European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/904

14.5.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/904

tat-13 ta’ Mejju 2025

li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK (1).

(2)

Il-Kunsill evalwa li teżisti relazzjoni ta' benefiċċju u appoġġ reċiproċi bejn il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja. B'mod partikolari, il-Gvern tal-Federazzjoni Russa sistematikament ippermetta lil negozjanti prominenti Russi jakkumulaw il-ġid tagħhom permezz tal-isfruttament ta' riżorsi naturali u riżorsi pubbliċi oħra. F'dak il-kuntest, l-appoġġ politiku u l-aċċess privileġġat għar-riżorsi tal-istat ingħataw lil negozjanti ewlenin, bi tpattija għal-lealtà tagħhom u l-allinjament mill-qrib tal-azzjonijiet tagħhom mal-interessi tar-reġim, u kienu kruċjali għas-suċċess ekonomiku tagħhom. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill kontra ċerti negozjanti ewlenin kienu, fost l-oħrajn, ibbażati fuq evalwazzjoni tal-importanza tal-attivitajiet tagħhom għall-ekonomija Russa u fid-dawl tal-istatus soċjoekonomiku tagħhom, kif osservat tal-elenkar inizjali.

(3)

Il-Kunsill evalwa li n-negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja baqgħu jibbenefikaw mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, u viċi versa, mindu ġew imposti miżuri restrittivi mill-Unjoni b'reazzjoni għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Tali benefiċċju jinkiseb, b'mod partikolari, permezz ta' deċiżjonijiet mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa mmirati biex itaffu l-impatt tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni kontra individwi u entitajiet elenkati. Tali deċiżjonijiet jinkludu leġiżlazzjoni li tippermetti tali individwi u entitajiet jostru l-istrutturi tas-sjieda rilevanti, biex effettivament jipproteġu l-assi u l-interessi tagħhom, u dan ikompli juri relazzjoni sostnuta ta' interdipendenza bejn in-negozjanti ewlenin u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Barra minn hekk, l-aċċess għar-reġistri korporattivi sar dejjem aktar ristrett, b'mod li jillimita l-possibbiltà li tinkiseb informazzjoni affidabbli dwar azjendi u attivitajiet kummerċjali fir-Russja. Fin-nuqqas ta' setgħat investigattivi fir-Russja, l-evalwazzjoni mill-awtoritajiet tal-Unjoni tiddependi fuq sorsi ta' informazzjoni disponibbli pubblikament. F'dawk iċ-ċirkustanzi partikolari, il-Kunsill osserva diffikultajiet dejjem akbar biex tinkiseb evidenza speċifika u informazzjoni oġġettiva dwar l-importanza ekonomika, l-assi kapitali, l-attivitajiet kummerċjali jew is-sitwazzjoni professjonali u soċjoekonomika ta' persuni identifikati bħala negozjanti ewlenin mill-Kunsill minn Frar 2022. F'każijiet fejn il-leġiżlazzjoni Russa tippermetti s-soppressjoni jew il-ħabi ta’ informazzjoni li tinsab fir-reġistri jew fil-bażijiet tad-data pubbliċi nazzjonali, jew ir-reġistrazzjoni ta' informazzjoni falza jew qarrieqa fihom, huwa xieraq li l-aħħar informazzjoni disponibbli li tmur lura għal qabel l-24 ta' Frar 2022 titqies preċiża dment li ma tkunx disponibbli informazzjoni aktar reċenti u affidabbli.

(4)

Il-Kunsill osserva wkoll li ċerti negozjanti ewlenin kienu involuti fi prattika sistematika li jittrasferixxu ishma jew li jirriżenjaw minn funzjonijiet ewlenin, spiss sabiex jaħbu l-assi tagħhom jew biex jevitaw il-miżuri restrittivi tal-Unjoni filwaqt li jżommu kontroll fuq ir-riżorsi għad-dispożizzjoni tagħhom. Għalhekk, il-Kunsill iqis li persuni li pparteċipaw fi jew li ffaċilitaw it-trasferimenti ta' sjieda, kontroll jew benefiċċju ekonomiku tal-interessi kummerċjali ta' negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja jenħtieġ li jiġu ddeżinjati wkoll bħala persuni elenkati kif xieraq, kemm sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ tfixkil tal-miżuri restrittivi kif ukoll biex tiżdied il-pressjoni fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa biex tintemm il-gwerra ta' aggressjoni tiegħu kontra l-Ukrajna.

(5)

Barra minn hekk, huwa xieraq ukoll li jiġi preżunt li l-modifiki għall-istrutturi ta' sjieda li jikkonċernaw lil, jew għall-pożizzjonijiet ta', negozjanti ewlenin wara d-deżinjazzjoni inizjali tagħhom ma jaffettwawx is-sitwazzjoni soċjoekonomika tagħhom, kif muri fiż-żmien tad-deżinjazzjoni inizjali. Huwa xieraq ukoll li jiġi preżunt li t-trasferimenti li seħħew fl-24 ta' Frar 2022 jew wara din id-data li jinvolvu, direttament jew indirettament, negozjanti ewlenin iffaċilitaw l-oskurament tal-interessi tas-sjieda jew tal-kontroll u b'hekk ifixklu b'mod sinifikanti l-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

(6)

Għalhekk huwa ġġustifikat li tinżamm id-deżinjazzjoni bħala persuni elenkati ta' negozjanti ewlenin skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(1), il-punt (e), u l-Artikolu 2(1), il-punt (g), tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK, sakemm l-asserzjonijiet li jikkonċernaw trasferimenti ta' ishma, riżenji minn funzjonijiet jew azzjonijiet simili ma jkunux appoġġati minn informazzjoni reċenti u affidabbli li jistgħu raġonevolment jiġu kkunsidrati bħala suffiċjenti biex jitqies li s-sitwazzjoni tal-persuni elenkati kkonċernati nbidlet b'mod rilevanti, u b'hekk jintwera li tali persuni ma għadhomx jissodisfaw il-kriterji rilevanti. Tali tibdil fis-sitwazzjoni jista’ jkun, per eżempju, li l-persuni kkonċernati jistgħu ma jibqux jitqiesu importanti u influwenti fid-dawl, b’mod partikolari, tal-istatus professjonali tagħhom, tal-importanza tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, tal-qies tal-assi kapitali jew tal-funzjonijiet tagħhom f’impriża waħda jew aktar jew f’assoċjazzjoni ta’ negozju waħda jew aktar li fihom iwettqu dawk l-attivitajiet. Il-Kunsill jenħtieġ li jqis ukoll, kif xieraq, jekk il-persuna kkonċernata tkunx ikkundannat mingħajr ambigwità l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li tikkostitwixxi ksur ċar tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u azzjonijiet u politiki li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/145/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/145/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(1) jiżdied il-punt li ġej:

“(j)

persuni fiżiċi li pparteċipaw fi jew li ffaċilitaw it-trasferimenti tas-sjieda, tal-kontroll jew tal-benefiċċju ekonomiku tal-interessi kummerċjali ta' negozjanti ewlenin li huma soġġetti għal miżuri restrittivi tal-Unjoni skont il-kriterju stabbilit fil-punt (e) ta’ dan il-paragrafu u elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, b’hekk ifixklu b’mod sinifikanti dawk il-miżuri, bl-eċċezzjoni ta' trasferimenti permessi espressament skont id-derogi u l-eżenzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni, fid-Deċiżjoni 2014/512/PESK, jew fir-Regolament (UE) Nru 269/2014 jew (UE) Nru 833/2014,”

;

(2)

fl-Artikolu 2(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(m)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li pparteċipaw fi jew li ffaċilitaw it-trasferimenti tas-sjieda, tal-kontroll jew tal-benefiċċju ekonomiku tal-interessi kummerċjali ta' negozjanti ewlenin li huma soġġetti għal miżuri restrittivi tal-Unjoni skont il-kriterju stabbilit fil-punt (g) ta’ dan il-paragrafu u elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, bl-eċċezzjoni ta' trasferimenti permessi espressament skont id-derogi u l-eżenzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni, fid-Deċiżjoni 2014/512/PESK, jew fir-Regolament (UE) Nru 269/2014 jew (UE) Nru 833/2014,”

;

(3)

jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 2b

In-negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja elenkati fl-Anness skont l-Artikolu 1(1), il-punt (e), u l-Artikolu 2(1), il-punt (g), li jistqarru li ttrasferew is-sjieda, il-kontroll jew il-benefiċċju ekonomiku tal-interessi kummerċjali tagħhom fl-24 ta' Frar 2022, jew wara dik id-data, għandhom ikomplu jitqiesu bħala negozjanti ewlenin u jinżammu fil-lista stabbilita fl-Anness, sakemm ma jkunx hemm informazzjoni suffiċjenti, reċenti u affidabbli li turi li ma għadhomx jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(1), il-punt (e), u fl-Artikolu 2(1), il-punt (g).”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/145(1)/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/904/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)