European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/964

20.5.2025

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2025/964

tal-20 ta’ Mejju 2025

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2024/2642 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/963 tal-20 ta’ Mejju 2025 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-8 ta’ Ottubru 2024 il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2024/2642 (2), li jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2643 (3) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja.

(2)

Fl-20 ta’ Mejju 2025, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2025/963, li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2024/2643.

(3)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2025/963 tintroduċi restrizzjonijiet addizzjonali, inter alia, l-emendar tal-kriterji li jiggwidaw id-deżinżjazzjonijiet individwali fl-ambitu tal-listi tal-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli għall-persuni, il-korpi u l-entitajiet elenkati.

(4)

Dawk il-miżuri addizzjonali jipprojbixxu tranżazzjonijiet b’assi tanġibbli li jappoġġaw attivitajiet destabilizzanti mmexxija mir-Russja, bħal bastimenti, inġenji tal-ajru, propjetà immobbli, portijiet, ajruporti, elementi fiżiċi ta netwerks diġitali u ta’ komunikazzjoni. Tali assi tanġibbli jistgħu jinkludu kemm dawk ta’ natura mobbli, kif ukoll dawk ta’ natrura immobbli. L-assi tanġibbli jenħtieġ li jkunu identifikabbli b’mod adegwat sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tal-projbizzjoni.

(5)

Dawk il-miżuri addizzjonali jipprojbixxu wkoll ix-xandir fl-Unjoni minn mezzi tal-media speċifikament deżinjati. Dik il-projbizzjoni hija stabbilita fl-isfond tal-involviment tar-Russja f’kampanja sistematika u internazzjonali ta’ manipulazzjoni tal-media u ta’ distorsjoni tal-fatti sabiex issaħħaħ l-istrateġija destabbilizzanti tagħha kontra l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

(6)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b’reazzjoni għall-azzjonijiet destabbilizzanti tar-Russja, huwa meħtieġ, b’mod konsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif rikonoxxut fl-Artikolu 11 tagħha, li jiġu sospiżi l-liċenzji tax-xandir fl-Unjoni tal-mezzi tal-media speċifikament deżinjati,u li jiġi pprojbit ix-xandir tal-kontenut tagħhom fl-Unjoni, jew dirett lejn l-Unjoni. Huwa mifhum li l-operaturi soġġetti għall-projbizzjoni fuq ix-xandir jinkludu b’mod wiesa’ persuni fiżiċi u entitajiet li jaġixxu kummerċjalment jew professjonalment, kif ukoll dawk li jaġixxu għal benefiċċju ekonomiku, bħal min joħloq kontenut online, bloggers, influencers tal-web li jdaħħlu introjtu mir-reklami, donazzjonijiet, jew miż-żieda fil-bażi ta’ followers.

(7)

B’mod konsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà kif rikonoxxuti fl-Artikoli 11, 16 u 17 tagħha rispettivament, il-projbizzjoni fuq ix-xandir ma tipprevenix lil dawk il-mezzi tal-media jew il-persunal tagħhom milli jwettqu attivitajiet oħra fl-Unjoni minbarra x-xandir, bħar-riċerka u l-intervisti. Dawn il-miżuri ma jimmodifikawx l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inkluż fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fil-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom.

(8)

Dawn l-emendi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2024/2642 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2024/2642 huwa emendat kif ġej:

(1)

(Dan il-punt ma jikkonċernax il-verżjoni bil-Malti);

(2)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 1a

1.   Għandu jkun ipprojbit l-involviment, direttament jew indirittament, fi kwalunkwe tranżazzjoni relatata ma’, jew li tinvolvi, kwalunkwe assi tanġibbli bħal bastimenti, inġenji tal-ajru, propjetà immobbli, portijiet, ajruporti u elementi fiżiċi ta netwerks diġitali u ta’ komunikazzjoni. kif elenkata fl-Anness III.

2.   Il-lista fl-Anness III għandha tinkludi assi tanġibbli li:

(a)

jintużaw f’attivitajiet ta’ karattru destabilizzanti li jipperikolaw jew li jagħmlu ħsara lill-infrastruttura kritika, inkluż l-infrastruttura sottomarina, u li huma attribwibbli għall-Gvern tal-Federazzjoni Russa;

(b)

jintużaw f’attivitajiet ta’ karattru destabilizzanti li jiksru ir-regolamenti nazzjonali, Ewropej jew internazzjonali dwar it-traffiku tal-ajru, tal-baħar jew tal-art, u li huma attribwibbli għall-Gvern tal-Federazzjoni Russa;

(c)

jintużaw f’attivitajiet ta’ karattru destabbilizzanti, inkluż spjunaġġ u sorveljanza, it-trasport ta’ armi jew tagħmir u persunal militari, manipulazzjoni u interferenza tal-informazzjoni, u li huma attribwibbli lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa jew għall-benefiċċju tiegħu;

(d)

ikunu proprjetà ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, mikrija jew operata minnhom, jew inkella tintuża f’isem tali persuni, b’rabta magħhom, jew għall-benefiċċju tagħhom.

3.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal tranżazzjonijiet meħtieġa għal raġunijiet ta’ sikurezza marittima jew tal-avjazzjoni, jew għal finijiet umanitarji, jew għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li x’aktarx ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew tal-ambjent, jew bħala rispons għal diżastri naturali.

4.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal tranżazzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent jew l-infurzar ta’ sentenza jew deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fi Stat Membru, jew għall-finijiet ta’ investigazzjoni dwar ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jew ta’ attività illeċita oħra.

5.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw tranżazzjonijiet marbuta ma’, jew li jinvolvu, assi tanġibbli elenkata fl-Anness III skont dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw, skont il-każ, li t-tranżazzjoni hija strettament meħtieġa għal kwalunkwe skop konsistenti mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tali awtorizzazzjoni fi żmien ġimagħtejn minnha.

Artikolu 1b

1.   Għandu jkun ipprojbit l-involviment, dirett jew indirett, fi kwalunkwe tranżazzjoni ma’:

(a)

persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti barra mill-Unjoni li jkunu istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja jew entità li tipprovdi servizzi tal-kriptoassi, involuti fi tranżazzjonijiet li jiffaċilitaw, direttament jew indirettament, attivitajiet minn, jew inkella li jappoġġaw lil, persuni, entitajiet jew korpi involuti fl-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(3), kif elenkati fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament, jew li b’xi mod ieħor ikunu ta’ benefiċċju għalihom; jew

(b)

persuna fiżika, entità jew korp li jipprovdu għajnuna teknika jew operazzjonali lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti fl-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(3), kif elenkati fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament;

2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal tranżazzjonijiet li huma:

(a)

meħtieġa għall-esportazzjoni, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew it-trasport ta’ prodotti farmaċewtiċi, mediċi jew agrikoli u tal-ikel, inkluż il-qamħ u l-fertilizzanti;

(b)

strettament meħtieġa biex jiġi żgurat aċċess għal proċedimenti ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali fi Stat Membru, kif ukoll għar-rikonoxximent jew l-infurzar ta’ sentenza jew deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fi Stat Membru, dment li tali tranżazzjonijiet ikunu konsistenti mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament u dawk tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/ (*1); jew

(c)

meħtieġa għal finijiet umanitarji, bħat-twassil jew l-iffaċilitar tat-twassil ta’ assistenza, inklużi provvisti mediċi, ikel, jew it-trasferiment ta’ ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għal evakwazzjonijiet.

Artikolu 1c

1.   Għandu jkun ipprojbit għall-operaturi li jxandru jew li jippermettu, jiffaċilitaw jew jikkontribwixxu b’xi mod ieħor għax-xandir ta’ kwalunkwe kontenut mill-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness V, inkluż permezz ta’ trażmissjoni jew distribuzzjoni bi kwalunkwe mezz, bħal kejbil, satellita, IP-TV, fornituri ta’ servizzi tal-internet, pjattaformi jew applikazzjonijiet ta’ video-sharing tal-internet, kemm jekk ġodda kif ukoll jekk installati minn qabel.

2.   Kwalunkwe liċenzja jew awtorizzazzjoni tax-xandir, trażmissjoni jew arranġament ta’ distribuzzjoni mal-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness V għandhom jiġu sospiżi.

3.   Għandu jkun ipprojbit li jiġu rreklamati prodotti jew servizzi fi kwalunkwe kontenut prodott jew imxandar mill-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness V, inkluż permezz ta’ trażmissjoni jew distribuzzjoni bi kwalunkwe wieħed mill-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”

(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2643 tat-8 ta’ Ottubru 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja (ĠU L, 2024/2643, 9.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2643/oj).”;"

(3)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Anness I għandu jinkludi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma:

(a)

responsabbli għall-implimentazzjoni, l-appoġġ, il-benefiċċju minn, l-involviment fi jew il-faċilitazzjoni ta’azzjonijiet jew politiki attribwibbli lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni jew f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, f’organizzazzjoni internazzjonali, jew f’pajjiż terz, jew li jdgħajfu jew jheddu s-sovranità jew l-indipendenza ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, jew ta’ pajjiż terz, permezz ta’ kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(i)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment, direttament jew indirettament, l-appoġġ, jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor tat-tfixkil jew l-imminar tal-proċess politiku demokratiku jew tal-ordni pubblika u s-sikurezza, inkluż billi jostakolaw jew jimminaw l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet jew billi jippruvaw jiddestabbilizzaw jew iwaqqgħu l-ordni kostituzzjonali;

(ii)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment, direttament jew indirettament, l-appoġġ jew b’xi mod ieħor l-iffaċilitar ta’ dimostrazzjonijiet vjolenti;

(iii)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment, direttament jew indirettament, l-appoġġ jew b’xi mod ieħor l-iffaċilitar ta’ atti ta’ vjolenza fiżika jew mhux fiżika, inkluż attivitajiet li jsikktu, jintimidaw, jisforzaw, iwasslu għal tpattija kontra persuni li jikkritikaw l-azzjonijiet jew il-politiki tal-Federazzjoni Russa;

(iv)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment, direttament jew indirettament, l-appoġġ jew b’xi mod ieħor l-iffaċilitar tal-użu tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza;

(v)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment, direttament jew indirettament, l-appoġġ jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor ta’ kwalunkwe azzjoni mmirata lejn il-funzjonament ta’ istituzzjonijiet demokratiċi, l-attivitajiet ekonomiċi jew is-servizzi ta’ interess pubbliku, inkluż permezz ta’ dħul mhux awtorizzat fit-territorju ta’ Stat Membru, inkluż l-ispazju tal-ajru tiegħu, jew immirata biex tinterferixxi, tagħmel ħsara jew teqred, inkluż permezz ta’ sabotaġġ jew attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi bħala parti minn attivitajiet ibridi, l-infrastruttura kritika, inkluża infrastruttura submarina;

(vi)

l-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment, direttament jew indirettament, l-appoġġ jew l-iffaċilitar b’xi mod ieħor tal-istrumentalizzazzjoni tal-migranti kif imsemmi fl-Artikolu 1(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1359;

(vii)

it-teħid ta’ vantaġġ minn kunflitt armat, mill-instabbiltà jew mill-insigurtà, inkluż permezz tal-isfruttament ta’, jew il-kummerċ illeċiti ta’, riżorsi naturali u ta’ annimali selvaġġi f’pajjiż terz;

(viii)

l-istigazzjoni, l-appoġġ jew b’xi mod ieħor l-iffaċilitar ta’ kunflitt vjolenti, f’pajjiż terz;

(b)

assoċjati ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati taħt il-punt (a);

(c)

li jappoġġaw lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti f’attivitajiet imsemmijin fil-punt (a).”

;

(4)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 1, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(c)

persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Annessi IV jew V ta’ dan ir-Regolament, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti barra l-Unjoni li d-drittijiet proprjetarji tagħhom ikunu proprjetà diretta jew indiretta għal aktar minn 50 % minnhom;

(d)

kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’ jew f’isem waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi msemmija fil-punt (c) ta’ dan il-paragrafu”

;

(5)

L-Annessi III, IV u V jiżdiedu f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)   ĠU L, 2025/963, 20.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/963/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/2642 tat-8 ta’ Ottubru 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja (ĠU L, 2024/2642, 9.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2642/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2643 tat-8 ta’ Ottubru 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja (ĠU L, 2024/2643, 9.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2643/oj).


ANNESS

Fl-Annessi għar-Regolament (UE) 2024/2642, jiżdiedu l-Annessi li ġejjin:

“ANNESS III

Lista ta’ assi tanġibbli msemmija fl-Artikolu 1a

[…]

ANNESS IV

Lista ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 1b

[…]

ANNESS V

Lista ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 1c

[…]”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/964/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)