European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/914

19.5.2025

REGOLAMENT (UE) 2025/914 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Mejju 2025

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-ambitu tar-regoli għall-parametri referenzjarji, l-użu fl-Unjoni ta’ parametri referenzjarji pprovduti minn amministratur li jinsab f’pajjiż terz, u ċerti rekwiżiti ta’ rapportar

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw lill-Bank Ċentrali Ewropew,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar jaqdu rwol ewlieni fl-iżgurar tal-monitoraġġ xieraq u fl-infurzar korrett tal-leġiżlazzjoni. Huwa għalhekk importanti li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssimplifikati sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv u jiġi żgurat li jissodisfaw l-għan li għalih kienu maħsuba.

(2)

Skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-amministraturi kollha ta’ parametri referenzjarji, irrispettivament mir-rilevanza sistemika ta’ dawk il-parametri referenzjarji jew mill-ammont ta’ strumenti finanzjarji jew kuntratti li jużaw dawk il-parametri referenzjarji bħala rati ta’ referenza jew bħala parametri referenzjarji tal-prestazzjoni, għandhom jikkonformaw ma’ rekwiżiti dettaljati ħafna, inkluż rekwiżiti dwar l-organizzazzjoni tagħhom, dwar il-governanza u l-kunflitti ta’ interess, dwar il-funzjonijiet ta’ sorveljanza, dwar id-data tal-input, dwar il-kodiċijiet ta’ kondotta, dwar ir-rapportar ta’ ksur, u dwar id-divulgazzjonijiet relatati mal-metodoloġija użata u d-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju. Dawk ir-rekwiżiti poġġew piż regolatorju sproporzjonat fuq l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji iżgħar fl-Unjoni meta jitqiesu l-għanijiet tar-Regolament (UE) 2016/1011, jiġifieri li tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja u li jiġu evitati konsegwenzi ekonomiċi negattivi li jirriżultaw min-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-parametri referenzjarji. Għalhekk huwa meħtieġ li jitnaqqas dak il-piż regolatorju billi ssir enfasi fuq dawk il-parametri referenzjarji li jkollhom l-akbar rilevanza ekonomika għas-suq tal-Unjoni, jiġifieri l-parametri referenzjarji sinifikanti u ta’ importanza kritika, u fuq dawk il-parametri referenzjarji li jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ politiki ewlenin tal-Unjoni, jiġifieri l-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi. Għal dik ir-raġuni, il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titoli II, III, IV, V u VI tar-Regolament (UE) 2016/1011 jenħtieġ li jitnaqqas għal dawk il-parametri referenzjarji speċifiċi. Madankollu, id-dispożizzjonijiet speċifiċi fl-Artikoli 23a, 23b u 23c għandhom l-għan li jiżguraw iċ-ċertezza legali u l-istabbiltà ekonomika meta parametru referenzjarju jkun qed jiġi stralċat u għalhekk jenħtieġ li jibqgħu applikabbli għall-parametri referenzjarji kollha.

(3)

Jenħtieġ li l-amministraturi li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1011 wara l-emendi introdotti minn dan ir-Regolament emendatorju u li jixtiequ jagħżlu li jipparteċipaw fir-reġim jitħallew jagħmlu talba motivata lill-awtorità kompetenti tagħhom biex tiddeżinja wieħed jew aktar mill-parametri referenzjarji li joffru bħala sinifikanti. Jenħtieġ li dik it-talba tipprovdi lill-awtorità kompetenti biżżejjed informazzjoni biex tivvaluta jekk il-parametru referenzjarju jissodisfax ir-rekwiżiti biex jintgħażel bħala sinifikanti skont ir-reġim ta’ parteċipazzjoni fakultattiva. Meta l-informazzjoni pprovduta fit-talba ma tkunx preċiża jew tkun qarrieqa, jenħtieġ li l-awtorità tirrifjuta li tiddeżinja l-parametru referenzjarju kkonċernat. Jenħtieġ li l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji li jkunu ġew awtorizzati jagħżlu li jipparteċipaw jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha applikabbli għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji sinifikanti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1011.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2016/1011 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li teżenta, f’kundizzjonijiet speċifiċi, parametri referenzjarji tal-kambju spot. Sabiex jiġi żgurat li l-utenti ta’ parametri referenzjarji tal-Unjoni jkollhom aċċess għal strumenti għall-iħħeġġjar ibbażati fuq parametri referenzjarji tal-kambju spot fejn japplikaw il-kontrolli tal-munita, huwa meħtieġ li jiġi previst li l-Kummissjoni jenħtieġ li tiddeżinja parametri referenzjarji tal-kambju bħala eżentati meta jagħmlu referenza għar-rati tal-kambju spot ta’ munita ta’ pajjiż terz li għaliha japplikaw tali kontrolli tal-munita. Il-kontrolli tal-munita tipikament jinkludu regoli ta’ natura legali jew regolatorja li jipprojbixxu, jillimitaw jew jirrestrinġu l-konverżjoni libera ta’ munita partikolari fi kwalunkwe munita oħra. Dawn ivarjaw fejn jidħlu r-restrizzjonijiet speċifiċi li jimponu u jevolvu kontinwament maż-żmien. Għalhekk, huwa meħtieġ li jitqiesu d-diversità u l-evoluzzjoni tal-kontrolli tal-muniti meta jintwera l-issodisfar tal-kriterju rilevanti biex jiġi żgurat li dan ikun jista’ jiġi applikat fil-prattika. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-kundizzjonijiet li skonthom jenħtieġ li parametru referenzjarju tal-kambju spot jiġi eżentat mir-Regolament (UE) 2016/1011, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi u żżomm lista ta’ parametri referenzjarji eżentati.

(5)

Skont l-Artikolu 19d tar-Regolament (UE) 2016/1011, l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji sinifikanti huma meħtieġa jagħmlu ħilithom biex jipprovdu Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta’ Pariġi. Peress li rriżulta li din id-dispożizzjoni diffiċli tiġi infurzata, huwa xieraq li titħassar. Madankollu, jenħtieġ li t-tħassir tagħha ma jinftiehemx bħala tnaqqis tal-impenn tal-Unjoni għall-objettivi tat-tranżizzjoni klimatika u tal-Ftehim ta’ Pariġi. Għaldaqstant, sabiex jiġi promoss l-użu ta’ standards komuni għall-parametri referenzjarji relatati mal-klima u biex tiġi żgurata l-provvista adegwata tagħhom fl-Unjoni, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji huma mħeġġa jipprovdu tali parametri referenzjarji fl-Unjoni.

(6)

L-amministraturi ta’ parametri referenzjarji jenħtieġ li jimmonitorjaw l-użu fl-Unjoni tal-parametri referenzjarji li jipprovdu u jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti kkonċernata jew lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ESMA) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), skont fejn jinsab dak l-amministratur, fejn l-użu aggregat ta’ wieħed mill-parametri referenzjarji tagħhom ikun laħaq il-limitu ta’ EUR 50 biljun stabbilit fl-Artikolu 24(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/1011. L-amministraturi tal-parametri referenzjarji spiss joffru varjanti differenti tal-parametru referenzjarju biex jaqdu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-utenti tal-parametri referenzjarji, fosthom maturitajiet jew termini, muniti u varjanti għall-kalkolu tar-redditu. Fejn jeżistu varjanti bħal dawn, jenħtieġ li l-użu tagħhom jiġi aggregat.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti li japplikaw għal parametri referenzjarji sinifikanti, jenħtieġ li jkunu soġġetti biss għal dawk ir-rekwiżiti fi żmien 60 jum tax-xogħol wara d-data meta jkunu ppreżentaw tali notifika. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji, fuq it-talba tal-awtorità kompetenti kkonċernata jew l-ESMA, jipprovdu lil dik l-awtorità jew lill-ESMA l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jivvalutaw l-użu aggregat tal-parametru referenzjarju fl-Unjoni.

(8)

Meta amministratur ta’ parametru referenzjarju jonqos milli jinnotifika lill-awtorità kompetenti kkonċernata jew lill-ESMA, kif applikabbli, li l-użu ta’ wieħed mill-parametri referenzjarji tiegħu jkun laħaq il-limitu stabbilit fl-Artikolu 24(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/1011, u meta l-awtorità kompetenti kkonċernata jew l-ESMA jkollha raġunijiet ċari u dimostrabbli biex tqis li dak il-limitu jkun intlaħaq, l-awtorità kompetenti kkonċernata jew l-ESMA jenħtieġ li tkun tista’ tiddikjara li l-limitu jkun intlaħaq, wara li l-ewwel tkun tat lill-amministratur l-opportunità li jinstema’. Tali dikjarazzjoni jenħtieġ li tiskatta l-istess obbligi għall-amministratur tal-parametru referenzjarju bħal notifika magħmula mill-amministratur tal-parametru referenzjarju. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti jew tal-ESMA li jimponu sanzjonijiet amministrattivi fuq dawk l-amministraturi li jonqsu milli jinnotifikaw li wieħed mill-parametri referenzjarji tagħhom ikun laħaq il-limitu.

(9)

Madankollu, f’każijiet eċċezzjonali, jista’ jkun hemm parametri referenzjarji b’użu aggregat taħt il-limitu stabbilit fl-Artikolu 24(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/1011 li, minħabba s-sitwazzjoni speċifika fis-suq ta’ Stat Membru, madankollu, ikunu ta’ tali importanza għal dak l-Istat Membru li kwalunkwe nuqqas ta’ affidabbiltà jkollu impatt simili għal dak ta’ parametru referenzjarju li l-użu tiegħu laħaq dak il-limitu. Konsegwentement, għall-parametri referenzjarji li jiġu pprovduti minn amministratur li jinsab fl-Unjoni, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tkun tista’ tiddeżinja tali parametru referenzjarju bħala sinifikanti fuq il-bażi ta’ sett ta’ kriterji kwalitattivi. Għal parametri referenzjarji pprovduti minn amministratur li jinsab barra mill-Unjoni, jenħtieġ li tkun l-ESMA li, fuq talba ta’ awtorità kompetenti, jew fuq inizjattiva tagħha stess, tiddeżinja tali parametru referenzjarju bħala sinifikanti.

(10)

Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u l-koordinazzjoni tad-deżinjazzjonijiet nazzjonali tal-parametri referenzjarji bħala parametri referenzjarji sinifikanti, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti li jkollhom il-ħsieb li jiddeżinjaw parametru referenzjarju bħala sinifikanti jikkonsultaw lill-ESMA. Minħabba l-istess raġuni, awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li jkollha l-ħsieb li tiddeżinja bħala sinifikanti parametru referenzjarju li jiġi pprovdut minn amministratur li jkun jinsab fi Stat Membru ieħor jenħtieġ li tikkonsulta wkoll lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. Meta l-awtoritajiet kompetenti ma jaqblux bejniethom dwar min minnhom jenħtieġ li jiddeżinja u jissorvelja parametru referenzjarju, jenħtieġ li l-ESMA ssolvi dak in-nuqqas ta’ qbil f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. Dejjem huwa possibbli li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab l-amministratur tilħaq ftehimiet ta’ kooperazzjoni dwar id-delega tal-kompiti skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 mal-awtorità kompetenti deżinjanti jew mal-ESMA.

(11)

Sabiex jiġi rrispettat id-dritt li wieħed jinstema’, jenħtieġ li awtorità kompetenti jew l-ESMA, qabel ma tiddeżinja parametru referenzjarju bħala sinifikanti, tippermetti lill-amministratur ta’ dak il-parametru referenzjarju jipprovdi kwalunkwe informazzjoni utli li tkun rilevanti għad-deżinjazzjoni.

(12)

Sabiex id-deżinjazzjoni ta’ parametru referenzjarju bħala sinifikanti tkun kemm jista’ jkun trasparenti, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jew l-ESMA toħroġ deċiżjoni dwar id-deżinjazzjoni li tistipula r-raġunijiet għaliex dak il-parametru referenzjarju jitqies bħala sinifikanti. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw id-deċiżjoni dwar id-deżinjazzjoni fuq is-sit web tagħhom u jenħtieġ li jinnotifikaw dik id-deċiżjoni lill-ESMA. Għall-istess raġunijiet, meta l-ESMA tiddeżinja parametru referenzjarju bħala sinifikanti fuq talba ta’ awtorità kompetenti, jew bl-inizjattiva tagħha stess, jenħtieġ li l-ESMA tippubblika d-deċiżjoni dwar id-deżinjazzjoni fuq is-sit web tagħha u jenħtieġ li tinnotifika lill-awtorità kompetenti rikjedenti b’dan.

(13)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta, wara li tikkonsulta mal-ESMA, att delegat biex tkompli tispeċifika l-metodu ta’ kalkolu biex jiġi ddeterminat il-limitu msemmi fl-Artikolu 24(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/1011, il-kriterji biex jiġi vvalutat jekk l-użu tal-parametru referenzjarju jilħaqx dak il-limitu, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-ESMA fil-proċess ta’ deżinjazzjoni ta’ parametru referenzjarju li ma jilħaqx dak il-limitu, u l-kriterji biex jiġi vvalutat l-impatt tal-waqfien tal-provvediment ta’ parametru referenzjarju. Meta jitqiesu l-iżviluppi futuri fil-prezzijiet u dawk regolatorji, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-adegwatezza tal-limitu sa tliet snin mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament emendatorju u tippreżenta rapport dwar dan lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. F’każijiet fejn l-ESMA ssir konxja ta’ kwalunkwe kwistjoni rigward il-limitu qabel jew wara d-data ta’ dak ir-rapport, hija mistennija tinforma lill-Kummissjoni b’dan.

(14)

Il-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi huma kategoriji speċifiċi ta’ parametri referenzjarji, definiti mill-konformità tagħhom ma’ regoli li jirregolaw il-metodoloġija tagħhom u d-divulgazzjonijiet relatati. Minħabba dik ir-raġuni, u biex jiġu evitati asserzjonijiet li jistgħu jwasslu lill-utenti biex jaħsbu li xi parametri referenzjarji jkunu konformi mal-istandards marbuta ma’ dawk it-tikketti, huwa meħtieġ li dawk il-parametri referenzjarji u l-amministraturi tagħhom, skont il-bżonn, jiġu soġġetti għal reġistrazzjoni, awtorizzazzjoni, rikonoxximent jew approvazzjoni obbligatorja, u għal superviżjoni.

(15)

It-trattament regolatorju tal-parametri referenzjarji tal-komoditajiet jenħtieġ li jitfassal skont il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom. Il-parametri referenzjarji tal-komoditajiet li huma soġġetti għar-regoli ġenerali għall-parametri referenzjarji finanzjarji jenħtieġ li jiġu ttrattati b’mod identiku bħal parametri referenzjarji finanzjarji oħra u jenħtieġ li jkunu koperti mir-Regolament (UE) 2016/1011 biss jekk ikunu parametri referenzjarji sinifikanti jew ta’ importanza kritika u ma jkunux ġew eżentati mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament. Il-parametri referenzjarji tal-komoditajiet li huma bbażati fuq data faċilment disponibbli ma għandhomx l-istess speċifiċitajiet tal-parametri referenzjarji tal-komoditajiet ibbażati fil-biċċa l-kbira tagħhom fuq kontribuzzjonijiet minn entitajiet mhux regolati, u għalhekk jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-regoli ġenerali għall-parametri referenzjarji finanzjarji. Il-parametri referenzjarji tal-komoditajiet ibbażati fuq data tal-input ikkontribwiti fil-biċċa l-kbira tagħhom minn entitajiet mhux taħt superviżjoni jenħtieġ li jkunu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1011 kull meta l-valur referenzjarju tagħhom jilħaq limitu de minimis sabiex jiġu żgurati r-robustezza u l-affidabbiltà tal-valutazzjonijiet tagħhom.

(16)

Sabiex jiġi żgurat bidu f’waqtu għas-superviżjoni ta’ parametri referenzjarji sinifikanti, jenħtieġ li l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji li jkunu saru sinifikanti jfittxu, fi żmien 60 jum tax-xogħol, awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni jew, fil-każ ta’ parametri referenzjarji pprovduti minn amministratur li jinsab f’pajjiż terz, approvazzjoni jew rikonoxximent.

(17)

Sabiex jiġu mmitigati r-riskji marbuta mal-użu ta’ parametri referenzjarji li potenzjalment ma jkunux sikuri għall-użu fl-Unjoni, u biex iwissu lil utenti potenzjali, l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA jenħtieġ li jkunu jistgħu joħorġu twissija, fil-forma ta’ avviż pubbliku, li l-amministratur ta’ parametru referenzjarju sinifikanti ma jikkonformax mar-rekwiżiti applikabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-konformità mal-obbligu li l-amministratur tal-parametru referenzjarju jkun awtorizzat, irreġistrat, approvat jew rikonoxxut, kif applikabbli. Ladarba tkun inħarġet tali twissija, l-entitajiet taħt superviżjoni jenħtieġ li ma jibqgħux ikunu jistgħu jżidu referenzi ġodda għal parametri referenzjarji jew kombinazzjoni ta’ parametri referenzjarji bħal dawn. Meta parametru referenzjarju li jkun soġġett għal twissija jintuża fi strumenti finanzjarji eżistenti, f’kuntratti finanzjarji jew biex titkejjel il-prestazzjoni ta’ fond ta’ investiment, jenħtieġ li l-utenti tal-parametru referenzjarju jissostitwixxu dak il-parametru referenzjarju b’alternattiva f’ammont ta’ żmien limitat. Bl-istess mod, biex jiġu evitati r-riskji li jirriżultaw mill-użu ta’ parametri referenzjarji li jsostnu konformità mat-tikketta tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u mat-tikketta tal-UE allinjata mal-Ftehim ta’ Pariġi mingħajr ma jkunu soġġetti għal superviżjoni adegwata, jenħtieġ li l-entitajiet taħt superviżjoni ma jkunux jistgħu jżidu referenzi ġodda għal Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta’ Pariġi jew kombinazzjoni ta’ tali parametri referenzjarji fl-Unjoni meta l-amministratur ta’ dawk il-parametri referenzjarji ma jkunx inkluż fir-reġistru tal-ESMA tal-amministraturi u tal-parametri referenzjarji.

(18)

Sabiex jiġi evitat tfixkil potenzjalment eċċessiv fis-suq wara l-projbizzjoni tal-użu ta’ parametru referenzjarju, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jew l-ESMA jkunu jistgħu jippermettu t-tkomplija tal-użu temporanju ta’ tali parametru referenzjarju. Sabiex jikkonfrontaw impatt li jvarja tal-waqfien tal-użu ta’ tali parametru referenzjarju, kif ukoll livelli differenti ta’ kumplessità biex tinstab alternattiva xierqa għalih, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jew l-ESMA jistabbilixxu, għal kull każ individwali, il-perjodu li matulu l-użu jibqa’ permess, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi, fosthom il-firxa u t-tip ta’ użu tal-parametru referenzjarju. Sabiex jiġi żgurat livell suffiċjenti ta’ trasparenza u protezzjoni fir-rigward tal-investituri finali, jenħtieġ li l-utenti ta’ dawk il-parametri referenzjarji li jkunu soġġetti għal twissija fil-forma ta’ avviż pubbliku jidentifikaw alternattiva xierqa għal dawk il-parametri referenzjarji fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni ta’ dak l-avviż pubbliku, jew inkella jiżguraw li l-klijenti jiġu infurmati kif xieraq dwar in-nuqqas ta’ parametru referenzjarju alternattiv.

(19)

Skont ir-Regolament (UE) 2016/1011, ir-rikonoxximent ta’ amministraturi ta’ parametri referenzjarji li jinsabu f’pajjiż terz iservi bħala mezz temporanju ta’ aċċess għas-suq tal-Unjoni sakemm tiġi adottata deċiżjoni dwar l-ekwivalenza mill-Kummissjoni. Minħabba n-numru limitat ħafna ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi koperti minn deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza, tali rikonoxximent jenħtieġ li jsir mezz permanenti ta’ aċċess għas-suq tal-Unjoni għal tali amministraturi ta’ parametri referenzjarji.

(20)

L-amministraturi tal-parametri referenzjarji li jinsabu f’pajjiżi terzi li jaċċessaw is-suq tal-Unjoni fi ħdan ir-reġim ta’ rikonoxximent bħalissa huma taħt superviżjoni b’mod ċentrali mill-ESMA. L-allinjament tas-superviżjoni taħt il-kompetenza tal-ESMA kemm fir-reġim ta’ approvazzjoni kif ukoll dak ta’ rikonoxximent iqiegħed lill-amministraturi kollha minn pajjiżi terzi fuq l-istess livell. Barra minn hekk, dan jagħmel possibbli li l-ESMA tiġi stabbilita bħala l-kontroparti rilevanti waħdanija fl-Unjoni għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji li jinsabu f’pajjiżi terzi, u b’hekk il-kooperazzjoni transfruntiera ssir aktar effiċjenti u effettiva.

(21)

Il-parametri referenzjarji koperti minn deċiżjoni dwar l-ekwivalenza jitqiesu li jkunu taħt regolamentazzjoni u superviżjoni b’mod ekwivalenti għall-parametri referenzjarji tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-obbligu li tintalab approvazzjoni jew rikonoxximent ma japplikax għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji sinifikanti li jinsabu f’pajjiż terz li jibbenefikaw minn deċiżjoni dwar l-ekwivalenza.

(22)

Fl-interess tat-trasparenza u sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, l-awtoritajiet kompetenti li jiddeżinjaw parametru referenzjarju bħala sinifikanti jenħtieġ li jispeċifikaw ir-restrizzjonijiet potenzjali fuq l-użu li jirriżultaw meta l-amministratur ta’ tali parametru referenzjarju jonqos milli jiġi awtorizzat jew irreġistrat jew jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ approvazzjoni jew rikonoxximent, kif applikabbli.

(23)

L-utenti ta’ parametri referenzjarji jibbażaw fuq it-trasparenza fir-rigward tal-istatus regolatorju tal-parametri referenzjarji li jużaw jew li jkollhom il-ħsieb li jużaw. Minħabba dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-ESMA telenka fir-reġistru tal-amministraturi u tal-parametri referenzjarji dawk il-parametri referenzjarji li huma soġġetti għall-aktar rekwiżiti dettaljati stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1011 minħabba li l-użu tagħhom fl-Unjoni jaqbeż il-limitu stabbilit għal parametri referenzjarji sinifikanti, minħabba li jiġu ddeżinjati bħala sinifikanti minn awtorità nazzjonali kompetenti jew mill-ESMA, jew minħabba li huma parametri referenzjarji ta’ importanza kritika. Minħabba l-istess raġuni, jenħtieġ li l-ESMA telenka wkoll f’dak ir-reġistru l-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi pprovduti minn amministraturi li huma awtorizzati jew irreġistrati. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li l-ESMA telenka wkoll fir-reġistru l-parametri referenzjarji li għalihom awtorità kompetenti jew l-ESMA tkun ħarġet avviż pubbliku li jipprojbixxi l-użu ulterjuri ta’ dawk il-parametri referenzjarji. Sabiex ikompli jitnaqqas il-piż fuq l-utenti, din l-informazzjoni kollha jenħtieġ li ssir disponibbli wkoll fuq il-Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew (ESAP) stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(24)

Sabiex tiżdied it-trasparenza dwar l-użu tal-parametri referenzjarji fl-Unjoni, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji huma mħeġġa, iżda mhux meħtieġa, jiksbu identifikatur ta’ entità ġuridika (LEI), kif ukoll Numru Internazzjonali għall-Identifikazzjoni tat-Titoli (ISIN) għall-parametri referenzjarji li jipprovdu. Meta l-amministraturi jkunu kisbu l-LEI jew l-ISIN, jenħtieġ li dan jiġi kkomunikat lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti u inkluż fir-reġistru tal-ESMA. Meta l-identifikaturi jkunu ġew ikkomunikati mill-amministraturi tal-parametri referenzjarji lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-ESMA, jenħtieġ li l-ESMA tinkludihom fir-reġistru tagħha. Biex jippromwovu l-aċċess u l-użu tal-LEI u l-ISIN, l-entitajiet inkarigati mill-ħruġ tagħhom huma mistennija li jagħmlu dan fuq bażi ġusta u mhux diskriminatorja.

(25)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għas-superviżjoni mill-ESMA, jenħtieġ li jittieħdu miżuri li jippermettu kemm it-trasferiment tas-superviżjoni tal-amministraturi li japprovaw parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi li bħalissa huma taħt is-superviżjoni ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, kif ukoll it-trasferiment ta’ kwalunkwe applikazzjoni għall-approvazzjoni riċevuta wara tali data li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jieħdu deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet qabel id-data tat-trasferiment tas-superviżjoni.

(26)

Sabiex jiġi żgurat li l-ESMA tkun tista’ teżerċita b’mod effettiv is-setgħat superviżorji tagħha, huwa meħtieġ li tkun tista’ tieħu miżuri superviżorji anke fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni jew konformità f’investigazzjoni jew ma’ spezzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-ESMA tkun tista’ tadotta deċiżjoni li timponi multa f’dawk il-każijiet.

(27)

Ir-Regolament (UE) 2019/2089 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) issoġġetta l-parametri referenzjarji kollha għajr il-parametri referenzjarji tar-rata tal-imgħax u tal-kambju għal regoli ta’ trasparenza fir-rigward ta’ jekk u kif il-parametri referenzjarji jqisu fatturi ambjentali, soċjali jew ta’ governanza (ESG) u introduċa żewġ kategoriji ta’ parametri referenzjarji relatati mal-ESG li huma soġġetti għall-konformità ma’ standards minimi oħra stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni, jiġifieri l-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi. Sabiex jinżamm livell għoli ta’ trasparenza fir-rigward tal-pretensjonijiet relatati mal-ESG u livell adegwat ta’ protezzjoni għall-utenti, huwa xieraq li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1011 ikomplu jiddivulgaw l-informazzjoni meħtieġa għal kull parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji li jamministraw li jagħmlu pretensjonijiet relatati mal-ESG f’dokumentazzjoni legali jew ta’ kummerċjalizzazzjoni. Sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni tal-obbligu dwar id-divulgazzjonijiet b’rabta mal-ESG għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1011, jenħtieġ li l-amministraturi kollha li jipprovdu parametri referenzjarji fl-istess grupp ikunu soġġetti għal dawk ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni. Sat-30 ta’ Ġunju 2029, jenħtieġ li l-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-ESMA, tħejji rapport biex tivvaluta jekk il-kamp ta’ applikazzjoni attwali tal-parametri referenzjarji b’asserzjonijiet relatati mal-ESG li huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ divulgazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 huwiex xieraq u jippermettix lill-utenti ta’ dawk il-parametri referenzjarji jikkonformaw b’mod adegwat mar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tagħhom stess relatati mas-sostenibbiltà. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fid-divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà, jenħtieġ li dak ir-rapport jivvaluta wkoll jekk id-divulgazzjonijiet b’rabta mal-ESG skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 humiex konsistenti mad-divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà skont ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u mal-linji gwida rilevanti tal-ESMA. Jenħtieġ li dak ir-rapport, fejn xieraq, ikun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva.

(28)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-applikazzjoni tar-regoli introdotti skont dan ir-Regolament emendatorju, jenħtieġ li r-reġistrazzjonijiet, l-awtorizzazzjonijiet, ir-rikonoxximenti jew l-approvazzjonijiet eżistenti ta’ amministraturi li bħalissa qegħdin taħt superviżjoni skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 jibqgħu validi għal 9 xhur mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament emendatorju. Dak il-perjodu huwa maħsub biex jagħti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ESMA biżżejjed żmien biex jiddeċiedu jekk jenħtiġx li kwalunkwe wieħed mill-amministraturi li bħalissa qegħdin taħt superviżjoni jiġix ikkunsidrat bħala amministratur ta’ parametri referenzjarji ddeżinjat f’konformità ma’ dan ir-Regolament emendatorju. Jekk dak ikun il-każ, jenħtieġ li l-amministraturi li qabel kienu awtorizzati, irreġistrati, approvati jew rikonoxxuti, jew l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji li jiġu ddeżinjati fuq talba, jitħallew iżommu l-istatus preċedenti tagħhom mingħajr ma jkollhom għalfejn japplikaw mill-ġdid. Jenħtieġ li l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji sinifikanti, fi kwalunkwe każ, jitħallew iżommu l-istatus tagħhom bħala amministraturi ta’ parametri referenzjarji awtorizzati, irreġistrati, approvati jew rikonoxxuti. Jekk ma jkunux iddeżinjati, jenħtieġ li d-detenturi eżistenti tal-awtorizzazzjoni, ir-reġistrazzjoni, ir-rikonoxximent jew l-approvazzjoni jkollhom iċ-ċertezza legali li l-perjodu tad-deżinjazzjoni jkun skada u li ismijiethom jistgħu jitneħħew b’mod sikur mir-reġistru tal-ESMA, filwaqt li l-entitajiet taħt superviżjoni jkunu jistgħu jkomplu jużaw dawn l-indiċijiet. In-nuqqas ta’ deżinjazzjoni f’dan il-perjodu ta’ deżinjazzjoni ta’ 9 xhur jimplika wkoll li awtorità kompetenti ma għadhiex obbligata żżomm awtorizzazzjoni, reġistrazzjoni, rikonoxximent jew approvazzjoni eżistenti.

(29)

Sabiex l-użu tal-parametri referenzjarji tal-kambju spot ikun jista’ jkompli sakemm il-Kummissjoni tkun wettqet il-konsultazzjoni pubblika meħtieġa u tkun adottat att ta’ implimentazzjoni biex teżenta ċerti parametri referenzjarji fejn meħtieġ, l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe restrizzjoni fuq l-użu jenħtieġ li tiġi differita għal parametri referenzjarji tal-kambju spot ipprovduti minn amministraturi li jinsabu barra mill-Unjoni.

(30)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/1011 jiġi emendat kif xieraq.

(31)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA jingħataw iż-żmien meħtieġ biex jiġbru informazzjoni dwar parametri referenzjarji sinifikanti potenzjali u biex jadattaw l-infrastruttura eżistenti għall-qafas il-ġdid previst minn dan ir-Regolament emendatorju, jenħtieġ li d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi differita,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2016/1011

Ir-Regolament (UE) 2016/1011 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   It-Titoli II, III, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 23a, 23b u 23c, IV, V u VI japplikaw biss fir-rigward ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika, parametri referenzjarji sinifikanti, Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi.

1b.   B’deroga mill-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 13(1), il-punt (d), u l-Artikolu 27(2aa) japplikaw għall-parametri referenzjarji kollha użati fl-Unjoni pprovduti minn amministraturi li:

(a)

huma inklużi fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 36; jew

(b)

jappartjenu għal grupp b’mill-inqas amministratur wieħed inkluż fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 36.

1c.   B’deroga mill-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 19 japplika għal kwalunkwe parametru referenzjarju tal-komoditajiet ibbażat fuq data tal-input ikkontribwita, sakemm ma tiġix issodisfata kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikun parametru referenzjarju ta’ data regolata;

(b)

ikun parametru referenzjarju bbażat fuq sottomissjonijiet minn kontributuri li l-maġġoranza tagħhom ikunu entitajiet taħt superviżjoni;

(c)

ikun parametru referenzjarju ta’ importanza kritika u l-assi sottostanti jkunu d-deheb, il-fidda jew il-platinu.”

;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

parametru referenzjarju tal-komoditajiet ibbażat fuq sottomissjonijiet minn kontributuri li l-maġġoranza tagħhom huma entitajiet mhux taħt superviżjoni u li fir-rigward tagħhom il-valur nozzjonali medju totali tal-istrumenti finanzjarji li jagħmlu referenza għall-parametru referenzjarju ma jaqbiżx il-EUR 200 miljun fuq perjodu ta’ 12-il xahar;”

;

(2)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (17), il-punt (m) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(m)

amministratur awtorizzat jew irreġistrat skont l-Artikolu 34;”

;

(b)

fil-punt (24), il-punt (a), il-punti (ii) u (iii) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(ii)

arranġament approvat għall-pubblikazzjoni kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (34), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jew fornitur ta’ tape konsolidat kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (35), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, skont ir-rekwiżiti obbligatorji tat-trasparenza ta’ wara n-negozjar, iżda b’referenza biss għad-data tat-tranżazzjoni li tikkonċerna strumenti finanzjarji nnegozjati f’ċentru tan-negozjar;

(iii)

mekkaniżmu ta’ rapportar approvat kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (36), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, iżda b’referenza biss għad-data tat-tranżazzjoni li tikkonċerna strumenti finanzjarji nnegozjati f’ċentru tan-negozjar u li trid tiġi divulgata skont ir-rekwiżiti obbligatorji ta’ trasparenza ta’ wara n-negozjar;”

;

(c)

jitħassar il-punt (27);

(3)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 5, it-tieni subparagrafu, titħassar l-aħħar sentenza;

(b)

jitħassar il-paragrafu 6;

(4)

l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 5, l-ewwel subparagrafu, titħassar l-aħħar sentenza;

(b)

jitħassar il-paragrafu 6;

(5)

l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

meta parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji tinkludi fid-dokumentazzjoni legali jew tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom kwalunkwe referenza għall-kunsiderazzjoni tal-fatturi ESG, għal kull wieħed minn dawk il-parametri referenzjarji jew familja ta’ parametri referenzjarji, bl-eċċezzjoni tal-parametri referenzjarji tar-rata tal-imgħax u tal-kambju, spjegazzjoni ta’ kif l-elementi ewlenin tal-metodoloġija jirriflettu l-fatturi ESG;”

;

(b)

fil-paragrafu 1, jitħassar it-tieni subparagrafu;

(c)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, titħassar l-aħħar sentenza;

(d)

jitħassar il-paragrafu 4;

(6)

l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 5, it-tieni subparagrafu, titħassar l-aħħar sentenza;

(b)

jitħassar il-paragrafu 6;

(7)

fl-Artikolu 18, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Artikolu 25 ma għandux japplika għall-forniment ta’ parametri referenzjarji tar-rati tal-imgħax u għall-kontribuzzjoni għalihom.”

;

(8)

l-Artikolu 18a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 18a

Parametri referenzjarji tal-kambju spot

1.   Il-Kummissjoni għandha tiffissa bħala eżenti parametru referenzjarju tal-kambju spot amministrat minn amministraturi li jkunu jinsabu barra mill-Unjoni meta jiġu ssodisfati ż-żewġ kriterji li ġejjin:

(a)

il-parametru referenzjarju tal-kambju spot jirreferi għal rata tal-kambju spot ta’ munita ta’ pajjiż terz li għaliha ma japplikawx kontrolli fuq il-munita; u

(b)

il-parametru referenzjarju tal-kambju spot:

(i)

jintuża fuq bażi frekwenti, sistematika u regolari biex jiħħeġġja kontra movimenti avversi fir-rati tal-kambju; jew

(ii)

ma jkollux parametru referenzjarju alternattiv ekwivalenti fornut minn amministratur li jinsab fl-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha twettaq konsultazzjoni pubblika biex tidentifika l-parametri referenzjarji tal-kambju spot li jissodisfaw il-kriterji stipulati fil-paragrafu 1.

3.   Wara l-konklużjoni tal-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni biex toħloq lista ta’ parametri referenzjarji tal-kambju spot li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 sad-9 ta’ Ġunju 2026. Il-Kummissjoni għandha taġġorna dik il-lista kif xieraq.”

;

(9)

fit-Titolu III, il-Kapitolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“KAPITOLU 3

Parametri referenzjarji tal-komoditajiet ibbażati fuq data tal-input ikkontribwita

Artikolu 19

Parametri referenzjarji tal-komoditajiet ibbażati fuq data tal-input ikkontribwita

Il-parametri referenzjarji tal-komoditajiet ibbażati fuq data tal-input ikkontribwita għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 10, it-Titoli IV, V u VI, u r-rekwiżiti speċifiċi stipulati fl-Anness II.”

;

(10)

fl-Artikolu 19a, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   L-amministraturi li mhumiex inklużi fir-reġistru tal-ESMA msemmi fl-Artikolu 36 ma għandhomx:

(a)

jipprovdu jew japprovaw Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi;

(b)

jindikaw jew jissuġġerixxu, f’isem il-parametri referenzjarji li jagħmlu disponibbli għall-użu fl-Unjoni jew fid-dokumentazzjoni legali jew tal-kummerċjalizzazzjoni għal dawk il-parametri referenzjarji, li l-parametri referenzjarji li jagħmlu disponibbli jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli għall-forniment ta’ Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew ta’ Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi.

5.   L-amministraturi għandhom jinkludu l-akronimu ‘CTB’ fl-isem tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-akronimu ‘PAB’ fl-isem tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi.”

;

(11)

l-Artikolu 24 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 24

Parametri referenzjarji sinifikanti

1.   Parametru referenzjarju li mhuwiex parametru referenzjarju ta’ importanza kritika għandu jkun sinifikanti meta tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jintuża direttament jew indirettament f’kombinazzjoni ta’ parametri referenzjarji fl-Unjoni bħala referenza għal strumenti finanzjarji jew kuntratti finanzjarji jew għall-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment li jkollhom valur medju totali ta’ mill-inqas EUR 50 biljun fuq il-bażi tal-karatteristiċi li ġejjin tal-parametru referenzjarju, fuq perjodu ta’ sitt xhur:

(i)

il-firxa ta’ maturitajiet jew termini tal-parametru referenzjarju, fejn applikabbli;

(ii)

il-muniti kollha jew unitajiet oħra ta’ kejl tal-parametru referenzjarju, meta applikabbli; u

(iii)

il-metodoloġiji kollha tal-kalkolu tar-redditu, fejn applikabbli;

(b)

il-parametru referenzjarju jkun ġie ddeżinjat bħala sinifikanti f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3, 4 u 5, il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 6, jew il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 7.

2.   Amministratur għandu jinnotifika minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab jew, jekk jinsab f’pajjiż terz, lill-ESMA, meta parametru referenzjarju wieħed jew diversi minnhom ta’ dak l-amministratur jilħqu l-limitu msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a). Wara li tirċievi dik in-notifika, l-awtorità kompetenti jew l-ESMA, skont il-każ, għandha tippubblika dikjarazzjoni fuq is-sit web tagħha li tiddikjara li dak il-parametru referenzjarju jkun sinifikanti.

Amministratur għandu, fuq it-talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab jew, jekk ikun jinsab f’pajjiż terz, fuq it-talba tal-ESMA, jipprovdi lil dik l-awtorità kompetenti jew lill-ESMA, skont il-każ, b’informazzjoni dwar jekk il-limitu msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), ikunx intlaħaq.

Meta awtorità kompetenti jew, fil-każ ta’ amministratur ta’ pajjiż terz, l-ESMA jkollha raġunijiet ċari u dimostrabbli biex tqis li parametru referenzjarju laħaq il-limitu msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), l-awtorità kompetenti jew l-ESMA tista’ toħroġ avviż dwar dan. Tali avviż għandu jiskatta l-istess obbligi għall-amministratur tal-parametru referenzjarju bħan-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Mill-inqas 10 ijiem tax-xogħol qabel ma toħroġ tali avviż, l-awtorità kompetenti jew l-ESMA, skont il-każ, għandha tinforma lill-amministratur tal-parametru referenzjarju kkonċernat bis-sejbiet tagħha, u tistieden lil dak l-amministratur jissottometti kwalunkwe osservazzjoni.

3.   Awtorità kompetenti tista’, wara li tkun ikkonsultat lill-ESMA f’konformità mal-paragrafu 4 u wara li tkun qieset il-parir tagħha, tiddeżinja parametru referenzjarju pprovdut minn amministratur li jinsab fl-Unjoni li ma jilħaqx il-limitu msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), bħala sinifikanti meta dak il-parametru referenzjarju jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-parametru referenzjarju ma jkollu ebda sostitut jew ftit li xejn sostituti xierqa mmexxija mis-suq;

(b)

fil-każ li l-parametru referenzjarju ma jibqax jiġi pprovdut, jew jiġi pprovdut abbażi ta’ data tal-input li ma tibqax rappreżentattiva b’mod sħiħ tas-suq jew tar-realtà ekonomika sottostanti jew li ma tkunx affidabbli, ikun hemm impatti sinifikanti u avversi fuq l-integrità tas-suq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali, jew il-finanzjament ta’ unitajiet domestiċi u negozji fl-Istat Membru ta’ dik l-awtorità kompetenti; u

(c)

il-parametru referenzjarju ma jkunx ġie ddeżinjat bħala sinifikanti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

Meta awtorità kompetenti tikkonkludi li parametru referenzjarju jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti għandha tħejji abbozz ta’ deċiżjoni biex il-parametru referenzjarju jiġi ddeżinjat bħala sinifikanti u tinnotifika dak l-abbozz ta’ deċiżjoni lill-amministratur ikkonċernat u, meta dan ikun rilevanti, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab l-amministratur. L-awtorità kompetenti deżinjanti għandha tikkonsulta wkoll lill-ESMA dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni.

L-amministratur u, fejn applikabbli, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab l-amministratur għandu jkollhom 15-il jum tax-xogħol mid-data tan-notifika tal-abbozz tad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti deżinjanti biex jipprovdu osservazzjonijiet u kummenti bil-miktub. L-awtorità kompetenti deżinjanti kkonċernata għandha tinforma lill-ESMA dwar l-osservazzjonijiet u l-kummenti li tirċievi u għandha tikkunsidra kif xieraq dawk l-osservazzjonijiet u l-kummenti qabel ma tadotta deċiżjoni finali.

L-awtorità kompetenti deżinjanti għandha tinnotifika lill-ESMA bid-deċiżjoni finali tagħha u għandha tippubblika d-deċiżjoni, inkluż ir-raġunijiet li għalihom tkun ittieħdet u l-obbligi legali li jirriżultaw minnha fuq l-amministratur, fuq is-sit web tagħha mingħajr dewmien żejjed. Meta awtorità kompetenti tiddeżinja parametru referenzjarju bħala sinifikanti għall-kuntrarju tal-parir maħruġ mill-ESMA skont il-paragrafu 4, hija għandha tippubblika minnufih fuq is-sit web tagħha avviż li jispjega b’mod sħiħ ir-raġunijiet tagħha għaliex tkun għamlet hekk.

4.   Meta tiġi kkonsultata minn awtorità kompetenti dwar id-deżinjazzjoni maħsuba ta’ parametru referenzjarju bħala sinifikanti f’konformità mal-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, l-ESMA għandha, fi żmien tliet xhur minn dik il-konsultazzjoni, toħroġ parir li jqis il-fatturi li ġejjin, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-parametru referenzjarju kkonċernat:

(a)

jekk l-awtorità kompetenti ta’ konsultazzjoni tkunx issostanzjat biżżejjed il-valutazzjoni tagħha li l-kundizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huma ssodisfati;

(b)

jekk, fil-każ li l-parametru referenzjarju ma jibqax jiġi pprovdut, jew jiġi pprovdut abbażi ta’ data tal-input li ma tibqax rappreżentattiva b’mod sħiħ tas-suq jew tar-realtà ekonomika sottostanti jew li ma tkunx affidabbli, ikunx hemm impatti sinifikanti u avversi fuq l-integrità tas-suq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali, jew il-finanzjament ta’ unitajiet domestiċi u negozji fi Stati Membri għajr l-Istat Membru tal-awtorità kompetenti ta’ konsultazzjoni.

Għall-finijiet tal-punt (b) ta’ dan il-paragrafu, l-ESMA għandha tqis kwalunkwe informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti ta’ konsultazzjoni skont il-paragrafu 3, it-tielet subparagrafu.

5.   Meta l-ESMA ssib li parametru referenzjarju jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, f’aktar minn Stat Membru wieħed, hija għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati b’dan. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jaqblu dwar liema minnhom għandha tiddeżinja l-parametru referenzjarju bħala sinifikanti. Meta l-awtoritajiet kompetenti ma jilħqux tali qbil, huma għandhom jirreferu l-kwistjoni lill-ESMA, li għandha ssolvi dak in-nuqqas ta’ qbil f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

6.   L-ESMA tista’, fuq talba ta’ awtorità kompetenti, jew fuq inizjattiva proprja, tiddeżinja parametru referenzjarju pprovdut minn amministratur li jinsab f’pajjiż terz li ma jilħaqx il-limitu msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), bħala sinifikanti meta dak il-parametru referenzjarju jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-parametru referenzjarju ma jkollu ebda sostitut jew ftit li xejn sostituti xierqa mmexxija mis-suq; u

(b)

fil-każ li l-parametru referenzjarju ma jibqax jiġi pprovdut, jew jiġi pprovdut abbażi ta’ data tal-input li ma tibqax rappreżentattiva b’mod sħiħ tas-suq jew tar-realtà ekonomika sottostanti jew li ma tkunx affidabbli, ikun hemm impatti sinifikanti u avversi fuq l-integrità tas-suq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali, jew il-finanzjament ta’ unitajiet domestiċi u negozji fi Stat Membru wieħed jew aktar.

L-ESMA għandha, qabel id-deċiżjoni dwar id-deżinjazzjoni u mill-aktar fis possibbli, tinforma lill-amministratur tal-parametru referenzjarju bl-intenzjoni tagħha u tistieden lil dak l-amministratur jipprovdi lill-ESMA fi żmien 15-il jum tax-xogħol dikjarazzjoni motivata li jkun fiha kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-valutazzjoni relatata mad-deżinjazzjoni tal-parametru referenzjarju bħala sinifikanti.

Meta jkun applikabbli, l-ESMA għandha tistieden, mill-aktar fis possibbli, lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz fejn jinsab l-amministratur biex tipprovdi kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-valutazzjoni relatata mad-deżinjazzjoni tal-parametru referenzjarju bħala sinifikanti.

L-ESMA għandha tagħti raġunijiet għal kwalunkwe deċiżjoni dwar id-deżinjazzjoni, filwaqt li tqis jekk ikunx hemm biżżejjed evidenza li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu ssodisfati fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-parametru referenzjarju kkonċernat.

L-ESMA għandha tippubblika d-deċiżjoni motivata tagħha fuq is-sit web tagħha u għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti rikjedenti dwarha mingħajr dewmien żejjed.

7.   Awtorità kompetenti tista’ tiddeżinja parametru referenzjarju pprovdut minn amministratur li jinsab fl-Unjoni li ma jissodisfax il-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1, il-punt (a), bħala sinifikanti meta dak il-parametru referenzjarju jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-amministratur tiegħu jkun issottometta talba bil-miktub lil dik l-awtorità kompetenti biex dak il-parametru referenzjarju jiġi ddeżinjat bħala sinifikanti, fejn stipula b’mod ċar ir-raġunijiet għal tali talba; u

(b)

il-parametru referenzjarju jintuża direttament jew indirettament f’kombinazzjoni ta’ parametri referenzjarji fl-Unjoni bħala referenza għal strumenti finanzjarji jew kuntratti finanzjarji jew għall-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment li jkollhom valur medju totali ta’ mill-inqas EUR 20 biljun matul l-aħħar 6 xhur.

L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta li tiddeżinja parametru referenzjarju bħala sinifikanti meta jkollha raġunijiet biex tqis li t-talba biex isir dan ma kinitx preċiża jew kienet qarrieqa.

L-awtorità kompetenti deżinjanti għandha tinnotifika lill-ESMA bi kwalunkwe deċiżjoni biex tiddeżinja parametru referenzjarju bħala sinifikanti, u tippubblika d-deċiżjoni, inklużi r-raġunijiet għal dan u l-obbligi legali fuq l-amministratur li jirriżultaw minn dan, fuq is-sit web tagħha mingħajr dewmien żejjed.

8.   Meta l-amministratur ta’ parametru referenzjarju ddeżinjat f’konformità mal-paragrafu 7 ikun jixtieq li dik id-deżinjazzjoni titneħħa, huwa għandu jindirizza talba bil-miktub għal dak l-għan lill-awtorità kompetenti tiegħu mhux aktar kmieni minn 4 snin mid-data meta kien iddeżinjat dak il-parametru referenzjarju.

L-awtorità kompetenti għandha tirrevoka d-deżinjazzjoni sakemm ma tiġix issodisfata l-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1, il-punt (a), jew il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.

Id-deċiżjoni li tiġi revokata d-deżinjazzjoni għandha tittieħed mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data tat-talba.

L-awtorità kompetenti għandha tippubblika d-deċiżjoni li tirrevoka d-deżinjazzjoni fuq is-sit web tagħha. Id-deċiżjoni għandha tistabbilixxi d-data li fiha għandu jkollha effett, li ma għandhiex tkun aktar tard minn 12-il xahar mill-pubblikazzjoni tagħha.

9.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, wara li tikkonsulta mal-ESMA, li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex tispeċifika:

(a)

il-metodu ta’ kalkolu, inklużi sorsi potenzjali ta’ data, li għandhom jintużaw biex jiġi ddeterminat il-limitu msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu;

(b)

il-kriterji għall-valutazzjoni meta parametru referenzjarju laħaq il-limitu msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), ta’ dan l-Artikolu;

(c)

l-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jipprovdu meta jikkonsultaw lill-ESMA kif meħtieġ skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu;

(d)

il-kriterji msemmija fil-paragrafu 4, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu filwaqt li titqies kwalunkwe data li tgħin biex tivvaluta jekk l-impatt tal-waqfien jew in-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-parametru referenzjarju fuq l-integrità tas-suq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali, jew il-finanzjament ta’ unitajiet domestiċi u negozji fi Stat Membru wieħed jew aktar humiex sinifikanti jew avversi.

10.   Sal-31 ta’ Diċembru 2028, il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mal-ESMA, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-limitu msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a), fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq, tal-prezzijiet u dawk regolatorji. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposta leġiżlattiva.”

;

(12)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 24a

Rekwiżiti għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji sinifikanti

1.   Fi żmien 60 jum tax-xogħol min-notifika msemmija fl-Artikolu 24(2), l-amministratur ta’ parametru referenzjarju li jissodisfa l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 24(1), il-punt (a), għandu jfittex awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab. Meta dak l-amministratur ikun jinsab f’pajjiż terz u sakemm il-parametru referenzjarju ma jkunx kopert minn deċiżjoni dwar l-ekwivalenza adottata skont l-Artikolu 30, dak l-amministratur għandu, fi żmien 60 jum tax-xogħol min-notifika msemmija fl-Artikolu 24(2), ifittex waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

rikonoxximent mal-ESMA skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 32;

(b)

approvazzjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 33, f’liema każ l-amministratur għandu jagħżel amministratur li jagħti l-approvazzjoni fl-Unjoni li jissottometti applikazzjoni lill-ESMA.

2.   Fi żmien 60 jum tax-xogħol mid-deżinjazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 24(3), l-amministratur tal-parametru referenzjarju, sakemm dak l-amministratur ma jkunx diġà awtorizzat jew irreġistrat, għandu jfittex awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun jinsab f’konformità mal-Artikolu 34.

3.   Fi żmien 60 jum tax-xogħol mid-deżinjazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 24(6), l-amministratur tal-parametru referenzjarju, sakemm il-parametru referenzjarju ma jkunx kopert minn deċiżjoni dwar l-ekwivalenza adottata skont l-Artikolu 30, għandu jfittex waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

rikonoxximent mal-ESMA skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 32;

(b)

approvazzjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 33, f’liema każ l-amministratur għandu jagħżel amministratur li jagħti l-approvazzjoni fl-Unjoni li jissottometti applikazzjoni lill-ESMA.

4.   Fi żmien 60 jum tax-xogħol mid-deżinjazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 24(7), l-amministratur tal-parametru referenzjarju, sakemm dak l-amministratur ma jkunx diġà awtorizzat jew irreġistrat, għandu jfittex awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni mal-awtorità kompetenti deżinjanti f’konformità mal-Artikolu 34.

5.   L-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu użu mis-setgħat superviżorji u ta’ sanzjoni li huma fdati lilhom skont dan ir-Regolament biex jiżguraw li l-amministraturi jikkonformaw mal-obbligi tagħhom.

6.   L-awtorità kompetenti jew l-ESMA, kif applikabbli, għandha toħroġ avviż pubbliku li jiddikjara li parametru referenzjarju sinifikanti pprovdut minn amministratur ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament, u li l-utenti għandhom joqogħdu lura milli jużaw dak il-parametru referenzjarju, meta tiġi ssodisfata kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

fi żmien 60 jum tax-xogħol min-notifika msemmija fl-Artikolu 24(2), tad-deżinjazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(3) jew id-deżinjazzjoni msemmija fl-Artikolu 24(6), l-amministratur ikkonċernat ma jkunx beda proċeduri biex jikkonforma mal-paragrafu 1, 2 jew 3 ta’ dan l-Artikolu, rispettivament;

(b)

il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, reġistrazzjoni, rikonoxximent jew approvazzjoni jkunu fallew;

(c)

l-ESMA tkun irtirat ir-reġistrazzjoni tal-amministratur ikkonċernat f’konformità mal-Artikolu 31;

(d)

l-ESMA tkun irtirat jew issospendiet ir-rikonoxximent tal-amministratur ikkonċernat f’konformità mal-Artikolu 32(8);

(e)

l-approvazzjoni tal-amministratur ikkonċernat tkun waqfet f’konformità mal-Artikolu 33(6);

(f)

l-awtorità kompetenti tkun irtirat jew issospendiet l-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni tal-amministratur ikkonċernat f’konformità mal-Artikolu 35.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA bl-avviżi pubbliċi kollha maħruġa mingħajr dewmien żejjed. L-ESMA għandha tippubblika l-avviżi pubbliċi kollha maħruġa fuq is-sit web tagħha. L-ESMA u l-awtorità kompetenti għandhom ineħħu l-avviż pubbliku mingħajr dewmien żejjed malli r-raġuni li għaliha jkun inħareġ ma tibqax valida.”

;

(13)

fl-Artikolu 25, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“10.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal parametri referenzjarji tal-komoditajiet.”

;

(14)

fit-Titolu III, jitħassar il-Kapitolu 6;

(15)

l-Artikolu 27, huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2a.   Għall-parametri referenzjarji sinifikanti ta’ ekwità u bonds, kif ukoll għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u għall-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jiddivulgaw fid-dikjarazzjonijiet ta’ parametru referenzjarju tagħhom dettalji dwar jekk huwiex żgurat u, sa liema punt ikun żgurat livell ta’ allinjament ġenerali mal-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju jew li jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, skont ir-regoli ta’ divulgazzjoni għall-prodotti finanzjarji fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (*1)

(*1)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/2088/oj).” "

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2aa.   Meta parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji jinkludi fid-dokumentazzjoni legali jew tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom kwalunkwe referenza għall-kunsiderazzjoni tal-fatturi ESG, l-amministratur għandu jippubblika, b’mezzi li jiżguraw aċċess ġust u faċli, spjegazzjoni ta’ kif il-fatturi ESG huma riflessi għal kull wieħed mill-elementi msemmija fil-paragrafu 2.

Għal parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji li huma soġġetti għall-pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ parametru referenzjarju skont il-paragrafu 1, dik l-ispjegazzjoni għandha tiġi inkluża f’dik id-dikjarazzjoni ta’ parametru referenzjarju.”

;

(c)

il-paragrafu 2b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2b.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika aktar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont il-paragrafi 2a u 2aa ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll il-format standard li għandu jintuża għar-referenzi għall-fatturi ESG bil-ħsieb li l-parteċipanti tas-suq ikunu jistgħu jagħmlu għażliet tassew informati u li tkun żgurata l-fattibbiltà teknika tal-konformità ma’ dawk il-paragrafi.”

;

(16)

fl-Artikolu 28, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-entitajiet taħt superviżjoni li mhumiex amministraturi kif imsemmi fil-paragrafu 1, li jużaw parametru referenzjarju, għandhom jipproduċu u jżommu pjanijiet robusti bil-miktub li jistipulaw l-azzjonijiet li jieħdu f’każ li parametru referenzjarju jinbidel materjalment jew ma jibqax jiġi pprovdut. Meta jkun fattibbli u xieraq, tali pjanijiet għandhom jiddeżinjaw parametru referenzjarju alternattiv wieħed jew aktar li tista’ ssir referenza għalihom biex jiġu sostitwiti l-parametri referenzjarji li ma jkunux ser jibqgħu jiġu pprovduti, filwaqt li jiġu indikati r-raġunijiet għall-adegwatezza ta’ tali parametri referenzjarji alternattivi. L-entitajiet taħt superviżjoni għandhom jipprovdu, fuq talba u mingħajr dewmien żejjed, lill-awtorità kompetenti rilevanti dawk il-pjanijiet u kwalunkwe aġġornament u għandhom jirriflettuhom fid-dispożizzjonijiet ta’ riżerva applikabbli għal kuntratti finanzjarji, strumenti finanzjarji u fondi ta’ investiment.”

;

(17)

l-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

 

“Użu ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika, parametri referenzjarji sinifikanti, parametri referenzjarji tal-komoditajiet soġġetti għall-Anness II, Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi”

;

(b)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Entità taħt superviżjoni ma għandhiex iżżid referenzi ġodda għal parametru referenzjarju sinifikanti jew kombinazzjoni ta’ tali parametri referenzjarji fl-Unjoni meta dak il-parametru referenzjarju jew kombinazzjoni ta’ parametri referenzjarji jkunu s-suġġett ta’ avviż pubbliku maħruġ minn awtorità kompetenti jew mill-ESMA f’konformità mal-Artikolu 24a(6). Entità taħt superviżjoni ma għandhiex iżżid referenzi ġodda għal parametru referenzjarju ta’ importanza kritika, parametru referenzjarju tal-komoditajiet soġġett għall-Anness II, Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta’ Pariġi jew kombinazzjoni li tinkludi kwalunkwe parametru referenzjarju bħal dan fl-Unjoni meta l-amministratur ta’ dawk il-parametri referenzjarji ma jkunx inkluż fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 36.

L-entitajiet taħt superviżjoni għandhom jikkonsultaw b’mod regolari l-ESAP jew ir-reġistru msemmi fl-Artikolu 36 biex jivverifikaw l-istatus regolatorju tal-amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika, parametri referenzjarji sinifikanti, parametri referenzjarji tal-komoditajiet soġġetti għall-Anness II, Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi li jkollhom il-ħsieb li jużaw.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, u fejn meħtieġ biex jiġi evitat tfixkil serju fis-suq, l-ESMA jew l-awtorità kompetenti, kif xieraq, tista’ tippermetti l-użu ta’ parametru referenzjarju soġġett għal avviż pubbliku maħruġ f’konformità mal-Artikolu 24a(6) għal perjodu ta’ bejn 6 u 24 xahar wara l-pubblikazzjoni tal-avviż pubbliku.

L-ESMA jew l-awtorità kompetenti għandha tiddetermina t-tul tal-perjodu msemmi fit-tielet subparagrafu filwaqt li tqis:

(a)

il-valur totali ta’ strumenti finanzjarji jew kuntratti finanzjarji fl-Unjoni li għalihom il-parametru referenzjarju jservi bħala referenza u ta’ fondi ta’ investiment fl-Unjoni li għalihom jintuża biex titkejjel il-prestazzjoni;

(b)

id-disponibbiltà ta’ parametri referenzjarji alternattivi;

(c)

il-kumplessità tas-sostituzzjoni tal-parametru referenzjarju u ż-żmien meħtieġ biex jitnaqqsu, jiġu ħħeġġjati jew ibbilanċjati l-iskoperturi eżistenti.”

;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1b.   Entità taħt superviżjoni li tuża parametru referenzjarju f’kuntratti finanzjarji jew fi strumenti finanzjarji eżistenti li huwa soġġett għal avviż pubbliku skont l-Artikolu 24a(6) għandha tissostitwixxi dak il-parametru referenzjarju b’alternattiva xierqa fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni ta’ dak l-avviż, jew toħroġ u tippubblika dikjarazzjoni fuq is-sit web tagħha li tipprovdi lill-klijenti bi spjegazzjoni motivata għaliex ma tkunx tista’ tagħmel dan.”

;

(d)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Meta l-oġġett ta’ prospett li għandu jiġi ppubblikat skont ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) jew id-Direttiva 2009/65/KE jkun titoli trasferibbli jew prodotti oħra ta’ investiment li jirreferenzjaw parametru referenzjarju ta’ importanza kritika, parametru referenzjarju sinifikanti, parametru referenzjarju tal-komoditajiet soġġett għall-Anness II ta’ dan ir-Regolament, Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, jew Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta’ Pariġi, l-emittent, l-offerent, jew il-persuna li titlob l-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat għandhom jiżguraw li l-prospett jinkludi wkoll informazzjoni ċara u prominenti li tiddikjara jekk il-parametru referenzjarju huwiex ipprovdut minn amministratur inkluż fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 36 ta’ dan ir-Regolament.

Meta l-oġġett ta’ prospett li għandu jiġi ppubblikat skont ir-Regolament (UE) 2017/1129 jew id-Direttiva 2009/65/KE jkun titoli trasferibbli jew prodotti ta’ investiment oħra li jirreferenzjaw parametru referenzjarju ta’ importanza kritika, parametru referenzjarju sinifikanti, parametru referenzjarju tal-komoditajiet soġġett għall-Anness II ta’ dan ir-Regolament, Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, jew Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta’ Pariġi, l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat għandhom jiżguraw li meta avviż pubbliku skont l-Artikolu 24a(6) ta’ dan ir-Regolament dwar il-parametru referenzjarju użat huwa inkluż fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 36 ta’ dan ir-Regolament il-prospett jinkludi wkoll, mingħajr dewmien żejjed wara l-pubblikazzjoni tal-avviż, dik l-informazzjoni b’mod ċar u prominenti.

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1129/oj).”;"

(18)

l-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)

jitħassar il-paragrafu 1;

(b)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Amministratur ta’ parametru referenzjarju sinifikanti, ta’ Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta’ Pariġi, ta’ Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew ta’ parametru referenzjarju tal-komoditajiet soġġett għall-Anness II li jinsab f’pajjiż terz li għandu l-intenzjoni li jikseb rikonoxximent għandu jikkonforma ma’ dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 11(4) u l-Artikoli 16, 20, 21 u 23. L-amministratur jista’ jissodisfa dik il-kundizzjoni billi japplika l-prinċipji tal-IOSCO għall-parametri referenzjarji finanzjarji jew il-prinċipji tal-IOSCO għall-PRAs, kif applikabbli, dment li tali applikazzjoni tkun ekwivalenti għall-konformità ma’ dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 11(4) u l-Artikoli 16, 20, 21 u 23.

Meta tiddetermina jekk il-kundizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu hijiex issodisfata u tivvaluta l-konformità mal-prinċipji tal-IOSCO għall-parametri referenzjarji finanzjarji jew mal-prinċipji tal-IOSCO għall-PRAs, kif applikabbli, l-ESMA tista’ tqis:

(a)

valutazzjoni tal-amministratur minn awditur estern indipendenti;

(b)

ċertifikazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti tal-amministratur tal-pajjiż terz fejn jinsab l-amministratur.

Meta, u sal-punt li, amministratur li jinsab f’pajjiż terz ikun jista’ juri li parametru referenzjarju li jipprovdi jkun parametru referenzjarju ta’ data regolata, jew parametru referenzjarju ta’ komodità soġġett għall-Anness II, l-amministratur ma għandux ikun obbligat jikkonforma mar-rekwiżiti li, skont l-Artikoli 17 u 19, ma humiex applikabbli għall-forniment ta’ parametri referenzjarji ta’ data regolata u ta’ parametri referenzjarji ta’ komoditajiet soġġetti għall-Anness II.

3.   Amministratur li jinsab f’pajjiż terz li jkollu l-ħsieb li jikseb rikonoxximent għandu jkollu rappreżentant legali. Ir-rappreżentant legali għandu jkun persuna ġuridika li tinsab fl-Unjoni u espressament maħtura minn dak l-amministratur biex taġixxi f’isem dak l-amministratur fir-rigward tal-obbligi tal-amministratur taħt dan ir-Regolament. Ir-rappreżentant legali għandu, flimkien mal-amministratur, iwettaq il-funzjoni ta’ sorveljanza relatata mal-forniment ta’ parametri referenzjarji mwettqa mill-amministratur fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament u jkun responsabbli lejn l-ESMA. L-ESMA tista’ timponi miżura superviżorja f’konformità mal-Artikolu 48e, jew penali f’konformità mal-Artikolu 48f, fuq l-amministratur jew ir-rappreżentant legali għal ksur elenkat fl-Artikolu 42(1), il-punt (a), jew fir-rigward ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ kooperazzjoni jew konformità f’investigazzjoni jew ma’ spezzjoni jew talba koperta mit-Taqsima 1 tal-Kapitolu 4, kif applikabbli.”

;

(c)

fil-paragrafu 5, l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Amministratur li jinsab f’pajjiż terz li jkollu l-ħsieb li jikseb rikonoxximent kif imsemmi fil-paragrafu 2 għandu japplika għal rikonoxximent mal-ESMA. L-amministratur applikant għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jissodisfa lill-ESMA li jkun stabbilixxa, fiż-żmien tar-rikonoxximent, l-arranġamenti kollha meħtieġa biex jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2 fir-rigward ta’ kwalunkwe parametru referenzjarju tiegħu li jkun sinifikanti skont l-Artikolu 24, li jkun parametru referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta’ Pariġi jew li jkun parametru referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, jew li jkun parametru referenzjarju tal-komoditajiet soġġetti għall-Anness II. Meta jkun applikabbli, l-amministratur applikant għandu jindika l-awtorità kompetenti fil-pajjiż terz responsabbli mis-superviżjoni tiegħu.

Fi żmien 15-il jum tax-xogħol minn meta tasal l-applikazzjoni, l-ESMA għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni hijiex kompluta u għandha tinnotifika lill-applikant kif xieraq. Meta l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-ESMA għandha titlob lill-applikant jissottometti l-informazzjoni nieqsa. Mas-sottomissjoni mill-applikant tal-informazzjoni mitluba, l-ESMA għandha tivvaluta mill-ġdid, fi żmien 15-il jum tax-xogħol minn meta tirċievi l-informazzjoni addizzjonali, jekk l-applikazzjoni hijiex kompluta u għandha tinnotifika lill-applikant kif xieraq.

Fi żmien 90 jum tax-xogħol minn meta tirċievi l-applikazzjoni kompluta, l-ESMA għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 huma ssodisfati.”

;

(19)

l-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   Amministratur li jkun jinsab fl-Unjoni u jkun awtorizzat jew irreġistrat skont l-Artikolu 34, bi rwol ċar u definit sew fil-qafas ta’ kontroll jew responsabbiltà ta’ amministratur li jinsab f’pajjiż terz, li jkun jista’ jimmonitorja b’mod effettiv il-forniment ta’ parametru referenzjarju, jista’ japplika mal-ESMA għall-approvazzjoni ta’ parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji pprovduti f’pajjiż terz għall-użu tagħhom fl-Unjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:”

;

(b)

il-paragrafi 2 u 7 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Amministratur li jissottometti applikazzjoni għall-approvazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jagħti l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jissodisfa lill-ESMA li, fil-ħin tal-applikazzjoni, il-kundizzjonijiet kollha msemmija f’dak il-paragrafu jkunu ġew issodisfati.

3.   Fi żmien 90 jum ta’ xogħol minn meta tasal l-applikazzjoni għal approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha teżamina l-applikazzjoni u tadotta deċiżjoni jew biex tawtorizza l-approvazzjoni jew biex tirrifjutaha. Meta l-ESMA tawtorizza l-approvazzjoni, il-kompetenzi fir-rigward tal-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni, kif applikabbli, tal-amministratur li jkun applika għall-approvazzjoni għandhom jiġu ttrasferiti lill-ESMA fi żmien sitt xhur mill-awtorizzazzjoni tal-approvazzjoni.

4.   Parametru referenzjarju approvat jew familja ta’ parametri referenzjarji approvati għandhom jitqiesu bħala parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji pprovduti mill-amministratur li jagħti l-approvazzjoni. L-amministratur li jagħti l-approvazzjoni ma għandux juża l-approvazzjoni bl-intenzjoni li jevita r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

5.   Amministratur li jkun approva parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji pprovduti f’pajjiż terz għandu jibqa’ kompletament responsabbli għal tali parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji u għall-konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament.

6.   Meta l-ESMA jkollha raġunijiet fondati sew biex tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għadhomx jiġu ssodisfati, din għandu jkollha s-setgħa li titlob lill-amministratur li jagħti l-approvazzjoni biex iwaqqaf l-approvazzjoni. L-Artikolu 28 għandu japplika fil-każ ta’ waqfien tal-approvazzjoni.

7.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 dwar il-miżuri sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li taħthom l-ESMA tista’ tivvaluta jekk hemmx raġuni oġġettiva għall-provvediment ta’ parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji f’pajjiż terz u l-approvazzjoni tagħhom sabiex jintużaw fl-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tqis elementi bħall-ispeċifiċitajiet tas-suq sottostanti jew ir-realtà ekonomika li l-parametru referenzjarju għandu l-ħsieb li jkejjel, il-ħtieġa għall-prossimità tal-forniment tal-parametru referenzjarju għal tali suq jew realtà ekonomika, il-ħtieġa għall-prossimità tal-forniment tal-parametru referenzjarju għall-kontributuri, id-disponibbiltà materjali tad-data ta’ input minħabba żoni tal-ħin differenti u ħiliet speċifiċi meħtieġa fil-forniment tal-parametru referenzjarju.”

;

(20)

l-Artikolu 34 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 1a huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Persuna fiżika jew ġuridika li tinsab fl-Unjoni li taġixxi jew li jkollha l-ħsieb li taġixxi bħala amministratur għandha tapplika mal-awtorità kompetenti ddeżinjata skont l-Artikolu 40 tal-Istat Membru fejn tkun tinsab dik il-persuna jew mal-ESMA fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu sabiex tirċievi:

(a)

awtorizzazzjoni meta tipprovdi jew ikollha l-ħsieb li tipprovdi indiċijiet li jintużaw jew li huma maħsuba biex jintużaw bħala parametri referenzjarji ta’ importanza kritika, bħala parametri referenzjarji sinifikanti, bħala parametri referenzjarji tal-komoditajiet soġġetti għall-Anness II, bħala Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew bħala Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi;

(b)

reġistrazzjoni meta tkun entità taħt superviżjoni, għajr l-amministratur, li tipprovdi jew ikollha l-ħsieb li tipprovdi indiċijiet li jintużaw jew li huma maħsuba biex jintużaw bħala parametri referenzjarji sinifikanti, bħala Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew bħala Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, dment li l-attività tal-forniment ta’ parametru referenzjarju ma tiġix ipprevenuta mid-dixxiplina settorjali li tapplika għall-entità taħt superviżjoni u li l-ebda wieħed mill-indiċijiet ipprovduti ma jikkwalifika bħala parametru referenzjarju ta’ importanza kritika.

1a.   Meta indiċi wieħed jew aktar ipprovduti mill-persuna msemmija fil-paragrafu 1 jikkwalifikaw bħala parametri referenzjarji ta’ importanza kritika kif imsemmi fl-Artikolu 20(1), il-punti (a) u (c), jew jekk il-persuna fl-istess ħin tissottometti applikazzjoni lill-ESMA skont l-Artikolu 33(1) biex tapprova parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji, l-applikazzjoni għandha tiġi indirizzata lill-ESMA.”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir fi żmien 30 jum tax-xogħol minn kwalunkwe ftehim li tagħmel entità taħt superviżjoni biex tuża indiċi pprovdut mill-applikant bħala referenza għal strument finanzjarju jew kuntratt finanzjarju jew biex titkejjel il-prestazzjoni ta’ fond ta’ investiment, jew fil-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 24a(2) u (3), kif applikabbli.”

;

(21)

fl-Artikolu 36, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (a) sa (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

l-identitajiet, inkluż, fejn disponibbli, l-identifikatur ta’ entità ġuridika (LEI), tal-amministraturi awtorizzati jew irreġistrati skont l-Artikolu 34 u, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tagħhom;

(b)

l-identitajiet, inklużi, fejn disponibbli, il-LEI ta’ amministraturi li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30(1), il-lista ta’ parametri referenzjarji inklużi, fejn disponibbli, in-Numri Internazzjonali għall-Identifikazzjoni tat-Titoli (ISINs) tagħhom, imsemmija fl-Artikolu 30(1), il-punt (c), u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz responsabbli għas-superviżjoni tagħhom;

(c)

l-identitajiet, inklużi, fejn disponibbli, il-LEI tal-amministraturi li jkunu akkwistaw ir-rikonoxximent f’konformità mal-Artikolu 32, il-lista ta’ parametri referenzjarji, inklużi, fejn disponibbli, l-ISINs tagħhom, provduti minn dawk l-amministraturi li jistgħu jintużaw fl-Unjoni u, fejn applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz responsabbli għas-superviżjoni tagħhom;

(d)

il-parametri referenzjarji, inklużi, fejn disponibbli, l-ISINs tagħhom, li huma approvati f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 33, l-identitajiet tal-amministraturi tagħhom, u l-identitajiet, inkluż, fejn disponibbli, il-LEI, tal-amministraturi li jagħtu l-approvazzjoni;”

;

(b)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(e)

il-parametri referenzjarji, inklużi, fejn disponibbli, l-ISINs tagħhom, soġġetti għal dikjarazzjoni ppubblikata mill-ESMA jew minn awtorità kompetenti skont l-Artikolu 24(2), u iperlinks għal tali dikjarazzjonijiet;

(f)

il-parametri referenzjarji, inklużi, fejn disponibbli, l-ISINs tagħhom, soġġetti għal deżinjazzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti nnotifikati lill-ESMA skont l-Artikolu 24(3) jew (7), u iperlinks għal tali deżinjazzjonijiet;

(g)

il-parametri referenzjarji, inklużi, fejn disponibbli, l-ISINs tagħhom, soġġetti għal deżinjazzjonijiet mill-ESMA, u iperlinks għal tali deżinjazzjonijiet;

(h)

il-parametri referenzjarji, inklużi, fejn disponibbli, l-ISINs tagħhom, soġġetti għal avviżi pubbliċi maħruġa mill-ESMA u mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 24a(6), u l-iperlinks għal tali avviżi pubbliċi;

(i)

il-lista ta’ Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, inklużi, fejn disponibbli, l-ISINs tagħhom, disponibbli għall-użu fl-Unjoni;

(j)

il-lista ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika, inklużi, fejn disponibbli, l-ISINs tagħhom;

(k)

il-lista ta’ parametri referenzjarji tal-komoditajiet soġġetti għall-Anness II disponibbli għall-użu fl-Unjoni, inklużi, fejn disponibbli, l-ISINs tagħhom.”

;

(22)

fl-Artikolu 40(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

amministraturi li jagħtu l-approvazzjoni għal parametri referenzjarji pprovduti f’pajjiż terz f’konformità mal-Artikolu 33.”

;

(23)

fl-Artikolu 41(1), jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(k)

jiddeżinjaw parametru referenzjarju bħala sinifikanti skont l-Artikolu 24(3);

(l)

fil-każ ta’ raġunijiet raġonevoli biex wieħed jissuspetta ksur ta’ kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu 3 A tat-Titolu III, jirrikjedu li amministratur jieqaf, għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar biex:

(i)

jipprovdi Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi;

(ii)

juża t-termini Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi fl-ismijiet tal-parametri referenzjarji li jagħmel disponibbli għall-użu fl-Unjoni, jew fid-dokumentazzjoni legali jew tal-kummerċjalizzazzjoni għal dawk il-parametri referenzjarji;

(iii)

jissuġġerixxi konformità mar-rekwiżiti applikabbli għall-forniment ta’ tali parametri referenzjarji f’isem il-parametri referenzjarji li jagħmel disponibbli għall-użu fl-Unjoni, jew fid-dokumentazzjoni legali jew tal-kummerċjalizzazzjoni għal dawk il-parametri referenzjarji.”

;

(24)

l-Artikolu 42 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (a), ir-referenza “24a” tiddaħħal bejn ir-referenzi “24” u “25”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

fil-punt (g) (i), ir-referenza “24a” tiddaħħal bejn ir-referenzi “24” u “25”;

(ii)

fil-punt (h) (i), ir-referenza “24a” tiddaħħal bejn ir-referenzi “24” u “25”;

(25)

fl-Artikolu 48f(1), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fejn, f’konformità mal-Artikolu 48i(5), l-ESMA ssib li kwalunkwe persuna wettqet, intenzjonalment jew b’mod negliġenti, wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 42(1), il-punt (a), jew kwalunkwe nuqqas ta’ kooperazzjoni f’investigazzjoni jew fi spezzjoni jew f’talba koperta mit-Taqsima 1 ta’ dan il-Kapitolu jew kwalunkwe nuqqas ta’ konformità magħhom, hija għandha tadotta deċiżjoni li timponi multa f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.”

;

(26)

l-Artikolu 48i huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   Fejn, fit-twettiq ta’ dmirijietha skont dan ir-Regolament, l-ESMA ssib li jkun hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 42(1), il-punt (a), jew ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni jew konformità f’investigazzjoni jew ma’ spezzjoni jew talba koperta mit-Taqsima 1 tal-Kapitolu 4, l-ESMA għandha taħtar uffiċjal indipendenti tal-investigazzjoni fi ħdan l-ESMA sabiex jinvestiga l-kwistjoni.;”

(b)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Abbażi tal-fajl li jkun fih is-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni u, meta tintalab mill-persuni kkonċernati, wara li tkun semgħet lil dawk il-persuni f’konformità mal-Artikolu 48j, l-ESMA għandha tiddeċiedi jekk wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Artikolu 42(1), il-punt (a), jew nuqqas ta’ kooperazzjoni jew konformità f’investigazzjoni jew ma’ spezzjoni jew talba koperti mit-Taqsima 1 tal-Kapitolu 4, ikunx twettaq mill-persuni soġġetti għall-investigazzjoni u, f’tali każ, għandha tieħu miżura superviżorja f’konformità mal-Artikolu 48e u timponi multa f’konformità mal-Artikolu 48f, kif applikabbli.”

;

(27)

l-Artikolu 48n huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 48n

Miżuri tranżitorji relatati mal-ESMA

1.   Il-kompetenzi u d-dmirijiet kollha relatati mal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fir-rigward tal-amministraturi kif imsemmi fl-Artikolu 40(1), il-punti (a) u (b), li jingħataw lill-awtoritajiet kompetenti kif imsemmi fl-Artikolu 40(2) għandhom jintemmu fl-1 ta’ Jannar 2022. Dawk il-kompetenzi u d-dmirijiet għandhom jittieħdu mill-ESMA fl-istess data.

1a.   Il-kompetenzi u d-dmirijiet kollha relatati mal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fir-rigward tal-amministraturi li jagħtu l-approvazzjoni għal parametri referenzjarji pprovduti f’pajjiż terz kif imsemmi fl-Artikolu 40(1), il-punt (c), li jingħataw lill-awtoritajiet kompetenti kif imsemmi fl-Artikolu 40(2) għandhom jintemmu fl-1 ta’ Jannar 2026. Dawk il-kompetenzi u d-dmirijiet għandhom jittieħdu mill-ESMA fl-istess data.

2.   Kwalunkwe fajl jew dokument ta’ ħidma relatat mal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fir-rigward tal-amministraturi kif imsemmi fl-Artikolu 40(1), il-punti (a) u (b), inklużi kwalunkwe eżamijiet u azzjonijiet ta’ infurzar li jkunu għaddejjin, jew kopji ċċertifikati tagħhom, għandhom jgħaddu f’idejn l-ESMA fid-data msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Madankollu, l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni minn amministraturi ta’ parametru referenzjarju ta’ importanza kritika msemmi fl-Artikolu 20(1), il-punti (a) u (c), u l-applikazzjonijiet għal rikonoxximent skont l-Artikolu 32 li jkunu waslu għand l-awtoritajiet kompetenti qabel l-1 ta’ Ottubru 2021 ma għandhomx jiġu ttrasferiti lill-ESMA, u d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni jew rikonoxximent għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti rilevanti.

2a.   Kwalunkwe fajl jew dokument ta’ ħidma relatat mal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fir-rigward tal-amministraturi li jagħtu l-approvazzjoni għal parametri referenzjarji pprovduti f’pajjiż terz kif imsemmi fl-Artikolu 40(1), il-punt (c), inklużi kwalunkwe eżamijiet u azzjonijiet ta’ infurzar li jkunu għaddejjin, jew kopji ċċertifikati tagħhom, għandhom jgħaddu f’idejn l-ESMA fid-data msemmija fil-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu.

Madankollu, applikazzjonijiet għall-approvazzjoni li jkunu waslu għand l-awtoritajiet kompetenti qabel l-1 ta’ Ottubru 2025 ma għandhomx jiġu ttrasferiti lill-ESMA, u d-deċiżjoni li tawtorizza jew tapprova għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti rilevanti.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe rekord u dokument ta’ ħidma eżistenti, jew kopji ċċertifikati tagħhom fir-rigward tal-amministraturi kif imsemmi fl-Artikolu 40(1), il-punti (a) u (b), għandhom jiġu ttrasferiti lill-ESMA mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ sal-1 ta’ Jannar 2022. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu wkoll l-għajnuna u l-pariri kollha meħtieġa lill-ESMA sabiex jiġu ffaċilitati kemm it-trasferiment effettiv u effiċjenti kif ukoll il-bidu tal-eżerċizzju tal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fir-rigward tal-amministraturi kif imsemmi fl-Artikolu 40(1), il-punti (a) u (b).

3a.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe rekord u dokument ta’ ħidma eżistenti, jew kopji ċċertifikati tagħhom fir-rigward tal-amministraturi kif imsemmi fl-Artikolu 40(1), il-punt (c), għandhom jiġu ttrasferiti lill-ESMA mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ sal-1 ta’ Jannar 2026. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu wkoll l-għajnuna u l-pariri kollha meħtieġa lill-ESMA sabiex jiġu ffaċilitati kemm it-trasferiment effettiv u effiċjenti kif ukoll il-bidu tal-eżerċizzju tal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fir-rigward tal-amministraturi kif imsemmi fl-Artikolu 40(1), il-punt (c).

4.   L-ESMA għandha taġixxi bħala s-suċċessur legali tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafi 1 u 1a fi kwalunkwe proċediment amministrattiv jew ġudizzjarju li jirriżulta minn attività ta’ superviżjoni u infurzar eżerċitata minn dawk l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

5.   Kwalunkwe awtorizzazzjoni ta’ amministraturi ta’ parametru referenzjarju ta’ importanza kritika kif imsemmi fl-Artikolu 20(1), il-punti (a) u (c), ir-rikonoxximent f’konformità mal-Artikolu 32 u kwalunkwe awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni ta’ amministratur li jagħti l-approvazzjoni jew jipprevedi li japprova parametri referenzjarji pprovduti f’pajjiż terz mogħtija minn awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jibqgħu validi wara t-trasferiment tal-kompetenzi lill-ESMA.”

;

(28)

l-Artikolu 49 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel sentenza, ir-referenza “24(2)” hija sostitwita bi “24(9)”;

(ii)

fl-ewwel sentenza, id-data “10 ta’ Diċembru 2019” hija sostitwita bid-data “30 ta’ Ġunju 2024”;

(iii)

fit-tieni sentenza, id-data “11 ta’ Marzu 2024” hija sostitwita bid-data “31 ta’ Diċembru 2029”;

(b)

fil-paragrafu 2b, it-termini “Artikolu 18a(3) u 54(7)” jiġu ssotitwiti b’“Artikolu 54(7)”;

(c)

fil-paragrafu 3, l-ewwel sentenza, ir-referenza “24(2)” hija sostitwita bi “24(9)”;

(d)

fil-paragrafu 3a, l-ewwel sentenza, it-termini “Artikoli 18a(3) u 54(7)” jiġu ssotitwiti b’“Artikolu 54(7)”;

(e)

fil-paragrafu 6, l-ewwel sentenza, ir-referenza “24(2)” hija sostitwita bi “24(9)”;

(f)

fil-paragrafu 6a, it-termini “Artikoli 18a(3) jew 54(7)” jiġu ssotitwiti b’“Artikolu 54(7)”.

(29)

l-Artikolu 51 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4c.   Meta l-awtoritajiet kompetenti jew l-ESMA jkollhom l-intenzjoni li jeddeżinjaw bħala sinifikanti parametru referenzjarju pprovdut minn amministratur li kien inkluż fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 36 fil-31 ta’ Diċembru 2025 jew meta l-ESMA jkollha l-ħsieb li tiddeżinja bħala sinifikanti parametru referenzjarju li ġie inkluż fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 36 fil-31 ta’ Diċembru 2025, l-awtoritajiet kompetenti jew l-ESMA, kif applikabbli, għandhom jagħmlu dan sat-30 ta’ Settembru 2026.

L-amministraturi ta’ parametri referenzjarji li fil-31 ta’ Diċembru 2025 kienu inklużi fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 36 kif awtorizzati, irreġistrati jew rikonoxxuti, jew bħala amministraturi li jagħtu l-approvazzjoni, għandhom iżommu dak l-istatus sat-30 ta’ Settembru 2026 u:

(a)

meta wieħed jew aktar mill-parametri referenzjarji tagħhom ikunu sinifikanti skont l-Artikolu 24(1), il-punt (a), dawk l-amministraturi ma għandhomx ikunu obbligati jerġgħu japplikaw għal awtorizzazzjoni, reġistrazzjoni, rikonoxximent jew approvazzjoni skont l-Artikolu 24a(1);

(b)

meta wieħed jew aktar mill-parametri referenzjarji tagħhom ikunu Parametru Referenzjarju tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, jew parametru referenzjarju tal-komoditajiet soġġetti għall-Anness II, dawk l-amministraturi ma għandhomx ikunu obbligati jerġgħu japplikaw għal awtorizzazzjoni, reġistrazzjoni, rikonoxximent jew approvazzjoni skont l-Artikolu 34;

(c)

meta wieħed jew aktar mill-parametri referenzjarji tagħhom jiġu ddeżinjati bħala sinifikanti skont l-Artikolu 24(3) jew (6) fit-30 ta’ Settembru 2026 jew qabel, dawk l-amministraturi ma għandhomx ikunu obbligati jerġgħu japplikaw għal awtorizzazzjoni, reġistrazzjoni, rikonoxximent jew approvazzjoni skont l-Artikolu 24a(2) jew (3), kif applikabbli;

(d)

meta l-ebda wieħed mill-parametri referenzjarji tagħhom ma jkun sinifikanti skont l-Artikolu 24 fit-30 ta’ Settembru 2026, Parametru Referenzjarju tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, jew parametru referenzjarju tal-komoditajiet soġġetti għall-Anness II, u dawk l-amministraturi jitolbu deżinjazzjoni ta’ wieħed jew aktar mill-parametri referenzjarji tagħhom bħala sinifikanti skont l-Artikolu 24(7) sal-1 ta’ Jannar 2027, dawk l-amministraturi ma għandhomx ikunu obbligati jerġgħu japplikaw għal awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni meta dik it-talba twassal għal deżinjazzjoni.

Parametru referenzjarju tal-kambju spot fornut minn amministratur li jinsab f’pajjiż terz jista’ jintuża għal strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji eżistenti u ġodda, jew għall-kejl tal-prestazzjoni ta’ fond ta’ investiment sad-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 18a(3).”

;

(b)

fil-paragrafu 5, jiżdied is-subparagrafu li jmiss:

“Fejn ESMA tkun irċeviet, sal-31 ta’ Diċembru 2025, applikazzjoni għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 32(5) minn amministratur li jinsab f’pajjiż terz li jipprovdi Parametru Referenzjarju tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, jew parametru referenzjarju tal-komoditajiet soġġetti għall-Anness II, jew applikazzjoni għall-approvazzjoni skont l-Artikolu 33(1) għall-Parametru Referenzjarju tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew parametru referenzjarju tal-komoditajiet soġġetti għall-Anness II provduti mill-amministratur li jinsab f’pajjiż terz, il-parametru referenzjarju kkonċernat jista’ jintuża għal strumenti finanzjarji eżistenti u ġodda u għal kuntratti finanzjarji, sakemm u sa meta r-rikonoxximent jew l-approvazzjoni tal-amministratur tiegħu ma jiġux irrifjutati mill-ESMA.”

;

(30)

fl-Artikolu 53, jitħassar il-paragrafu 1;

(31)

fl-Artikolu 54, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“8.   Sat-30 ta’ Ġunju 2029, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-ESMA, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-parametri referenzjarji bi pretensjonijiet relatati mal-ESG, u b’mod partikolari d-divulgazzjonijiet ESG minn amministraturi ta’ dawk il-parametri referenzjarji, huwiex xieraq. F’dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis id-disponibbiltà fl-Unjoni ta’ parametri referenzjarji bi pretensjonijiet relatati mal-ESG u l-adozzjoni tagħhom filwaqt li tqis, fejn possibbli, il-kost ta’ dawk il-parametri referenzjarji u n-natura li qed tevolvi tal-indikaturi u l-metodi ESG użati biex jitkejlu. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll valutazzjoni dwar jekk il-kontenut tad-divulgazzjonijiet li għandhom isiru skont dan ir-Regolament huwiex konsistenti mad-divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà skont ir-Regolament (UE) 2019/2088 u mal-linji gwida rilevanti tal-ESMA. Dak ir-rapport għandu, fejn xieraq, ikun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-7 ta’ Mejju 2025.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

A. SZŁAPKA


(1)  L-Opinjoni tal-14 ta’ Frar 2024 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ April 2024 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-24 ta’ Marzu 2025 għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Mejju 2025 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1011/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li jistabbilixxi punt ta’ aċċess uniku Ewropew li jipprovdi aċċess ċentralizzat għal informazzjoni disponibbli pubblikament ta’ rilevanza għas-servizzi finanzjarji, is-swieq kapitali u s-sostenibbiltà (ĠU L, 2023/2859, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2859/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2019/2089 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward ta’ Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, ta’ Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi u ta’ divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà għall-parametri referenzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/2089/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/2088/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/914/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)