|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/919 |
21.5.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/919
tad-19 ta’ Mejju 2025
li tistabbilixxi l-Kumitat ta’ Tmexxija għall-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/1783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (kumpilazzjoni tax-xhieda) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(1)(e) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont ir-Regolament (UE) 2020/1783, il-komunikazzjonijiet u l-iskambji kollha ta’ dokumenti bejn il-qrati u l-awtoritajiet l-oħra maħtura mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament għandhom, bħala regola, jitwettqu permezz ta’ sistema tal-IT deċentralizzata sigura u affidabbli li tinkludi sistemi tal-IT nazzjonali li huma interkonnessi u teknikament interoperabbli, pereżempju, u mingħajr preġudizzju għal aktar progress teknoloġiku, abbażi ta’ e-CODEX. Dik is-sistema tal-IT deċentralizzata tiġi implimentata fi ħdan sistema tal-IT deċentralizzata akbar ibbażata fuq l-e-CODEX imsejħa s-sistema tal-Iskambju dwar il-Ġustizzja Elettronika (JUstice Digital EXchange system, JUDEX), li tirrikjedi skambju effettiv ta’ informazzjoni dwar l-iżviluppi orizzontali. |
|
(2) |
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-miżuri u rekwiżiti oħra għall-implimentazzjoni ta’ dik is-sistema tal-IT deċentralizzata ġew stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/422 (2). |
|
(3) |
Is-sistema tal-IT deċentralizzata se ssir operazzjonali fl-1 ta’ Mejju 2025. |
|
(4) |
Ir-Regolament (UE) 2020/1783 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kumitat ta’ tmexxija li jinkludi rappreżentanti tal-Istati Membri biex jiżgura t-tħaddim u l-manutenzjoni tas-sistema tal-IT deċentralizzata sabiex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament. |
|
(5) |
Ir-rwoli u l-kompiti tal-kumitati ta’ tmexxija skont ir-Regolament (UE) 2020/1783 u r-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) huma simili, u dan jagħmilha espedjenti u kosteffettiv li jsiru laqgħat konġunti tal-kumitati ta’ tmexxija skont iż-żewġ Regolamenti. |
|
(6) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar divulgazzjoni ta’ informazzjoni minn membri tal-kumitat ta’ tmexxija u l-osservaturi. |
|
(7) |
Id-data personali jenħtieġ li tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment tal-kumitat ta’ tmexxija
Il-kumitat ta’ tmexxija skont it-tifsira tal-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament (UE) 2020/1783, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-kumitat”, huwa b’dan stabbilit.
Artikolu 2
Kompiti
F’konformità mal-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament (UE) 2020/1783, il-kompitu tal-kumitat huwa li jiżgura t-tħaddim u l-manutenzjoni tas-sistema tal-IT deċentralizzata sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, dan għandu:
|
(a) |
jikkollabora mal-Kummissjoni / jagħti pariri lill-Kummissjoni fir-rigward tal-operat u l-manutenzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda tas-sistema tal-IT deċentralizzata skont ir-Regolament (UE) 2020/1783. |
|
(b) |
iwettaq skambju ta’ esperjenza u prattika tajba bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili u kummerċjali fir-rigward tal-operat u l-manutenzjoni tas-sistema tal-IT deċentralizzata tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda. |
|
(c) |
jiddiskuti kwistjonijiet tekniċi, riskji u sfidi, inkluż il-prijoritajiet ta’ implimentazzjoni, fid-dawl tal-iżvilupp kontinwu u l-manutenzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda tas-sistema tal-IT deċentralizzata u l-komponenti tagħha. |
Artikolu 3
Sħubija
1. Il-membri tal-kumitat għandhom ikunu l-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali fil-qasam tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili u kummerċjali għall-użu tas-sistema tal-IT deċentralizzata.
2. L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom u għandhom jiżguraw li jipprovdu livell għoli ta’ għarfien espert.
Artikolu 4
Il-President
Il-president tal-kumitat għandu jkun rappreżentant tal-Kummissjoni.
Artikolu 5
Operat
1. Fil-prinċipju, il-laqgħat tal-kumitat għandhom isiru f’bini tal-Kummissjoni jew virtwalment, skont iċ-ċirkostanzi.
2. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi segretarjali lill-kumitat. Uffiċjali minn dipartimenti oħra tal-Kummissjoni b’interess fil-proċedimenti jistgħu jattendu l-laqgħat tal-kumitat u tas-sottokumitati tiegħu.
3. Il-Kumitat jista’, b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, jiddeċiedi li d-deliberazzjonijiet għandhom ikunu pubbliċi.
4. Il-minuti dwar id-diskussjoni ta’ kull punt fuq l-aġenda u dwar l-opinjonijiet mogħtija mill-kumitat għandhom ikunu siewja u sħaħ.
Artikolu 6
Sottokumitati
Il-kumitat jista’ jistabbilixxi sottokumitati biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi ta’ termini ta’ referenza ddefiniti mill-kumitat. Is-sottokumitati għandhom jirrapportaw lill-kumitat. Dawn għandhom jiġu xolti hekk kif jintemm il-mandat tagħhom.
Artikolu 7
Osservaturi
1. Organizzazzjonijiet u entitajiet pubbliċi oħrajn apparti l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jingħataw status ta’ osservatur bi stedina diretta.
2. L-organizzazzjonijiet u l-entitajiet pubbliċi maħtura bħala osservaturi għandhom jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom.
3. L-osservaturi u r-rappreżentanti tagħhom jistgħu jkunu awtorizzati mill-President biex jieħdu sehem fid-diskussjonijiet tal-kumitat u tas-sottokumitati tiegħu u jipprovdu għarfien espert. Madankollu, ma għandhomx ikollhom id-dritt tal-vot u ma għandhomx jipparteċipaw fit-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet jew pariri tal-kumitat u tas-sottokumitati tiegħu.
Artikolu 8
Regoli ta’ proċedura
Il-kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. Is-sottokumitati għandhom joperaw f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tal-kumitat.
Artikolu 9
Segretezza professjonali u trattament ta’ informazzjoni klassifikata
Il-membri tal-kumitat u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-osservaturi, huma soġġetti għall-obbligu tas-segretezza professjonali, stabbilit fit-Trattati u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-UE, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (5) u 2015/444 (6). Jekk jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.
Artikolu 10
Trasparenza
Id-dokumenti rilevanti kollha, inklużi l-aġendi, il-minuti u l-osservazzjonijiet tal-parteċipanti, għandhom ikunu disponibbli fuq is-sit web iddedikat. B’mod partikolari, l-aġenda u dokumenti oħra ta’ sfond rilevanti għandhom jiġu ppubblikati fi żmien xieraq qabel il-laqgħa, segwiti mill-pubblikazzjoni f’waqtu tal-minuti. L-eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni għandhom ikunu possibbli biss meta d-divulgazzjoni ta’ xi dokument tkun idgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif imfisser fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).
Artikolu 11
Spejjeż tal-laqgħat
1. Il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-kumitat u tas-sottokumitati ma għandhomx jitħallsu għal dawk l-attivitajiet.
2. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza mġarrba mill-parteċipanti fl-attivitajiet tal-kumitat u tas-sottokumitati għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni. Ir-rimborż għandu jsir f’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati lid-dipartimenti tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 405, 2.12.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1783/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/422 tal-14 ta’ Marzu 2022 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-miżuri u rekwiżiti oħrajn għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-IT deċentralizzata msemmija fir-Regolament (UE) 2020/1783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 87, 15.3.2022, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/422/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) (ĠU L 405, 2.12.2020, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1784/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/443/oj).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dec/2015/444/oj).
(7) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1049/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/919/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)