|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/944 |
23.5.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/944
tat-22 ta’ Mejju 2025
li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-Karbonat tad-DDA għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
Billi:
|
(1) |
Il-Karbonat tad-DDA ddaħħal fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8. Għalhekk, skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ġie kkunsidrat bħala approvat skont dak ir-Regolament sal-31 ta’ Jannar 2023 soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE. |
|
(2) |
Fil-31 ta’ Lulju 2021, tressqet applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-Karbonat tad-DDA għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 (“l-applikazzjoni”). |
|
(3) |
Fis-26 ta’ Ottubru 2021, l-awtorità kompetenti li tevalwa tal-Iżvizzera għarrfet lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti li tevalwa trid twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha. |
|
(4) |
L-awtorità kompetenti li tevalwa tista’, skont il-każ, teżiġi li l-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jisboq total ta’ 180 jum sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal min-natura tad-data rikjesta jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali. |
|
(5) |
Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti li tevalwa, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) trid tħejji opinjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva u tippreżentaha lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
|
(6) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1484 (3) ipposponiet l-iskadenza tal-approvazzjoni tal-Karbonat tad-DDA għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 għall-31 ta’ Lulju 2025, biex ikun hemm biżżejjed żmien għall-eżami tal-applikazzjoni. |
|
(7) |
Fit-12 ta’ Diċembru 2024, l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni infurmat lill-Kummissjoni li l-evalwazzjoni ddewmet minħabba l-ħtieġa għal iżjed żmien biex titlesta l-valutazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali. L-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tistenna li tissottometti r-rapporti ta’ valutazzjoni tat-tiġdid lill-Aġenzija fit-tieni nofs tal-2026. |
|
(8) |
Għaldaqstant, għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni x’aktarx li se tiskadi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni. Għalhekk huwa xieraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta ulterjorment għal perjodu ta’ żmien biżżejjed biex ikun jista’ jsir l-eżami tal-applikazzjoni. Wara li tqiesu l-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjonijiet mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, u għat-tħejjija u għall-preżentazzjoni mill-Aġenzija tal-opinjoni tagħha u biex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk iġġeddidx l-approvazzjoni tal-Karbonat tad-DDA għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għall-31 ta’ Jannar 2028. |
|
(9) |
Wara l-posponiment ulterjuri tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, il-Karbonat tad-DDA jibqa’ approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iskadenza tal-approvazzjoni tal-Karbonat tad-DDA għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1484 hija posposta għall-31 ta’ Jannar 2028.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.
(2) Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/8/oj).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1484 tas-7 ta’ Settembru 2022 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-Karbonat tad-DDA għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 233, 8.9.2022, p. 79; ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1484/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/944/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)