Ukrena (Код ДРФО): 3232824038

Artem Marchevskyi huwa eks politiku Ukren assoċjat mill-qrib ma' Viktor Medvedchuk, eks politiku u negozjant Ukren b'rabtiet mill-qrib mal-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Bis-saħħa tal-pożizzjoni tiegħu fil-partit pro-Russu ‘Opposition Platform – For Life’ u fuq stazzjon televiżiv involut fi propaganda favur ir-Russja, Artem Marchevskyi appoġġa u pprovda assistenza lil Viktor Medvedchuk mill-2018 sal-2021. Artem Marchevskyi u Viktor Medvedchuk komplew jikkoordinaw wara li t-tnejn li huma ħallew l-Ukrajna wara l-invażjoni Russa fl-2022, b'Viktor Medvedchuk imexxi u jikkontrolla l-attivitajiet ta' Artem Marchevskyi li jiffaċilitaw il-bini tan-network ta' influwenza ta' Medvedchuk fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha.

Artem Marchevskyi kellu rwol strumentali fit-tixrid miftiehem ta' diżinformazzjoni u narrattivi żbilanċjati mmirati biex jappoġġaw l-interessi tal-politika barranija tal-Federazzjoni Russa u fit-tixrid tal-influwenza tagħha, inkluż qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2024, billi jdgħajfu l-kredibbiltà u l-immaġini pubblika tal-Ukrajna u l-isforzi tagħha biex tiddefendi ruħha mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja. Artem Marchevskyi kellu rwol ewlieni fl-akkwist tal-marka tax-xandir Voice of Europe u l-inkorporazzjoni tal-attività tagħha f'kumpanija tal-istess isem. Bħala l-kap mistur tal-‘Voice of Europe’, Artem Marchevskyi uża l-kumpanija biex jgħaddi riżorsi finanzjarji assenjati għall-ħlas lil propagandisti, u biex jibni network ta' influwenza li tikkollega lil Medvedchuk u l-assoċjati tiegħu ma' rappreżentanti ta' partiti politiċi fl-Ewropa.

Għaldaqstant, Artem Marchevskyi huwa responsabbli għall-implimentazzjoni, appoġġ għal u li jibbenefika minn azzjonijiet jew mill-politika tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija u l-istabbiltà fl-Unjoni u fl-Ukrajna, u li jdgħajfu s-sovranità jew l-indipendenza ta' diversi Stati Membri tagħha u tal-Ukrajna, permezz tat-twettiq jew faċilitazzjoni b'xi mod ieħor tal-ostruzzjoni jew l-imminar tal-proċess politiku demokratiku u bl-ippjanar, it-tmexxija u t-twettiq ta' manipulazzjoni ta' informazzjoni u interferenza kkoordinati.

20.5.2025

26.

Natallia SUDLIANKOVA

Natallia SUDLENKOVÁ (ŠEVKOVÁ)

Natalia SUDLENKOVÁ

Natalia SUDLIANKOVÁ (ŠEVKOVÁ)

Natalija SUDLIANKOVÁ (ŠEVKOVÁ)

Наталья СУДЛЕНКОВА (ШЕВКО)

Psewdonimu:

Natalyia KORNELYUK

Наталья КОРНЕЛЮК

Funzjoni: Ġurnalista, Konsulent tal-Media u tar-Relazzjonijiet Pubbliċi, Koordinatriċi

Data tat-twelid: 9.6.1964

Post tat-twelid: Belarus

Ċittadinanza: Belarussa

Sess: mara

Indirizz: Borovanského 2381/22, 155 00 Prague, Czech Republic

Dokumenti tal-identità: Dokument tal-ivvjaġġar: U0002974, validu sat-18.3.2031

Permess ta' residenza: 001631077, validu sat-13.3.2034

Natallia Sudliankova hija ġurnalista u konsulent tal-media u tar-relazzjonijiet pubbliċi li kienet qed tipproduċi prodotti għall-media magħmulin apposta li kien fihom il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u t-tixrid ta' narrattivi qarrieqa bl-għan li tappoġġa l-interessi tal-politika barranija tal-Federazzjoni Russa u bl-għan li ddgħajjef il-fiduċja pubblika lejn il-valuri u l-proċessi demokratiċi nazzjonali taċ-Ċekja u tal-Unjoni Ewropea. Sudliankova kienet qed tirċievi missjonijiet fuq perjodu ta' żmien twil u ngħatat rikumpens finanzjarju.

Hija taqdi rwol sinifikanti fl-ippjanar u t-tmexxija ta' manipulazzjoni koordinata tal-informazzjoni mmirata lejn il-pubbliku fir-Repubblika Ċeka u fi Stati Membri oħra, u tikkoopera ma' entitajiet statali Russi (Rosatom, Pravfond), entitajiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-Federazzjoni Russa (Immortal Regiment of Russia), u Alexej Nikolayevich Shavrov, uffiċjal tad-Direttorat Ewlieni tal-Istat Maġġur tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GRU). Sudliankova kellha rwol attiv fl-iskreditar tal-politika tas-sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea billi użat kontenut li jiffavorixxi l-interessi tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa.

Għaldaqstant, Natallia Sudliankova kienet qed timplimenta u tappoġġa azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija u l-istabbiltà fl-Unjoni u fl-Ukrajna, u li jdgħajfu s-sovranità jew l-indipendenza ta' bosta Stati Membri tagħha u tal-Ukrajna, permezz tal-ippjanar, it-tmexxija u l-involviment fl-użu ta' manipulazzjoni koordinata tal-informazzjoni.

20.5.2025

27.

Iurie NECULITI

(bir-Russu: Юрие НЕКУЛИТИ)

Funzjoni: Uffiċjal kap eżekuttiv ta' Stark Industries

Ċittadinanza: Republic of Moldova

Sess: raġel

Indirizz: 71-75 Shelton Street, Covent Garden, London, United Kingdom; Chisinau, Republic of Moldova

Post tat-twelid: Bender, Republic of Moldova

Iurie Neculiti huwa l-uffiċjal kap eżekuttiv ta' Stark Industries Solutions Ltd., servizz tal-hosting tal-web irreġistrat bħala kumpanija maildrop fir-Renju Unit. Il-kumpanija tipprovdi hosting ta' servers, b'servers madwar id-dinja kollha.

Il-kumpanija Stark tippermetti lil diversi atturi sponsorizzati mill-istat Russu u affiljati miegħu jwettqu attivitajiet destabilizzanti inkluż manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati u ċiberattakki kontra l-Unjoni u pajjiżi terzi billi tipprovdi servizzi maħsuba biex jaħbu dawn l-attivitajiet mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà Ewropej.

Għaldaqstant, bħala uffiċjal kap eżekuttiv ta' Stark Industries Solutions Ltd., Neculiti qed jappoġġa azzjonijiet mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jheddu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni, f'wieħed mill-Istati Membri tagħha u f'pajjiż terz, billi jiffaċilita l-użu ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati u billi jiffaċilita azzjonijiet immirati kontra l-funzjonament ta' istituzzjonijiet demokratiċi, attivitajiet ekonomiċi jew servizzi ta' interess pubbliku.

Iurie Neculiti huwa assoċjat ma' Ivan Neculiti u ma' Stark Industries.

20.5.2025

28.

Ivan NECULITI

(bir-Russu: Иван НЕКУЛИТИ)

Funzjoni: Uffiċjal kap eżekuttiv ta' Stark Industries u ta' PQ Hosting

Ċittadinanza: Repubblika tal-Moldova

Sess: raġel

Indirizz: 71-75 Shelton Street, Covent Garden, London, United Kingdom; Chisinau, Republic of Moldova

Post tat-twelid: Bender, Moldova

Ivan Neculiti huwa s-CEO ta' Stark Industries Solutions Ltd., servizz tal-hosting tal-web irreġistrat bħala kumpanija maildrop fir-Renju Unit. Il-kumpanija tipprovdi hosting ta' servers b'servers madwar id-dinja kollha.

Il-kumpanija Stark tippermetti lil diversi atturi sponsorizzati mill-istat Russu u affiljati miegħu jwettqu attivitajiet destabilizzanti, inkluż manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati u ċiberattakki kontra l-Unjoni u pajjiżi terzi billi tipprovdi servizzi maħsuba biex jaħbu dawn l-attivitajiet mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà Ewropej.

Ivan Neculiti huwa assoċjat ma' Iurie Neculiti u ma' Stark Industries.

Għaldaqstant, bħala s-CEO ta' Stark Industries Solutions Ltd., Neculiti qed jappoġġa azzjonijiet mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jheddu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni, f'wieħed mill-Istati Membri tagħha u f'pajjiż terz, billi jiffaċilita l-użu ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati u billi jiffaċilita azzjonijiet immirati kontra l-funzjonament ta' istituzzjonijiet demokratiċi, attivitajiet ekonomiċi jew servizzi ta' interess pubbliku.

20.5.2025

29.

Andrei KHARKOVSKY

(bir-Russu: Андрей ХАРКОВСКИЙ)

Funzjoni: Membru ewlieni tal-Union of Cossack Warriors of Russia and Abroad

Ċittadinanza: Russa

Post tat-twelid: Tomsk Region, Russia

Sess: raġel

Indirizz: Germany

Andrei Kharkovsky huwa ċittadin Russu li jgħix il-Ġermanja. Fil-Ġermanja, Kharkovsky jaġixxi bħala rappreżentant tal-Union of Cossack Warriors of Russia and Abroad inkluż billi jorganizza laqgħat ta' stil militari għall-membri tagħha. Il-Union of Cossack Warriors of Russia and Abroad hija entità marbuta mal-Gvern tal-Federazzjoni Russa, u li tieħu sehem fil-gwerra ta' aggressjoni u fl-atti ta' vjolenza tar-Russja fl-Ukrajna b'appoġġ għas-separatisti favur ir-Russa taħt il-premessa ta' ‘missjoni storika’ biex jerġa' jiġi stabbilit il-kontroll Russu fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-Ukrajna.

Andrei Kharkovsky għaldaqstant qed jappoġġa azzjonijiet tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu s-sovranità u s-sigurtà tal-Ukrajna billi jipprova jwaqqa' l-ordni kostituzzjonali tal-Ukrajna.

20.5.2025

30.

Anatoli Yurevich ABRAMOV

Anatoly Yurievich ABRAMOV

(bir-Russu: Анатолий Юрьевич АБРАМОВ)

Funzjoni: Direttur tal-fergħa tal-General Radio Frequency Centre fid-Distrett Federali tal-Majjistral

Ċittadinanza: Russa

Sess: raġel

Anatoly Abramov huwa d-direttur tal-fergħa tal-General Radio Frequency Centre fid-Distrett Federali tal-Majjistral. Il-kapijiet tal-fergħa jinħatru u jitkeċċew mid-Direttur tal-GRFC bi qbil ma' Roskomnadzor, u jaġixxu f'isem il-GRFC.

Huwa jissorvelja l-użu ta' frekwenzi tar-radju u tagħmir fir-reġjun ta' Kaliningrad.

Dan l-aħħar, irriżulta li l-problemi tas-sinjali tal-GPS f'bosta pajjiżi Ewropej ġejjin minn attivitajiet ta' gwerra elettronika minn Kaliningrad, inkluż disturbazzjoni u spoofing ta' sinjali tal-GPS li jaffettwaw l-aktar lill-Istati Baltiċi. Dawn l-attivitajiet fixklu l-avjazzjoni ċivili. L-approvazzjoni tal-GRFC hija parti minn proċess b'erba' passi li l-entitajiet huma meħtieġa jissodisfaw biex jiksbu permess għall-użu tal-ispettru tal-frekwenza tar-radju. L-għarfien tal-GRFC huwa pass meħtieġ qabel ma jittieħdu passi oħra fil-proċess.

Għaldaqstant, Anatoly Abramov huwa responsabbli li ppjana, idderieġa, kien involut fi, direttament jew indirettament, appoġġa jew iffaċilita b'xi mod ieħor azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni jew f'bosta Stati Membri tagħha bl-involviment f'azzjonijiet li għandhom fil-mira tagħhom il-funzjonament tal-infrastruttura kritika.

20.5.2025

31.

Ruslan Vasilyevich NESTERENKO

Ruslan Vasilievich NESTERENKO

(bir-Russu: Руслан Васильевич НЕСТЕРЕНКО)

Funzjoni: Aġent Direttur Ġenerali tal-GRFC

Ċittadinanza: Russa

Sess: raġel

Ruslan Nesterenko huwa l-aġent direttur ġenerali tal-General Radio Frequency Centre (GRFC). Huwa jissorvelja l-użu ta' frekwenzi tar-radju u jaċċerta li jkun hemm konformità mal-leġiżlazzjoni.

Dan l-aħħar, irriżulta li l-problemi tas-sinjali tal-GPS f'bosta pajjiżi Ewropej ġejjin minn attivitajiet ta' gwerra elettronika minn Kaliningrad, ir-Russja, inkluż disturbazzjoni u spoofing ta' sinjali tal-GPS li affettwaw l-aktar lill-Istati Baltiċi u fixklu l-avjazzjoni ċivili. L-approvazzjoni tal-GRFC hija parti minn proċess b'erba' passi li l-entitajiet huma meħtieġa jissodisfaw biex jiksbu permess għall-użu tal-ispettru tal-frekwenza tar-radju. L-għarfien tal-GRFC huwa pass meħtieġ qabel ma jittieħdu passi oħra fil-proċess.

Taħt it-tmexxija ta' Nesterenko, il-GRFC hija involuta fl-ippjanar u fl-appoġġ ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza koordinati li jolqtu l-Istati Membri tal-Unjoni. Skont il-Karta GRFC, id-direttur ġenerali jirrappreżenta l-interessi tal-intrapriża fir-Russja u lil hinn mill-fruntieri tagħha.

Għaldaqstant, Ruslan Nesterenko huwa responsabbli li ppjana, idderieġa, kien involut fi, direttament jew indirettament, appoġġa jew iffaċilita b'xi mod ieħor azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni jew f'bosta Stati Membri tagħha bl-involviment f'azzjonijiet li għandhom fil-mira tagħhom il-funzjonament tal-infrastruttura kritika.

20.5.2025

32.

Viktor Aleksandrovitch LUKOVENKO

(bir-Russu: Виктор Александрович ЛУКОВЕНКО)

magħruf ukoll bħala

Viktor VASILEV

(bir-Russu: Виктор ВАСИЛЬЕВ)

Funzjoni: Kap tal-aġenzija tal-aħbarijiet ‘African Initiative’

Data tat-twelid: 6.4.1985

Ċittadinanza: Użbeka

Sess: raġel

Viktor Lukovenko ilu diversi snin attiv fil-kontinent Afrikan, qabel bħala membru tal-Wagner Group u issa bħala l-kap tal-aġenzija tal-aħbarijiet ‘African Initiative’. Huwa involut fit-tixrid ta' propaganda Russa fil-kontinent. Huwa marbut ma' personaġġi magħrufin sew tal-propaganda Russa fl-Afrika, bħal Kemi Seba. Barra minn hekk, Viktor Lukovenko intbagħat l-Ukrajna fl-2022 qabel il-gwerra, taħt is-superviżjoni ta' kurunell tal-GRU, sabiex jirrekluta simpatizzanti favur ir-Russja.

Għaldaqstant, Viktor Lukovenko huwa responsabbli għall-implimentazzjoni, l-appoġġ jew il-benefiċċju minn azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Unjoni, billi jippjana, jidderieġi, jinvolvi ruħu, direttament u indirettament fi, jappoġġa u jiffaċilita l-użu ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati.

20.5.2025

33.

Oleg Anatoliyovych VOLOSHIN

(bl-Ukren: Олег Анатолійович Волошин;

bir-Russu:Олег Анатольевич Волошин)

Ċittadinanza: Russa

Data tat-twelid: 7.4.1981

Post tat-twelid: Nikolaev, USSR (issa Ukraine)

Nru tal-passaport: ET870130

Nru tal-ID: 1981040705733; 2968200719

Sess: raġel

Oleg Voloshin huwa eks membru tal-parlament Ukren u membru tal-partit politiku favur ir-Russja Opposition Platform for Life (OPFL). Jagħmel parti min-network responsabbli għal ‘Voice of Europe’ u huwa attiv fuq Golos.eu u PolitWera, it-tnejn li huma pjattaformi li jxerrdu diżinformazzjoni u narrattivi favur ir-Russja. Kien involut f'pagamenti ta' tixħim li saru lil politiċi tal-Punent.

Oleg Voloshin uża l-pożizzjoni tiegħu bħala delegat Ukren għall-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (2019-2023) biex jimplimenta l-istrateġija ta' interferenza Russa fl-Ewropa mmexxija mill-oligark favur ir-Russja Viktor Medvedchuk, li jmexxi l-OPFL.

B'mod partikolari, Voloshin ippromwova l-‘pjan ta' paċi’ għall-Ukrajna ta' Medvedchuk, li huwa marbut man-narrattiva Russa dwar il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja. Sabiex jikseb l-appoġġ tar-rappreżentanti eletti Ewropej għall-kawża tiegħu, huwa organizza konferenzi ma' membri parlamentari Franċiżi u Ġermaniżi, li fihom argumenta li l-‘format tan-Normandija’ (Franza, il-Ġermanja, l-Ukrajna, ir-Russja) għandu hekk imsejħa dimensjoni parlamentari li ma taqa' taħt ebda qafas uffiċjali. L-aktar avvenimenti reċenti ġie organizzat minn Voloshin fis-Senat Franċiż fil-11 ta' Frar 2022 (‘Peace process in Ukraine: how to break the deadlock’), ftit jiem qabel l-invażjoni tal-Ukrajna mill-armata Russa.

B’hekk, Oleg Voloshin huwa responsabbli għall-implimentazzjoni, l-appoġġ jew il-benefiċċju minn azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, inkluż il-Ġermanja, billi jippjana, jidderieġi, jinvolvi ruħu, direttament u indirettament fi, it-tfixkil u l-imminar tal-proċess politiku demokratiku.

20.5.2025

34.

Justine Blaise TAGOUH

(bir-Russu: Жюстин Блез ТАГУ)

Funzjoni: CEO tal-grupp tal-istampa International Afrique Media (IAM), li jinkludi l-istazzjon televiżiv Afrique Média, l-analiżi tal-istampa IAM u Courrier Confidentiel

Data tat-twelid: 1959

Sess: raġel

Justin Tagouh huwa s-CEO tal-grupp tal-istampa International Africa Media. Dan il-grupp tal-media għandu rabtiet diretti mal-awtoritajiet Russi, u jxerred in-narrattiva Russa u n-narrattiva kontra l-Punent fil-pajjiżi Afrikani.

Justin Tagouh huwa għaldaqstant responsabbli għall-implimentazzjoni, l-appoġġ u l-benefiċċju minn azzjonijiet jew politiki tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Unjoni u ta' bosta Stati Membri tagħha billi jippjana, jidderieġi, jinvolvi ruħu, direttament jew indirettament fi, jappoġġa jew jiffaċilita b'xi mod ieħor l-użu ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati.

20.5.2025

35.

Mikhaïl Mikhaïlovich PRUDNIKOV

‘Micha’

(bir-Russu: Михаил Михайлович Прудников)

Funzjoni: Membru ta' Africa Politology, entità responsabbli għad-diżinformazzjoni u l-propoganda Russa fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

Post tat-twelid: Tambov Oblast

Ċittadinanza: Russa

Sess: raġel

Mikhaïl Prudnikov huwa attivist favur id-diżinformazzjoni Russa li jopera fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA) li għandu rabtiet mill-qrib mad-dinja ta' Wagner u l-kampanja ta' diżinformazzjoni li qed issir fir-RĊA minn diversi gazzetti u networks. B'mod partikolari, żviluppa narrattiva kontra l-pajjiżi tal-Punent u pparteċipa f'azzjonijiet ta' komunikazzjoni biex idgħajjef u jhedded ir-reputazzjoni tal-Unjoni fir-RĊA.

Mikhaïl Prudnikov huwa għaldaqstant responsabbli għall-implimentazzjoni, l-appoġġ u l-benefiċċju minn azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Unjoni, f'bosta Stati Membri tagħha billi jippjana, jidderieġi, jinvolvi ruħu, direttament jew indirettament fi, jappoġġa jew jiffaċilita b'xi mod ieħor l-użu ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati.

20.5.2025

36.

Sylvain AFOUA

(bir-Russu: Сильвен АФУА)

magħruf ukoll bħala

Egountchi BEHANZIN

(bir-Russu: Эгунчи БЕХАНЗИН)

Funzjoni: Fundatur tal-grupp pan-Afrikan ‘Ligue de défense noire Africaine’ (LDNA).; influwenzatur/attivist magħruf taħt il-psewdonimu ‘Egountchi Behanzin’

Data tat-twelid: 5.11.1988

Post tat-twelid: Madjikpeto, Togo

Ċittadinanza: Franċiża, Togoliża

Sess: raġel

Indirizz: 61 Avenue D'Alfortville 94600 Choisy-le-Roi; 1 Résidence des Avelines 91940 Les Ulis

Numru tat-telefown: 0762655132 / 0753721831

Sit web: www.egountchibehanzin.com

Sylvain Afoua huwa attivist kontra l-Punent, fundatur tal-‘Ligue de défense noire Africaine’ (LDNA) ‘Black African Defence League’, grupp involut f'attakki bi sparar fuq it-territorju Franċiż. L-istruttura ġiet xolta fid-29 ta' Settembru 2021 b'digriet ministerjali Franċiż talli xerrdet ideoloġija li tippromwovi l-mibegħda, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza. Sylvain Afoua ixerred narrattivi u miżinformazzjoni Russi dwar il-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna, li jwettaq b'mod partikolari fil-kontinent Afrikan. Il-messaġġ tiegħu huwa trażmess permezz ta' networks soċjali u s-sit web tal-assoċjazzjoni tiegħu. Regolarment jiġi mistieden fil-fora Russi u barra minn hekk huwa marbut finanzjarjament ma' Wagner Group.

Sylvain Afoua huwa għaldaqstant responsabbli għall-implimentazzjoni, l-appoġġ u l-benefiċċju minn azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà tal-Unjoni, f'bosta Stati Membri tagħha billi jippjana, jidderieġi, jinvolvi ruħu, direttament jew indirettament fi, jappoġġa jew jiffaċilita b'xi mod ieħor l-użu ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati.

20.5.2025

37.

Thomas RÖPER

(bir-Russu: Томас Рёпер)

Funzjoni: korrispondent tal-gwerra

Data tat-twelid: 26.11.1971

Post tat-twelid: Bremen

Ċittadinanza: Ġermaniża

Sess: raġel

Thomas Röper huwa blogger Ġermaniż. Permezz tan-network tiegħu ta' mezzi online bl-isem ‘Anti-Spiegel’ huwa jxerred sistematikament miżinformazzjoni dwar il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u jiddeleġittimizza l-gvern Ukren, speċjalment bil-ħsieb li jimmanipula s-sentiment pubbliku Ġermaniż fir-rigward tal-appoġġ lill-Ukrajna.

Barra minn hekk, jilleġittima l-annessjoni illegali mir-Russja tat-territorju Ukren billi jaqdi r-rwol ta' ‘osservatur’ elettorali u jipparteċipa f'kampanja li tippromwovi r-referendum illegali tar-Russja dwar is-seċessjoni tat-territorji okkupati Russi mill-Ukrajna. Barra minn hekk hu serva bħala kelliem għall-Gvern tal-Federazzjoni Russa biex ixerred narrattivi ta' propoganda Russa, inkluż fil-forum Arria tan-NU.

Thomas Röper huwa għaldaqstant involut fl-użu ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati u fl-appoġġ tagħhom, kif ukoll jiffaċilita kunflitt armat f'pajjiż terz. Huwa assoċjat ukoll ma' Alina Lipp.

20.5.2025”;

(2)

L-entrati li ġejjin jiżdiedu taħt l-intestatura “B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”:

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

Data tal-elenkar

“4.

AFA Media magħrufa ukoll bħala RED

AFA Medya Anonim Şirketi psewdonimu RED

AFA Медиа

Indirizz: Kavacık Mahallesi, Fatih Sultan Mehmet Caddesi, Tonoglu Block No.: 3, Beykoz, Istanbul, Turkey

Tip ta' entità: kumpanija tal-media

Post tar-reġistrazzjoni: Istanbul

Data tar-reġistrazzjoni: 22.11.2022

Nru tal-VAT: 0081804196

Numru ta' reġistrazzjoni 423277-5

Sede prinċipali: Turkey

Website: https://thered.stream/imprint/

Fundatur: Hüseyin Dogru

AFA Medya A.Ş. hija kumpanija tal-media bbażata f'Istanbul. AFA MEDYA A.Ş. topera ‘RED’, li tikkonsisti f’għadd ta’ pjattaformi, u li għandha rabtiet finanzjarji u organizzattivi mill-qrib ma' entitajiet u atturi ta' propaganda tal-istat Russi, u li taqsam rabtiet strutturali fil-fond inkluż interkonnessjonijiet bejn membri tal-persunal individwali u rotazzjoni tagħhom ma' organizzazzjonijiet tal-media tal-istat Russu.

RED użat il-pjattaformi tagħha tal-media – spiss taħt l-isem ‘redstreamnet’ jew ‘thered.stream’ – biex ixerred sistematikament informazzjoni falza dwar suġġetti politikament kontroversjali bl-għan li toħloq inkwiet etniku, politiku u reliġjuż fost l-udjenza tagħha predominantement Ġermaniża, inkluż billi xxandar in-narrattivi ta' gruppi terroristiċi Iżlamiċi radikali bħall-Ħamas.

Waqt l-okkupazzjoni vjolenti ta' università Ġermaniża f'irvell kontra Iżrael, membri tal-persunal ta' RED ikkoordinaw mal-parteċipanti fl-irvell biex ixandru l-vandaliżmu tagħhom - li kien jinkludi l-użu ta' simboli tal-Ħamas - permezz tal-kanali online tar-RED, u b'hekk ipprovdewlhom pjattaforma esklużiva tal-media.

Għaldaqstant AFA Medya Anonim Şirketi tappoġġa azzjonijiet tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Unjoni u f'wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, inkluż billi tappoġġa u tiffaċilita b'mod indirett dimostrazzjonijiet vjolenti u tinvolvi ruħha f'manipulazzjoni ta' informazzjoni kkoordinata.

20.5.2025

5.

Voice of Europe

(bir-Russu: Голос Европы)

Indirizz: Krakovská 583/9, 110 00 Prague, Czech Republic

Sit web: www.voiceofeurope.com, www.voiceofeurope.eu

Tip ta' entità: Kumpanija b'Responsabbiltà Limitata (s.r.o.)

Post tar-reġistrazzjoni: Prague

Data tar-reġistrazzjoni: 14.3.2023

Numru ta' reġistrazzjoni: CZ05185327

Sede prinċipali: Czech Republic

Voice of Europe hija aġenzija tax-xandir online, involuta f'kampanja internazzjonali sistemika ta' manipulazzjoni tal-media u ta' distorsjoni tal-fatti permezz tas-sit web tagħha u l-kontijiet tagħha fuq Facebook, Youtube, Telegram u X. Voice of Europe xxerred diżinformazzjoni miftiehma relatata mal-Ukrajna, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha bl-għan li tappoġġa l-interessi tal-politika estera tal-Federazzjoni Russa. Dgħajfet b'mod sistematiku l-immaġni pubblika tal-Ukrajna u l-isforzi tagħha li tiddefendi lilha nnifisha kontra l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja, u l-kredibilità tal-assistenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha għad-difiża tal-Ukrajna, inkluż qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2024.

Voice of Europe ġiet iffinanzjata u mmexxija b'mod sigriet minn Viktor Medvedchuk, politiku u negozjant Ukren pro-Russu b'rabtiet mill-qrib mat-tmexxija tal-Federazzjoni Russa, permezz tas-soċju tiegħu Artem Marchevskyi. Voice of Europe intużat biex jingħataw riżorsi finanzjarji maħsuba għar-rimunerazzjoni ta' propagandisti u l-bini ta' network ta' influwenza li jgħaqqad lil Medvedchuk u lis-soċji tiegħu mar-rappreżentanti tal-partiti politiċi fl-Ewropa. Għaldaqstant, Voice of Europe kienet involuta f'attivitajiet li jiffaċilitaw il-bini tan-network ta' influwenza ta' Viktor Medvedchuk fl-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

Bl-attivitajiet tagħha, Voice of Europe kienet qed timplimenta u tappoġġa azzjonijiet jew politiki tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija u l-istabbiltà fl-Unjoni u fl-Ukrajna, u li jdgħajfu s-sovranità jew l-indipendenza ta' bosta Stati Membri tagħha, permezz tal-involviment jew l-iffaċilitar b'xi mod ieħor tat-tfixkil jew id-dgħajfin tal-proċess politiku demokratiku, inkluż l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2024, u permezz tal-involviment fl-użu ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati.

20.5.2025

6.

Norebo JSC

Indirizz: Office 510, 43 Schmidta Street, 183038 Murmansk, Russian Federation

Tip ta' entità: Kumpanija b'Ishma Konġunti

Post tar-reġistrazzjoni: Murmansk

Data tar-reġistrazzjoni: 2.11.2007

Numru ta' reġistrazzjoni: 1201000007889

TIN / KPP: 2901170107 / 519001001

Norebo JSC hija kumpanija tas-sajd Russa. Il-bastimenti li huma proprjetà ta' Norebo JSC u operati minnha juru xejriet partikolari ta' moviment li huma inkonsistenti mal-prattika ekonomika u mal-attivitajiet tas-sajd regolari. Dawn ix-xejriet ta' moviment jallinjaw ma' objettivi malizzjużi, bħal viċinanza ripetuta għal infrastruttura kritika u miri militari u tlajjar. Għalhekk, dawn il-movimenti kienu marbuta, inkluż mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u ta' stati terzi, mal-kampanja ta' sorveljanza Russa sponsorjata mill-istat li timpjega fost l-oħrajn bastimenti tas-sajd tat-tkarkir ċivili, biex jitwettqu missjonijiet ta' spjunaġġ diretti kontra l-infrastruttura ċivili u militari fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku. Dawn l-attivitajiet jistgħu jiffaċilitaw operazzjonijiet futuri ta' sabotaġġ. Il-bastimenti tat-tbaħħir li huma proprjetà ta' Norebo JSC u operati minnha ġew mgħammra wkoll b'teknoloġija li tista' tintuża għall-ispjunaġġ. Bastiment ta' Norebo ġie pprojbit milli jidħol fil-faċilitajiet tal-port Netherlandiżi minħabba l-ispjunaġġ.

Norebo JSC irċeviet ukoll bosta self mingħand Sberbank, bank tal-istat Russu.

Barra minn hekk, f'Lulju 2022 ir-Russja ħarġet id-‘duttrina marittima’ l-ġdida tagħha, li tenfasizza l-importanza strateġika tal-bastimenti ċivili u l-ekwipaġġi tagħhom għall-prontezza marittima, inkluż billi tippreparahom għal żmien ta' gwerra u tippermettilhom li jintużaw bħala forzi armati fi żmien ta' paċi.

Għaldaqstant Norebo JSC timplimenta u tappoġġa azzjonijiet tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu s-sigurtà fl-Unjoni, bosta Stati Membri tagħha u pajjiżi terzi billi tinvolvi ruħha u tappoġġa azzjonijiet li għandhom l-għan li jinterferixxu fl-infrastruttura kritika, inkluż l-infrastruttura sottomarina.

20.5.2025

7.

Murman SeaFood

(bir-Russu: Мурман СиФуд, Мурманские морепродукты)

Indirizz: Ulitsa Karla Marksa, 28, Murmansk, Murmansk Oblast, Russia, 183025

Tip ta' entità: kumpanija b'responsabbiltà limitata

Post tar-reġistrazzjoni: Murmansk

Murman SeaFood (MSF) hija kumpanija tas-sajd Russa. Melkart-5 (bir-Russu Мелькарт–5), bastiment propjetà ta' MSF u operat minnha, wera b'mod ripetut imġiba mhix tipika u prattiki ta' navigazzjoni mhux konsistenti mal-attivitajiet tas-sajd normali tagħha, inkluż preżenza mill-qrib tagħha ma' eżerċizzju militari tan-NATO li kien għaddej, u preżenza mill-qrib b'mod regolari ta' infrastruttura kritika u siti militari Norveġiżi. B'mod partikolari Melkart-5 wera prattiki ta' navigazzjoni tassew mhux tas-soltu fil-viċinanza immedjata ta' kejbil sottomarin fil-Baħar tat-Tramuntana Norveġiż qabel ma l-kejbil ġarrab ħsara kbira. Barra minn hekk, l-ekwipaġġ ta' Melkart-5 kiser regolamenti dwar il-ħatt l-art filwaqt li nqabad jinvestiga b'mod klandestin pont Norveġiż kritiku għal finijiet loġistiċi militari.

Barra minn hekk, f'Lulju 2022 ir-Russja ħarġet id- ‘duttrina marittima’ l-ġdida tagħha, li tenfasizza l-importanza strateġika tal-bastimenti ċivili u l-ekwipaġġi tagħhom għall-prontezza marittima, inkluż billi tippreparahom għal żmien ta' gwerra u tippermettilhom li jintużaw bħala forzi armati fi żmien ta' paċi.

Għaldaqstant MSF timplimenta u tappoġġa azzjonijiet tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu s-sigurtà fl-Unjoni, bosta Stati Membri tagħha u pajjiżi terzi billi tinvolvi ruħha f'azzjonijiet li għandhom l-għan li jinterferixxu fl-infrastruttura kritika, inkluż l-infrastruttura sottomarina.

20.5.2025

8.

Federal State Unitary Enterprise ‘Main Radio Frequency Centre’

General Radio Frequency Centre

GRFC

Федеральное Государственное Унитарное Предприятие ‘Главный Радиочастотный Центр’

ФГУП ‘ГРЧЦ’

Indirizz: 7, Derbenevskaya nab. 7 p., Moscow 115114. 15

115114, город Москва, Дербеневская наб, д. 7 стр. 15

Tip ta' entità: Aġenzija federali

Post tar-reġistrazzjoni:, Moscow, Russian Federation

Data tar-reġistrazzjoni: 30.3.2001

BIN: 1027739334479

INN: 7706228218

KPP: 772501001

Sede prinċipali: Russia

Il-General Radio Frequency Centre (GRFC) hija responsabbli biex tiżgura l-użu xieraq tal-frekwenzi tar-radju u apparati għal finijiet militari, u tissorvelja l-konformità mal-leġiżlazzjoni. Hija waħda mill-organizzazzjonijiet prinċipali li tikkontribwixxi għal deċiżjonijiet dwar l-użu u s-superviżjoni tas-settur tal-frekwenzi tar-radju.

Dan l-aħħar, irriżulta li l-problemi tas-sinjali tal-GPS f'bosta pajjiżi Ewropej ġejjin minn attivitajiet ta' gwerra elettronika minn Kaliningrad, inkluż disturbazzjoni u spoofing ta' sinjali tal-GPS li jaffettwaw l-aktar lill-Istati Baltiċi. Dawn l-attivitajiet fixklu l-avjazzjoni ċivili. L-approvazzjoni tal-GRFC hija parti minn proċess b'erba' passi li l-entitajiet huma meħtieġa jissodisfaw biex jiksbu permess għall-użu tal-ispettru tal-frekwenza tar-radju. L-għarfien tal-GRFC huwa pass meħtieġ qabel ma jittieħdu passi oħra fil-proċess.

Iċ-ċentru tal-gwerra elettronika f'Kaliningrad irċieva tagħmir ġdid ta' disturbazzjoni u wettaq eżerċizzji permezz ta' sistemi avvanzati li kapaċi jfixklu komunikazzjonijiet f'żoni mifruxa.

Għaldaqstant, GRFC, hija responsabbli li ppjanat, idderiġiet, kienet involuta fi, direttament jew indirettament, appoġġat jew iffaċilitat b'xi mod ieħor azzjonijiet jew politiki tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni u f'bosta Stati Membri tagħha bl-involviment f'azzjonijiet li għandhom fil-mira tagħhom il-funzjonament tal-infrastruttura kritika u permezz tal-appoġġ jew l-iffaċilitar b’mod ieħor tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza.

20.5.2025

9.

Stark Industries Solutions Ltd.

Data tar-reġistrazzjoni: 10.2.2022

Indirizz: 71-75 Shelton Street, Covent Garden, London, United Kingdom

(indirizz maildrop)

Numru ta' reġistrazzjoni: 13906017

https://stark-industries.solutions/

https://pq.hosting/

Stark Industries Solutions Ltd. hija servizz tal-hosting tal-web irreġistrata bħala kumpanija maildrop fir-Renju Unit. Stark Industries Solutions Ltd. hija propjetà taċ-ċittadini Moldovani Ivan Neculiti u Iurie Neculiti u operata minnhom permezz tas-servizz tal-hosting tal-web PQ Hosting. Il-kumpanija tipprovdi hosting ta' servers, b'servers madwar id-dinja kollha.

Il-kumpanija Stark tippermetti lil diversi atturi sponsorizzati mill-istat Russu u affiljati miegħu li jwettqu attivitajiet destabilizzanti inkluż manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati u ċiberattakki kontra l-Unjoni u pajjiżi terzi, billi tipprovdi servizzi maħsuba biex jaħbu dawn l-attivitajiet mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà Ewropej.

Għaldaqstant, Stark Industries Solutions Ltd. qed tappoġġa azzjonijiet tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jheddu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni, jew f'wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha u f'pajjiż terz, billi tiffaċilita l-użu ta' manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati u billi tiffaċilita azzjonijiet immirati kontra l-funzjonament ta' istituzzjonijiet demokratiċi, attivitajiet ekonomiċi jew servizzi ta' interess pubbliku.

Stark hija assoċjata ma' Ivan Neculiti u Iurie Neculiti.

20.5.2025”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/965/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)