European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/925

19.5.2025

REGOLAMENT (UE) 2025/925 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Mejju 2025

dwar strument għall-iżvilupp u t-tkabbir tar-Reġjuni tal-Fruntiera (BRIDGEforEU)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Artikolu 175, it-tielet paragrafu, TFUE jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati azzjonijiet speċifiċi barra mill-Fondi msemmija fl-Artikolu 175, l-ewwel paragrafu, TFUE. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni territorjali tikkontribwixxi għall-objettivi msemmija fl-Artikolu 174 TFUE. Għalhekk huwa xieraq li jiġu adottati l-miżuri li huma meħtieġa biex jittejbu l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni territorjali.

(2)

L-Artikolu 174, it-tielet paragrafu, TFUE jirrikonoxxi li ir-reġjuni transfruntieri jiffaċċaw ċerti sfidi u jipprevedi li l-Unjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lil dawk ir-reġjuni meta tiżviluppa u twettaq azzjonijiet li jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni.

(3)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Settembru 2017 bl-isem “Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE” rrikonoxxiet il-progress li sar sa issa fit-trasformazzjoni ta’ tali reġjuni minn żoni prinċipalment periferali f’oqsma ta’ tkabbir u opportunitajiet, iżda enfasizzat ukoll l-ostakli legali u oħrajn li jippersistu f’dawk ir-reġjuni, b’mod partikolari l-ostakli relatati mas-servizzi tas-saħħa, ir-regolamentazzjoni tax-xogħol, it-taxxi u l-iżvilupp tan-negozju u l-ostakli marbuta mad-differenzi fl-oqfsa legali u fil-kulturi amministrattivi nazzjonali. La l-finanzjament tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, ipprovdut b’mod partikolari fil-kuntest tal-programmi “Interreg” stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2021/1059 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u lanqas l-appoġġ istituzzjonali għall-kooperazzjoni mir-raggruppamenti Ewropej ta’ kooperazzjoni territorjali (“REKT”) stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jew mill-inizjattiva b-solutions imnedija fl-2018 mill-Kummissjoni ma huma biżżejjed biex jindirizzaw is-soluzzjoni ta’ wħud mill-ostakli amministrattivi u legali li jxekklu l-kooperazzjoni effettiva.

(4)

Ir-reġjuni transfruntieri huma fir-riskju li jiġu affettwati b’mod sproporzjonat fi żminijiet ta’ kriżi. Matul il-pandemija tal-COVID-19, l-impatt ekonomiku negattiv fuq ir-reġjuni transfruntieri minħabba miżuri relatati mal-fruntieri meħuda mill-Istati Membri kien aktar mid-doppju tal-impatt medju fuq ir-reġjuni kollha tal-Unjoni mil-lat ta’ telf ta’ PDG. Dik l-esperjenza ssaħħaħ il-ħtieġa li jiġi previst mezz biex jiġu indirizzati l-ostakli transfruntieri.

(5)

L-ostakli u d-diskrepanzi ta’ natura legali jew amministrattiva li jinħolqu fil-fruntieri interni tal-Unjoni u potenzjalment idgħajfu l-interazzjoni transfruntiera u l-iżvilupp ta’ reġjuni transfruntieri huma diffiċli biex jiġu indirizzati mill-Istati Membri waħedhom. Konsegwentement, jenħtieġ li s-sejbien ta’ mod kif jissolvew dawk l-ostakli jiġi ffaċilitat billi jiġi ppilotat qafas ċar u komprensiv fil-livell tal-Unjoni li jippermetti lill-Istati Membri jikkooperaw u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom. Jenħtieġ li r-rikors għall-qafas stabbilit skont dan ir-Regolament ikun fakultattiv għall-Istati Membri.

(6)

Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jirrikorru għal dak il-qafas, jenħtieġ li jkunu marbuta bi standards komuni.

(7)

Fil-valutazzjoni tagħha tad-data mill-perjodu 2014-2019, l-istudju dwar il-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew rilevanti mwettaq mis-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew sab li s-soluzzjoni tal-ostakli transfruntieri ġġib benefiċċji sinifikanti għar-reġjuni tal-fruntiera NUTS 3 u għall-ekonomija tal-Unjoni kollha kemm hi. B’mod aktar preċiż, il-benefiċċju tal-valur miżjud gross (GVA) totali tas-soluzzjoni tal-ostakli legali u amministrattivi kollha jrendi madwar EUR 457 biljun fis-sena, li jirrappreżenta 3,8 % tal-GVA totali tal-UE għall-2019. Is-soluzzjoni ta’ 20 % tal-ostakli transfruntieri għar-reġjuni tal-fruntiera kollha tirriżulta f’benefiċċju totali tal-GVA ta’ EUR 123 biljun fis-sena, li jirrappreżenta madwar 1 % tal-GVA totali tal-UE għall-2019, kif ukoll benefiċċju ta’ miljun impjieg li jirrappreżentaw madwar 0,5 % tal-impjiegi totali fil-livell tal-Unjoni.

(8)

Minkejja li diġà jeżistu diversi għodod legali biex jissolvew l-ostakli transfruntieri fil-livell intergovernattiv, nazzjonali, reġjonali u lokali f’ċerti reġjuni tal-Unjoni, dawn ma jkoprux ir-reġjuni kollha tal-fruntieri fl-Unjoni u lanqas ma jindirizzaw neċessarjament kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp u t-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali b’mod konsistenti. Dan ir-Regolament jikkomplementa l-għodod eżistenti permezz ta’ qafas addizzjonali stabbilit mil-liġi tal-Unjoni li jinkludi l-Għodda ta’ Faċilitazzjoni Transfruntiera.

(9)

Sabiex ikun aktar faċli li jiġu ttrattati fajls li jikkonċernaw ostakli transfruntieri, jenħtieġ li l-Istati Membri li ddeċidew japplikaw il-qafas jistabbilixxu punt ta’ koordinazzjoni transfruntier wieħed jew aktar, li jkopru reġjun tal-fruntiera wieħed jew aktar ta’ dawk l-Istati Membri. Jenħtieġ li tali punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri jkunu responsabbli biex jirċievu fajls transfruntieri u jinfurmaw lill-inizjaturi. Jenħtieġ li l-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri jikkollaboraw mal-Kummissjoni u jappoġġaw ir-rwol ta’ koordinazzjoni tagħha. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeċiedu f’konformità mal-qafas legali, amministrattiv u istituzzjonali tagħhom stess jekk il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier għandux jiġi fdat b’kompiti addizzjonali, bħall-valutazzjoni ta’ fajls transfruntieri, jew jekk dawk il-kompiti għandhomx jiġu ttrattati minn awtorità kompetenti.

(10)

Jenħtieġ li meta Stat Membru ma jistabbilixxix punt ta’ koordinazzjoni transfruntier, jippreżenta informazzjoni dwar l-awtorità rilevanti lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli li dik l-awtorità rilevanti tiġi kkuntattjata u li tirċievi informazzjoni minn punt ta’ koordinazzjoni transfruntier ta’ Stat Membru ġar li jittratta fajl transfruntier. Meta awtorità rilevanti tiġi kkuntattjata minn punt ta’ koordinazzjoni transfruntier ta’ Stat Membru ġar li jittratta fajl transfruntier jew tirċievi informazzjoni minn tali punt ta’ koordinazzjoni transfruntier, jenħtieġ li din ma twassalx għal obbligu skont dan ir-Regolament għall-awtorità rilevanti biex issolvi ostaklu transfruntier. B’mod partikolari, jenħtieġ li dik l-awtorità ma tkunx meħtieġa teżamina l-fajl jew twieġeb lill-inizjatur.

(11)

Sabiex jiġi appoġġat l-istabbiliment ta’ punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri, jenħtieġ li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jallokaw riżorsi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali taħt il-programmi Interreg skont l-Artikolu 14, il-paragrafu 4, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/1059 u r-riżorsi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew tal-Fond ta’ Koeżjoni, kif xieraq, taħt l-għan tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir skont l-Artikolu 3, il-paragrafu 4, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(12)

Jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali jew ftehimiet internazzjonali bejn l-Istati Membri li jipprevedu proċeduri ekwivalenti.

(13)

Minkejja l-fatt li r-reġjuni tal-fruntieri marittimi huma differenti fin-natura tagħhom mir-reġjuni tal-fruntieri tal-art, minħabba possibbiltajiet aktar limitati għal interazzjonijiet transfruntieri, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika wkoll għar-reġjuni tal-fruntieri marittimi. Meta Stat Membru jkollu fruntieri kemm tal-art kif ukoll marittimi ma’ Stati Membri oħra u jiddeċiedi li jistabbilixxi punt ta’ koordinazzjoni transfruntier wieħed jew aktar, jenħtieġ li dak l-Istat Membru ma jkunx meħtieġ jistabbilixxi punt ta’ koordinazzjoni transfruntier għal fruntiera marittima kondiviża ma’ Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li l-Istati Membri li jkollhom biss fruntieri marittimi ma’ Stati Membri oħra la jkunu meħtieġa jistabbilixxu punt ta’ koordinazzjoni transfruntier u lanqas jippreżentaw informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-awtorità rilevanti jew kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mill-Anness.

(14)

Filwaqt li dan ir-Regolament ma japplikax għal ostakli transfruntieri fir-reġjuni tal-fruntiera bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jistabbilixxu oqfsa proċedurali ekwivalenti skont il-liġi nazzjonali biex jidentifikaw u jsolvu ostakli transfruntieri legali u amministrattivi fil-kooperazzjoni tagħhom ma’ pajjiżi terzi.

(15)

Jeżistu diversi għodod mhux ġudizzjarji fil-livell tal-Unjoni għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-liġi tal-Unjoni, inkluż b’mod partikolari dawk marbuta mas-suq uniku, bħal SOLVIT (7). Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun mingħajr preġudizzju għal tali għodod. Jenħtieġ li l-qafas previst minn dan ir-Regolament japplika biss għall-ostakli transfruntieri li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet jew prattiki leġiżlattivi jew amministrattivi, inkluż dawk id-dispożizzjonijiet jew prattiki li japplikaw il-liġi tal-Unjoni b’mod korrett iżda b’mod diverġenti, li għandhom il-potenzjal li jfixklu b’mod mhux intenzjonat l-ippjanar jew l-implimentazzjoni ta’ servizzi pubbliċi jew infrastruttura transfruntieri. Jenħtieġ li każijiet li jinvolvu ksur potenzjali tal-liġi tal-Unjoni minn awtorità pubblika fi Stat Membru ma jiġux ittrattati fil-qafas previst minn dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament huwa wkoll mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni stabbiliti għas-sigurtà soċjali jew it-tassazzjoni.

(16)

Sabiex jiġu identifikati l-ostakli transfruntieri possibbli li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li jiġu ddefiniti s-sitwazzjonijiet li jikkwalifikaw bħala interazzjonijiet transfruntieri. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għal kwalunkwe infrastruttura għal attivitajiet transfruntieri jew għal servizzi pubbliċi transfruntieri. L-infrastruttura meħtieġa għal attivitajiet transfruntieri jistgħu jiġu affettwati minn ostakli transfruntieri, pereżempju meta jkun hemm standards tekniċi differenti għall-bini jew għall-vetturi, inkluż għal tagħmir relatat. Is-servizzi pubbliċi transfruntieri jiġu pprovduti fuq bażi fit-tul u għandhom l-għan li jiġġeneraw benefiċċji għall-pubbliku ġenerali jew għal grupp fil-mira speċifiku fir-reġjun tal-fruntiera li fih jiġi pprovdut is-servizz, u b’hekk itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u l-koeżjoni territorjali f’dawk ir-reġjuni.

(17)

Jenħtieġ li fajl transfruntier jiġi ppreżentat minn inizjatur, entità li tistà tkun privata jew pubblika. Sabiex jiġi ffaċilitat it-trattament ta’ fajls transfruntieri u jiġi stabbilit network ta’ korpi nazzjonali li jkunu jistgħu jikkollaboraw ma’ xulxin dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu punt ta’ koordinazzjoni transfruntier wieħed jew aktar fil-livell nazzjonali jew reġjonali. Jenħtieġ li żewġ Stati Membri ġirien jew aktar ikunu jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu punt ta’ koordinazzjoni transfruntier konġunt kompetenti għal wieħed jew aktar mir-reġjuni transfruntieri tagħhom.

(18)

Jenħtieġ li Stat Membru jkollu l-possibbiltà li jistabbilixxi punt ta’ koordinazzjoni transfruntier bħala parti minn awtorità, korp irregolat bil-liġi pubblika jew entità permanenti eżistenti, irrispettivament minn jekk dik l-awtorità, korp jew entità għandhiex personalità ġuridika, b’mod partikolari billi jafdaha bil-kompiti ta’ punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew bħala awtorità, korp irregolat bil-liġi pubblika jew entità permanenti separati,. Tali awtoritajiet, korpi u entitajiet jistgħu, pereżempju, ikunu kumitati jew kummissjonijiet ta’ kooperazzjoni transfruntiera, stabbiliti fil-qafas ta’ kooperazzjoni bilaterali jew trattati ta’ ħbiberija; kummissjonijiet intergovernattivi għall-kooperazzjoni transfruntiera jew is-segretarjati tagħhom; kunsilli, segretarjati jew segretarjati ġenerali, stabbiliti fil-qafas tal-ftehimiet multinazzjonali għall-kooperazzjoni; uffiċċji nazzjonali ta’ koordinazzjoni, ċentri jew punti ta’ kuntatt nazzjonali, jew strutturi simili stabbiliti fil-qafas ta’ politiki settorjali Ewropej oħra; u l-awtoritajiet tal-programm Interreg u r-REKT.

(19)

Sabiex jiġi stabbilit qafas għat-trattament ta’ fajls transfruntieri li jkun komuni għall-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri kollha, huwa meħtieġ li jiġu ddefiniti l-kompiti li għandu jwettaq kull punt ta’ koordinazzjoni transfruntier. Jenħtieġ li l-punt ta’ koordinazzjoni transfruntieri jaġixxi bħala “punt uniku ta’ servizz” għall-inizjaturi u jenħtieġ li jkun il-punt ta’ kuntatt uniku għall-inizjatur. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li d-dettalji ta’ kuntatt għall-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri jkunu disponibbli, viżibbli u aċċessibbli pubblikament. Sabiex ikun jista’ jsir segwitu għall-eżitu tal-fajls transfruntieri u biex tiżdied it-trasparenza dwar is-soluzzjoni tal-ostakli transfruntieri, jenħtieġ li l-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri jkunu responsabbli wkoll għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistipula obbligi fir-rigward tal-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri differenti fi Stat Membru wieħed u bejn il-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri ta’ Stati Membri ġirien.

(20)

Jenħtieġ li jkun possibbli biss li inizjatur jippreżenta fajl transfruntier jekk l-ostaklu jkun jappartjeni għal fruntiera li għaliha jkun ġie stabbilit mill-inqas punt ta’ koordinazzjoni transfruntier wieħed. Jenħtieġ li fajl transfruntier jiġi ppreżentat mill-inizjatur darba biss. Meta inizjatur ieħor fi Stat Membru ieħor jippreżenta wkoll fajl transfruntier relatat mal-istess ostaklu transfruntier, jenħtieġ li l-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri ta’ dawk l-Istati Membri jikkollaboraw ma’ xulxin biex jiġu evitati proċeduri paralleli li jikkonċernaw l-istess ostaklu transfruntier.

(21)

Il-kumplessità tal-liġi nazzjonali applikabbli tista’ tagħmilha diffiċli li tiġi identifikata d-dispożizzjoni speċifika li tikkostitwixxi ostaklu transfruntier. Jenħtieġ għalhekk li, abbażi tal-esperjenza bil-b-solutions, l-inizjatur jiddeskrivi biss is-sitwazzjoni u l-problema li għandha tissolva.

(22)

Sabiex jiġi stabbilit qafas proċedurali li jiżgura ċ-ċertezza legali għall-inizjatur ta’ fajl transfruntier, jenħtieġ li l-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jivvaluta l-fajl transfruntier u jwieġeb lill-inizjatur f’limitu ta’ żmien raġonevoli, li, bħala regola, jenħtieġ li jkun dak stabbilit skont il-liġi nazzjonali. Meta l-liġi nazzjonali ma tipprevedix limitu ta’ żmien standard għal tweġiba għal talba ekwivalenti, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi limiti ta’ żmien xierqa. Jenħtieġ li dawk il-limiti ta’ żmien jibdew mid-data tal-wasla ta’ fajl transfruntier jew fajl transfruntier rivedut, inkluż f’każijiet fejn ikun wasal fajl wara trasferiment minn punt ta’ koordinazzjoni transfruntier ieħor jew awtorità kompetenti oħra.

(23)

L-analiżi ta’ fajl transfruntier tista’ tikkonkludi li ma hemm l-ebda ostaklu transfruntier. F’każ bħal dan, jenħtieġ li l-fajl transfruntier jingħalaq.

(24)

Ladarba l-eżistenza ta’ ostaklu transfruntier tkun ġiet ikkonfermata, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom id-diskrezzjoni li jagħżlu l-għodda xierqa biex isolvu l-ostaklu transfruntier fir-reġjun transfruntier ikkonċernat. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddependu fuq kwalunkwe ftehim internazzjonali fis-seħħ jew proċedura oħra eżistenti skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat. Meta dak l-Istat Membru jqis li l-istrumenti disponibbli ma jippermettulux isolvi l-ostaklu transfruntier, jenħtieġ li jitħalla joħloq mekkaniżmi ad hoc għal dak l-għan. Jenħtieġ li jkun possibbli li dan isir jew individwalment jew, jekk ikun meħtieġ u miftiehem, b’mod konġunt mal-Istat Membru ġar. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu r-raġunijiet għall-passi ta’ valutazzjoni meħuda u jindikaw opzjonijiet possibbli ta’ rimedju legali, inkluż f’każijiet fejn jikkonkludu li l-allegat ostaklu identifikat fil-fajl transfruntier ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(25)

Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli li l-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew l-awtorità kompetenti jużaw l-Għodda ta’ Faċilitazzjoni Transfruntiera. Billi l-eżitu tal-proċedura jista’ jvarja xi ftit, skont jekk in-natura tal-ostaklu transfruntier possibbli tkunx amministrattiva jew leġiżlattiva, dan jenħtieġ li jitqies mill-Għodda ta’ Faċilitazzjoni Transfruntiera. Meta l-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew l-awtorità kompetenti jiddeċiedu li jsolvu l-ostaklu transfruntier identifikat billi japplikaw l-Għodda ta’ Faċilitazzjoni Transfruntiera, jista’ jkun meħtieġ li ssir koordinazzjoni mal-Istat Membru ġar. Meta l-Istat Membru kkonċernat u l-Istat Membru ġar ikunu t-tnejn lesti li jniedu l-proċedura leġiżlattiva meħtieġa jew li jibdlu d-dispożizzjonijiet jew il-prattiki amministrattivi tagħhom, tali koordinazzjoni tista’ tieħu l-forma ta’ kumitat konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti u l-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri tal-Istati Membri kkonċernati.

(26)

Sabiex jiġi pprovdut qafas proċedurali effettiv biex jiġu ttrattati l-fajls transfruntieri, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistipula l-passi proċedurali essenzjali, irrispettivament minn jekk l-ostaklu jkunx ta’ natura amministrattiva jew ta’ natura leġiżlattiva. L-eżistenza ta’ sistemi legali differenti fl-Istati Membri ġirien tista’ twassal biex ostaklu transfruntier jikkwalifika bħala dispożizzjoni jew prattika amministrattiva fi Stat Membru wieħed iżda bħala dispożizzjoni leġiżlattiva fl-ieħor. Għalhekk jenħtieġ li kull Stat Membru jagħżel li japplika l-proċedura xierqa skont is-sistema legali tiegħu stess. Jenħtieġ li l-Istati Membri ġirien jikkoordinaw il-proċeduri rispettivi tagħhom kemm jista’ jkun. Meta tittieħed pożizzjoni finali fuq fajl, jenħtieġ li dik il-pożizzjoni tiġi kkomunikata lill-inizjatur, flimkien mar-raġunijiet għaliha.

(27)

Dan ir-Regolament ma jimplika l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri biex isolvu ostaklu transfruntier.

(28)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi fdata b’kompiti rilevanti għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-livell tal-Unjoni u biex tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri, inkluż it-tisħiħ tal-kapaċitajiet. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, b’mod partikolari, tappoġġa l-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri billi tippromwovi l-iskambju ta’ esperjenzi bejn dawk il-punti ta’ koordinazzjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli li dak l-appoġġ ukoll jikkonsisti f’għodod ibbażati fuq l-assistenza teknika bħall-b-solutions.

(29)

Sabiex ikun jista’ jsir tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Sabiex jiġi żgurat li tinġabar biżżejjed evidenza dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tal-Għodda ta’ Faċilitazzjoni Transfruntiera, jenħtieġ li dak ir-rapport jiġi ppreżentant ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(30)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali, josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u ma għandu impatt negattiv fuq ebda wieħed minn dawk id-drittijiet fundamentali. Peress li r-Regolament għandu l-għan li jsolvi l-ostakli transfruntieri, jista’ jrawwem id-dritt ta’ aċċess għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, kif stabbilit fl-Artikolu 36 tal-Karta, u l-libertà ta’ intrapriża, kif stabbilit fl-Artikolu 16 tal-Karta. Il-firxa wiesgħa ta’ servizzi bħal dawn tista’ trawwem ukoll l-aċċess għall-kura tas-saħħa, kif stabbilit fl-Artikolu 35 tal-Karta. B’mod aktar ġenerali, peress li s-servizzi tat-trasport pubbliku transfruntier x’aktarx li jibbenefikaw mill-Għodda ta’ Faċilitazzjoni Transfruntiera, dan ir-Regolament jista’ jkollu impatt pożittiv fuq il-libertà tal-moviment u tar-residenza, kif stabbilit fl-Artikolu 45 tal-Karta.

(31)

L-esperjenza turi li l-Istati Membri wettqu inizjattivi individwali, bilaterali jew saħansitra multilaterali sabiex isolvu ostakli transfruntieri legali. Madankollu, dawk l-għodod ma jeżistux fl-Istati Membri kollha jew għall-fruntieri kollha ta’ Stat Membru partikolari. Barra minn hekk, minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba n-natura transfruntiera tal-ostakli, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(32)

F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. L-użu tal-Għodda ta’ Faċilitazzjoni Transfruntiera skont dan ir-Regolament huwa fakultattiv għal kull Stat Membru. Jenħtieġ li Stat Membru jiddeċiedi, fir-rigward ta’ fruntiera speċifika ma’ Stat Membru ġar wieħed jew aktar, li jsolvi l-ostakli transfruntieri permezz tal-għodod eżistenti li jkun stabbilixxa fil-livell nazzjonali jew ma’ Stat Membru ġar wieħed jew aktar. Għalhekk, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fir-reġjuni transfruntieri,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni u s-soluzzjoni ta’ ostakli transfruntieri li jxekklu l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ kwalunkwe infrastruttura meħtieġa għal attivitajiet transfruntieri pubbliċi jew privati, jew ta’ kwalunkwe servizz pubbliku transfruntier li huwa pprovdut f’reġjun transfruntier partikolari u li jrawwem il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali f’dak ir-reġjun transfruntier.

2.   Il-qafas imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jipprevedi l-possibbiltà li tinbeda proċedura fir-rigward ta’ ostaklu transfruntier fi Stat Membru li jiddeċiedi li jistabbilixxi punt ta’ koordinazzjoni transfruntier f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

3.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli dwar:

(a)

l-organizzazzjoni u l-kompiti tal-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri fl-Istati Membri; u

(b)

il-kompiti ta’ koordinazzjoni tal-Kummissjoni.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ostakli transfruntieri fir-reġjuni tal-fruntieri tal-art jew marittimi tal-Istati Membri ġirien.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-ostakli transfruntieri fir-reġjuni tal-fruntieri bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi.

3.   Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att legali ieħor tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk applikabbli għas-soluzzjoni mhux ġudizzjarja ta’ kwistjonijiet legali li jirriżultaw minn ostakli transfruntieri u għall-interpretazzjoni jew għall-implimentazzjoni korretta tal-liġi tal-Unjoni.

Għandu jkun ukoll mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni stabbiliti għas-sigurtà soċjali jew it-tassazzjoni.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, l-Istati Membri jistgħu:

(a)

jipprevedu proċeduri skont il-liġi nazzjonali biex jissolvew l-ostakli transfruntieri; u

(b)

jikkonkludu ftehimiet internazzjonali ġodda u jimmodifikaw ftehimiet eżistenti li jistabbilixxu tali proċeduri.

L-Istati Membri jistgħu wkoll joħolqu mekkaniżmi ad hoc.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“interazzjoni transfruntiera” tfisser:

(a)

kwalunkwe infrastruttura meħtieġa għal attivitajiet transfruntieri pubbliċi jew privati; jew

(b)

l-istabbiliment, il-funzjonament jew il-forniment ta’ kwalunkwe servizz pubbliku transfruntier f’reġjun transfruntier;

(2)

“ostaklu transfruntier” tfisser kwalunkwe dispożizzjoni jew prattika leġiżlattiva jew amministrattiva fi Stat Membru, jew kwalunkwe prattika amministrattiva minn awtorità pubblika fi Stat Membru, li jkollha l-potenzjal li taffettwa b’mod negattiv interazzjoni transfruntiera u b’hekk l-iżvilupp ta’ reġjun transfruntier u li ma għandhiex il-potenzjal li tikser il-liġi tal-Unjoni;

(3)

“awtorità kompetenti” tfisser korp fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali li għandu s-setgħa li jadotta atti legalment vinkolanti u infurzabbli fi Stat Membru li jistabbilixxi punt ta’ koordinazzjoni transfruntier wieħed jew aktar;

(4)

“fajl transfruntier” tfisser dokument li jkun tħejja minn inizjatur wieħed jew aktar u ppreżentat lil punt ta’ koordinazzjoni transfruntier;

(5)

“servizz pubbliku transfruntier” tfisser attività li hija mwettqa fl-interess pubbliku biex jiġi pprovdut servizz f’reġjuni tal-fruntieri li jinsabu fuq naħat differenti tal-fruntieri ta’ Stat Membru ġar wieħed jew aktar, jew biex jiġu indirizzati problemi komuni jew il-potenzjal tal-iżvilupp tagħhom, u li trawwem il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fir-reġjun transfruntier ikkonċernat;

(6)

“inizjatur” tfisser kwalunkwe entità privata jew pubblika involuta fil-forniment, l-operat, l-istabbiliment jew il-funzjonament ta’ kwalunkwe servizz pubbliku transfruntier jew ta’ infrastruttura fuq fruntiera li għalih hemm stabbilit mill-inqas punt ta’ koordinazzjoni transfruntier wieħed;

(7)

“awtorità rilevanti” tfisser kwalunkwe awtorità, korp irregolat bil-liġi pubblika jew entità permanenti fi Stat Membru mingħajr ebda punt ta’ koordinazzjoni transfruntier, li punt ta’ koordinazzjoni transfruntier minn Stat Membru ġar jista’ jikkuntattja fir-rigward ta’ fajl transfruntier.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, referenza għall-“awtorità kompetenti” għandha tkopri wkoll sitwazzjonijiet fejn aktar minn awtorità kompetenti waħda fl-istess Stat Membru jkunu kompetenti jew iridu jiġu kkonsultati.

3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu “ostaklu transfruntier” għandu jkopri ostaklu transfruntier wieħed jew aktar marbut ma’ fajl transfruntier.

KAPITOLU II

PUNTI TA’ KOORDINAZZJONI TRANSFRUNTIERI U AWTORITAJIET RILEVANTI

Artikolu 4

L-istabbiliment ta’ punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri

1.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, abbażi tal-qafas istituzzjonali u legali tagħhom, punt ta’ koordinazzjoni transfruntier wieħed jew aktar fil-livell nazzjonali jew reġjonalif’konformità mal-paragrafi 2 u 3.

Meta Stat Membru jiddeċiedi li jistabbilixxi punt ta’ koordinazzjoni transfruntier wieħed jew aktar għal xi wħud biss mir-reġjuni tal-fruntiera tiegħu, huwa ma għandux ikun meħtieġ jistabbilixxi punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri għar-reġjuni tal-fruntiera l-oħra tiegħu.

Meta Stat Membru jkollu fruntieri kemm tal-art kif ukoll marittimi ma’ Stat Membru ieħor u jiddeċiedi li jistabbilixxi punt ta’ koordinazzjoni transfruntier wieħed jew aktar, huwa ma għandux ikun meħtieġ jistabbilixxi punt ta’ koordinazzjoni transfruntier għal kwalunkwe parti mill-fruntiera marittima tiegħu li jikkondividi ma’ Stat Membru ieħor.

2.   Żewġ Stati Membri ġirien jew aktar jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu punt ta’ koordinazzjoni transfruntier konġunt kompetenti għal wieħed jew aktar mir-reġjuni transfruntieri tagħhom.

3.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li jistabbilixxi punt ta’ koordinazzjoni transfruntier wieħed jew aktar, kull punt ta’ koordinazzjoni transfruntier għandu jiġi stabbilit jew bħala:

(a)

parti minn awtorità, korp irregolat bil-liġi pubblika jew entità permanenti eżistenti, inkluż billi dik l-awtorità, korp irregolat bil-liġi pubblika jew entità permanenti tiġi fdata bil-kompiti addizzjonali tal-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier; jew

(b)

awtorità, korp irregolat bil-liġi pubblika jew entità permanenti separati.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi żmien xahrejn mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi punt ta’ koordinazzjoni transfruntier, id-dettalji ta’ kuntatt tiegħu u l-informazzjoni relatata mal-kompiti tiegħu:

(a)

ikunu disponibbli fuq is-sit web tal-awtorità, tal-korp irregolat bil-liġi pubblika jew tal-entità permanenti li tkun ġiet stabbilita bħala punt ta’ koordinazzjoni transfruntier u fuq is-siti web tal-programmi Interreg A rilevanti msemmija fl-Artikolu 36(2) tar-Regolament (UE) 2021/1059; u

(b)

fl-istess ħin jiġu trażmessi elettronikament lill-Kummissjoni f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk id-dettalji ta’ kuntatt u l-informazzjoni jinżammu aġġornati.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-viżibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier.

Artikolu 5

Kompiti ewlenin tal-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri

1.   Kull punt ta’ koordinazzjoni transfruntier għandu jikkollega mal-inizjatur kif previst fl-Artikoli 9 u 10 u, fejn applikabbli, fl-Artikoli 11 u 12.

Il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier li lilu l-inizjatur jippreżenta l-fajl transfruntier tiegħu, irrispettivament minn jekk huwiex nazzjonali, reġjonali jew konġunt, għandu jikkostitwixxi l-uniku punt ta’ kuntatt għall-inizjatur fir-rigward tal-valutazzjoni tal-fajl transfruntier skont il-Kapitolu III u, fejn applikabbli, il-Kapitolu IV.

2.   L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk il-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri jistgħux jaġixxu fuq fajl transfruntier f’isimhom stess jew jekk għandhomx ikunu responsabbli għall-komunikazzjoni mal-inizjatur f’isem l-awtorità kompetenti f’konformità mal-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, jew individwalment fil-każ imsemmi fl-Artikolu 4(1) jew b’mod konġunt fil-każ imsemmi fl-Artikolu 4(2), id-distribuzzjoni tal-kompiti u l-proċeduri li ġejjin stabbiliti skont il-Kapitoli II u III u, fejn applikabbli, il-Kapitolu IV, bejn il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier u l-awtorità kompetenti:

(a)

it-twettiq ta’ valutazzjoni tal-fajls transfruntieri kollha, f’konformità mal-Artikolu 9;

(b)

l-iżgurar tat-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(4) u l-Anness;

(c)

it-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet għall-ostakli transfruntieri li jikkonċernaw it-territorju tagħhom f’konformità mal-Artikoli 9 u 10 u, fejn applikabbli, l-Artikoli 11 u 12;

(d)

il-kollaborazzjoni mal-punt jew punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri jew, fin-nuqqas ta’ dan, mal-awtorità jew l-awtoritajiet rilevanti fl-Istat Membru jew fl-Istati Membri ġirien, f’konformità mal-Artikolu 9(4);

(e)

il-kollaborazzjoni mal-Kummissjoni u l-appoġġ għaliha fit-twettiq tal-kompiti ta’ koordinazzjoni msemmija fl-Artikolu 13, b’mod partikolari l-aġġornament tar-reġistru kif imsemmi fl-Artikolu 13(1), il-punt (a), billi tingħata, mill-inqas darba fis-sena, informazzjoni dwar kull fajl transfruntier ipproċessat, f’konformità mal-Anness.

Artikolu 6

Informazzjoni dwar l-awtorità rilevanti

1.   Meta Stat Membru ma jkunx stabbilixxa punt ta’ koordinazzjoni transfruntier wieħed jew aktar, huwa għandu jippreżenta informazzjoni dwar l-awtorità rilevanti lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 13(2) u l-Anness.

2.   Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu japplika biss għal dawk l-Istati Membri li għandhom reġjuni tal-fruntiera tal-art kif imsemmi fl-Artikolu 2(1).

KAPITOLU III

FAJLS TRANSFRUNTIERI

Artikolu 7

Tħejjija u preżentazzjoni ta’ fajls transfruntieri

1.   L-inizjatur għandu jħejji fajl transfruntier f’konformità mal-Artikolu 8.

2.   L-inizjatur għandu jippreżenta l-fajl transfruntier lill-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier f’wieħed mill-Istati Membri li fit-territorju tiegħu tinsab iż-żona ġeografika kkonċernata mill-allegat ostaklu transfruntier.

3.   Meta l-fajls transfruntieri li jikkonċernaw l-istess ostaklu transfruntier jiġu ppreżentati f’żewġ Stati Membri ġirien jew aktar, il-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri rispettivi tagħhom għandhom jikkollaboraw ma’ xulxin biex jiddeterminaw min minnhom ser jittratta l-fajl transfruntier. Il-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri l-oħra għandhom jittrasferixxu l-fajls transfruntieri tagħhom kif xieraq.

Artikolu 8

Kontenut ta’ fajls transfruntieri

1.   Il-fajl transfruntier għandu jkun fih mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tal-interazzjoni transfruntiera u l-kuntest tagħha;

(b)

deskrizzjoni tal-problema li tirriżulta minn ostaklu transfruntier;

(c)

ir-raġuni għall-ħtieġa li jissolva l-ostaklu transfruntier;

(d)

fejn disponibbli, deskrizzjoni tal-impatt negattiv tal-ostaklu transfruntier fuq l-iżvilupp tar-reġjun transfruntier;

(e)

iż-żona ġeografika kkonċernata;

(f)

fejn magħruf u rilevanti, id-durata meħtieġa mistennija tal-applikazzjoni ta’ deroga mill-ostaklu transfruntier jew eċċezzjoni għalih jew it-tneħħija tiegħu;

(g)

fejn magħruf, informazzjoni dwar jekk fajl transfruntier li jikkonċerna l-istess allegat ostaklu transfruntier ġiex ippreżentat lil punt ta’ koordinazzjoni transfruntier ieħor.

2.   L-inizjatur jista’ jidentifika wkoll l-ostaklu transfruntier u, jekk possibbli, jissuġġerixxi t-test għal deroga mill-ostaklu transfruntier jew eċċezzjoni għalih, jew għal soluzzjoni tal-ostaklu transfruntier permezz ta’ soluzzjoni legali ad hoc.

3.   Iż-żona ġeografika msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (e), għandha tkun limitata għall-minimu meħtieġ biex l-ostaklu transfruntier jissolva b’mod effettiv.

Artikolu 9

Passi tal-Valutazzjoni

1.   Il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew l-awtorità kompetenti għandhom jivvalutaw kull fajl transfruntier ippreżentat skont l-Artikoli 7 u 8 u għandhom jidentifikaw l-ostaklu transfruntier, jekk ikun hemm.

2.   Fi żmien xahrejn mid-data tal-preżentazzjoni tal-fajl transfruntier, il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew l-awtorità kompetenti jistgħu jitolbu lill-inizjatur jikkjarifika l-fajl transfruntier jew jippreżenta informazzjoni speċifika addizzjonali.

Jekk, wara l-passi ta’ valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, ta’ dan l-Artikolu, il-fajl transfruntier ma jkunx fih l-elementi kollha meħtieġa mill-Artikolu 8(1), il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew l-awtorità kompetenti jistgħu jagħlqu l-fajl, filwaqt li jagħtu r-raġunijiet għal dan, u l-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier għandu jinforma lill-inizjatur b’dan.

3.   Meta, wara li jivvaluta fajl transfruntier, il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew l-awtorità kompetenti jikkonkludu li ma hemm l-ebda ostaklu transfruntier, il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew l-awtorità kompetenti jistgħu jagħlqu l-fajl, filwaqt li jagħtu r-raġunijiet għal dan, u l-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier għandu jinforma lill-inizjatur b’dan.

4.   Meta, wara li jivvaluta fajl transfruntier, il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew l-awtorità kompetenti jikkonkludu li l-allegat ostaklu transfruntier jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ Stat Membru ieħor, huma għandhom jikkuntattjaw lill-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier f’dak l-Istat Membru l-ieħor jew, fin-nuqqas ta’ dan, lill-awtorità rilevanti f’dak l-Istat Membru.

Meta dak il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew l-awtorità rilevanti jaqblu, il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier għandu jittrasferixxi l-informazzjoni rilevanti kollha lilhom, u jinforma minnufih lill-inizjatur b’dan.

5.   Meta, wara li jivvaluta fajl transfruntier, il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew l-awtorità kompetenti jikkonkludu li hemm ostaklu transfruntier, huma jistgħu jikkuntattjaw jew punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew, fin-nuqqas ta’ dan, lill-awtorità rilevanti ta’ Stat Membru jew Stati Membri ġirien.

6.   Il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat mill-ostaklu transfruntier jistgħu jipproċedu b’wieħed mill-modi li ġejjin:

(a)

fejn possibbli, jistrieħu fuq ftehim internazzjonali fis-seħħ, kemm jekk bilaterali jew multilaterali, speċifiku għas-settur jew multisettorjali, li jipprevedi mekkaniżmu biex jiġu solvuti tali ostakli transfruntieri bejn l-Istati Membri li huma parti għal tali ftehim;

(b)

fejn applikabbli, jistrieħu fuq proċeduri oħra eżistenti skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat;

(c)

joħolqu mekkaniżmi ad hoc;

(d)

japplikaw l-Għodda ta’ Faċilitazzjoni Transfruntiera stabbilita fil-Kapitolu IV, individwalment jew, jekk meħtieġ u miftiehma, b’mod konġunt mal-Istat Membru ġar;

(e)

jagħżlu li ma jsolvux l-ostaklu u jagħlqu l-fajl.

Għall-finijiet tal-punt (a), is-soluzzjoni ta’ ostaklu transfruntier, inkluż elementi bħall-atturi involuti u l-proċedura li għandha tiġi segwita, b’mod partikolari għall-kollegament u l-kooperazzjoni mal-Istat Membru ġar, għandha tiġi rregolata esklużivament mid-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim.

Artikolu 10

Informazzjoni li għandha tingħata lill-inizjatur

1.   Il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier għandu jinforma lill-inizjatur bil-miktub dwar il-passi ta’ valutazzjoni mwettqa f’konformità mal-Artikolu 9, fil-limitu ta’ żmien standard previst mil-liġi nazzjonali għal tweġiba għal talba ekwivalenti.

2.   Meta l-ebda limitu ta’ żmien bħal dan ma jkun previst mil-liġi nazzjonali, għandhom japplikaw il-limiti ta’ żmien li ġejjin:

(a)

tliet xhur mid-data tal-wasla tal-fajl transfruntier mill-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier għall-passi ta’ valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2), it-tieni subparagrafu;

(b)

sitt xhur mid-data tal-wasla tal-fajl transfruntier mill-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier għall-passi ta’ valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(3), (4), (5) u (6).

3.   L-informazzjoni li trid tiġi pprovduta skont il-paragrafu 1 għandha tindika:

(a)

il-passi tal-valutazzjoni meħuda, ir-raġunijiet għal dan u, fejn disponibbli, il-konklużjonijiet milħuqa; u

(b)

liema mezzi ta’ rimedju legali huma miftuħa għall-inizjatur skont il-liġi nazzjonali kontra dawk il-passi ta’ valutazzjoni.

Ir-rimedju legali għandu jkun limitat għall-verifika tar-rispett tad-drittijiet proċedurali msemmija f’dan ir-Regolament.

4.   Il-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jiġi estiż skont ir-regoli nazzjonali applikabbli għal proċeduri simili. Fin-nuqqas ta’ tali regoli nazzjonali, il-limiti ta’ żmien skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu estiżi b’mhux aktar minn tliet xhur meta punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew awtorità kompetenti jikkonkludu li jkun meħtieġ aktar żmien għall-analiżi legali jew għall-konsultazzjonijiet fl-Istat Membru jew għall-koordinazzjoni mal-Istat Membru ġar, skont l-Artikolu 9(1).

KAPITOLU IV

L-GĦODDA TA’ FAĊILITAZZJONI TRANSFRUNTIERA

Artikolu 11

Proċedura

1.   Jekk il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew l-awtorità kompetenti jiddeċiedu li japplikaw l-Għodda ta’ Faċilitazzjoni Transfruntiera, għandha tapplika l-proċedura prevista f’dan l-Artikolu.

2.   Meta l-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew l-awtorità kompetenti jkunu kkonkludew li hemm ostaklu transfruntier, huma għandhom jinfurmaw lill-inizjatur dwar:

(a)

l-ostaklu transfruntier identifikat;

(b)

il-passi li jmiss, kemm jekk iwasslu għas-soluzzjoni tal-ostaklu transfruntier kif ukoll jekk le, u, jekk rilevanti, liema mill-proċeduri skont il-paragrafi 4 u 5 japplikaw.

3.   Wara l-valutazzjoni tal-fajl transfruntier u l-identifikazzjoni tal-ostaklu transfruntier, il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier għandu jaqsam l-informazzjoni rilevanti dwar dak l-ostaklu transfruntier mal-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew, fin-nuqqas ta’ dan, l-awtorità rilevanti fl-Istat Membru ġar. Il-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jevitaw proċeduri paralleli li jikkonċernaw l-istess ostaklu transfruntier.

4.   Meta l-ostaklu transfruntier jikkonsisti minn dispożizzjoni jew prattika amministrattiva u l-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew l-awtorità kompetenti jqisu li s-soluzzjoni tal-ostaklu ma tkunx teħtieġ emenda għal dispożizzjoni leġiżlattiva, il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew l-awtorità kompetenti għandhom jikkuntattjaw lill-awtorità kompetenti responsabbli għad-dispożizzjoni jew il-prattika amministrattiva biex jaċċertaw jekk emenda għal dik id-dispożizzjoni amministrattiva jew bidla fil-prattika tkunx biżżejjed biex jissolva l-ostaklu transfruntier u jekk dik l-awtorità tkunx lesta li temendaha jew tibdilha skont dan.

L-inizjatur għandu jiġi infurmat bil-miktub fi żmien tmien xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-fajl transfruntier skont l-Artikolu 7.

5.   Meta l-ostaklu transfruntier jikkonsisti f’dispożizzjoni leġiżlattiva, il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew l-awtorità kompetenti għandhom jikkuntattjaw lill-awtorità kompetenti responsabbli għad-dispożizzjoni leġiżlattiva biex jaċċertaw jekk emenda, bħal deroga mid-dispożizzjoni leġiżlattiva applikabbli jew eċċezzjoni għaliha, tippermettix li jiġi solvut l-ostaklu transfruntier u jekk l-awtorità kompetenti tkunx lesta tieħu l-passi meħtieġa biex tniedi proċedura leġiżlattiva sabiex tali emenda tiġi f’konformità mal-qafas istituzzjonali u legali tal-Istat Membru kkonċernat.

L-inizjatur għandu jiġi infurmat bil-miktub fi żmien tmien xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-fajl transfruntier skont l-Artikolu 7.

6.   Meta fajls transfruntieri li jikkonċernaw l-istess ostaklu transfruntier ikunu ġew ippreżentati lil punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri f’żewġ Stati Membri ġirien jew aktar, kull wieħed minn dawk il-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri għandhom jiddeċiedu jekk il-proċedura skont il-paragrafu 4 jew 5 tapplikax fl-Istat Membru rispettiv tagħhom u għandhom jikkollaboraw ma’ xulxin.

7.   Meta l-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier ma jkunx jista’ jwieġeb lill-inizjatur fil-limitu ta’ żmien ta’ tmien xhur stabbilit fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu, jew fil-paragrafu 5, it-tieni subparagrafu, minħabba analiżi legali li tkun għaddejja, konsultazzjonijiet fl-Istat Membru tiegħu, koordinazzjoni mal-Istat Membru ġar, jew meta l-awtorità kompetenti jew rilevanti tal-Istat Membru ġar temenda dispożizzjoni amministrattiva jew tbiddel prattika, jew tniedi proċedura leġiżlattiva, l-inizjatur għandu jiġi infurmat bil-miktub dwar ir-raġuni għad-dewmien u l-iskeda ta’ żmien tat-tweġiba.

Artikolu 12

Passi finali

1.   Il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier għandu, abbażi tal-valutazzjoni tiegħu mwettqa skont l-Artikolu 9 u f’konformità mal-informazzjoni riċevuta skont l-Artikolu 11(3), jinforma lill-inizjatur bil-miktub dwar l-eżitu tal-proċedura, jiġifieri:

(a)

l-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura mwettqa skont l-Artikolu 11(4), inkluż fejn rilevanti, l-emenda ta’ kwalunkwe dispożizzjoni amministrattiva jew bidla fil-prattika;

(b)

l-eżitu ta’ proċedura skont l-Artikolu 11(5), inkluż fejn rilevanti, it-tnedija ta’ proċedura leġiżlattiva jew l-emenda ta’ kwalunkwe dispożizzjoni leġiżlattiva;

(c)

li l-ostaklu transfruntier mhux ser jiġi solvut;

(d)

ir-raġunijiet għal kwalunkwe pożizzjoni adottata skont il-punt (a), (b) jew (c);

(e)

il-limitu ta’ żmien għar-rimedju legali skont il-liġi nazzjonali, jekk ikun hemm.

Għall-finijiet tal-punt (e), fin-nuqqas ta’ tali limitu ta’ żmien skont il-liġi nazzjonali, l-inizjatur għandu jingħata sitt xhur biex jitlob rimedju legali.

Ir-rimedju legali għandu jkun limitat għall-verifika tar-rispett tad-drittijiet proċedurali skont dan ir-Regolament.

2.   Meta l-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier jew l-awtorità kompetenti jkunu ddeċidew li jsolvu l-ostaklu transfruntier permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 11(5), huma għandhom:

(a)

jinformaw lill-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier tal-Istat Membru ġar;

(b)

jinformaw lill-inizjatur dwar l-aktar passi importanti fir-rigward tal-emenda tad-dispożizzjoni legali, inkluż fejn rilevanti, fir-rigward tal-proċedura leġiżlattiva mnedija biex tiġi emendata d-dispożizzjoni leġiżlattiva kkonċernata sabiex jissolva l-ostaklu transfruntier jew id-deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura.

Il-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier għandu jinforma wkoll lill-inizjatur meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ġar tkun nediet proċedura leġiżlattiva biex temenda dispożizzjoni leġiżlattiva.

3.   Meta l-Istat Membru kkonċernat u l-Istat Membru ġar jikkonkludu li kull wieħed minnhom ikun lest li jniedi proċedura leġiżlattiva biex jemendaw id-dispożizzjoni leġiżlattiva rispettiva tagħhom, biex jemendaw id-dispożizzjoni amministrattiva rispettiva tagħhom jew biex jibdlu l-prattika rispettiva tagħhom, huma għandhom jagħmlu dan b’koordinazzjoni mill-qrib, f’konformità mal-qafas istituzzjonali u legali rispettiv tagħhom. Dik il-koordinazzjoni tista’ tkopri t-twaqqit tal-proċeduri u tista’ twassal għall-istabbiliment ta’ kumitat konġunt b’rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti u tal-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri, fejn rilevanti.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Kompiti ta’ koordinazzjoni tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq il-kompiti ta’ koordinazzjoni li ġejjin:

(a)

tistabbilixxi u żżomm reġistru pubbliku uniku tal-Unjoni ta’ fajls transfruntieri;

(b)

tikkollabora mal-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri;

(c)

tappoġġa t-titjib tal-kapaċità istituzzjonali fl-Istati Membri meħtieġ biex dan ir-Regolament jiġi implimentat b’mod effiċjenti;

(d)

tippromwovi l-iskambju ta’ esperjenza bejn l-Istati Membri u, b’mod partikolari, bejn il-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri;

(e)

tippubblika u taġġorna lista tal-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri reġjonali u nazzjonali kollha.

2.   L-Istati Membri għandhom jappoġġaw il-kompiti ta’ koordinazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (d), ta’ dan l-Artikolu jew f’konformità mal-Artikolu 5(3), il-punt (e), jew billi jippreżentaw informazzjoni kull sena f’konformità mal-Anness.

L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu japplika biss għall-Istati Membri li għandhom reġjuni tal-fruntiera tal-art kif imsemmi fl-Artikolu 2(1).

Artikolu 14

Monitoraġġ u rappurtar

Sad-9 ta’ Ġunju 2030, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-7 ta’ Mejju 2025.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

A. SZŁAPKA


(1)   ĠU C 440, 6.12.2018, p. 124 u ĠU C, C/2024/4060, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4060/oj.

(2)   ĠU C 86, 7.3.2019, p. 165 u ĠU C, C/2023/1326, 22.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1326/oj.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Frar 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-24 ta’ Marzu 2025 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Mejju 2025 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/1059 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi ghall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta’ finanzjament estern (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 94, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1059/oj).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT) (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1082/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1058/oj).

(7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/461/UE tas-17 ta’ Settembru 2013 fuq il-prinċipji li jirregolaw is-SOLVIT (ĠU L 249, 19.9.2013, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2013/461/oj).


ANNESS

SKAMBJU ELETTRONIKU TA’ DATA BEJN L-ISTATI MEMBRI U L-KUMMISSJONI

L-informazzjoni mitluba f’dan l-Anness trid tiġi pprovduta b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

Taqsima 1

Informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri b’punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri

1.   Lista ta’ punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri

L-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar kull punt ta’ koordinazzjoni transfruntier fit-tabella ta’ hawn taħt hija inkluża fil-lista ta’ punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri ppubblikata online mill-Kummissjoni.

Isem tal-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier

Kodiċi tal-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier

Indirizz postali

Indirizz web (1)

Numru tat-telefown

Kopertura ġeografika (2)

Data tad-deżinjazzjoni/ stabbiliment

Referenza legali tad-deżinjazzjoni/ stabbiliment

Kompiti ewlenin (3)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Bażi: l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 13(1), il-punt (e)

2.   Dettalji ta’ kuntatt tal-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri

L-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri għal kull punt ta’ koordinazzjoni transfruntier fit-tabella ta’ hawn taħt tippermetti lill-Kummissjoni twettaq il-kompiti tagħha ta’ koordinazzjoni, tisħiħ tal-kapaċitajiet u kondiviżjoni tal-għarfien. Din l-informazzjoni ma ssirx pubblika.

Persuna ta’ kuntatt

Pożizzjoni

Indirizz elettroniku

Numru tat-telefown

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Bażi: l-Artikolu 4(4)

3.   Informazzjoni għar-reġistru pubbliku uniku tal-Unjoni tal-fajls transfruntieri

L-informazzjoni pprovduta mill-punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri jew mill-awtoritajiet kompetenti dwar kull fajl transfruntier fit-tabella ta’ hawn taħt hija inkluża fir-reġistru pubbliku uniku tal-Unjoni tal-fajls transfruntieri ppubblikat online mill-Kummissjoni. Din l-informazzjoni tippermetti lill-Kummissjoni twettaq il-kompiti tagħha ta’ koordinazzjoni, tisħiħ tal-kapaċitajiet u kondiviżjoni tal-għarfien.

Kodiċi tal-fajl

 

Isem tal-fajl

[200] (4)

Data tar-riċeviment mill-punt ta’ koordinazzjoni transfruntier

 

Dati tal-komunikazzjoni lill-Kummissjoni

(a)

l-ewwel preżentazzjoni;

(b)

preżentazzjonijiet ulterjuri

Deskrizzjoni tal-ostaklu

[5 000 ]

Isem l-inizjatur

 

Żona ġeografika tal-ostaklu (5)

 

Sitwazzjoni tal-fajl

1 – Għadu ma ġiex ivvalutat;

2 – Pendenti sakemm tingħata aktar informazzjoni mingħand l-inizjatur  (6) jew magħluq minħabba nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti mill-inizjatur  (7);

3 – L-ebda ostaklu identifikat jew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

4 – Fajl magħluq minħabba d-duplikazzjoni tiegħu  (8);

5 – Ivvalutat, b’azzjoni ulterjuri li għandha tiġi deċiża;

6 – Fajl trasferit lil punt ta’ koordinazzjoni transfruntier ieħor jew lil awtorità rilevanti  (9);

7 – Proċess għal soluzzjoni potenzjali li għandha tiġi skattata taħt l-Għodda ta’ Faċilitazzjoni Transfruntiera;

8 – Proċess għal soluzzjoni potenzjali li għandha tiġi skattata taħt strument ieħor  (10);

9 – Ostaklu solvut (parzjalment jew kompletament)  (11);

10 – Deċiżjoni li ma jiġix solvut l-ostaklu.

Il-fajl ġie emendat l-aħħar fi (data)

 

Deskrizzjoni tas-segwitu

[5 000 ] jekk applikabbli

Referenza legali tas-soluzzjoni implimentata (12)

jekk applikabbli

Paġna web għall-fajl

Jekk applikabbli

Pubblikazzjonijiet dwar il-fajl

Jekk applikabbli

Bażi: l-Artikolu 5(3), il-punt (e), u l-Artikolu 13(1), il-punt (a)

4.   Dettalji ta’ kuntatt tal-inizjaturi

L-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri għal kull fajl transfruntier fit-tabella ta’ hawn taħt hija fakultattiva. Din tippermetti lill-Kummissjoni twettaq il-kompiti tagħha ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet u kondiviżjoni tal-għarfien. Din l-informazzjoni tiġi pproċessata biss bil-permess liberu u espliċitu tal-persuna u ma għandhiex issir pubblika.

Persuna ta’ kuntatt tal-inizjatur

Pożizzjoni

Indirizz elettroniku

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Bażi: l-Artikolu 5(3), il-punt (e), u l-Artikolu 13(1), il-punt (a)

Taqsima 2

Informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri mingħajr punti ta’ koordinazzjoni transfruntieri

1.   Lista ta’ awtoritajiet rilevanti

L-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar kull awtorità rilevanti fit-tabella ta’ hawn taħt hija inkluża fil-lista ta’ awtoritajiet rilevanti ppubblikata online mill-Kummissjoni.

Isem l-awtorità rilevanti

Indirizz postali

Numru tat-telefown

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Bażi: l-Artikolu 6(1)

2.   Informazzjoni mill-Istati Membri mingħajr ebda punt ta’ koordinazzjoni transfruntier, li għandha tiġi ppreżentata kull sena sal-31 ta’ Diċembru

Sommarju tal-passi ewlenin meħuda matul is-sena li għaddiet fir-rigward tal-informazzjoni riċevuta minn punt ta’ koordinazzjoni transfruntier wieħed jew aktar dwar l-ostakli transfruntieri identifikati, inkluż indikazzjoni dwar kwalunkwe azzjoni meħuda biex dawn jiġu solvuti u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra.

[8 000 ] (13)

Bażi: l-Artikolu 13(1), il-punt (a)


(1)  Skont l-Artikolu 5(3), il-punt (e).

(2)  Għandu jiġi speċifikat fil-każ ta’ punt ta’ koordinazzjoni transfruntier konġunt stabbilit skont l-Artikolu 4(2).

(3)  Skont l-Artikolu 5(1), u (2).

(4)  In-numri fil-parentesi kwadri jirreferu għall-għadd massimu ta’ karattri mingħajr spazji.

(5)  Kodiċijiet NUTS 3 tal-unità/unitajiet territorjali kkonċernata/i mill-ostaklu transfruntier. Jekk l-ostaklu jikkonċerna biss parti minn unità territorjali waħda jew aktar, il-kodiċijiet NUTS 3 jistgħu jiġu ssostitwiti mill-kodiċijiet LAU ta’ dawk il-partijiet.

(6)  Skont l-Artikolu 9(2).

(7)  Skont l-Artikolu 9(2), it-tieni subparagrafu.

(8)  Jekk applikabbli, indika l-kodiċi tal-fajl li jibqa’ miftuħ f’każ ta’ fajls simili.

(9)  Jekk applikabbli, indika l-kodiċi tal-fajl li jibqa’ miftuħ f’każ ta’ fajls simili.

(10)  Jekk applikabbli, indika n-natura tal-istrument previst jew użat skont l-Artikolu 9(6), il-punti (a), (b) u (c).

(11)  Jekk applikabbli, indika jekk l-ostaklu ġiex solvut parzjalment jew kompletament.

(12)  Jekk applikabbli, ir-referenza għall-att legali jew amministrattiv li bih ġiet implimentata soluzzjoni (anke parzjali).

(13)  In-numri fil-parentesi kwadri jirreferu għall-għadd massimu ta’ karattri mingħajr spazji.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/925/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)